Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02007D0134-20110112

    Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 2 ta' Frar 2007 li twaqqaf il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (2007/134/KE)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/134(1)/2011-01-12

    2007D0134 — MT — 12.01.2011 — 001.001


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-2 ta' Frar 2007

    li twaqqaf il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2007/134/KE)

    (ĠU L 057, 24.2.2007, p.14)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      No

    page

    date

    ►M1

    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI tat-12 ta’ Jannar 2011

      L 9

    5

    13.1.2011




    ▼B

    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-2 ta' Frar 2007

    li twaqqaf il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2007/134/KE)



    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1982/2006/KE tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea ( 1 ) għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni (mill-2007 sa l-2013), u b'mod partikulari l-Artikoli 2 u 3 tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/972/KE tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku: “Ideat” li jimplimenta s-Seba' Programm ta' Qafas (2007-2013) tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni ( 2 ), u b'mod partikulari l-Artikolu 4(2) u (3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Taħt is-Seba' Programm ta' Qafas, il-Programm Speċifiku “Ideat” għandu l-għan li jappoġġa r-riċerka “fuq il-fruntieri ta' l-għarfien” immexxija minn riċerkaturi f'kull qasam tax-xjenza, ta' l-inġinerija u tat-tagħlim, imwettqa f'temi magħżulin mir-riċerkaturi stess.

    (2)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/972/KE tistipula li l-Kummissjoni għandha twaqqaf Kunsill Ewropew tar-Riċerka (minn hawn 'il quddiem “l-ERC”), li għandu jkun il-mezz għall-implimentar tal-Programm Speċifiku “Ideat”.

    (3)

    Skond l-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/972/KE, l-ERC għandu jkun magħmul minn Kunsill Xjentifiku indipendenti (minn hawn 'il quddiem “il-Kunsill Xjentifiku”), bl-appoġġ ta' struttura ddedikata ta' implimentazzjoni.

    (4)

    Il-Kunsill Xjentifiku għandu jkun magħmul minn xjenzati, inġiniera u akkademiċi ta' l-aqwa preġju, maħturin mill-Kummissjoni, u li jaġixxu fil-kapaċità personali tagħhom, mingħajr irbit ma' interessi estranji. Għandu jaġixxi skond il-mandat ipprovdut għalih fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/972/KE, u esklużivament bil-għan li jikseb il-miri xjentifiċi, teknoloġiċi u akkademiċi tal-Programm Speċifiku “Ideat”.

    (5)

    Il-Kunsill Xjentifiku għandu jaħtar Segretarju Ġenerali b'mod indipendenti, li għandu jaġixxi taħt l-awtorità tiegħu. Fost l-oħrajn, is-Segretarju Ġenerali ser jgħin lill-Kunsill Xjentifiku biex jiżgura l-interazzjoni effettiva tiegħu ma' l-istruttura ddedikata ta' implimentazzjoni u mal-Kummissjoni, kif ukoll biex jissorvelja l-implimentazzjoni effettiva ta' l-istrateġija u tal-pożizzjonijiet tiegħu kif imwettqa mill-istruttura ddedikata ta' implimentazzjoni.

    (6)

    Il-Kunsill Xjentifiku għandu jaħdem skond il-prinċipji ta' l-eċċellenza xjentifika, l-awtonomija, l-effiċjenza u t-trasparenza. Il-Kummissjoni għandha tiggarantixxi l-awtonomija u l-integrità tal-Kunsill Xjentifiku, u għandha tiżgura l-funzjonament tajjeb tiegħu.

    (7)

    Għandhom jitfasslu regoli dwar l-iżvelar ta' tagħrif minn membri tal-Kunsill Xjentifiku, mingħajr ħsara għar-regoli dwar is-sigurtà stipulati fl-Anness mar-Regoli ta' Proċedura tal-Kummissjoni wara d-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom ( 3 ).

    (8)

    Id-dejta personali kollha marbuta mal-membri tal-Kunsill Xjentifiku għandha tiġi pproċessata b'konformità mar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta ( 4 ).

    (9)

    Twaqqaf kumitat ta' esperti indipendenti u ta' livell għoli biex jagħżel il-membri fondaturi tal-Kunsill Xjentifiku. Wara konsultazzjoni wiesgħa fil-komunità xjentifika u akkademika, dan il-kumitat għamel rakkomandazzjonijiet, l-ewwelnett dwar il-fatturi u l-kriterji li għandhom ikunu applikati fl-għażla tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku, u t-tieninett dwar il-membri fondaturi nfushom.

    (10)

    Għandha titwaqqaf struttura ddedikata ta' implimentazzjoni bħala struttura esterna f'forma ta' aġenzija eżekuttiva, stabbilita minn att separat skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta' Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b'ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità ( 5 ).

    (11)

    Sakemm din l-aġenzija eżekuttiva titwaqqaf u tibda ħidmitha, il-kompiti tagħha ta' implimentazzjoni għandhom jitwettqu minn servizz iddedikat tal-Kummissjoni.

    (12)

    L-impatt ta' din id-Deċiżjoni fuq il-baġit għandu jitqies fit-teħid tad-deċiżjoni dwar il-finanzjament fil-qafas tal-Programm Speċifiku “Ideat”, kif ukoll fid-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva tal-proposta tal-Kummissjoni għall-istruttura esterna.

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:



    KAPITOLU 1

    IL-KUNSILL EWROPEW TAR-RIĊERKA

    ▼M1

    Artikolu 1

    Stabbiliment

    B’dan huwa mwaqqaf il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka, għall-perjodu mit-2 ta’ Frar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013, għall-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku “Ideat”. Dan se jkun magħmul mill-Kumitat Xjentifiku u l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka kif stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/37/KE ( 6 ).

    ▼B



    KAPITOLU 2

    IL-KUNSILL XJENTIFIKU

    Artikolu 2

    Stabbiliment

    B'dan huwa stabbilit il-Kunsill Xjentifiku.

    Artikolu 3

    Kompiti

    1.  Il-Kunsill Xjentifiku se jkun fdat bil-kompiti stipulati fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni 2006/972/KE.

    2.  Fost l-oħrajn, il-Kunsill Xjentifiku se jfassal strateġija xjentifika globali, se jkollu awtorità sħiħa fuq deċiżjonijiet rigward it-tip ta' riċerka li għandu jkun iffinanzjat skond l-Artikolu 6(6) tad-Deċiżjoni 2006/972/KE, u se jiggarantixxi l-kwalità ta' l-attivitajiet mill-perspettiva xjentifika. Il-kompiti tiegħu se jkopru, b'mod partikolari, it-tfassil tal-programm annwali ta' ħidma, l-istabbiliment ta' proċess ta' reviżjoni minn esperti ugwali fil-qasam, kif ukoll il-monitoraġġ u l-kontroll tal-kwalità ta' l-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku “Ideat”, mingħajr ħsara għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni.

    ▼M1

    3.  Il-Kunsill Xjentifiku għandu jikkopera mal-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka sabiex jiżguraw implimentazzjoni koerenti u effiċjenti tal-Programm Speċifiku “Ideat” u allinjament strett mal-aspetti xjentifiċi u amministrattivi tal-operazzjonijiet tal-ERC. Din il-kooperazzjoni għandha tinkludi komunikazzjoni koerenti tal-attivitajiet tal-ERC u sit elettroniku komuni li jkopri l-aspetti differenti tal-operazzjonijiet tal-ERC.

    ▼B

    Artikolu 4

    Sħubija

    1.  Il-Kunsill Xjentifiku se jkun magħmul minn massimu ta' 22 membru.

    2.  Il-Kunsill Xjentifiku se jkun magħmul minn rappreżentanti tal-komunità xjentifika Ewropea li jkunu ta' l-aqwa preġju u li jkollhom l-għarfien espert xieraq, b'mod li tiġi żgurata diversità ta' oqsma ta' riċerka. Ir-rappreżentanti se jaġixxu fil-kapaċità personali tagħhom, mingħajr irbit ma' interessi politiċi jew ta' tip ieħor.

    3.  Il-membri fondaturi tal-Kunsill Xjentifiku, li ntgħażlu abbażi tal-fatturi u l-kriterji stipulati fl-Anness 1 u li jinsabu elenkati fl-Anness 2, b'dan huma maħturin.

    ▼M1

    4.  Il-membri futuri għandhom jinħatru mill-Kummissjoni abbażi tal-fatturi u l-kriterji stipulati fl-Anness I, u permezz ta’ proċedura ta’ identifikazzjoni indipendenti u trasparenti għall-identifikazzjoni tagħhom, miftiehma mal-Kunsill Xjentifiku, li tinkludi konsultazzjoni mal-komunità xjentifika u rapport lill-Parlament u lill-Kunsill. Il-ħatra ta’ membri futuri għandha tkun ippubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001. Għal dan l-għan, jista’ jiġi stabbilit Kumitat għall-Identifikazzjoni permanenti u ta’ livell għoli magħmul minn esperti indipendenti bħala grupp espert b’onorarji mħallsa fl-ambitu tal-baġit operattiv tal-Programm Speċifiku “Ideat”.

    ▼B

    5.  Il-membri għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom b'mod indipendenti minn kull influwenza esterna. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni fi żmien xieraq b'kull kunflitt ta' interessi li jista' jikkomprometti l-imparzjalità tagħhom.

    6.  Il-membri se jinħatru għal perjodu ta' erba' snin, li jista' jiġġedded darba abbażi ta' sistema ta' rotazzjoni li tiżgura li l-ħidma tal-Kunsill Xjentifiku tibqa' dejjem għaddejja. Madankollu, membru jista' jinħatar għal perjodu ta' inqas minn dak massimu, biex b'hekk ikun hemm rotazzjoni fis-sħubija li ssir f'fażijiet suċċessivi. Il-membri għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jinħatru membri oħra minflokhom jew il-perjodu tal-mandat tagħhom jiskadi.

    7.  Meta membru jirriżenja, jew meta perjodu ta' mandat li ma jistax jiġġedded ikun skada, il-Kummissjoni għandha taħtar membru ġdid.

    8.  F'ċirkostanzi eċċezzjonali, sabiex tinżamm l-integrità u/jew il-kontinwità tal-Kunsill Xjentifiku, il-Kummissjoni tista' ttemm b'inizjattiva proprja l-perjodu ta' sħubija ta' membru.

    ▼M1 —————

    ▼B

    Artikolu 5

    Prinċipji u metodi

    1.  Il-Kunsill Xjentifiku għandu jaħdem b'mod awtonomu u indipendenti.

    2.  Fejn ikun xieraq, il-Kunsill Xjentifiku għandu jikkonsulta mal-komunità xjentifika, akkademika u ta' l-inġinerija.

    3.  Il-Kunsill Xjentifiku għandu jaġixxi esklużivament bil-għan li jikseb il-miri xjentifiċi, teknoloġiċi u akkademiċi tal-Programm Speċifiku “Ideat”. Għandu jaġixxi b'integrità u rettitudni, u għandu jwettaq xogħlu bl-effiċjenza u bl-akbar trasparenza possibbli.

    ▼M1

    4.  Il-Kunsill Xjentifiku għandu jkun responsabbli lejn il-Kummissjoni, għandu jżomm interazzjoni kontinwa mill-qrib magħha u l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka, u għandu jistabbilixxi kull arranġament li jista’ jkun meħtieġ għal dan il-għan.

    ▼B

    5.  It-tagħrif miksub matul il-ħidmiet m'għandux jinkixef jekk dak it-tagħrif, fil-fehma tal-Kummissjoni jew tal-President tal-Kunsill Xjentifiku, huwa marbut ma' kwistjonijiet kunfidenzjali.

    ▼M1

    6.  Il-Kummissjoni għandha tipprovdi t-tagħrif u l-għajnuna meħtieġa għall-ħidma tal-Kunsill Xjentifiku, sabiex dan ikun jista’ jaħdem f’kundizzjonijiet ta’ awtonomija u indipendenza. Azzjoni ta’ Koordinazzjoni u Appoġġ kif imsemmi fl-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tista’ tintuża sabiex jiġi pprovdut appoġġ lokali amministrattiv jew konsultattiv lill-President u lill-Viċi Presidenti tal-Kunsill Xjentifiku.

    ▼B

    7.  Il-Kunsill Xjentifiku għandu jibgħat rapporti regolari lill-Kummissjoni, u jipprovdi t-tagħrif u l-assistenza meħtieġa għall-kompiti obbligatorji ta' rrappurtar min-naħa tal-Kummissjoni (jiġifieri r-Rapport Annwali, ir-Rapport Annwali ta' l-Attivitajiet).

    ▼M1

    8.  Il-Kunsill Xjentifiku jiġi mogħti aċċess lid-dokumenti u d-dejta fil-pussess tal-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka skont il-proċedura stipulata fl-Anness III.

    ▼B

    Artikolu 6

    Tmexxija

    1.  Il-Kunsill Xjentifiku għandu jeleġġi, minn fost il-membri tiegħu, President u żewġ Viċi-Presidenti. Skond ir-regoli ta' proċedura tal-Kunsill Xjentifiku, dawn għandhom jirrappreżentaw lill-Kunsill Xjentifiku, iservu ta' gwida u jgħinuh fl-organizzazzjoni tal-ħidma tiegħu, inkluża t-tħejjija ta' l-aġenda u tad-dokumenti għal-laqgħat.

    2.  Il-President u l-Viċi-Presidenti tal-Kunsill Xjentifiku jistgħu jkunu, fl-istess ħin, il-President u l-Viċi-Presidenti tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka rispettivament.

    ▼M1

    3.  Il-Kunsill Xjentifiku għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu, li għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dettaljati għall-elezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, kif ukoll kodiċi ta’ kondotta dwar kunfidenzjalità, kunflitt potenzjali ta’ interess, u l-ipproċessar ta’ dejta personali skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

    4.  Il-Kunsill Xjentifiku għandu jiltaqa’ f’laqgħa plenarja sa ħames darbiet fis-sena kif meħtieġ mill-ħidma tiegħu. Għandu jiġi ppubblikat sommarju fil-qosor tal-laqgħat plenarji fuq is-sit elettroniku tal-ERC.

    ▼B

    5.  Il-President tal-Kunsill Xjentifiku jista' jiddeċiedi li jsejjaħ laqgħat ristretti.

    ▼M1

    6.  Il-Kunsill Xjentifiku jista’, minn fost il-membri tiegħu, jistabbilixxi Kumitati Permanenti, Gruppi ta’ Ħidma u strutturi oħra li jindirizzaw inkarigi speċifiċi tal-Kunsill Xjentifiku.

    ▼B

    Artikolu 7

    Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (l-ERC)

    1.  Il-Kunsill Xjentifiku għandu jaħtar Segretarju Ġenerali b'mod indipendenti, li għandu jaġixxi taħt l-awtorità tiegħu. Fost l-oħrajn, is-Segretarju Ġenerali għandu jgħin lill-Kunsill Xjentifiku biex jiżgura l-interazzjoni effettiva tiegħu mal-Kummissjoni u ma' l-istruttura ddedikata ta' implimentazzjoni.

    2.  Il-kompiti tas-Segretarju Ġenerali għandhom ikunu ddefiniti mill-Kunsill Xjentifiku.Dawn il-kompiti għandhom jinkludu l-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni effettiva ta' l-istrateġija u tal-pożizzjonijiet addottati mill-Kunsill Xjentifiku, kif imwettqa mill-istruttura ddedikata ta' implimentazzjoni.

    3.  L-appoġġ għall-istabbilment u għall-attivitajiet tas-Segretarju Ġenerali għandu jkun żgurat mill-Programm Speċifiku “Ideat”.

    4.  Il-mandat tas-Segretarju Ġenerali ma għandux ikun itwal minn perjodu ta' 30 xahar, u jista' jiġġedded darba.

    ▼M1

    Artikolu 8

    Spejjeż ta’ onorarji u laqgħat

    1.  Il-membri tal-Kunsill Xjentifiku għandhom ikunu kkumpensati għall-inkarigi mwettqa permezz ta’ onorarju għall-attendenza tagħhom għal-laqgħat plenarji tal-Kunsill Xjentifiku, li jirrifletti r-responsabbiltajiet tagħhom u li jkunu jistgħu jitqabblu ma’ dispożizzjonijiet simili f’entitajiet simili u fl-Istati Membri. L-onorarji u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u għajxien għandhom jiġġarrbu mill-baġit operattiv allokat lill-Programm Speċifiku “Ideat”. L-onorarji u r-regoli ta’ implimentazzjoni relatati huma stipulati fl-Anness IV.

    2.  Għal laqgħat oħra għajr laqgħat plenarji, l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka għandha tirrimborża l-ispejjeż għall-ivvjaġġar u, fejn xieraq, l-ispejjeż għall-għajxien meħtieġa, tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku, biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom skont ir-regoli tal-Kummissjoni dwar l-ikkumpensar tal-esperti esterni ( 7 ). Soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka, jistgħu jiġu koperti wkoll l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-għajxien marbutin ma’ laqgħat oħra bħal dawn li jkunu meħtieġa għall-ħidma tal-Kunsill Xjentifiku.

    ▼B



    KAPITOLU 3

    Artikolu 9

    Struttura ddedikata ta' implimentazzjoni

    L-istruttura ddedikata ta' implimentazzjoni għandha titwaqqaf bħala struttura eżekuttiva; sakemm l-istruttura eżekuttiva titwaqqaf u tibda ħidmitha, il-kompiti tagħha ta' implimentazzjoni għandhom jitwettqu minn servizz iddedikat tal-Kummissjoni.



    KAPITOLU 4

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 10

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta' l-adozzjoni tagħha.




    ANNESS 1

    Il-fatturi u l-kriterji għall-għażla tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku

    Il-kompożizzjoni tal-Kunsill Xjentifiku għandha turi li l-Kunsill huwa kapaċi jipprovdi tmexxija xjentifika li tkun awtorevoli u totalment indipendenti, u li twaħħad l-għerf u l-esperjenza mal-viżjoni u l-immaġinazzjoni. Il-kredibbiltà tal-Kunsill Xjentifiku se tissejjes fuq il-bilanċ ta' karatteristiċi fost l-irġiel u n-nisa li l-Kunsill ikun magħmul minnhom. Dawn għandhom ikunu rifless kollettiv tal-firxa sħiħa tal-komunità tar-riċerka madwar l-Ewropa. Il-membri tal-Kunsill Xjentifiku għandu jkollhom, f'livell individwali, reputazzjoni inkontestabbli għall-kapaċità ta' tmexxija tagħhom fil-qasam tar-riċerka, kif ukoll għall-indipendenza tagħhom u għall-impenn tagħhom lejn ir-riċerka. Bħala regola ġenerali, għandhom ikunu riċerkaturi professjonali li qegħdin jagħmlu riċerka fil-preżent jew għamluha dan l-aħħar, jew riċerkaturi li wrew tmexxija xjentifika fil-livell Ewropew jew internazzjonali. Mexxejja aktar żgħażagħ tal-ġenerazzjoni li jmiss għandhom jitqiesu wkoll.

    Il-membri għandhom jirriflettu l-ambitu wiesa' tad-dixxiplina tar-riċerka, billi jħaddnu x-xjenzi eżatti u l-inġinerija, kif ukoll ix-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi. Madankollu, ma għandhomx jitqiesu bħala rappreżentanti ta' dixxiplina waħda jew ta' linja partikulati ta' riċerka, u lanqas ma għandhom jaraw lilhom infushom b'tali mod; iżda għandu jkollhom viżjoni wiesgħa li tirrifletti bis-sħiħ fehim ta' l-iżviluppi importanti li jsiru fid-dinja tar-riċerka, inklużi r-riċerka interdixxiplinarja u dik multidixxiplinarja, kif ukoll fehim tal-ħtiġijiet ta' riċerka li jkun hemm fil-livell Ewropew.

    Lil hinn mir-reputazzjoni ppruvata tagħhom bħala xjenzati u riċerkaturi, il-membri għandhom iġibu magħhom kollettivament firxa usa' ta' esperjenza, miksuba mhux biss madwar l-Ewropa iżda wkoll f'partijiet oħra tad-dinja magħrufin għar-riċerka. Din tista' tinkludi esperjenza f'oqsma bħall-appoġġ u l-promozzjoni tar-riċerka fundamentali; l-organizzazzjoni u t-tmexxija tar-riċerka u l-qsim ta' l-għarfien fl-universitajiet, fl-akkademji u fl-industrija; kif ukoll il-fehim ta' l-attivitajiet nazzjonali u internazzjonali ta' riċerka, ta' l-iskemi ta' ffinanzjar għar-riċerka relatati, u tal-kuntest politiku usa' li fih jinsab il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka.

    Il-membri għandhom ikunu mera tal-komponenti varji tal-komunità tar-riċerka, kif ukoll tal-firxa ta' istituzzjonijiet xjentifiċi li jagħmlu riċerka; fosthom iridu jkunu inklużi riċerkaturi b'esperjenza, pereżempju, f'universitajiet, f'istituzzjonijiet ta' riċerka, f'akkademji, f'entitajiet ta' finanzjament, fir-riċerka fin-negozju u fl-industrija, eċċ. Il-membri għandhom jinkludu riċerkaturi b'esperjenza f'aktar minn pajjiż wieħed, waqt li wħud mill-membri għandhom jiġu mill-komunità ta' riċerka mhix Ewropea.

    ▼M1




    ANNESS II



    MEMBRI TAL-KUNSILL XJENTIFIKU TAL-ERC

    Isem u Istitut

    Tiem il-mandat

    Claudio BORDIGNON, Istitut Xjentifiku San Raffaele, Milan

    fl-1 ta’ Frar 2013.

    Nicholas CANNY, l-Università Nazzjonali tal-Irlanda, Galway

    fil-31 ta’ Diċembru 2013.

    Sierd A.P.L. CLOETINGH, l-Università Ħielsa ta’ Amsterdam

    fis-26 ta’ April 2013.

    Mathias DEWATRIPONT, Université Libre de Bruxelles

    fl-1 ta’ Frar 2013.

    Tomasz DIETL, l-Akkademja Pollakka tax-Xjenzi

    31 ta’ Diċembru 2013

    Daniel DOLEV, L-Università Ebrajka ta’ Ġerusalemm

    fil-31 ta’ Diċembru 2013.

    Carlos M. DUARTE, il-Kunsill Spanjol għar-Riċerka Xjentifika, Majorca

    fis-26 ta’ April 2013.

    Daniel ESTEVE, CEA Saclay

    fil-31 ta’ Diċembru 2013.

    Pavel EXNER, Istitut Doppler, Praga

    fil-31 ta’ Diċembru 2013.

    Hans-Joachim FREUND, Istitut Fritz-Haber, Berlin

    fl-1 ta’ Frar 2013.

    Timothy HUNT, London Research Institute

    fil-31 ta’ Diċembru 2013.

    Carl-Henrik HELDIN, Istitut Ludwig għar-Riċerka dwar il-Kanċer

    fil-31 ta’ Diċembru 2013.

    Norbert KROO, l-Akkademja Ungeriża tax-Xjenzi

    fl-1 ta’ Frar 2013.

    Maria Teresa LAGO, l-Università ta’ Porto

    fl-1 ta’ Frar 2013.

    Henrietta L. MOORE, l-Università ta’ Cambridge

    fis-26 ta’ April 2013

    Helga NOWOTNY, Wissenschaftszentrum, Wien

    fil-31 ta’ Diċembru 2013.

    Christiane NÜSSLEIN-VOLHARD, Istutut Max-Planck-Institute għall-Bijoloġija tal-Iżvilupp, Tübingen

    fl-1 ta’ Frar 2013.

    Alain PEYRAUBE, CNRS, Paris

    fil-31 ta’ Diċembru 2013.

    Jens ROSTRUP-NIELSEN, Haldor Topsoe A/S

    fl-1 ta’ Frar 2013.

    Mart SAARMA, l-Università ta’ Helsinki

    fil-31 ta’ Diċembru 2013.

    Anna TRAMONTANO, l-Università ta’ Ruma La Sapienza

    fil-31 ta’ Diċembru 2013.

    Isabelle VERNOS, Centre Regulació Genómica, Barċellona

    fil-31 ta’ Diċembru 2013.

    ▼M1




    ANNESS III

    AĊĊESS GĦAD-DOKUMENTI U D-DEJTA

    Aċċess għad-dokumenti u d-dejta

    1. Sabiex jiġu mwettqa l-inkarigi fdati lilu, il-Kunsill Xjentifiku jista’ jitlob aċċess għad-dokumenti u d-dejta ta’ proċess li huma fil-pussess tal-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka.

    2. Minbarra l-materjal li għandhom id-dritt ta’ aċċess għalih fl-ambitu tal-qafas relatat mal-aċċess pubbliku għad-dokumenti ( 8 ), l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka għandha tipprovdi lill-Kunsill Xjentifiku bid-dokumenti u d-dejta meħtieġa għat-twettiq tal-inkarigi fdati lill-Kunsill Xjentifiku sakemm dan isir f’konformità ma’ u fil-limiti tal-obbligi dwar il-kunfidenzjalità, is-sigurtà u l-protezzjoni tad-dejta personali kif previst mill-liġi tal-Unjoni Ewropea.

    3. Il-membri tal-Kunsill Xjentifiku għandhom jużaw biss tali dokumenti u dejta għall-finijiet u l-inkarigi li għalihom jiġu pprovduti u għandhom ikunu marbuta ma’ obbligu ta’ kunfidenzjalità.

    4. Għandhom jiġu stabbiliti miżuri orġanizzazzjonali u tekniċi xierqa li jiżguraw is-sigurtà u l-kunfidenzjalità tal-aċċess u l-ipproċessar sabiex jiġi evitat kwalunkwe żvelar jew aċċess mhux awtorizzati, qerda aċċidentali jew illegali, telfa jew alterazzjoni tad-dejta u d-dokumenti.

    L-aċċess għal dejta personali

    5. Għall-ipproċessar tad-dejta personali, il-membri tal-Kunsill Xjentifiku li jirċievu din id-dejta personali għandhom jiggarantixxu l-livell ta’ protezzjoni tad-dejta personali skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ).

    6. Il-membri tal-Kunsill Xjentiku m’għandhomx jipproċessaw kwalunkwe dejta personali b’tali mod li jkun inkompattibbli mal-finijiet u l-inkarigi li għalihom jiġu trażmessi.

    7. Il-membri tal-Kunsill Xjentifiku għandhom jagħtu l-attenzjoni dovuta lil-leġittimità, l-adegwatezza, ir-rilevanza, l-akkuratezza, il-ħtieġa u l-limitu ta’ żmien tad-dejta personali miġbura u pproċessata.

    It-tagħrif

    8. F’każ li l-aċċess għad-dokumenti u d-dejta jew l-aċċess għad-dejta personali ma jistax jingħata minhabba l-protezzjoni tad-dejta, il-kunfidenzjalità, jew minħabba raġunijiet ta’ sigurtà u ta’ interess pubbliku, l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka għandha tipprovdi lill-Kunsill Xjentifiku spjegazzjoni bil-miktub tar-raġunijiet għalfejn ma jistax jingħata aċċess, kif ukoll kwalunkwe tagħrif fuq it-tema konċernata li, fil-fehma tagħha, jista’ jingħata b’konformita mad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti.




    ANNESS IV

    Onorarji u regoli ta’ implimentazzjoni għall-parteċipazzjoni tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC fil-laqgħat plenarji tal-Kunsill Xjentifiku

    L-onorarji, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-ispejjeż tal-għajxien għall-parteċipazzjoni f’mhux aktar minn ħames laqgħat plenarji fis-sena għandhom jiġu implimentati permezz ta’ ittra ta’ ħatra ad hoc skont il-modalitajiet li ġejjin.

    It-tul taż-żmien ta’ laqgħa plenarja tal-Kunsill Xjentifiku huwa normalment ta’ ġurnata u nofs (1,5).

    L-onorarji tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku għandhom ikunu ta’ EUR 2 000 għall-attendenza sħiħa f’laqgħa plenarja tal-Kunsill Xjentifiku jew EUR 1 000 għall-attendenza parzjali.

    L-onorarji tal-Viċi Presidenti tal-Kunsilli Xjentifiku għandhom ikunu ta’ EUR 3 500 għall-attendenza sħiħa f’laqgħa plenarja tal-Kunsill Xjentifiku jew EUR 1 750 għall-attendenza parzjali.

    L-onorarju tal-President tal-Kunsill Xjentifiku għandu jkun ta’ EUR 5 000 għall-attendenza sħiħa f’laqgħa plenarja tal-Kunsill Xjentifiku jew EUR 2 500 għall-attendenza parzjali.

    Il-pagament se jkun awtorizzat mid-Direttur tal-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka jew il-viċi awtorizzat tiegħu/tagħha abbażi tal-lista ta’ attendenza vvalidata mill-President tal-Kunsill Xjentifiku u d-Direttur tal-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka jew is-supplenti tagħhom awtorizzati kif dovut. Il-lista tal-attendenza se tindika jekk il-attendenza ta’ kull membru kopritx il-laqgħa kollha (“attendenza sħiħa”) jew mod ieħor (“attendenza parzjali”).



    ( 1 ) ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

    ( 2 ) ĠU L 400, 30.12.2006, p. 243.

    ( 3 ) ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/548/KE, Euratom (ĠU L 215, 5.8.2006, p. 38).

    ( 4 ) ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    ( 5 ) ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

    ( 6 ) ĠU L 9, 12.1.2008, p. 15.

    ( 7 ) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 5858.

    ( 8 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni,ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

    ( 9 ) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

    Top