This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02013D0114-20130306
Commission Decision of 1 March 2013 establishing the guidelines for Member States on calculating renewable energy from heat pumps from different heat pump technologies pursuant to Article 5 of Directive 2009/28/EC of the European Parliament and of the Council (notified under document C(2013) 1082) (Text with EEA relevance) (2013/114/EU)
Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 1 ta’ Marzu 2013 li tistabbilixxi linji gwida għall-Istati Membri għall-kalkolu tal-enerġija rinnovabbli minn pompi tas-sħana ta’ teknoloġiji differenti ta’ pompi tas-sħana skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2013) 1082) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (2013/114/UE)
Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 1 ta’ Marzu 2013 li tistabbilixxi linji gwida għall-Istati Membri għall-kalkolu tal-enerġija rinnovabbli minn pompi tas-sħana ta’ teknoloġiji differenti ta’ pompi tas-sħana skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2013) 1082) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (2013/114/UE)
2013D0114 — MT — 06.03.2013 — 000.003
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI tal-1 ta’ Marzu 2013 li tistabbilixxi linji gwida għall-Istati Membri għall-kalkolu tal-enerġija rinnovabbli minn pompi tas-sħana ta’ teknoloġiji differenti ta’ pompi tas-sħana skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2013) 1082) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 062, 6.3.2013, p.27) |
Ikkoreġut b'
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-1 ta’ Marzu 2013
li tistabbilixxi linji gwida għall-Istati Membri għall-kalkolu tal-enerġija rinnovabbli minn pompi tas-sħana ta’ teknoloġiji differenti ta’ pompi tas-sħana skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument numru C(2013) 1082)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2013/114/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) flimkien mal-Anness VII tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2009/28/KE tistabbilixxi mira għall-UE li sal-2020 jintlaħaq sehem ta’ 20 % ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum gross finali tal-enerġija, u tinkludi miri nazzjonali għall-enerġija rinnovabbli għal kull Stat Membru kif ukoll trajettorja indikattiva minima. |
(2) |
Hija meħtieġa metodoloġija xierqa ta’ statistika dwar l-enerġija biex jitkejjel il-konsum ta’ enerġija rinnovabbli. |
(3) |
L-Anness VII tad-Direttiva 2009/28/KE jistabbilixxi r-regoli għall-kalkolu tal-enerġija mill-pompi tas-sħana u jirrikjedi li l-Kummissjoni tistabbilixxi linji gwida għall-Istati Membri biex jistmaw il-parametri neċessarji, fejn jitqiesu d-differenzi fil-kondizzjonijet klimatiċi, b’mod partikolari tal-klimi kesħin ħafna. |
(4) |
Il-metodu li jintuża għall-kalkolu tal-enerġija rinnovabbli mill-pompi tas-sħana għandu jkun imsejjes fuq l-aqwa metodi xjentifiċi disponibbli, u għandu jkun preċiż kemm jista’ jkun bla ma jkun kumplikat iżżejjed jew jiswa wisq biex jiġi implimentat. |
(5) |
L-arja ambjentali, jiġifieri l-arja ta’ barra, biss tista’ tintuża bħala s-sors tal-enerġija għal pompi tas-sħana tal-arja. Madankollu, f’każ li s-sors tal-enerġija jkun taħlita ta’ enerġija mill-iskart u enerġija mill-ambjent (eż., arja tal-egżost minn unitajiet li jiċċirkolaw l-arja), dan għandu jitqies fil-metodu għall-kalkolu tal-enerġija rinnovabbli li jingħata. |
(6) |
F’kundizzjonijiet klimatiċi isħan, il-pompi tas-sħana riversibbli spiss jiġu installati bl-iskop li jkessħu l-ambjent ta’ ġewwa, għalkemm jistgħu jintużaw ukoll għat-tisħin fix-xhur tax-xitwa. Dawn il-pompi tas-sħana jistgħu jiġu installati wkoll b’mod parallel ma’ sistemi tat-tisħin eżistenti. F’dawn is-sitwazzjonijiet, il-kapaċità installata tindika d-domanda tat-tkessiħ u mhux it-tisħin ipprovdut. Peress li, f’dawn il-linji gwida, il-kapaċità installata tintuża bħala indikatur tad-domanda tat-tisħin, dan jimplika li l-ammont tat-tisħin provdut fl-istatistika tal-kapaċità installata jkun ogħla minn dak reali. Dan għandu jiġi aġġustat kif xieraq. |
(7) |
Dawn il-linji gwida jippermettu lill-Istati Membri jqisu u jikkalkulaw l-enerġija rinnovabbli provduta mit-teknoloġiji ta’ pompi tas-sħana. B’mod partikolari, jistabbilixxu l-mod li bih l-Istati Membri għandhom jikkalkulaw iż-żewġ parametri, Qusable u l-“fattur tal-prestazzjoni staġonali” (SFP), fejn jitqiesu d-differenzi fil-kondizzjonijet klimatiċi, b’mod partikolari tal-klimi kesħin ħafna. |
(8) |
Huwa xieraq li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu l-kalkoli u l-investigazzjonijiet tagħhom stess sabiex itejbu l-preċiżjoni tal-istatistiċi nazzjonali aktar milli jista’ jsir bil-metodoloġija stabbilita f’din id-deċiżjoni. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-linji gwida għall-kalkolu tal-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli minn teknoloġiji differenti ta’ pompi tas-sħana kif meħtieġ mill-Anness VII tad-Direttiva 2009/28/KE huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-linji gwida jistgħu jiġu riveduti u kumplimentati mill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2016, f’każ li dan ikun meħtieġ minħabba l-progress tal-istatistika, tekniku jew xjentifiku.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
ANNESS
Linji gwida għall-Istati Membri għall-kalkolu tal-enerġija rinnovabbli minn pompi tas-sħana ta’ teknoloġiji differenti ta’ pompi tas-sħana skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/28/KE
1. INTRODUZZJONI
L-Anness VII tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 2009/28/KE (id-Direttiva) jistabbilixxi l-metodu bażiku għall-kalkolu tal-enerġija rinnovabbli provduta mill-pompi tas-sħana. L-Anness VII jistabbilixxi tliet parametri li huma meħtieġa għall-kalkolu tal-enerġija rinnovabbli mill-pompi tas-sħana li għandu jitqies għall-finijiet tal-enerġija rinnovabbli;
(a) l-effiċjenza tas-sistema tal-enerġija (η jew eta);
(b) is-sħana totali utilizzabbli stmata provduta mill-pompi tas-sħana (Qusable);
(c) il-“fattur tal-prestazzjoni staġonali” (SFP).
Il-qbil dwar il-metodoloġija li għandha tintuża għall-kalkolu tal-effiċjenza tas-sistema tal-enerġija (η) sar fil-“Grupp ta’ Ħidma dwar l-Istatistika tal-Enerġija Rinnovabbli” (Renewable Energy Statistics Working Party) tat-23 ta’ Ottubru 2009 ( 2 ). Id-dejta meħtieġa għall-kalkolu tal-effiċjenza tas-sistema tal-enerġija hija koperta bir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija ( 3 ). L-effiċjenza tas-sistema tal-enerġija (η) hija stabbilita bħala 0,455 (jew 45,5 %), abbażi tal-aktar dejta riċenti għall-2010 ( 4 ), li huwa l-valur li għandu jintuża sal-2020.
Għalhekk, dawn il-linji gwida jistabbilixxu l-mod li bih l-Istati Membri għandhom jikkalkulaw iż-żewġ parametri l-oħra, Qusable u l-“fattur tal-prestazzjoni staġonali” (SFP), fejn jitqiesu d-differenzi fil-kondizzjonijet klimatiċi, b’mod partikolari tal-klimi kesħin ħafna. B’dawn il-linji gwida, l-Istati Membri jistgħu jikkalkulaw l-ammont ta’ enerġija rinnovabbli provduta mit-teknoloġiji ta’ pompi tas-sħana.
2. DEFINIZZJONIJIET
Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw:
‘Qusable’ tfisser is-sħana utilizzabbli totali stmata provduta mill-pompi tas-sħana, ikkalkulata bħala l-prodott matematiku tal-kapaċità nominali għat-tisħin (Prated) u s-sigħat ekwivalenti annwali tal-pompa tas-sħana (HHP), f’GWh;
“sigħat ekwivalenti annwali tal-pompa tas-sħana” (HHP) tfisser l-għadd ta’ sigħat annwali previst li pompa tas-sħana jkollha tipprovdi s-sħana bil-kapaċità nominali biex tagħti s-sħana utilizzabbli totali provduta minn pompi tas-sħana, f’sigħat (h);
“kapaċità nominali” (Prated) tfisser il-kapaċità tat-tkessiħ, jew tat-tisħin, taċ-ċiklu tal-kompressjoni tal-fwar, jew taċ-ċiklu ta’ assorbiment, tal-unità b’kundizzjonijiet nominali standard;
“SFP” għandha tfisser il-fattur tal-prestazzjoni staġonali medju stmat, li jirreferi għall-“koeffiċjent tal-prestazzjoni staġonali nett” (SCOPnet) għall-pompi tas-sħana mħaddma bl-elettriku, jew għall-“proporzjon tal-enerġija primarja staġonali nett fil-modalità Attiv” (SPERnet) għall-pompi tas-sħana li jaħdmu bl-enerġija termika.
3. IL-KALKOLU TAL-FATTUR SPF U TA’ QUSABLE
3.1. il-Prinċipji tal-Metodoloġija
Il-metodoloġija ssegwi tliet prinċipji ewlenin:
(a) il-metodoloġija għandha tkun valida mil-lat tekniku,
(b) l-approċċ li jintuża għandu jkun prammatiku, u jżomm bilanċ bejn il-preċiżjoni u l-kosteffettività,
(c) il-fatturi predefiniti li jintużaw biex jiġi stabbilit il-kontribut ta’ enerġija rinnovabbli mill-pompi tas-sħana għandhom jingħataw valur konservattiv biex jitnaqqas ir-riskju li dan il-kontribut ta’ enerġija rinnovabbli mill-pompi tas-sħana jiġi stmat ogħla milli hu.
L-Istati Membri huma mħeġġa jtejbu l-valuri konservattivi predefiniti billi jadattawhom għaċ-ċirkustanzi lokali/reġjonali, u jinkludu l-iżvilupp ta’ metodoloġiji aktar preċiżi. Dan it-titjib għandu jiġi rrapportat lill-Kummissjoni u ppubblikat.
3.2. Deskrizzjoni tal-metodoloġija
Skont l-Anness VII tad-Direttiva, l-ammont tal-enerġija rinnovabbli provduta mit-teknoloġiji ta’ pompi tas-sħana (ERES) għandu jiġi kkalkulat permezz ta’ din il-formula:
Fejn:
Qusable |
= |
is-sħana utilizzabbli totali stmata provduta mill-pompi tas-sħana [GWh]; |
HHP |
= |
sigħat ekwivalenti ta’ tħaddim b’tagħbija sħiħa [h]; |
Prated |
= |
kapaċità installata tal-pompi tas-sħana, fejn jitqies it-tul tal-ħajja tat-tipi differenti ta’ pompi tas-sħana |
SPF |
= |
il-fattur tal-prestazzjoni staġonali medju stmat (SCOPnet jew SPERnet); |
Il-valuri predeterminati għal HHP u l-valuri konservattivi predefiniti għal SPF huma indikati fit-tabella 1 u t-tabella 2 tat-taqsima 3.6.
3.3. Prestazzjoni minima tal-pompi tas-sħana li għandha titqies bħala enerġija rinnovabbli skont id-Direttiva
Skont l-Anness VII tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitqiesu biss dawk il-pompi tas-sħana li jkollhom SPF ogħla minn 1,15 * 1/η.
B’valur għall-effiċjenza tas-sistema tal-enerġija (η) ssettjat bħala 45,5 % (ara t-taqsima 1 u n-nota tal-qiegħ 3), dan jimplika li l-fattur SPF minimu ta’ pompi tas-sħana mħaddma bl-elettriku (SCOPnet) li għandu jitqies bħala enerġija rinnovabbli skont id-Direttiva huwa 2,5.
Għal pompi tas-sħana imħaddma bl-enerġija termali (jew direttament, jew permezz tal-kombustjoni ta’ fjuwils), l-effiċjenza tas-sistema tal-enerġija (η) hija 1. Għal dawn il-pompi tas-sħana, il-fattur SFP minimu (SPERnet) huwa 1,15, għall-fini li jitqies bħala enerġija rinnovabbli skont id-Direttiva.
L-Istati Membri għandhom iqisu, b’mod partikolari fir-rigward tal-pompi tas-sħana tal-arja, kemm mill-kapaċità diġà installata ta’ pompi tas-sħana għandhom SPF ogħla mill-prestazzjoni minima. Għal dan il-kalkolu, l-Istati Membri jistgħu jużaw kemm id-dejta kif ukoll il-kejl minn testijiet, għalkemm f’bosta każijiet, minħabba nuqqas ta’ dejta, il-kalkolu jsir billi tittieħed l-opinjoni esperta ta’ kull Stat Membru. Dawn l-opinjonijiet esperti għandhom ikunu konservattivi, jiġifieri l-kalkolu tal-kontribut tal-pompi tas-sħana għandu jwassal għal riżultat aktar baxx milli ogħla minn dak reali ( 5 ). Fil-każ tal-ħiters tal-ilma bl-arja bħala s-sors ta’ tisħin, normalment ikun f’każijiet eċċezzjonali biss li dawn il-pompi tas-sħana jkollhom SPF ogħla mil-limitu minimu.
3.4. Limiti tas-sistema għall-kejl tal-enerġija mill-pompi tas-sħana
Il-limiti tas-sistema għall-kejl jinkludu ċ-ċiklu tar-refriġerant, il-pompa tar-refriġerant u, għall-assorbiment/adsorbiment, iċ-ċiklu tal-assorbiment u l-pompa tas-solvent. Il-kalkolu ta’ SPF għandu jsir, fil-każ tal-koeffiċjent tal-prestazzjoni staġonali (SCOPnet) skont l-istandard EN 14825:2012 u fil-każ tal-indiċi tal-enerġija primarja staġonali (SPERnet) skont l-istandard EN 12309. Dan jimplika li l-enerġija elettrika jew il-konsum tal-fjuwil meħtieġa għat-tħaddim tal-pompa tas-sħana u ċ-ċirkulazzjoni tar-refriġerant għandhom jitqiesu. Fil-grafika 1 ta’ hawn taħt, il-limitu tas-sistema (SPFH2) korrispondenti huwa indikat bl-aħmar.
Grafika 1
Limiti tas-sistema għall-kejl ta’ SPF u Qusable
Sors: SEPEMO build.
Dawn l-abbrevjazzjonijiet jintużaw fil-grafika 1:
ES_fan/pump |
Enerġija użata biex jitħaddem/titħaddem fann u/jew pompa li jiċċirkula/tiċċirkula r-refriġerant. |
EHW_hp |
Enerġija użata biex titħaddem il-pompa tas-sħana stess |
Ebt_pump |
Enerġija użata biex titħaddem il-pompa li tiċċirkula l-fluwidu li jassorbi l-enerġija mill-ambjent (mhix rilevanti għall-pompi tas-sħana kollha) |
EHW_bu |
Enerġija użata biex jitħaddem ħiter supplimentari (mhix rilevanti għall-pompi tas-sħana kollha) |
EB_fan/pump |
Enerġija użata biex jitħaddem/titħaddem fann u/jew pompa li jiċċirkula/tiċċirkula l-fluwidu li jipprovdi s-sħana utilizzabbli finali |
QH_hp |
Sħana provduta mis-sors ta’ sħana permezz tal-pompa tas-sħana |
QW_hp |
Sħana provduta mill-enerġija mekkanika użata biex titħaddem il-pompa tas-sħana |
QHW_hp |
Sħana provduta mill-ħiter supplimentari (mhix rilevanti għall-pompi tas-sħana kollha) |
ERES |
Enerġija ajrutermali, ġeotermali jew idrotermali rinnovabbli (is-sors ta’ sħana) maqbuda mill-pompa tas-sħana |
ERES |
|
Qusable |
|
Mil-limiti tas-sistema indikati hawn fuq jirriżulta li l-kalkolu tal-enerġija rinnovabbli provduta mill-pompa tas-sħana jiddependi mill-pompa tas-sħana biss u mhux mis-sistema tat-tisħin li l-pompa tas-sħana tifforma parti minnha. Għalhekk, l-użu ineffiċjenti tal-enerġija tal-pompi tas-sħana hija kwistjoni ta’ effiċjenza enerġetika u ma għandhiex taffettwa l-kakoli tal-enerġija rinnovabbli provduta mill-pompi tas-sħana.
3.5. Kundizzjonijiet klimatiċi
Id-definizzjoni ta’ kundizzjonijiet klimatiċi medji, iksaħ u isħan ssegwi l-metodu kif propost fl-abbozz għal Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni dwar it-tikkettar enerġetiku ta’ bojlers ( 6 ), fejn “kundizzjonijiet klimatiċi medji”, “kundizzjonijiet klimatiċi iksaħ” u “kundizzjonijiet klimatiċi isħan” ifissru l-kundizzjonijiet ta’ temperatura karatteristiċi għall-bliet ta’ Strasburgu, Ħelsinki u Ateni, rispettivament. Il-grafika 2 ta’ hawn taħt turi ż-żoni ta’ kundizzjonijiet klimatiċi, kif ġew suġġeriti.
Grafika 2
Żoni ta’ kundizzjonijiet klimatiċi
Fil-każijiet fejn fl-istess Stat Membru jkun hemm diversi kundizzjonijiet klimatiċi, l-Istati Membri għandhom jikkalkulaw il-kapaċità installata tal-pompi tas-sħana fiż-żona ta’ kundizzjonijiet klimatiċi rispettiva.
3.6. Valuri predeterminati għal SPF u Qusabletal-pompi tas-sħana
It-tabella ta’ hawn taħt turi l-valuri predeterminati għal HHP u SPF (SCOPnet) ta’ pompi tas-sħana mħaddma bl-elettriku:
Tabella 1
Valuri predeterminati għal HHP u SPF (SCOPnet) ta’ pompi tas-sħana mħaddma bl-elettriku
Kundizzjonijiet klimatiċi |
|||||||
Klima isħan |
Klima medja |
Klima iksaħ |
|||||
Sors tal-enerġija tal-pompa tas-sħana |
Sors tal-enerġija u l-fluwidu ta’ distribuzzjoni ta’ enerġija |
HHP |
SPF (SCOPnet) |
HHP |
SPF (SCOPnet) |
HHP |
SPF (SCOPnet) |
Enerġija ajrutermali |
Arja-Arja |
1 200 |
2,7 |
1 770 |
2,6 |
1 970 |
2,5 |
Arja-Ilma |
1 170 |
2,7 |
1 640 |
2,6 |
1 710 |
2,5 |
|
Arja-Arja (riversibbli) |
►C1 120 ◄ |
2,7 |
710 |
2,6 |
1 970 |
2,5 |
|
Arja-Ilma (riversibbli) |
►C1 120 ◄ |
2,7 |
660 |
2,6 |
1 710 |
2,5 |
|
Arja tal-egżost-Arja |
760 |
2,7 |
660 |
2,6 |
600 |
2,5 |
|
Arja tal-egżost-Ilma |
760 |
2,7 |
660 |
2,6 |
600 |
2,5 |
|
Enerġija ġeotermali |
Art-Arja |
1 340 |
3,2 |
2 070 |
3,2 |
2 470 |
3,2 |
Art-Ilma |
1 340 |
3,5 |
2 070 |
3,5 |
2 470 |
3,5 |
|
Sħana idrotermali |
Ilma-Arja |
1 340 |
3,2 |
2 070 |
3,2 |
2 470 |
3,2 |
Ilma-Ilma |
1 340 |
3,5 |
2 070 |
3,5 |
2 470 |
3,5 |
It-tabella ta’ hawn taħt turi l-valuri predeterminati għal HHP u SPF (SPERnet) ta’ pompi tas-sħana mħaddma bl-enerġija termali:
Tabella 2
Valuri predeterminati għal HHP u SPF (SPERnet) ta’ pompi tas-sħana mħaddma bl-enerġija termali
Kundizzjonijiet klimatiċi |
|||||||
Klima isħan |
Klima medja |
Klima iksaħ |
|||||
Sors tal-enerġija tal-pompa tas-sħana |
Sors tal-enerġija u l-fluwidu ta’ distribuzzjoni ta’ enerġija |
HHP |
SPF (SPERnet) |
HHP |
SPF (SPERnet) |
HHP |
SPF (SPERnet) |
Enerġija ajrutermali |
Arja-Arja |
1 200 |
1,2 |
1 770 |
1,2 |
1 970 |
1,15 |
Arja-Ilma |
1 170 |
1,2 |
1 640 |
1,2 |
1 710 |
1,15 |
|
Arja-Arja (riversibbli) |
►C1 120 ◄ |
1,2 |
710 |
1,2 |
1 970 |
1,15 |
|
Arja-Ilma (riversibbli) |
►C1 120 ◄ |
1,2 |
660 |
1,2 |
1 710 |
1,15 |
|
Arja tal-egżost-Arja |
760 |
1,2 |
660 |
1,2 |
600 |
1,15 |
|
Arja tal-egżost-Ilma |
760 |
1,2 |
660 |
1,2 |
600 |
1,15 |
|
Enerġija ġeotermali |
Art-Arja |
1 340 |
1,4 |
2 070 |
1,4 |
2 470 |
1,4 |
Art-Ilma |
1 340 |
1,6 |
2 070 |
1,6 |
2 470 |
1,6 |
|
Sħana idrotermali |
Ilma-Arja |
1 340 |
1,4 |
2 070 |
1,4 |
2 470 |
1,4 |
Ilma-Ilma |
1 340 |
1,6 |
2 070 |
1,6 |
2 470 |
1,6 |
Il-valuri predeterminati indikati fit-Tabelli 1 u 2 ta’ hawn fuq huma tipiċi għas-segment ta’ pompi tas-sħana b’SPF ogħla mil-limitu minimu, li jfisser li l-pompi b’SPF inqas minn 2,5 ma ġewx meqjusa biex ġew stabbiliti l-valuri tipiċi ( 7 ).
3.7. Rimarki dwar il-pompi tas-sħana li mhumiex imħaddma bl-elettriku
Il-pompi tas-sħana li ma jużawx l-elettriku, jew jużaw xi fjuwil likwidu jew fjuwil gassuż biex iħaddmu l-kompressur, jew jużaw proċess ta’ assorbiment/adsorbiment (b’kombustjoni ta’ fjuwil likwidu jew fjuwil gassuż jew bl-użu tal-enerġija ġeotermali/solartermali jew tas-sħana tal-iskart), jipprovdu enerġija rinnovabbli sakemm il-“proporzjon tal-enerġija primarja nett fil-modalità Attiv” (SPERnet) ikun 115 % jew ogħla minn dak il-valur ( 8 ).
3.8. Rimarki dwar il-pompi tas-sħana li jużaw l-arja tal-egżost bħala s-sors tal-enerġija
Il-pompi tas-sħana li jużaw l-arja tal-egżost bħala s-sors tal-enerġija jieħdu l-enerġija mill-ambjent, u għalhekk, dawn il-pompi tas-sħana jipprovdu enerġija rinnovabbli. Iżda fl-istess ħin, dawn il-pompi tas-sħana jirkupraw l-enerġija mill-arja tal-egżost, li mhijiex enerġija ajrutermali, skont id-Direttiva ( 9 ). Għalhekk, l-enerġija ajrutermali biss titqies bħala enerġija rinnovabbli. Dan l-aġġustament isir billi l-valuri ta’ HHP għal dawn il-pompi tas-sħana jiġu kkoreġuti biex jaqblu ma’ dawk indikati fit-taqsima 3.6.
3.9. Rimarki dwar il-pompi tas-sħana tal-arja
Il-valuri ta’ HHP indikati fit-Tabelli 1 u 2 ta’ hawn fuq huma bbażati fuq valuri ta’ HHE li ma jinkludux biss is-sigħat ta’ kemm tintuża l-pompa tas-sħana, iżda anke s-sigħat li jintuża l-ħiter supplimentari. Peress li l-ħiter supplimentari huwa barra mil-limiti tas-sistema msemmija fit-taqsima 3.4 il-valuri ta’ HHE għall-pompi tas-sħana tal-arja kollha jiġu aġġustati kif xieraq biex titqies biss is-sħana utilizzabbli provduta mill-pompi tas-sħana stess. Il-valuri aġġustati ta’ HHP huma indikati fit-tabelli 1 u 2 ta’ hawn fuq.
Fil-każ tal-pompi tas-sħana tal-arja li l-kapaċità indikata tagħhom tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet ta’ disinn (u mhux għall-kundizzjonijiet standard ta’ ttestjar), għandhom jintużaw il-valuri tal-HHE ( 10 ).
L-arja ambjentali, jiġifieri l-arja ta’ barra, biss tista’ tintuża bħala s-sors tal-enerġija għal pompi tas-sħana tal-arja.
3.10. Rimarki dwar il-pompi tas-sħana riversibbli
L-ewwel nett, f’kundizzjonijiet klimatiċi sħan u sa ċertu f’kundizzjonijiet klimatiċi medji, il-pompi tas-sħana riversibbli spiss jiġu installati bl-iskop li jkessħu l-ambjent ta’ ġewwa, għalkemm jintużaw ukoll għat-tisħin fix-xhur tax-xitwa. Peress li d-domanda tat-tkessiħ fis-sajf tkun ogħla minn dik tat-tisħin fix-xitwa, il-kapaċità nominali hija aktar indikattiva tad-domanda tat-tkessiħ milli ta’ dik għat-tisħin. Peress li l-kapaċità installata tintuża bħala indikatur tad-domanda tat-tisħin, dan jimplika li l-istatistika tal-kapaċità installata ma tindikax il-kapaċità installata għall-fini tat-tisħin. Barra minn hekk, il-pompi tas-sħana riversibbli spiss jiġu installati b’mod parallel ma’ sistemi tat-tisħin eżistenti, li jimplika li dawn il-pompi tas-sħana mhux dejjem jintużaw għall-fini ta’ tisħin.
Jeħtieġ li dawn iż-żewġ elementi jiġu aġġustati kif xieraq. Fit-Tabelli 1 u 2 ta’ hawn fuq tqies tnaqqis konservattiv ( 11 ) ta’ 10 % għal klima isħan u ta’ 40 % għal klima medja. Madankollu, it-tnaqqis reali jiddependi ħafna fuq il-prassi nazzjonali li jintużaw għall-forniment ta’ sistemi tat-tisħin, u għaldaqstant, fejn ikun possibbli għandhom jintużaw iċ-ċifri nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tiġi informata bl-użu ta’ ċifri alternattivi, flimkien ma’ rapport li jiddeskrivi l-metodu u d-dejta li jintużaw. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni tittraduċi d-dokumenti u tippubblikahom fuq il-pjattaforma ta’ trasparenza tagħha.
3.11. Kontribut ta’ enerġija rinnovabbli mis-sistemi ibridi ta’ pompi tas-sħana
Għas-sistemi ibridi ta’ pompi tas-sħana, fejn il-pompa tas-sħana taħdem flimkien ma’ teknoloġiji oħra ta’ enerġija rinnovabbli (eż., kolletturi termali solari li jintużaw bħala ħiters preliminari), il-kalkolu tal-enerġija rinnovabbli jista’ jsir b’mod mhux preċiż. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kalkolu tal-enerġija rinnovabbli mis-sistemi ibridi ta’ pompi tas-sħana jkun korrett, u b’mod partikolari, jiżguraw li ebda enerġija rinnovabbli ma tintuża aktar minn darba għal dan il-kalkolu.
3.12. Linji gwida dwar l-iżvilupp ta’ metodoloġiji aktar preċiżi
L-Istati Membri huma mistennija u mħeġġa jwettqu l-istimi tagħhom stess, kemm għall-fattur SPF kif ukoll għall-HHP. Jekk l-istimi jkunu jistgħu jsiru aħjar, dawn l-approċċi nazzjonali/reġjonali għandhom ikunu bbażati fuq ipotesijiet preċiżi u kampjuni rappreżentattivi ta’ daqs suffiċjenti, biex jagħtu stima ferm aktar preċiża tal-enerġija rinnovabbli mill-pompi tas-sħana, meta mqabbla mal-istima li tirriżulta bl-użu tal-metodu indikat f’din id-Deċiżjoni. Dawn il-metodoloġiji mtejba jistgħu jkunu bbażati fuq kalkolu dettaljat li juża dejta teknika li tqis, fost fatturi oħra, is-sena tal-installazzjoni, il-kwalità tal-installazzjoni, it-tip tal-kompressur, il-mod ta’ tħaddim, is-sistema ta’ distribuzzjoni tas-sħana, it-taqsima ta’ bivalenza u l-klima reġjonali.
Jekk il-kejl ikun disponibbli biss f’limiti tas-sistema differenti mil-limiti tas-sistema stabbiliti fit-taqsima 3.4, għandhom isiru l-aġġustamenti xierqa.
Fil-kalkolu tal-enerġija rinnovabbli għall-fini ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu inklużi biss dawk il-pompi tas-sħana li jkollhom effiċjenza enerġetika ogħla mil-limitu minimu, kif stabbilit fl-Anness VII tad-Direttiva.
Meta jużaw metodoloġiji u/jew valuri alternattivi, l-Istati Membri huma mistiedna jippreżentawhom lill-Kummissjoni flimkien ma’ rapport li jiddeskrivi l-metodu u d-dejta użati. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni tittraduċi d-dokumenti u tippubblikahom fuq il-pjattaforma ta’ trasparenza tagħha.
4. EŻEMPJU TA’ KALKOLU
It-tabella ta’ hawn taħt turi eżempju ta’ Stat Membru ipotetiku b’kundizzjonijiet klimatiċi medji, li jkollu 3 teknoloġiji differenti ta’ pompi tas-sħana installati.
Arja-Arja (riversibbli) |
Ilma-Ilma |
Arja tal-egżost-Ilma |
||||
Kalkolu |
Deskrizzjoni |
Varjabbli |
Unità |
|||
Kapaċità installata tal-pompi tas-sħana |
Prated |
GW |
255 |
74 |
215 |
|
SPF ogħla mil-limitu minimu |
Prated |
GW |
150 |
70 |
120 |
|
Sigħat ekwivalenti ta’ tħaddim b’tagħbija sħiħa |
HHP |
h |
852 (1) |
►C1 2 070 ◄ |
660 |
|
|
Sħana utilizzabbli totali stmata provduta mill-pompi tas-sħana |
Qusable |
GWh |
127 800 |
144 900 |
79 200 |
il-fattur tal-prestazzjoni staġonali medju stmat |
SPF |
2,6 |
3,5 |
2,6 |
||
|
Ammont ta’ enerġija rinnovabbli provduta minn kull teknoloġija ta’ pompi tas-sħana |
ERES |
GWh |
78 646 |
103 500 |
48 738 |
Ammont totali ta’ enerġija rinnovabbli provduta mill-pompi tas-sħana |
ERES |
GWh |
230 885 |
|||
(1) L-Istat Membru ta’ dan l-eżempju ipotetiku wettaq analiżi tal-pompi tas-sħana arja-arja riversibbli installati u kkonkluda li l-ekwivalenti ta’ 48 % tal-kapaċità installata tal-pompi tas-sħana riversibbli intużat totalment għat-tisħin, u mhux 40 % kif ġie presuppost f’dawn il-linji gwida. Għalhekk, il-valur ta’ HHP ġie aġġustat minn 710 siegħa, kif jidher fit-tabella 1 li tassumi 40 %, għal 852 siegħa, li jikkorrispondi għall-48 % smat. |
( 1 ) ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.
( 2 ) Ara l-punt 4.5 tal-minuti tat-23 ta’ Ottubru 2009, li jinsabu hawn: https://circabc.europa.eu/w/browse/be80a323-0f89-4ab7-b8f7-888e3ff351ed
( 3 ) ĠU L 304, 14.11.2008, p. 1.
( 4 ) Il-valur ta’ η fl-2010 huwa 45,5 % (li żdied minn 44,0 % fl-2007 għal 44,7 % fl-2008 u 45,1 % fl-2009), li jimplika valur SFP minimu ta’ 2,5 fl-2010. Din hija stima konservattiva, għaliex l-effiċjenza tas-sistema tal-enerġija hija mistennija tiżdied sal-2020. Madankollu, peress li l-bażi għall-istima tal-effiċjenza tas-sistema tal-enerġija (η) tinbidel minħabba l-aġġornamenti tal-istatistiċi li jintużaw fil-kalkolu tagħha, ikun aktar prevedibbli li η tingħata valur fiss biex ma jkunx hemm konfużjoni dwar ir-rekwiżiti tal-valur SFP minimu (biex tinħoloq iċ-ċertezza legali), kif ukoll biex jiffaċilita l-iżvilupp tal-metodoloġija mill-Istati Membri (ara t-taqsima 3.10). Jekk ikun meħtieġ, η tista’ tiġi riveduta skont l-Artikolu 2 (reviżjoni tal-linji gwida, f’każ li dan ikun meħtieġ, sal-31 ta’ Diċembru 2016).
( 5 ) Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-pompi tas-sħana riversibbli tal-arja, peress li l-kalkolu jista’ jiġi stmat ogħla għal diversi raġunijiet, fosthom: a) mhux il-pompi tas-sħana riversibbli kollha jintużaw għat-tisħin, jew b’mod limitat biss, u b) unitajiet eqdem (u inqas effiċjenti) jista’ jkollhom effiċjenza (SPF) aktar baxxa mil-limitu minimu meħtieġ ta’ 2,5.
( 6 ) Dan l-abozz għadu ma ġiex adottat mill-Kummissjoni (Jannar 2013). Dan l-abbozz jista’ jinsab fuq id-database tad-WTO: http://members.wto.org/crnattachments/2012/tbt/EEC/12_2119_00_e.pdf
( 7 ) Dan jimplika li l-Istati Membri jistgħu jqisu l-valuri indikati fit-Tabelli 1 u 2 bħala l-valuri medji tal-pompi tas-sħana mħaddma bl-elettriku li jkollhom SPF ogħla mill-minimu ta’ 2,5.
( 8 ) Ara l-punt 3.3.
( 9 ) Ara l-Artikolu 5(4), u d-definizzjoni ta’ “enerġija ajrutermali” fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva.
( 10 ) Dawn il-valuri huma ta’ 1 336, 2 066 u 3 465 għal klima sħuna, medja u kiesħa rispettivament.
( 11 ) Skont studju li sar fl-Italja (imsemmi fil-paġna 48 ta’ “Outlook 2011 — European Heat Pump Statistics”), f’inqas minn 10 % tal-każijiet, il-pompi tas-sħana kienu l-uniku ġeneratur ta’ sħana installat. Peress li l-pompi tas-sħana arja-arja riversibbli huma t-tip ta’ teknoloġija ta’ pompi tas-sħana l-aktar installata (60 % tal-unitajiet kollha installati — il-biċċa l-kbira tagħhom installati fl-Italja, Spanja u Franza, kif ukoll fl-Isvezja u l-Finlandja), huwa importanti li ċ-ċifri jiġu aġġustati kif xieraq. Il-Valutazzjoni tal-Impatt tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2012 tas-6 ta’ Marzu 2012 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-kundizzjonaturi tal-arja u l-fannijiet għall-użu personali (ĠU L 72, 10.3.2012, p. 7) tassumi li 33 % tal-pompi tas-sħana riversibbli fl-UE mhux qed jintużaw għat-tisħin. Barra minn hekk, wieħed jista’ jassumi li għadd kbir mis-67 % tal-pompi tas-sħana riversibbli jintużaw għat-tisħin parzjalment biss, peress li l-pompa tas-sħana tkun installata b’mod parallel ma’ sistema tat-tisħin oħra. Għalhekk, il-valuri proposti huma adekwati biex jitnaqqas ir-riskju li l-valuri stmati jkunu ogħla minn dawk reali.