Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02005D0513-20070213

    Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 11 ta' lulju 2005 dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-faxxa tal-frekwenza ta’ 5 GHz għall-implimentazzjoni ta’ Sistemi ta’ Aċċess bla Wajers inklużi n-Netwerks tar-Radju għaż-Żona Lokali (WAS/RLANs) (notifikata bid-dokument numru C(2005) 2467) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (2005/513/KE)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/513/2007-02-13

    2005D0513 — MT — 13.02.2007 — 001.002


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-11 ta' lulju 2005

    dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-faxxa tal-frekwenza ta’ 5 GHz għall-implimentazzjoni ta’ Sistemi ta’ Aċċess bla Wajers inklużi n-Netwerks tar-Radju għaż-Żona Lokali (WAS/RLANs)

    (notifikata bid-dokument numru C(2005) 2467)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2005/513/KE)

    (ĠU L 187, 19.7.2005, p.22)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      No

    page

    date

     M1

    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI tat-12 ta' Frar 2007

      L 41

    10

    13.2.2007


    Ikkoreġut b'

    ►C1

    Rettifika, ĠU L 071M, 17.3.2009, p. 534  (90/07)




    ▼B

    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-11 ta' lulju 2005

    dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-faxxa tal-frekwenza ta’ 5 GHz għall-implimentazzjoni ta’ Sistemi ta’ Aċċess bla Wajers inklużi n-Netwerks tar-Radju għaż-Żona Lokali (WAS/RLANs)

    (notifikata bid-dokument numru C(2005) 2467)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2005/513/KE)



    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) ( 1 ), b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2003 dwar l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjoni għall-aċċess R-LAN mill-pubbliku f’netwerks u servizzi pubbliċi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità ( 2 ) irrakkomandat lill-Istati Membri sabiex jippermettu d-dispożizzjoni għall-aċċess R-LAN mill-pubbliku f’netwerks u servizzi pubbliċi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-faxxa tal-frekwenza ta’ 5 GHz li hija disponibbli.

    (2)

    Din ikkunsidrat ukoll li aktar armonizzazzjoni, b’mod partikolari tal-faxxa tal-frekwenza ta’ 5 GHz, hija meħtieġa fil-qafas tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE sabiex jiġi żgurat li l-faxxa hija disponibbli għal sistemi R-LAN fl-Istati Membri kollha u sabiex tittaffa l-konġestjoni żejda li qiegħda tiżdied fil-faxxa tal-frekwenza ta’ 2,4 GHz, magħżula għas-sistemi R-LAN bid-Deċiżjoni(01) 07 tal-Kumitat tar-Radjukomunikazzjonijiet Ewropew ( 3 ).

    (3)

    Il-partijiet rilevanti tal-faxxa tal-frekwenza ta’ 5 GHz ġew allokati għas-servizz mobbli, eskluż is-servizz mobbli ajrunawtiku, fuq bażi primarja, fit-tliet Reġjuni kollha tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT) mill-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni tal-2003 (WRC-03), waqt li kienet ikkunsidrata l-ħtieġa li jiġu protetti servizzi primarji oħra f’dawn il-faxex ta’ frekwenzi.

    (4)

    Il-WRC-03 adottat ir-Riżoluzzjoni tal-ITU-R 229 dwar “L-Użu tal-faxex ta’ frekwenzi ta’ 5 150-5 250, 5 250-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz mis-servizz mobbli għal Sistemi ta’ Aċċess bla Wajer inklużi n-Netwerks tar-Radju għaż-Żona Lokali” li kienet ta’ inċentiv għal aktar armonizzazzjoni Ewropea sabiex is-sistemi ta’ R-LAN ikollhom aċċess rapidu fl-Unjoni Ewropea.

    (5)

    Minħabba din l-armonizzazzjoni, fit-23 ta’ Diċembru 2003 il-Kummissjoni ħarġet mandat ( 4 ) lill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (CEPT), skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE, biex tarmonizza l-faxxa tal-frekwenza ta’ 5 GHz tal-ispettru tar-radju sabiex tintuża minn RLANs.

    (6)

    Bħala riżultat ta’ dan il-mandat, is-CEPT, permezz tal-Kumitat għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi tiegħu, iddefinixxa fir-rapport tiegħu ( 5 ) tat-12 ta’ Novembru 2004 u fid-Deċiżjoni tiegħu ECC/DEC(04)08 tat-12 ta’ Novembru 2004 kundizzjonijiet tekniċi u operattivi speċifiċi għall-użu ta’ frekwenzi speċifiċi fil-faxxa tal-frekwenza ta’ 5 GHz, li huma aċċettabbli għall-Kummissjoni u għall-Kumitat għall-Ispettru tar-Radju, u għandhom ikunu applikabbli fil-Komunità sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ WAS/RLAN fuq bażi armonizzata fil-Komunità.

    (7)

    L-WAS/RLAN għandu jissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom ( 6 ). L-Artikolu 3.2 ta’ din id-Direttiva jobbliga lill-fabbrikanti sabiex jiżguraw li t-tagħmir ma jkun jikkawża l-ebda interferenza lil utenti oħra tal-ispettru tar-radju.

    (8)

    F’diversi Stati Membri, hemm ħtieġa essenzjali għat-tħaddim ta’ radar militari u meteoroloġiċi fil-faxex ta’ frekwenza ta’ bejn 5 250 u 5 850 MHz, li jeħtieġu protezzjoni speċifika mill-intereferenza dannuża kkawżata minn WAS/RLAN.

    (9)

    Huwa meħtieġ ukoll li jiġu speċifikati limiti xierqa għall-qawwa iżotropika radjata ekwivalenti kif ukoll restrizzjonijiet operattivi, bħal pereżempju restrizzjonijiet minħabba l-użu fuq ġewwa, għal WAS/RLAN, b’mod partikolari fil-faxxa tal-frekwenza ta’ 5 150-5 350 MHz, sabiex jiġu protetti s-servizzi tal-esplorazzjoni tad-dinja bis-satellita (attivi), tar-riċerka spazjali (attivi) kif ukoll il-kollegamenti ta’ konnessjoni tas-servizzi mobbli permezz tas-satellita (mobile-satellite service feeder links).

    (10)

    Kif speċifikat fir-rapport tas-CEPT it-tqassim fil-faxex ta’ frekwenza ta’ 5 250-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz bejn ir-radars tas-servizz tar-radjulokalizzazzjoni u ta’ WAS/RLAN huwa possibbli biss bl-applikazzjoni ta’ limiti tal-qawwa u b’tekniki ta’ mitigazzjoni li jiggarantixxu li WAS/RLAN ma jikkawża l-ebda interferenza ma’ sistemi/applikazzjonijiet bir-radar. Ir-Regolatur tal-Qawwa tat-Trażmettitur (Transmitter Power Control (TPC)) u l-Għażla Dinamika tal-Frekwenza (Dynamic Frequency Selection (DFS)) ġew, għalhekk, inklużi fl-istandard armonizzat EN 301 893 ( 7 ), żviluppat mill-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) sabiex iforni l-preżunzjoni tal-konformità tal-WAS/RLAN mad-Direttiva 1999/5/KE. Ir-regolatur tal-qawwa tat-trażmettitur (TPC) fil-WAS/RLANs li jiffunzjonaw fil-faxex ta’ frekwenza ta’ 5 250-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz għandu jiffaċilita t-tqassim mas-servizzi bis-satellita bit-tnaqqis sinifikanti ta’ interferenza kumplessiva. Id-DFS, li tirrispetta r-rekwiżiti tas-sejba, tal-funzjonament u tat-tweġiba stabbiliti fl-Anness I għar-Rakkomandazzjoni ITU-R M. 1652 ( 8 ) tevita li l-WAS/RLAN juża frekwenzi li jintużaw mir-radars. Għandha tkun sorveljata l-effikaċja tat-tekniki ta’ mitigazzjoni f’EN 301 893 sabiex jiġu protetti r-radars bi frekwenza fissa. Din in-norma tista’ tiġi riveduta sabiex jiġu kkunsidrati żviluppi ġodda, ibbażati fuq l-istudju mill-Istati Membri dwar metodi u proċeduri ta’ verifika adattati għat-tekniki ta’ mitigazzjoni.

    (11)

    Huwa fatt magħruf li, kemm fuq livell ta’ Komunità kif ukoll fuq livell ta’ UIT, hemm bżonn ta’ aktar studji u li jkun hemm il-possibbiltà li jiġu żviluppati kundizzjonijiet tekniċi/operattivi alternattivi għall-WAS/RLAN, filwaqt li fl-istess ħin tkun garantita protezzjoni adegwata għas-servizzi primarji l-oħra, b’mod partikolari ir-radjulokalizzazzjoni. Barra minn hekk, jixraq li l-amministrazzjonijiet nazzjonali jagħmlu kampanji ta’ kejl u provi sabiex jaġevolaw il-koeżistenza bejn id-diversi servizzi. Dawn l-istudji u dan l-iżvilupp għandhom jiġu kkunsidrati fir-reviżjoni futura ta’ din id-Deċiżjoni.

    (12)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma b’mod konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:



    Artikolu 1

    Din id-Deċiżjoni għandha l-għan li tarmonizza l-kundizzjonijiet għad-disponibbiltà kif ukoll għall-użu effiċjenti tal-faxex ta’ frekwenza ta’ 5 150-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz għas-Sistemi ta’ Aċċess bla Wajers inklużi n-Netwerks tar-Radju għaż-Żona Lokali (WAS/RLANs).

    Artikolu 2

    Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a) “Sistemi ta’ Aċċess bla Wajers inklużi n-Netwerks tar-Radju għaż-Żona Lokali (WAS/RLANs)” tfisser is-sistemi ta’ komunikazzjoni bir-radju f’faxxa wiesgħa li jippermettu l-aċċess mingħajr fili għal applikazzjonijiet pubbliċi jew privati minkejja t-tipoloġija bażi tan-netwerk.

    (b) “Użu fuq ġewwa” tfisser l-użu f’bini, inklużi l-postijiet li jixbhu dan bħalma huwa l-ajruplan, li fih il-kisi jforni b’mod tipiku l-attenwazzjoni meħtieġa sabiex ikun faċilitat l-iskambju ma’ servizzi oħra.

    (c) “Il-qawwa iżotropika radjata ekwivalenti (e.i.r.p.) medja” tfisser l-e.i.r.p. matul il-bgħit tat-trażmissjoni li tikkorrispondi għall-qawwa massima, jekk jiġi implimentat ir-regolatur tal-qawwa.

    Artikolu 3

    Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2005, l-Istati Membri għandhom jagħżlu l-faxex ta’ frekwenza ta’ 5 150-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz u jieħdu l-mezzi kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-WAS/RLAN, soġġett għall-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 4.

    ▼C1

    Artikolu 4

    1.  Fil-medda tal-frekwenza 5 150-5 350 MHz, WAS/RLANs għandu jkun limitat għall-użu ta' ġewwa biss b'medja massima e.i.r.p. ta' 200 Mw. Barra minn hekk, fil-medda ta' 5 150-5 350 MHz il-medja massima tad-densità e.i.r.p. għandha tkun limitata għal 10 mW/MHz fi kwalunkwe medda ta' 1 MHz.

    ▼B

    2.  Fil-faxxa tal-frekwenza ta’ 5 470-5 725 MHz, l-użu fuq ġewwa u fuq barra tal-WAS/RLANs huwa ristrett għal e.i.r.p. medja li ma taqbiżx 1 W u għal densità massima ta’ e.i.r.p. medja ta’ 50 mW/MHz fi kwalunkwe faxxa ta’ 1 MHz.

    3.  Il-WAS/RLAN li jiffunzjonaw fil-faxex ta’ frekwenza ta’ 5 250-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz għandhom jutilizzaw regolatur tal-qawwa tat-trażmettitur li jiggarantixxi, bħala medja, fattur ta’ mitigazzjoni ta’ mill-inqas 3 dB fuq il-qawwa massima ta’ output li dawn is-sistemi jippermettu.

    Jekk ir-regolatur tal-qawwa tat-trażmettitur ma jintużax, il-valur massimu tal-e.i.r.p. medja li jista’ jintlaħaq u l-limiti li jikkorrispondu tad-densità tal-e.i.r.p. medja għall-faxex ta’ frekwenza ta’ 5 250-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz għandhom jitnaqqsu bi 3 dB.

    4.  Il-WAS/RLAN li joperaw fil-faxex ta’ frekwenza ta’ 5 250-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz għandhom jużaw tekniki ta’ mitigazzjoni li jiggarantixxu mill-inqas l-istess protezzjoni bħar-rekwiżiti tas-sejba, tal-funzjonament u tat-tweġiba deskritti f’EN 301 893 sabiex jiġi żgurat funzjonament li jkun kompatibbli mas-sistemi tar-radjulokalizzazzjoni. Dawn it-tekniki ta’ mitigazzjoni jiżguraw l-istess probabbiltà li jintgħażel kanal speċifiku għall-kanali disponibbli kollha sabiex tiġi żgurata, bħala medja, firxa kważi uniformi fil-konġestjoni tal-ispettru tar-radju.

    5.  L-Istati Membri għandhom jirrevedu dawn it-tekniki ta’ mitigazzjoni b’mod regolari u jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar dawn.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.



    ( 1 ) ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

    ( 2 ) ĠU L 78, 25.3.2003, p. 12.

    ( 3 ) Id-Deċiżjoni tal-KRE (01)07 tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar frekwenzi armonizzati, karatteristiċi tekniċi u eżenzjoni minn liċenzji individwali għal Tagħmir ta’ Medda Qasira użat għal Netwerks tar-Radju taż-Żona Lokali (RLANs) li jopera fil-faxxa ta’ frekwenzi 2 400-2 483,5 MHz.

    ( 4 ) Il-mandat lis-CEPT sabiex jarmonizza kundizzjonijiet tekniċi u, b’mod partikolari, l-kundizzjonijiet operattivi bl-għan li RLAN jagħmel użu effiċjenti mill-faxex ta’ frekwenza 5 150-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz tal-ispettru tar-radju.

    ( 5 ) It-tweġiba tal-CEPT lill-mandat tal-KE sabiex jarmonizza kundizzjonijiet tekniċi u, b’mod partikolari, l-kundizzjonijiet operattivi bl-għan li RLAN jagħmel użu effiċjenti mill-faxex ta’ frekwenza 5 150-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz tal-ispettru tar-radju.

    ( 6 ) ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10.

    ( 7 ) EN 301 893 huwa standard armonizzat żviluppat mill-ETSI (Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni), is-Segretarjat tal-ETSI, intitolat Netwerks għal Aċċess għal Faxxa Radjofonika Wiesgħa (Broadband Radio Access Networks (BRAN); RLAN ta’ prestazzjoni għolja ta’ 5 GHz; EN armonizzat li jkopri rekwiżiti essenzjali tal-Artikolu 3.2 tad-Direttiva R&TTE. L-ETSI huwa rikonoxxut skont id-Direttiva tal-Parlament Ewopew u tal-Kunsill 98/34/KE. Dan l-istandard armonizzat sar skont mandat maħruġ b’mod konformi mal-proċeduri rilevanti tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/34/KE. It-test sħiħ ta’ EN 301 893 jista’ jinkiseb mill-ETSI 650 Route des Lucioles F-06921 Sophia Antipolis Cedex.

    ( 8 ) Ir-Rakkomandazzjoni ITU-R M.1652 L-Għażla Dinamika tal-Frekwenza (Dynamic frequency selection (DFS) f’sistemi ta’ aċċess mingħajr fili inklużi n-netwerks tar-radju għaż-żona lokali sabiex ikun protett is-servizz tar-radjulokalizzazzjoni fil-faxxa ta’ 5 GHz (Mistoqsijiet ITU-R 212/8 u ITU-R 142/9).

    Top