EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1966

Riżoluzzjoni (UE) 2023/1966. tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 (qabel it-30 ta’ Novembru 2021: L-Impriża Konġunta SESAR) għas-sena finanzjarja 2021

ĠU L 242, 29.9.2023, p. 549–554 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1966/oj

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/549


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1966. TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 (qabel it-30 ta’ Novembru 2021: L-Impriża Konġunta SESAR) għas-sena finanzjarja 2021

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 għas-sena finanzjarja 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0118/2023),

A.

billi l-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR) ġiet stabbilita fi Frar 2007 skont is-Seba’ Programm Kwadru tar-Riċerka (FP7) għal perjodu ta’ tmien snin (SESAR 1); billi f’Ġunju 2014, il-Kunsill emenda r-regolament fundatur u estenda t-tul ta’ ħajja tal-Impriża Konġunta fl-ambitu tal-programm Orizzont 2020 għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2024 (SESAR);

B.

billi f’Novembru 2021, il-Kunsill adotta l-Att Bażiku Uniku, li jistabbilixxi s-SESAR 3 biex tissostitwixxi s-SESAR, fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa għall-perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2031 (1);

C.

billi l-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 hija sħubija pubblika-privata għall-iżvilupp ta’ ġestjoni modernizzata tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa; billi l-membri fundaturi tagħha huma l-UE, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru (Eurocontrol), u aktar minn 50 organizzazzjoni li jkopru l-katina tal-valur tal-avjazzjoni kollha, mill-ajruporti, l-utenti tal-ispazju tal-ajru tal-kategoriji kollha, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, sal-operaturi u s-servizzi tad-droni;

D.

billi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3, inklużi l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE, biex tkopri l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż operattivi għandha tkun sa EUR 600 miljun, inkluż sa EUR 30 miljun għall-ispejjeż amministrattivi; billi l-membri privati tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 għandhom jagħmlu mod jew jistabbilixxu arranġamenti sabiex l-entitajiet kostitwenti jew affiljati tagħhom jagħmlu kontribuzzjoni totali ta’ mill-inqas EUR 500 miljun, inkluż sa EUR 25 miljun għall-ispejjeż amministrattivi, fuq il-perjodu ta’ għaxar snin;

E.

billi l-Eurocontrol għandha tagħmel kontribuzzjoni totali sa EUR 500 miljun, inkluż sa EUR 25 miljun għall-ispejjeż amministrattivi, fuq il-perjodu ta’ għaxar snin; billi l-kontribuzzjoni għandha tikkonsisti wkoll f’kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet addizzjonali;

F.

billi r-Regolament Finanzjarju u l-istandards ta’ ġestjoni għoljin jeħtieġ jiġu rispettati mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE;

G.

billi wieħed mill-aktar għanijiet importanti tal-Impriża huwa li tappoġġa tranżizzjoni rapida lejn avjazzjoni aktar ekoloġika, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

Aspetti ġenerali

1.

Jirrimarka li l-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3, bħala Impriża Konġunta tripartitika, timplimenta — minbarra l-kontribuzzjonijiet tal-baġit tal-UE u tal-membri privati — kontribuzzjonijiet mill-EUROCONTROL ta’ madwar EUR 500 miljun għall-attivitajiet ta’ Orizzont Ewropa u li peress li l-Kummissjoni ma qisitx il-kontribuzzjonijiet tal-EUROCONTROL fil-mudell tal-produttività tagħha, il-proporzjon ta’ produttività aktar baxx li jirriżulta għall-Impriża Konġunta ma jistax jitqabbel direttament mal-proporzjon tal-Impriżi Konġunti l-oħra;

2.

Jiddispjaċih li l-Impriża Konġunta rrappurtat (bħalma għamlu oħrajn) li wara l-proċess intern tal-ippjanar baġitarju u tar-riżorsi, il-maniġment tagħha ma kienx inkluż fil-proċess tan-negozjati bejn id-DĠ prinċipali u d-DĠ BUDG. jiddispjaċih ukoll li, skont l-Impriża Konġunta, ma kienux infurmati b’mod suffiċjenti dwar il-mudell tal-produttività tal-Kummissjoni, użat biex jiġu ddeterminati r-riżorsi umani għall-implimentazzjoni tal-programmi tagħhom taħt il-QFP il-ġdid, u dwar il-bażi għall-iffissar ta’ limitu massimu tal-għadd ta’ persunal, minkejja ż-żieda fil-baġit li għandu jiġi implimentat.

3.

Ifaħħar it-tranżizzjoni bla xkiel lejn l-entità legali l-ġdida l-Impriża Konġunta SESAR 3 u jinnota li l-Impriża żviluppat diversi mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni trażversali, li ppermettew kooperazzjoni trasparenti u strutturata u serrħu fuq l-għarfien espert individwali ta’ kull membru tal-organizzazzjoni, b’mod partikolari, Grupp ta’ Koordinazzjoni tat-Tranżizzjoni li ġie stabbilit fi Frar 2021;

4.

Jirrikonoxxi li Orizzont Ewropa jipprevedi għanijiet ambizzjużi għall-Impriża Konġunta, li jistgħu jinkisbu biss jekk jitfasslu u jiġu implimentati soluzzjonijiet effikaċi li jindirizzaw id-dgħufijiet fis-sistemi ta’ kontroll intern u jħejju għall-isfidi futuri li jirriżultaw miż-żieda fir-responsabbiltajiet, pereżempju fil-qasam tal-ġestjoni u tal-ippjanar tar-riżorsi umani; jirrimarka, f’dan il-kuntest, li kalkoli u rekwiżiti ta’ rapportar partikolarment ikkumplikati u onerużi jirrappreżentaw riskju sinifikanti ta’ żball u jitlob, għalhekk, li jiġu esplorati l-possibbiltajiet ta’ simplifikazzjoni, meta possibbli u kompatibbli mal-qafas ġuridiku eżistenti;

5.

Jisħaq fuq l-importanza tal-Impriża fit-tlestija tal-Ajru Diġitali Ewropew; jenfasizza li l-proposti għall-2021-2027 għas-Sħubijiet Ewropej tas-SESAR u l-FNE huma kruċjali għall-futur tal-avjazzjoni diġitalizzata u ekoloġika u jeħtieġ li jiġu pprovduti b’finanzjament xieraq;

6.

Jisħaq fuq l-importanza tal-Ajru Uniku Ewropew 2+ u jappella għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni f’waqthom tiegħu; jisħaq li l-użu ta’ sistemi tas-satelliti għan-navigazzjoni, il-komunikazzjonijiet u t-traċċar, u l-użu sħiħ tar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR) se jikkontribwixxu għat-tlestija tal-Ajru Uniku Diġitali Ewropew;

7.

Ifakkar fir-rwol strateġiku tal-Impriża fir-rigward tad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-avjazzjoni, fejn ħafna mill-proġetti tagħha huma ffukati fuq l-isfruttar tat-teknoloġija diġitali sabiex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni lejn settur tal-avjazzjoni aktar ekoloġiku;

8.

Jilqa’ l-attivitajiet ġenerali tar-Riċerka u l-Innovazzjoni li l-Impriża Konġunta SESAR 3 se twettaq mill-2021 sal-2031, imsejjaħ il-programm tal-Ajru Diġitali Ewropew, organizzat bħala parti mill-Pipeline tal-Innovazzjoni SESAR; barra minn hekk, ifaħħar prijoritajiet oħra stabbiliti għall-Impriża Konġunta SESAR 3 bħal: l-ingranaġġ ta’ sinerġiji ma’ sħubijiet Ewropej oħra u ma’ programmi nazzjonali jew reġjonali ta’ modernizzazzjoni tal-ATM; l-iżgurar tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati istituzzjonali u tal-industrija; l-iżgurar tal-koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali; il-promozzjoni tal-attivitajiet u r-riżultati tal-Impriża Konġunta SESAR 3 permezz ta’ inizjattivi ta’ komunikazzjoni;

9.

Jinnota li ma hemm l-ebda definizzjoni armonizzata ta’ “spejjeż amministrattivi” fost l-Impriżi Konġunti, terminu li huwa l-bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri tagħha u prekundizzjoni għall-fini ta’ ċifri komparabbli; jitlob, fid-dawl ta’ dan, linji gwida komuni għall-Impriżi Konġunti kollha sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu approċċ armonizzat għall-klassifikazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ nfiq għal spejjeż amministrattivi, bħall-infiq għal konsulenzi, studji, analiżijiet, evalwazzjonijiet u assistenza teknika;

10.

Jaqbel mal-osservazzjoni tal-Qorti li, peress li l-Impriżi Konġunti huma awtonomi u responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ ħidma tagħhom, dawn setgħu jiġu inklużi aħjar fil-proċess tal-ippjanar tar-riżorsi umani għall-QFP 2021-2027;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

11.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (“ir-rapport tal-Qorti”) dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jsib li l-kontijiet annwali tal-2021 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta Clean H2 fil-31 ta’ Diċembru 2021, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, f’konformità mar-Regolament Fnanzjarju tagħha u mar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi għall-kontijiet huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

12.

Jinnota li, fl-2021, il-baġit totali disponibbli (inklużi approprjazzjonijiet mhux użati ta’ snin preċedenti mdaħħla mill-ġdid, dħul assenjat u riallokazzjonijiet għas-sena ta’ wara kien ta’ EUR 34,8 miljun (EUR 163,2 miljun fl-2020) għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 69,9 miljun (EUR 179,2 miljun fl-2020) għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament;

13.

Jinnota li, fir-rigward tal-livell attwali tal-obbligi operattivi tal-membri tal-Impriżi Konġunti, fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta kienet impenjat bis-sħiħ EUR 555,8 miljun mill-kontribuzzjoni massima tal-UE għall-ftehimiet ta’ għotja u kuntratti ffirmati fil-qafas tal-programm Orizzont 2020, li minnhom madwar EUR 92,5 miljun (jew 16,6 %) għad iridu jitħallsu fis-snin li ġejjin għal proġetti u kuntratti li għad iridu jitlestew; jinnota, barra minn hekk, li l-membri privati kienu legalment ħadu l-impenn li jipprovdu l-kontribuzzjonijiet in natura kollha kemm huma b’valur ta’ EUR 280 miljun, definiti fil-ftehim ta’ sħubija industrijali, u l-Eurocontrol li jipprovdi kontribuzzjonijiet ta’ EUR 433,4 miljun jew 91 % tal-mira ta’ EUR 475 miljun f’kontribuzzjonijiet operattivi definiti fil-ftehim bilaterali;

14.

Jenfasizza li r-rata ta’ implimentazzjoni għall-baġit tal-pagamenti tal-Impriża Konġunta għall-2021 disponibbli għall-proġetti taħt Orizzont 2020 kienet ta’ 93 % u li l-Impriża Konġunta ma kellha kważi l-ebda approprjazzjoni ta’ impenn operazzjonali tal-2021 billi hi kienet temmet l-aħħar sejħa tagħha għal proposti sa tmiem l-2020;

15.

Jirrikonoxxi l-effetti kontinwi tal-kriżi tal-COVID-19 fuq is-settur; jinnota li l-Impriża implimentat għadd ta’ miżuri, inkluża l-estensjoni tad-durata tal-għotjiet fejn meħtieġ, biex il-proġetti jkunu jistgħu jikkonkludu l-attivitajiet ta’ validazzjoni tagħhom u jwasslu l-eżiti tekniċi f’konformità mal-iskedi ta’ żmien tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM); jinnota li l-membri u s-sħab tal-Impriża rnexxielhom javvanzaw f’teknoloġiji u proċeduri ġodda permezz tal-proċess ta’ rilaxx tal-pipeline ta’ innovazzjoni tas-SESAR, skont l-iskeda ta’ żmien stabbilita mill-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM — il-pjan direzzjonali tal-Ewropa għat-trasformazzjoni diġitali tal-ATM;

16.

Jinnota li r-riżultat tal-baġit fl-2021 ammonta għal defiċit ta’ EUR 17,55-il miljun (li minnhom kien hemm defiċit ta’ EUR 292 513 għal SESAR 1 wara r-rimborż finali tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji eċċessivi ta’ SESAR 1 u defiċit ta’ EUR 17,26-il miljun għas-SESAR 2020) u li s-surplus kumulattiv li jifdal jammonta għal EUR 592 241;

Prestazzjoni

17.

Jilqa’ l-fatt li fl-2021, l-Impriża Konġunta ssodisfat l-objettivi politiċi u operattivi ewlenin tagħha kif deskritti fid-Dokument Uniku ta’ Programmazzjoni għall-2021 sal-2023;

18.

Japprezza li l-Impriża Konġunta, fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19 u l-impatt finanzjarju tagħha fuq il-Membri tal-Impriża Konġunta, stabbiliet sensiela ta’ miżuri baġitarji li għandhom l-għan li jipprovdu appoġġ immedjat ta’ fluss tal-flus lill-Membri u lis-settur tal-avjazzjoni;

19.

Ifaħħar l-organizzazzjoni tal-1 edizzjoni tal-Jiem tal-Innovazzjoni tas-SESAR u tal-proġetti kollha ddedikati għax-xjenzati żgħażagħ;

20.

Jilqa’ l-fatt li l-Impriża kompliet tiġġestixxi u timmonitorja 71 proġett fit-tliet oqsma ta’ riċerka tagħha fl-2021 (riċerka esploratorja, riċerka industrijali u validazzjoni, u dimostrazzjonijiet fuq skala kbira ħafna), bi 300 benefiċjarju differenti li minnhom kważi 20 % huma SMEs, 17 % huma organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jew universitajiet u 9 % huma organizzazzjonijiet tar-riċerka u jirrakkomanda miżuri li jżidu l-għadd ta’ SMEs fl-għadd ġenerali ta’ proġetti ġestiti mill-Impriża;

Akkwist u persunal

21.

Jinnota li, minħabba l-enfasi tagħha fuq il-proċess ta’ tranżizzjoni, l-Impriża Konġunta llimitat l-għadd massimu tagħha ta’ proċeduri ta’ akkwist u ttrattat 10 proċeduri ta’ akkwist, inklużi sitt akkwisti ta’ valur baxx ħafna; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta ffirmat sitt kuntratti qafas interistituzzjonali ta’ servizz, żewġ kuntratti diretti ta’ servizz, tmien kuntratti speċifiċi li jimplimentaw kuntratti qafas/ftehimiet interistituzzjonali tal-Impriża Konġunta u premju wieħed;

22.

Jinnota li l-Impriża Konġunta ffirmat disgħin emenda għall-kuntratti, il-kuntratti speċifiċi, il-memoranda ta’ qbil u l-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz (FLS) tagħha, prinċipalment bħala konsegwenza tat-tranżizzjoni lejn SESAR 3;

23.

Jilqa’ l-fatt li l-proċeduri kollha twettqu f’konformità mar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta SESAR biex jiġi żgurat ir-rispett għat-trasparenza, il-kompetizzjoni ġusta fost il-fornituri u l-aktar użu effiċjenti tal-fondi tal-Impriża Konġunta;

24.

Jenfasizza li fl-2021, l-Impriża Konġunta adottat sejħiet għall-offerti elettroniċi u sottomissjonijiet elettroniċi ta’ offerti u li, sabiex tiġġestixxi u tiżgura l-implimentazzjoni f’waqtha tal-attivitajiet ta’ akkwist biex tappoġġa l-objettivi tagħha, l-Impriża Konġunta SESAR kompliet tuża għodda għall-ippjanar tal-azzjoni kuntrattwali biex tirreġistra l-attivitajiet kollha ta’ akkwist/kuntratt; jinnota, barra minn hekk, li dan il-fajl jiġi aġġornat kull ġimgħa f’koordinazzjoni mal-aġenti inizjaturi operattivi u mat-tim tal-ġestjoni korporattiva;

25.

Jinnota li l-Impriża Konġunta approvat tabella tal-persunal tal-2021 li tippermetti 38 aġent temporanju jew kuntrattwali u żewġ esperti nazzjonali sekondati (SNEs), kif stabbilit fil-baġit ġenerali annwali tal-Unjoni Ewropea għall-Kummissjoni Ewropea;

26.

Jinnota mir-Rapport Annwali tal-Attività 2021, f’termini ta’ bilanċ bejn il-ġeneri, li ma nkisbet l-ebda żieda sinifikanti fil-parteċipazzjoni tan-nisa, tal-koordinaturi tal-proġetti nisa fil-proġetti ta’ Orizzont 2020 u ta’ membri nisa fi gruppi konsultattivi, gruppi ta’ esperti, panels ta’ evalwazzjoni, esperti individwali, eċċ. meta mqabbla mas-sena preċedenti; jinnota b’dispjaċir li s-sehem ta’ parteċipanti nisa fil-proġetti ta’ Orizzont 2020 fil-fatt naqas meta mqabbel mas-sena preċedenti — minn 30 % għal 29 % — fl-2021; Jinnota b’dispjaċir li skont ir-Rapport Annwali tal-Impriża Konġunta għall-2021, il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-Bord Amministrattiv (mara waħda u 27 raġel) jeħtieġ ħafna titjib; jinsab diżappuntat b’dawn iċ-ċifri u jitlob li jsiru aktar sforzi f’termini ta’ bilanċ bejn il-ġeneri;

27.

Jinnota bi tħassib li matul il-perjodu mill-2018 sal-2021 ir-rata annwali medja ta’ persunal interim għall-Impriżi Konġunti kollha baqgħet għolja, b’madwar 11 % tal-persunal statutorju; ifakkar li l-livell għoli ta’ persunal kuntrattwali għandu t-tendenza li jżid b’mod sinifikanti r-rata ta’ dawran tal-persunal u jkompli jiddestabbilizza s-sitwazzjoni tal-persunal tal-Impriża Konġunta; jenfasizza, madankollu, li l-użu ta’ persunal interim għandu jibqa’ soluzzjoni temporanja, għax inkella dan jista’ jolqot b’mod negattiv il-prestazzjoni kumplessiva tal-Impriża Konġunta, bħaż-żamma tal-kompetenzi ewlenin, doveri ta’ rendikont mhux ċari, tilwim ġudizzjarju possibbli u inqas effiċjenza tal-persunal;

28.

Jinnota li, fl-2021, kompliet il-ħidma fuq għadd ta’ inizjattivi fil-bini tal-Impriża Konġunta SESAR fi Brussell biex jinżammu l-produttività, is-sikurezza u l-effiċjenza tal-ambjent tax-xogħol u tal-faċilitajiet offruti lill-persunal tagħha;

29.

Jinnota li l-allokazzjoni effikaċi tar-riżorsi tal-persunal baqgħet ukoll prijorità għall-Impriża Konġunta SESAR matul l-2021 u li l-isforzi kienu ffukati fuq l-iżvilupp professjonali u tal-karriera tal-persunal tagħha, minbarra li ġie żgurat li r-riżorsi allokati tal-persunal jintużaw bl-aktar mod ekonomiku, effiċjenti u effikaċi;

30.

Jinnota li, fl-2021, l-Impriża Konġunta wettqet l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tagħha skont ir-regoli ta’ implimentazzjoni tagħha, u setgħet twettaq l-eżerċizzju ta’ riklassifikazzjoni, li b’riżultat tiegħu tmien aġenti temporanji ġew riklassifikati;

31.

jinnota li, mill-2016, l-Impriżi Konġunti ma ħallsux il-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem għall-persunal tagħhom għall-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni, li jikkorrispondi għall-proporzjon tad-dħul tagħhom mhux issussidjat mill-UE mad-dħul totali tagħhom, peress li l-Kummissjoni la pprevediet din in-nefqa fil-baġit tal-Impriżi Konġunti u lanqas ma talbet formalment il-pagamenti; jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tevita kwistjonijiet simili fil-futur;

Kontroll Intern

32.

Jinnota li, għall-pagamenti ta’ Orizzont 2020, is-Servizz tal-Awditjar Komuni tad-DĠ RTD tal-Kummissjoni huwa responsabbli għall-awditi ex post, u jinnota li abbażi tar-riżultati tal-awditjar ex post disponibbli fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta rrapportat rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 0,7 % (3,46 % fl-2020) u rata tal-iżball residwu ta’ 0,6 % (1 % fl-2020) għall-proġetti ta’ Orizzont 2020 (ikklirjar u pagamenti finali); jinnota mid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għal Orizzont 2020 li l-għan aħħari għal-livell ta’ żball residwu fl-għeluq tal-programmi, wara li jkun tqies l-impatt finanzjarju tal-awditi u l-miżuri ta’ korrezzjoni u ta’ rkupru kollha, huwa li jinkiseb livell kemm jista’ jkun qrib it-2 %;

33.

Jirrikonoxxi li t-tnaqqis fir-rati ta’ żball fl-2021 jista’ jkun dovut, fost raġunijiet oħra, għall-għarfien akbar tal-benefiċjarji tar-regoli ta’ eliġibbiltà u l-kurva ta’ tagħlim inerenti, kif ukoll għar-riżultati tal-kampanji ta’ komunikazzjoni, tal-webinars immirati u t-taħriġ, indirizzati b’mod partikolari għal parteċipanti ġodda u SMEs; jenfasizza li r-rati ta’ żball għandhom jiġu ttrattati b’kawtela, peress li jistgħu jinbidlu soġġett għad-disponibbiltà ta’ data addizzjonali mir-riżultati tal-awditjar;

34.

Jinnota li biex tivvaluta l-kontrolli tal-pagamenti operattivi tal-Impriża Konġunta, il-Qorti wettqet awditu ta’ pagamenti magħżula b’mod aleatorju ta’ Orizzont 2020 li saru fl-2021, fil-livell tal-benefiċjarji finali, biex tikkorrobora r-rati ta’ żball tal-awditjar ex post; jinnota li l-Qorti sabet u kkwantifikat żball f’każ wieħed fejn il-benefiċjarju ddikjara spejjeż diretti tal-persunal, li kellhom jiġu ddikjarati bħala spejjeż tas-sottokuntrattar; jinnota, madankollu, li peress li l-ftehim ta’ għotja ma pprevediex tali nefqa għall-benefiċjarju, dawn l-ispejjeż imġarrba ma kinux eliġibbli;

35.

Jenfasizza li s-sejba tal-Qorti kkonfermat żbalji sistemiċi persistenti għall-ispejjeż tal-persunal iddikjarati u li b’mod partikolari, l-SMEs u l-benefiċjarji l-ġodda huma aktar suxxettibbli għal żbalji minn benefiċjarji oħra; jenfasizza li dawn l-iżbalji ġew irrappurtati regolarment anki fir-rapporti annwali preċedenti tal-Qorti mill-2017 ’l hawn; jenfasizza, għaldaqstant, li s-semplifikazzjoni tar-regoli ta’ Orizzont 2020 għad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż tal-persunal u l-użu aktar mifrux ta’ għażliet semplifikati f’dawk li huma kostijiet huma kundizzjoni prelimiari biex ir-rati ta’ żball jiġu stabbilizzati taħt il-livell ta’ materjalità; jenfasizza li l-Impriża Konġunta għandha ssaħħaħ is-sistemi ta’ kontroll intern tagħha biex tindirizza r-riskju akbar assoċjat mal-SMEs u mal-benefiċjarji l-ġodda, u jinkoraġġixxi b’saħħa l-użu tal-Personnel Costs Wizard min-naħa ta’ ċerti kategoriji ta’ benefiċjarji li huma aktar suxxettibbli li jagħmlu żbalji, bħall-SMEs u l-benefiċjarji ġodda. jilqa’ l-fatt li, fl-2022, l-Impriżi Konġunti kollha bdew jimplimentaw azzjonijiet għat-tnaqqis tar-rata ta’ żbalji f’konformità mal-azzjoni proposta mill-Qorti, inkluża l-esplorazzjoni tal-għażliet ta’ forom simplifikati ta’ spejjeż bħal spejjeż unitarji, somom f’daqqa u rati fissi;

36.

Jinnota, mir-Rapport Annwali tal-Attività tagħha, li l-Impriża Konġunta laħqet l-objettivi kollha tagħha relatati mal-ġestjoni finanzjarja, amministrattiva u korporattiva effikaċi f’dan il-qasam, kif stabbilit fid-dokument uniku ta’ programmazzjoni 2021-2023; jinnota li dan jinkludi l-monitoraġġ tal-effiċjenza u l-effikaċja tal-attivitajiet ta’ awditjar tal-proġetti tal-Impriża Konġunta, il-monitoraġġ tal-effiċjenza u l-effikaċja tal-attivitajiet korporattivi u ta’ ġestjoni tal-Impriża Konġunta u l-monitoraġġ tar-reġistru tal-avvenimenti ta’ eċċezzjoni u ta’ nuqqas ta’ konformità (mira sa 1 %);

37.

Jinnota li l-Impriża Konġunta rreġistrat avveniment wieħed ta’ nuqqas ta’ konformità li rriżulta min-nuqqas ta’ attivazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija ta’ Orizzont 2020 jew mill-ħruġ ta’ Ordni ta’ Rkupru minħabba l-falliment ta’ benefiċjarju (il-proġett Orizzont 2020 763702 (PercEvite)) u eċċezzjoni waħda marbuta mal-estensjoni tad-durata tal-kuntratt li jirregola l-monitoraġġ u l-manutenzjoni tas-sistema ta’ allarm tal-bini tal-Impriża Konġunta (CTR SJU/LC/327-CTR);

Kunflitt ta’ interess, prevenzjoni u detezzjoni tal-frodi

38.

Jenfasizza li fl-ewwel kwart tal-2022 ġie ppreżentat lid-Direttur Eżekuttiv rapport ta’ implimentazzjoni kontra l-frodi għall-2021, li jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet kontra l-frodi li twettqu mill-Impriża Konġunta fl-2021 u li dan ir-rapport jiddeskrivi b’mod partikolari sessjonijiet ta’ taħriġ speċifiċi li ġew stabbiliti fil-qasam tal-etika u l-ġlieda kontra l-frodi fir-raba’ trimestru tal-2021, li jkopru definizzjonijiet tal-frodi, indikaturi tar-riskju, rapportar ta’ irregolaritajiet serji, kunflitti ta’ interess, attivitajiet esterni, rigali u favuri, il-bażi tad-data tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni, il-finanzjament doppju, u l-plaġjariżmu;

39.

Jinnota, barra minn hekk, li f’termini ta’ kunflitti ta’ interess, f’Diċembru 2021, il-Bord Amministrattiv tal-Impriża Konġunta SESAR 3 adotta regoli ġodda dwar il-kunfidenzjalità, il-prevenzjoni, l-evitar u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess tal-Impriża Konġunta, li jissostitwixxu l-ġabra preċedenti ta’ regoli li kienu ilhom applikabbli mill-2008 u li, barra minn hekk, f’Diċembru 2021, ġie adottat bl-istess mod kodiċi ta’ kondotta għall-Bord Amministrattiv;

Awditu intern

40.

Jinnota li matul l-2021, is-Servizz tal-Awditjar Intern wettaq awditu dwar il-ġestjoni u l-etika tar-riżorsi umani fl-Impriża Konġunta; jinnota li x-xogħol fuq il-post sar mill-bogħod u r-rapport finali nħareġ fid-9 ta’ Novembru 2021;

41.

Jinnota li l-awdituri kkonkludew li s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Impriża Konġunta li ġew stabbiliti għall-ġestjoni tar-riżorsi umani u l-promozzjoni tal-ambjent etiku huma ġeneralment imfassla b’mod adegwat, effiċjenti u implimentati b’mod effikaċi u jappoġġaw lill-Impriża Konġunta biex tikseb l-objettivi operattivi tagħha;

42.

Jinnota, madankollu, li filwaqt li l-awditu ma rriżultax fl-identifikazzjoni ta’ xi kwistjoni kritika jew importanti ħafna, is-Servizz tal-Awditjar Intern iqis li hemm ftit dgħufijiet u hemm lok għal aktar titjib f’ċerti oqsma, bħall-ġestjoni tal-ammont ta’ xogħol, il-proċess ta’ reklutaġġ u d-dikjarazzjonijiet annwali ta’ interess, l-iffissar ta’ objettivi individwali, u l-komunikazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mar-riżorsi umani;

43.

Jilqa’ l-fatt li, biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti u r-riskji sottostanti, l-Impriża Konġunta SESAR stabbiliet pjan ta’ azzjoni dettaljat; jilqa’ wkoll il-fatt li s-Servizz tal-Awditjar Intern ikkonferma l-adegwatezza ta’ dak il-pjan ta’ azzjoni dettaljat u li l-Impriża Konġunta tistenna li timplimenta l-azzjonijiet kollha sa tmiem l-2022.

(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014 (ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17).


Top