EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1972

Riżoluzzjoni (UE) 2023/1972 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew għas-sena finanzjarja 2021

ĠU L 242, 29.9.2023, p. 570–575 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1972/oj

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/570


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1972 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew għas-sena finanzjarja 2021

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew għas-sena finanzjarja 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0089/2023),

A.

billi l-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew (l-“Impriża Konġunta”) ġiet stabbilita f’Ottubru 2018 għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2026 (1) u saret awtonoma f’Settembru 2020;

B.

billi f’Lulju 2021, il-Kunsill adotta regolament fundatur ġdid li jestendi t-tul ta’ żmien tal-Impriża Konġunta taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027, għal perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2033 (2) bil-missjoni tiġi żviluppata, implimentata, estiża u miżmuma fl-Unjoni ekosistema tal-infrastruttura tas-supercomputing, tal-computing kwantistiku, tas-servizzi u tad-data li tkun fuq quddiem nett fid-dinja, federata, sigura u iperkonnessa, u biex jiġu appoġġjati l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ sistemi tas-supercomputing innovattivi u kompetittivi orjentati lejn id-domanda u mmexxija mill-utenti bbażati fuq katina tal-provvista li tiżgura komponenti, teknoloġiji u għarfien li jillimitaw ir-riskju ta’ tfixkil u l-iżvilupp ta’ firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet ottimizzati għal dawn is-sistemi, kif ukoll biex jitwessa’ l-użu ta’ dik l-infrastruttura tas-supercomputing għal għadd kbir ta’ utenti pubbliċi u privati, u biex jiġu appoġġjati t-tranżizzjoni doppja u l-iżvilupp ta’ ħiliet ewlenin għax-xjenza u l-industrija Ewropej;

C.

billi l-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Parteċipanti (3), u żewġ sħab privati, irrappreżentati mill-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u l-assoċjazzjonijiet tal-Valur tal-Big Data; billi fi tmiem l-2021, il-bord ta’ tmexxija tal-Impriża Konġunta aċċetta t-talba għal sħubija ta’ sieħeb privat terz, il-Konsorzju Ewropew tal-Industrija Quantum;

D.

billi l-kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta (inklużi l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE) skont ir-Regolament (UE) 2021/1173 għandha tammonta għal EUR 3,081 biljun, inklużi EUR 92 miljun għall-ispejjeż, dment li dak l-ammont ikun daqs jew inqas mill-kontribuzzjoni tal-Istati Parteċipanti;

Aspetti ġenerali

1.

Jilqa’ l-fatt li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (ir-“rapport tal-Qorti”) sab li l-kontijiet tal-Impriża Konġunta għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2021, ir-riżultati tal-operat tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li tkun intemmet, skont ir-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni; jenfasizza l-fatt li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi għall-kontijiet huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

2.

Jinnota, madankollu, li l-Qorti qieset ir-riskju għall-affidabbiltà tal-kontijiet annwali bħala medju, minħabba li l-proċeduri rigward ir-rikonoxximent u l-ġestjoni tal-assi għadhom ma ġewx stabbiliti, u minħabba r-rekwiżiti għar-rappurtar, iċ-ċertifikazzjoni u l-validazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri tagħha;

3.

Jinnota li l-Impriża Konġunta se tirċievi finanzjament addizzjonali ta’ madwar EUR 2 biljun mill-programm Ewropa Diġitali, kif ukoll fondi addizzjonali ta’ EUR 200 miljun mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa biex jiġu appoġġjati l-akkwiżizzjoni, l-implimentazzjoni, it-titjib u l-operat tal-infrastrutturi għas-superkompjuters u l-kompjuters kwantistiċi;

4.

Jirrikonoxxi l-fatt li Orizzont Ewropa 2020 jipprevedi għanijiet ambizzjużi għall-impriża konġunta, li jistgħu jinkisbu biss jekk jitfasslu u jiġu implimentati soluzzjonijiet effettivi li jindirizzaw id-dgħufijiet fis-sistemi ta’ kontroll intern u jħejju għall-isfidi futuri li jirriżultaw miż-żieda fir-responsabbiltajiet, pereżempju fil-qasam tal-ġestjoni u tal-ippjanar tar-riżorsi umani; jirrimarka, f’dan il-kuntest, li kalkoli u rekwiżiti ta’ rapportar partikolarment ikkumplikati u onerużi jirrappreżentaw riskju sinifikanti ta’ żball u jitlob, għalhekk, li jiġu esplorati l-possibbiltajiet ta’ simplifikazzjoni, fejn possibbli u kompatibbli mal-qafas ġuridiku eżistenti;

5.

Jinnota li l-2021 kienet l-ewwel sena sħiħa ta’ operat għall-Impriża Konġunta minn mindu saret awtonoma f’Settembru 2020;

6.

Jinnota li fost l-impriżi konġunti ma hemm l-ebda definizzjoni armonizzata ta’ spejjeż amministrattivi, li tikkostitwixxi bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri tagħhom u prekundizzjoni biex dawn l-ispejjeż isiru kumparabbli; jappella, f’dan il-kuntest, għal linji gwida komuni sabiex l-impriżi konġunti kollha jieħdu approċċ armonizzat għall-klassifikazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ nfiq għal kostijiet amministrattivi, bħall-infiq għal konsulenzi, studji, analiżijiet, evalwazzjonijiet u assistenza teknika;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

7.

Jinnota li, għall-2021, il-baġit f’approprjazzjonijiet ta’ pagament ġodda ammonta għal EUR 207,5 miljun (imqabbel ma’ EUR 181,5 miljun fl-2020) u f’approprjazzjonijiet ta’ impenn ġodda għal EUR 722,4 miljun (imqabbel ma’ EUR 509,1 miljun fl-2020); jinnota li l-baġit għall-pagamenti disponibbli ammonta għal EUR 348,2 miljun (imqabbel ma’ EUR 181,5 fl-2020) u l-baġit impenjat disponibbli ammonta għal EUR 753 4 miljun (imqabbel ma’ EUR 509,1 fl-2020); jinnota li l-baġit disponibbli jinkludi l-approprjazzjonijiet mhux użati mis-snin preċedenti, li l-Impriża Konġunta reġgħet daħħlet fil-baġit tas-sena attwali, kif ukoll id-dħul assenjat u r-riallokazzjonijiet għas-sena li jmiss;

8.

Jinnota bi tħassib li l-Qorti kkategorizzat ir-riskju għall-ġestjoni baġitarja bħala medju għall-Impriża Konġunta minħabba dgħufijiet osservati fil-proċess tal-ippjanar u l-monitoraġġ tal-baġit, u l-kumplessità u n-natura pluriennali tal-kuntratti u l-azzjonijiet iffinanzjati permezz ta’ għotjiet tagħha; jistieden lill-Impriża Konġunta tindirizza din il-kwistjoni fil-proċeduri baġitarji u ta’ monitoraġġ futuri;

9.

Jinnota li, fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta kienet diġà impenjat EUR 180 miljun għall-kofinanzjament ta’ 50 % fil-qafas tal-għotjiet għar-riċerka u l-innovazzjoni ta’ Orizzont 2020, li hija l-mira minima taħt ir-Regolament (UE) 2018/1488 u li l-Istati Parteċipanti għandhom jiffinanzjaw il-50 % li jifdal tal-ispejjeż totali tal-proġetti, u li l-membri privati għandhom jikkontribwixxu b’żieda mal-ispejjeż massimi eliġibbli tal-azzjonijiet iffinanzjati permezz ta’ għotjiet; jinnota, madankollu, bi tħassib, li, sa dik id-data, il-membri privati kienu rrappurtaw biss EUR 4,2 miljun ta’ kontribuzzjonijiet in natura; jinnota li l-Qorti tqis li hemm riskju għoli li l-kontribuzzjonijiet ta’ EUR 420 miljun mill-membri privati, kif meħtieġ taħt ir-Regolament (UE) 2018/1488, mhux se jinkisbu sa tmiem l-implimentazzjoni tal-proġett ta’ għotja;

10.

Jinnota li r-Regolament (UE) 2021/1173 jirrikjedi li l-Impriża Konġunta timplimenta proġetti li jammontaw għal EUR 7 biljun, li minnhom EUR 3,1 biljun għandhom jiġu ingranati mill-Istati Parteċipanti u EUR 900 miljun minn membri privati fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet fi flus u in natura. jenfasizza l-fatt li dan jirrappreżenta żieda sinifikanti meta mqabbel mal-QFP preċedenti tal- li taħtu l-Impriża Konġunta kellha timplimenta proġetti ta’ madwar EUR 1,4 biljun, u għalhekk, ir-riskju li l-Impriża Konġunta ma tilħaqx il-miri ta’ kontribuzzjoni tal-membri l-oħra skont ir-Regolament (UE) 2021/1173 jiżdied b’mod sinifikanti;

11.

Jinnota li, fir-rigward tal-baġit 2021 tal-Impriża Konġunta disponibbli għall-proġetti operazzjonali, ir-rati ta’ implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn operazzjonali u ta’ pagament kienu ta’ 2 % u ta’ 47 %, rispettivament; jinnota li r-rata baxxa ħafna ta’ implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn hija spjegata fil-biċċa l-kbira mid-dewmien fil-bidu tal-Impriża Konġunta taħt il-QFP 2021-2027 f’Lulju 2021 u t-trasferiment mill-Kummissjoni u l-Istati Parteċipanti ta’ EUR 700 miljun ta’ fondi lill-Impriża Konġunta f’Diċembru 2021; jinnota li d-dewmien mill-entitajiet ospitanti u kwistjonijiet ta’ provvista għal komponenti ewlenin ikkawżati mis-sitwazzjoni ta’ pandemija globali fil-kostruzzjonijiet tal-bini (ċentri tad-data), neċessarji biex jospitaw u joperaw is-superkompjuters diġà akkwistati, ikkontribwew ukoll għar-rata baxxa ta’ implimentazzjoni;

12.

Jinnota li r-rata baxxa ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament operazzjonali kienet ikkawżata prinċipalment mid-dewmien fil-bidu ta’ xi proġetti ġodda ta’ infrastruttura, li rriżulta f’dewmien fil-pagamenti ta’ prefinanzjament ippjanati għall-2021, kif ukoll miż-żmien addizzjonali mhux mistenni meħtieġ għall-ħidma ta’ kontroll ex ante fuq ir-riżultati tanġibbli, fir-rigward tal-ewwel pagamenti interim ta’ għotjiet għall-proġetti taħt Orizzont 2020;

13.

Jinnota li, fir-rigward tal-approprjazzjonijiet amministrattivi ta’ impenn u ta’ pagament, fl-ippjanar tal-baġit amministrattiv tagħha għall-2021, l-Impriża Konġunta ma qisitx suffiċjentement ir-riallokazzjoni tal-ammonti sinifikanti ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament mhux użati tas-snin preċedenti; jinnota, barra minn hekk, li l-approprjazzjonijiet tal-baġit riallokati mis-snin preċedenti ma ntużawx qabel l-approprjazzjonijiet ġodda tas-sena;

14.

Jinnota bi tħassib li l-Impriża Konġunta għad m’għandhiex proċeduri affidabbli għaċ-ċertifikazzjoni u l-validazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura, irrappurtati mill-membri privati tagħha u mill-Istati Parteċipanti u li hija l-unika Impriża Konġunta li ma għandhiex pjan ta’ implimentazzjoni strateġiku għall-kisba ta’ kontribuzzjonijiet minn membri oħra; jistieden lill-Impriża Konġunta tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-passi meħuda biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ pjan bħal dan; jenfasizza li l-Impriża Konġunta għandha timplimenta proċeduri affidabbli għaċ-ċertifikazzjoni u l-validazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet in natura, kif ukoll pjan ta’ implimentazzjoni strateġiku (pjan direzzjonali) bi stadji importanti u miri annwali realistiċi tal-kontribuzzjonijiet kemm għall-Istati Parteċipanti kif ukoll għall-membri privati fil-livell tal-programm; jinnota, barra minn hekk, ir-rikonoxximent tal-Impriża Konġunta tal-azzjoni proposta mill-Qorti u l-impenn tagħha li tindirizza din il-kwistjoni fil-ħin;

15.

Jinnota li fl-ambitu tal-QFP 2021-2027, il-programmi Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali jibqgħu r-riżorsa finanzjarja prinċipali għall-impriżi konġunti, b’baġit totali ta’ EUR 15,1-il biljun għall-kofinanzjament tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni tal-impriżi konġunti u li l-impriżi konġunti jimplimentaw EUR 11,6 biljun, li jirrappreżenta madwar 12 % tal-baġit totali ta’ Orizzont Ewropa ta’ EUR 95,5 biljun; jilqa’, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Impriża Konġunta u l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep (4) futura se jimplimentaw proġetti kbar ta’ bini tal-kapaċità, ta’ implimentazzjoni u ta’ investiment relatati mal-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali Ewropew fl-ambitu tal-Programm Ewropa Diġitali u li l-Impriża Konġunta u l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep futura se jirċievu EUR 3,4 biljun f’fondi tal-Unjoni mill-Programm Ewropa Diġitali, li jirrappreżentaw 39 % tal-finanzjament totali tal-programm ta’ EUR 8,6 biljun, biex jimplimentaw dawk l-attivitajiet;

16.

Jinnota, abbażi tar-rapport tal-Qorti, li, skont ir-Regolamenti (UE) 2021/695 (5) u (UE) 2021/1173, l-Impriża Konġunta hija obbligata tintroduċi proċess ta’ ġestjoni ċentralizzata ġdid, is-sistema tal-Ġestjoni Ċentrali ta’ Kontribuzzjonijiet Finanzjarji (CMFC), biex timmaniġġja l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Parteċipanti tagħha;

17.

Jinnota li, skont is-sistema CMFC ippjanata, kull Stat Parteċipanti jista’ jagħżel li jħallas lill-Impriża Konġunta l-kontribuzzjoni finanzjarja rispettiva tiegħu fil-livell tal-proġett għall-benefiċjarji stabbiliti fl-istat tiegħu, u matul dak il-proċess kull Stat Parteċipanti għandu wkoll dritt ta’ veto fuq il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw l-użu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji nazzjonali tiegħu stess imħallsa lill-Impriża Konġunta għall-applikanti stabbiliti fl-istat tiegħu, f’konformità mar-regoli finanzjarji u tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, li jippermettu lil Stat Parteċipanti jiddeċiedi, abbażi tal-prijoritajiet strateġiċi nazzjonali, jekk jappoġġjax jew le benefiċjarju nazzjonali ta’ proġett ta’ riċerka u innovazzjoni magħżul u approvat; jinnota li, min-naħa l-oħra, l-Impriża Konġunta se jkollha teżegwixxi l-pagamenti kofinanzjati għall-Istati Parteċipanti kollha li jkunu għażlu li jafdawha bil-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom; jinnota li l-Impriża Konġunta se jkollha timmaniġġja u timmonitorja wkoll żewġ proċessi alternattivi ta’ ftehimiet amministrattivi ta’ appoġġ mal-Istati Parteċipanti; jinnota li kull awtorità nazzjonali ta’ finanzjament ta’ kull Stat Parteċipanti jeħtiġilha tiffirma ftehim mal-Impriża Konġunta biex jew tafdaha bil-pagament tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali, jew biex tikkoordina t-trasferiment nazzjonali tal-ftehimiet tal-fondi għall-pagamenti lill-benefiċjarji u r-rappurtar dwar il-kontribuzzjonijiet; jinnota li, skont l-iskeda ta’ żmien tal-Impriża Konġunta, il-ftehimiet għandhom jiġu ffirmati qabel ma l-Impriża Konġunta tkun iffirmat l-ewwel ftehimiet ta’ għotja mudell tagħha għal sejħiet imnedija taħt il-QFP 2021-2027; jistieden lill-Impriża Konġunta tesplora modi kif tissimplifika din il-proċedura ta’ piż u tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar soluzzjonijiet possibbli;

18.

Jinnota, abbażi tal-osservazzjonijiet tal-Qorti, li r-riżorsi addizzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni tas-sistema ppjanata tas-CMFC la ġew ivvalutati mill-Kummissjoni u lanqas ma ġew inklużi fl-istimi inizjali tar-riżorsi tal-persunal tal-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-aġenda l-ġdida ta’ riċerka u innovazzjoni tal-Impriża Konġunta; jinnota li dan in-nuqqas ta’ ppjanar fl-introduzzjoni tas-sistema tas-CMFC flimkien mas-sitwazzjoni tal-persunal, u n-nuqqas ta’ għodod u appoġġ tal-IT jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Impriża Konġunta u l-kisba tal-kontribuzzjonijiet tal-membri l-oħra; jinnota bi tħassib li s-systema ta’ CMFC trid tiġi mmaniġġjata manwalment, u dan se jkun intensiv fl-użu tar-riżorsi umani; jitlob li l-awtorità ta’ kwittanza tiġi infurmata dwar l-istatus ta’ implimentazzjoni ta’ din is-sistema ċentralizzata ġdida;

Akkwist u persunal

19.

Jenfasizza l-fatt li l-Qorti vvalutat ir-riskju għan-nefqa fuq il-kuntratti u l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku bħala medju għall-Impriża Konġunta, minħabba l-proċeduri kumplessi ta’ akkwist għal kuntratti ta’ valur għoli;

20.

Jinnota li, fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta impjegat 15-il membru tal-persunal statutorju u 3 membri tal-persunal interim li jassistu lit-tim tal-finanzi u l-komunikazzjonijiet; jinnota, barra minn hekk, li peress li l-allokazzjoni tal-pożizzjoni ta’ espert nazzjonali sekondat ma tkomplietx skont ir-Regolament i (UE) 2021/1173, ir-reklutaġġ ġie sospiż u se jiġi sostitwit bir-reklutaġġ ta’ uffiċjal tal-programmi fl-2022;

21.

Jiddispjaċih li l-każijiet ta’ t-tħassib ewlieni identifikat mill-Qorti huma relatat mal-fatt li l-Impriża Konġunta ma kellhiex biżżejjed persunal u li n-nuqqas ta’ persunal statutorju suffiċjenti wassal għal żieda fl-użu ta’ persunal interim, li jista’ jwassal għal dgħufijiet fil-ġestjoni finanzjarja, baġitarja u tal-persunal, u jista’ joħloq riskji f’termini ta’ kontinwità tal-attivitajiet, żamma ta’ kompetenzi ewlenin u nuqqas ta’ kontrolli interni suffiċjenti, u konsegwentement, jista’ jaffettwa b’mod negattiv l-ilħuq tal-objettivi tal-Impriża Konġunta; jilqa’ l-fatt li, skont ir-Regolament (UE) 2021/1173, l-Impriża Konġunta hija kapaċi tieħu passi biex tirrettifika din il-kwistjoni u bdiet il-proċess ta’ reklutaġġ filwaqt li tat prijorità lill-pożizzjonijiet essenzjali relatati mal-funzjonijiet ewlenin tal-Impriża Konġunta u l-mitigazzjoni tar-riskju, bħall-pożizzjonijiet interni tal-awdituri;

22.

Jinnota li, skont ir-Regolament (UE) 2021/1173, l-Impriża Konġunta se jkollha timplimenta aktar minn EUR 7 biljun f’fondi u, għal dan, jeħtieġ li tirrekluta 39 membru tal-persunal addizzjonali biex tilħaq il-livell ippjanat tagħha ta’ 54 membru tal-persunal statutorju sa tmiem l-2023 (6); jinnota li, minħabba d-dewmien fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1173, il-Impriża Konġunta nediet biss il-proċessi ta’ reklutaġġ meħtieġa għal seba’ pożizzjonijiet tal-ogħla prijorità mhux qabel tard fl-2021, u li ma setgħetx iżżid il-persunal tagħha matul l-2021;

23.

Jinnota li, fir-rigward tas-sejbiet tal-Qorti dwar is-sitwazzjoni prekarja tal-persunal fl-Impriża Konġunta fl-2021, huma meħtieġa aktar sforzi fil-qasam tar-riżorsi umani b’mod ġenerali u fl-involviment tal-ippjanar tar-riżorsi tal-Kummissjoni sabiex jittejjeb l-ippjanar tar-riżorsi umani u b’mod speċifiku l-proċess ta’ reklutaġġ, biex jiġu evitati każijiet ta’ pożizzjonijiet vakanti fit-tul, għadd kbir ta’ tibdil tal-persunal, numru kbir ta’ persunal estern, dipendenza fuq l-għarfien espert ta’ ftit membri tal-persunal, ammonti eċċessivi ta’ xogħol u bħala konsegwenza assenzi u ineffiċjenzi tal-persunal, u minflok jiġu offerti kundizzjonijiet ta’ impjieg attraenti u soċjalment ġusti li jappoġġjaw l-ilħuq tal-objettivi tal-Impriża Konġunta;

24.

Jinnota li, skont ir-rapport annwali tal-attività tal-2021 minn għadd totali ta’ 45 espert li pparteċipaw f’evalwazzjonijiet u rieżamijiet tal-proġetti, 47 % kienu nisa u 53 % kienu rġiel; jilqa’ dawn iċ-ċifri u jħeġġeġ lill-Impriża Konġunta tkompli ttejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-membri tal-persunal tal-Impriża Konġunta;

25.

Jinnota li l-Impriża Konġunta qed taħdem mad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Baġit biex tiċċara s-sitwazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tal-persunal tal-Impriża Konġunta, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li saru tard fl-2021; jistieden lill-Impriża Konġunta ma tistenniex il-kalkolu finali tal-kontribuzzjonijiet pendenti, iżda tqis dan l-obbligu meta tippjana l-baġit futur tagħha, bħal permezz ta’ akkumulazzjoni korrispondenti għall-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tevita kwistjonijiet simili fil-futur;

Prestazzjoni

26.

Jinnota li l-azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni tal-impriża Konġunta fl-2021 iffukaw l-aktar fuq it-tlestija tas-sejħiet u l-azzjonijiet mibdija fl-2019 u fl-2020 (proġetti preeżistenti);

27.

Jilqa’ l-fatt li tlettax-il konsorzju ffirmaw ftehimiet mal-Impriża Konġunta fl-2021 u bdew jaħdmu f’April 2021; jinnota li l-proġetti jkopru t-tliet suġġetti tas-sejħa "Lejn Teknoloġiji u Applikazzjonijiet fuq Skala Estrema", u jużaw aktar minn 70 % tal-finanzjament deżinjat disponibbli taħt Orizzont Ewropa 2020;

28.

Jenfasizza l-fatt li l-konsorzji differenti se jaħdmu fuq attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni li se jgħinu lill-Ewropa ssir globalment kompetittiva fil-qasam tas-supercomputing u li għaxra minn dawn il-proġetti se jindirizzaw l-EuroHPC-01-2019 “Computing fuq skala estrema u teknoloġiji mmexxija mid-data” u li żewġ proġetti oħra, MICROCARD u REGALE, se jiffukaw is-suġġett EuroHPC-02-2019 fuq “HPC u ambjenti u pjattaformi ta’ applikazzjoni ċċentrati fuq id-data”;

29.

Jinnota, barra minn hekk, li l-proġett exaFOAM se jikkonċentra fuq is-suġġett EuroHPC-03-2019 dwar “Il-kodiċijiet tas-software industrijali għal computing ta’ skala estrema” u li l-Impriża Konġunta nediet sejħa li tkopri s-sejħa “Taħriġ u Edukazzjoni dwar il-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja” għat-tfassil u t-twettiq ta’ programm ta’ Master Ewropew fil-computing ta’ prestazzjoni għolja; din is-sejħa tnediet kmieni fis-sena u sa Ottubru l-Impriża Konġunta setgħet tħabbar li l-proġett kien se jkompli taħt it-tmexxija tal-Università tal-Lussemburgu u b’kollaborazzjoni ma’ seba’ universitajiet oħra Ewropej; huwa konvint li din l-inizjattiva se tiffaċilita l-edukazzjoni u l-iżvilupp professjonali ta’ persuni b’potenzjal għoli, li huma kruċjali għas-suċċess tal-Impriża Konġunta;

30.

Jinnota li, fl-2021, l-Impriża Konġunta ħejjiet it-tieni fażi tal-proġett tal-inizjattiva tal-proċessuri Ewropej, pedament tal-inizjattiva Ewropea lejn awtonomija strateġika fil-computing ta’ prestazzjoni għolja, l-infrastruttura u t-teknoloġiji taċ-ċipep u nbdiet fl-2022 u se tibni fuq il-kisbiet tal-ewwel fażi;

Kontroll Intern

31.

Jilqa’ l-fatt li, fl-2020, l-Impriża Konġunta żviluppat pjan ta’ azzjoni biex timplimenta l-azzjonijiet li fadal tas-17-il prinċipju ta’ kontroll intern tal-qafas ta’ kontroll intern tal-Kummissjoni fl-2021, u li, minħabba l-assenza ta’ persunal amministrattiv ewlieni (bħal kap tal-finanzi u tal-amministrazzjoni u kap tal-kapaċità tal-awditjar intern), l-Impriża Konġunta kienet għadha ma approvatx diversi azzjonijiet importanti ta’ kontroll intern sal-iskadenzi tal-2021 stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni tagħha;

32.

Jinnota bi tħassib li, minkejja r-riskji li qed tiffaċċja l-Impriża Konġunta, minħabba l-baġit ikbar tagħha, wettqet biss eżerċizzju ssimplifikat ta’ valutazzjoni tar-riskju annwali; jinnota, barra minn hekk, li sa tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta ma kinitx ikkompletat għalkollox l-iżvilupp ta’ strateġija ta’ kontroll u monitoraġġ u lanqas pjan ta’ kontinwità tal-operat u pjan għas-sigurtà tal-IT; jissottolinja li dan id-dewmien żied ir-riskju ta’ kontroll intern tal-Impriża Konġunta għall-2021;

33.

Jilqa’ l-fatt li fl-2022 l-impriżi konġunti kollha bdew jimplimentaw azzjonijiet għat-tnaqqis tar-rata ta’ żbalji f’konformità mal-azzjoni proposta mill-Qorti, inkluża l-esplorazzjoni tal-għażliet ta’ forom simplifikati ta’ spejjeż bħal spejjeż unitarji, somom f’daqqa u rati fissi, b’tipi ta’ benefiċjarji fil-mira li huma suxxettibbli għall-iżbalji, bħal impriżi żgħar u ta’ daqs medju u benefiċjarji ġodda;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u strateġija ta’ kontra l-frodi

34.

Jilqa’ l-fatt li l-Impriża Konġunta żviluppat sett komprensiv ta’ regoli u proċeduri biex il-persunal tagħha jkollu qafas ċar li fih jaħdem u li dawn ir-regoli jkunu effettivi fl-istruttura ta’ governanza kollha tal-Impriża Konġunta, u li l-proċeduri ta’ kunflitti ta’ interess ikunu fis-seħħ għall-membri kemm tal-korp ta’ tmexxija kif ukoll tal-korpi konsultattivi;

35.

Jinnota b’apprezzament, barra minn hekk, il-fatt li ġew implimentati miżuri speċifiċi għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess tal-esperti inkarigati mill-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għotjiet u mir-rieżami tal-proġetti u tal-offerti;

36.

Jenfasizza l-fatt li l-Impriża Konġunta adottat u bdiet timplimenta l-istrateġija komuni kontra l-frodi fil-qasam tar-riċerka u li għal oqsma ta’ nefqa għajr l-għotjiet, l-Impriża Konġunta tapplika mutatis mutandis u b’analoġija, l-istrateġija kontra l-frodi approvata mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u l-Ġestjoni tar-Riskju Teknoloġiku.

(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1488 tat-28 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew (ĠU L 252, 8.10.2018, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1173 tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1488 (ĠU L 256, 19.7.2021, p. 3).

(3)  L-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati li għażlu li jsiru membri tal-Impriża Konġunta: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, u t-Turkija.

(4)  Fi Frar 2022, il-Kummissjoni pproponiet li temenda u tbiddel l-isem tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin għal Impriża Konġunta taċ-Ċipep futura. L-Impriża Konġunta taċ-Ċipep huwa maħsub li jkollha l-mandat addizzjonali li timplimenta attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa taħt il-QFP 2021-2027. F’dan il-kuntest, l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep se tuża l-baġit mill-programm Ewropa Diġitali biex trawwem l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi tas-semikondutturi tal-ġenerazzjoni li jmiss u ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-produzzjoni taċ-ċipep Ewropej.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

(6)  COM(2020) 569 tad-19.9.2020.


Top