This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023BP1957
Resolution (EU) 2023/1957 of the European Parliament of 10 May 2023 with observations forming an integral part of the decision on discharge in respect of the implementation of the budget of the Clean Hydrogen Joint Undertaking (before 30 November 2021 the Fuel Cells and Hydrogen 2 Joint Undertaking) for the financial year 2021
Riżoluzzjoni (UE) 2023/1957 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif (qabel it-30 ta’ Novembru 2021: L-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2) għas-sena finanzjarja 2021
Riżoluzzjoni (UE) 2023/1957 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif (qabel it-30 ta’ Novembru 2021: L-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2) għas-sena finanzjarja 2021
ĠU L 242, 29.9.2023, p. 522–526
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 242/522 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1957 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-10 ta’ Mejju 2023
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif (qabel it-30 ta’ Novembru 2021: L-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2) għas-sena finanzjarja 2021
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif għas-sena finanzjarja 2021, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0083/2023), |
A. |
billi l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (l-“Impriża Konġunta FCH”), ġiet stabbilita għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2017 f’Mejju 2008 fl-ambitu tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008 (1); billi f’Mejju 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 559/2014 (2), li jestendi t-tul tal-ħajja tal-Impriża Konġunta fl-ambitu tal-programm Orizzont 2020 għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2024 (l-“Impriża Konġunta FCH 2); billi, f’Novembru 2021, ġiet stabbilita l-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif (minn hawn ’l quddiem l-“Impriża Konġunta Clean H2”) mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 (3) biex tissostitwixxi l-Impriża Konġunta FCH 2, fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa, għal perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2031; |
B. |
billi l-Impriża Konġunta Clean H2 hija sħubija pubblika-privata fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-kamp tat-teknoloġija tal-idroġenu u taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-membri fundaturi tagħha huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, il-Grupp Industrijali (Hydrogen Europe) u l-Grupp ta’ Riċerka (Hydrogen Europe Research); |
C. |
billi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta Clean H2, inklużi l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE, biex tkopri l-kostijiet amministrattivi u operattivi għandha tkun sa EUR 1 biljun, inkluż sa EUR 30,193 miljun għall-kostijiet amministrattivi; |
D. |
billi l-membri tal-Impriża Konġunta Clean H2 għajr l-Unjoni għandhom jagħmlu jew jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-entitajiet kostitwenti jew affiljati tagħhom jagħmlu kontribuzzjoni totali ta’ mill-inqas EUR 1 biljun, inkluż sa EUR 30,193 miljun għall-kostijiet amministrattivi, matul il-perjodu ta’ 10 snin kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/2085; |
E. |
billi l-objettiv ġenerali tal-Impriża Konġunta Clean H2 huwa li tappoġġa l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni fl-Unjoni f’soluzzjonijiet u teknoloġiji tal-idroġenu nadif, fl-ambitu tal-programm ta’ finanzjament il-ġdid tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont Ewropa; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
1. |
Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Clean H2 (minn hawn ’il quddiem ir-“rapport tal-Qorti”) isib li l-kontijiet annwali tal-2021 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta Clean H2 fil-31 ta’ Diċembru 2021, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, f’konformità mar-regoli finanzjarji tagħha u mar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi għall-kontijiet huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha; |
2. |
Jirrikonoxxi li Orizzont Ewropa jipprevedi għanijiet ambizzjużi għall-Impriża Konġunta Clean H2, li jistgħu jinkisbu biss jekk jitfasslu u jiġu implimentati soluzzjonijiet effikaċi li jindirizzaw id-dgħufijiet fis-sistemi ta’ kontroll intern u jħejju għall-isfidi futuri li jirriżultaw miż-żieda fir-responsabbiltajiet, pereżempju fil-qasam tal-ġestjoni u tal-ippjanar tar-riżorsi umani; jirrimarka, f’dan il-kuntest, li kalkoli u rekwiżiti ta’ rapportar partikolarment ikkumplikati u onerużi jirrappreżentaw riskju sinifikanti ta’ żball u jitlob, għalhekk, li jiġu esplorati l-possibbiltajiet ta’ simplifikazzjoni, meta possibbli u kompatibbli mal-qafas ġuridiku eżistenti; |
3. |
Josserva li l-baġit finali disponibbli tal-Impriża Konġunta Clean H2, li jinkludi approprjazzjonijiet mhux użati li ddaħħlu mill-ġdid fis-snin preċedenti, dħul assenjat u riallokazzjonijiet għas-sena sussegwenti, għas-sena finanzjarja 2021 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 15,8 miljun (EUR 104,2 miljun fl-2020) u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 56,2 miljun (EUR 103,8 fl-2020); jinnota li l-eżekuzzjoni ġenerali tal-baġit 2021 tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament laħqet 97 % (meta mqabbla ma’ 94 % fl-2020) u 87 % (meta mqabbla ma’ 95 % fl-2020) rispettivament; |
4. |
Jinnota li meta mqabbla mal-2020, l-approprjazzjonijiet tal-2021 naqsu b’85 % f’termini ta’ impenji u b’44 % f’termini ta’ pagamenti; jinnota li t-tnaqqis fil-baġit tal-2021 kien dovut għan-nuqqas ta’ sejħiet imnedija fl-2021; jissottolinja li ma kien ippjanat l-ebda prefinanzjament għall-2021; |
5. |
Jinnota li, fi tmiem l-2021, mill-kontribuzzjoni massima ta’ EUR 470 miljun, kif previst fir-Regolament (UE) 2021/2085 u d-deċiżjonijiet adottati skont dan, l-Unjoni kkontribwiet total ta’ EUR 426,5 miljun fi flus kontanti u in natura mis-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u l-membri tal-Grupp Industrijali u tal-Grupp tar-Riċerka kkontribwew total ta’ riżorsi vvalidati ta’ EUR 466 miljun, li jinkludu EUR 443,9 miljun f’kontribuzzjonijiet in natura vvalidati fil-proġetti tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka; |
6. |
Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta Clean H2 kienet impenjat EUR 425,5 miljun (95 %) minn EUR 450 miljun tal-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għall-ftehimiet ta’ għotja ffirmati tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka li minnhom madwar EUR 3 miljun (0,7 %) għad iridu jitħallsu fis-snin li ġejjin; jinnota li l-membri privati pprovdew kontribuzzjonijiet in natura fl-istess livell; josserva li r-rata ta’ implimentazzjoni għall-baġit tal-pagamenti tal-2021 tal-Impriża Konġunta Clean H2 disponibbli għall-proġetti tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka kienet ta’ 97,8 % (89 % fl-2020) u li barra minn hekk, l-Impriża Konġunta Clean H2 ma kellha kważi l-ebda approprjazzjoni ta’ impenn operattiv għall-2021 peress li lestiet l-aħħar sejħa tagħha għal proposti mat-tmiem l-2014; |
7. |
Jinnota li, fi tmiem l-2021, l-Unjoni kkontribwiet total ta’ EUR 545,5 miljun minn Orizzont 2020 u li l-membri privati kkontribwew total ta’ EUR 50 miljun fi flus u kontribuzzjonijiet in natura vvalidati, li jinkludu EUR 38,6 miljun f’kontribuzzjonijiet in natura fil-proġetti ta’ Orizzont 2020 tal-Impriża Konġunta; |
8. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-livell ta’ kontribuzzjonijiet in natura vvalidati tal-membri privati għall-attivitajiet operativi ta’ EUR 38,6 miljun, huwa dovut għall-fatt li l-Impriża Konġunta Clean H2 tiċċertifikahom aktar tard fil-programm Orizzont 2020, meta jsir il-pagament finali għall-proġetti u jkun jeħtieġ li jiġu ppreżentati ċ-ċertifikati tad-dikjarazzjoni finanzjarja; huwa kuntent mill-fatt li l-membri privati kkontribwew total ta’ EUR 1 039 miljun in natura għal attivitajiet addizzjonali fi tmiem l-2021, b’mod sinifikanti aktar mill-minimu ta’ EUR 285 miljun stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/2085 għall-perjodu kollu ta’ Orizzont 2020; |
9. |
Jinnota li, fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta Clean H2 kienet impenjat EUR 646 miljun mill-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għall-ftehimiet ta’ għotja u kuntratti ffirmati fl-ambitu ta’ Orizzont 2020, li minnhom, madwar EUR 112,6 miljun (17,8 %) għad iridu jitħallsu fis-snin li ġejjin; josserva, barra minn hekk, li l-membri privati kienu impenjaw ruħhom legalment li jipprovdu kontribuzzjonijiet in natura ta’ EUR 158,3 miljun; |
10. |
Jinnota li r-rata ta’ implimentazzjoni għall-baġit ta’ impenn u ta’ pagament tal-Impriża Konġunta Clean H2 għall-2021 disponibbli għall-proġetti ta’ Orizzont 2020 kienet ta’ 98 % u 87,8 % rispettivament (97 % fl-2020); |
11. |
Jinnota li fost l-impriżi konġunti ma hemm l-ebda definizzjoni armonizzata ta’ kostijiet amministrattivi, li tikkostitwixxi bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri tagħhom u kundizzjoni preliminari biex dawn il-kostijiet isiru komparabbli; jitlob, f’dan il-kuntest, linji gwida komuni li jippermettu lill-impriżi konġunti kollha jieħdu approċċ armonizzat għall-klassifikazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ nfiq għal kostijiet amministrattivi, bħall-infiq għal konsulenzi, studji, analiżijiet, evalwazzjonijiet u assistenza teknika; |
Akkwist u persunal
12. |
Jilqa’ l-fatt li l-ġestjoni tal-offerti u tal-kuntratti ġiet issimplifikata kemm jista’ jkun billi ġew segwiti l-proċeduri ta’ akkwist interistituzzjonali mnedija mill-Kummissjoni Ewropea u bl-użu tal-kuntratti qafas pluriennali derivanti; jinnota li l-Impriża Konġunta Clean H2 tikkoopera ma’ Impriżi Konġunti oħra għal dak li jikkonċerna l-ħtiġijiet tal-offerti sabiex tnaqqas kemm jista’ jkun l-isforz amministrattiv; jinnota li, bħal fis-snin preċedenti, il-biċċa l-kbira tal-ikkuntrattar tal-Impriża Konġunta Clean H2 twettaq taħt kuntratti qafas pluriennali eżistenti, ħlief prinċipalment għal attivitajiet ta’ akkwist operattiv; |
13. |
Jinnota li, f’termini ta’ volum, l-attivitajiet ta’ akkwist operattiv, is-servizzi tal-IT u l-organizzazzjoni tal-Ġimgħa Ewropea għall-Idroġenu għall-2021 kienu l-kuntratti bl-ogħla valur u li t-tnedija u l-pubblikazzjoni ta’ sejħa għall-offerti, u l-wasla u l-ftuħ tal-offerti ġew issimplifikati bl-użu tal-moduli eTendering, eNotices u eSubmission; jinnota li dan tal-aħħar jippermetti r-reġistrazzjoni awtomatika tal-offerti mas-sistema tal-IT għall-ġestjoni tad-dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea; jinnota li l-Impriża Konġunta Clean H2 qed tuża l-aħħar verżjoni ta’ eSubmission u għalhekk il-pubblikazzjoni, is-sottomissjoni u l-wasla tal-offerti u l-istadji tal-ftuħ issa huma kompletament diġitali; |
14. |
Japprezza l-użu tal-EU Sign mill-Impriża Konġunta Clean H2, soluzzjoni ta’ software pprovduta mid-Direttorat Ġenerali tal-Informatika, li tippermetti li tiġi applikata firma elettronika kwalifikata (QES) għad-dokumenti; josserva li l-uffiċċju tal-programm (PO) issa japplika QES fuq il-kuntratti tiegħu, u dan jiffaċilita l-proċessi operattivi billi jnaqqas b’mod sinifikanti l-ħin u l-ispiża tal-iffirmar ta’ kuntratt bil-linka blu, u li barra minn hekk, il-QESs, jekk jiġu applikati bl-użu tal-UE sign, huma legalment vinkolanti, peress li huma konformi mar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għat-tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern tal-Unjoni u jipprovdu livell ogħla ta’ sigurtà teknika; |
15. |
Josserva li fil-31 ta’ Diċembru 2021, l-Impriża Konġunta Clean H2 kellha 23 aġent temporanju, 2 aġenti kuntrattwali u 2 esperti nazzjonali sekondati; |
16. |
Jinnota mir-rapport annwali tal-attività tal-2021 li f’termini ta’ bilanċ bejn il-ġeneri, il-membri tal-persunal kienu 44 % nisa u 56 % rġiel, u terz tal-pożizzjonijiet maniġerjali kien okkupat min-nisa u żewġ terzi mill-irġiel; jinkoraġġixxi lill-Impriża Konġunta CBE tkompli ttejjeb dan il-bilanċ bejn il-ġeneri; jiddispjaċih għall-fatt li l-perċentwal ta’ koordinaturi nisa ta’ proġetti li jaħdmu, fl-ambitu ta’ Orizzont 2020, fi gruppi konsultattivi, gruppi ta’ esperti, panels ta’ evalwazzjoni, esperti individwali, eċċ. tal-Kummissjoni ma jaqbiżx it-33 %; |
17. |
Jinnota bi tħassib li matul il-perjodu mill-2018 sal-2021 ir-rata annwali medja ta’ membri tal-persunal interim għall-impriżi konġunti kollha baqgħet għolja, madwar 11 % tal-persunal statutorju; ifakkar li l-proporzjon għoli ta’ membri tal-persunal kuntrattwali għandu t-tendenza li jżid b’mod sinifikanti r-rata tad-dawran tal-persunal u jkompli jiddestabbilizza s-sitwazzjoni tal-persunal tal-Impriża Konġunta Clean H2; jenfasizza, madankollu, li l-użu ta’ membri tal-persunal interim għandu jibqa’ soluzzjoni temporanja, għax inkella dan jista’ jkollu riperkussjonijiet negattivi fuq il-prestazzjoni kumplessiva tal-Impriża Konġunta Clean H2, pereżempju ż-żamma tal-kompetenzi ewlenin, nuqqas ta’ ċarezza fil-kanali tal-obbligu ta’ rendikont, tilwim ġudizzjarju possibbli u inqas effiċjenza tal-persunal; |
18. |
Jinnota li, mill-2016, l-impriżi konġunti ma ħallsux il-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem għall-membri tal-persunal tagħhom għall-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni, li jikkorrispondi għall-proporzjon tad-dħul tagħhom issussidjat minn pajjiżi terzi mad-dħul totali tagħhom, peress li l-Kummissjoni la pprevediet din in-nefqa fil-baġit tal-impriżi konġunti u lanqas ma talbet formalment il-pagamenti; jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tevita kwistjonijiet simili fil-futur; |
19. |
Jinnota li, fl-2021, ġew organizzati sessjonijiet konġunti tal-IT flimkien mal-impriżi konġunti l-oħra bl-għan ewlieni li ssir tħejjija għall-bidla għall-Office 365, SharePoint u OneDrive; |
20. |
Jinnota, mir-rapport annwali tal-attività, li, matul il-pandemija tal-COVID-19, il-membri tal-persunal ħadu l-ħin biex jipparteċipaw f’taħriġ online biex jespandu l-għarfien tagħhom relatat mal-impjiegi tagħhom u jinnota li l-parteċipazzjoni fit-taħriġ kienet imħeġġa ħafna biex il-persunal jinżamm motivat u konness ma’ oħrajn matul il-lockdown; |
21. |
Jinnota li, minn Frar 2021, l-Impriża Konġunta FCH 2 bdiet tuża Sysper u li matul is-sena żdiedu moduli ġodda; japprezza barra minn hekk qed jiġi previst l-użu tas-Sistema għall-Ipproċessar tal-Missjonijiet u l-funzjoni għall-evalwazzjonijiet u l-promozzjonijiet tal-membri tal-persunal; jappoġġja l-użu tal-għodda l-ġdida ta’ reklutaġġ, Systal, li ġiet introdotta fl-Impriża Konġunta FCH 2 f’Novembru 2021, u r-reklutaġġ li jmiss se jsir bl-użu ta’ din is-sistema u huwa tal-fehma li tali għodod jistgħu jgħinu biex jappoġġjaw ir-reklutaġġ meħtieġ ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja; |
Awditu intern
22. |
Jinnota, mir-rapport annwali tal-attività, li l-awditu intern jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 20 tar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta Clean H2; |
23. |
Jissottolinja li, fl-2021, is-servizz tal-awditjar intern (IAS) aċċetta pjan ta’ azzjoni żviluppat mill-Impriża Konġunta FCH 2 biex tindirizza żewġ rakkomandazzjonijiet importanti li jirriżultaw mill-awditu tal-IAS dwar l-implimentazzjoni tal-għotjiet ta’ Orizzont 2020 fl-ambitu tal-Impriża Konġunta FCH 2 u kkonkluda li l-pjan ta’ azzjoni huwa adegwat biex jittaffew ir-riskji identifikati; |
24. |
Jinnota li, fl-2021, f’konformità mal-pjan ta’ azzjoni miftiehem, l-Impriża Konġunta FCH 2 ifformalizzat il-prattiki ta’ monitoraġġ attwali rigward ir-riskji u l-kumplessità tal-ftehimiet ta’ għotja u żviluppat gwida interna għall-monitoraġġ tat-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati tal-proġetti ta’ Orizzont 2020; jinnota li, sa tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta FCH 2 ikkunsidrat li l-pjanijiet ta’ azzjoni kollha kienu kompletament implimentati; |
Kontroll Intern
25. |
Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li għall-pagamenti interim u finali fl-ambitu tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka, l-Impriża Konġunta Clean H2 twettaq awditi ex post għand il-benefiċjarji, filwaqt li għall-pagamenti fl-ambitu ta’ Orizzont 2020, is-servizz tal-awditjar komuni tad-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Kummissjoni huwa responsabbli mill-awditi ex post; jinnota li, abbażi tar-riżultati tal-awditjar ex post disponibbli fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta Clean H2 irrapportat żball rappreżentattiv ta’ 2,0 % (1,97 % fl-2020) u rata tal-iżball residwu ta’ 1,01 % (1,01 % għall-2020) għall-proġetti tagħha tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka, u rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 2,16 % (l-istess fl-2020) u rata tal-iżball residwu ta’ 1,3 % (1,34 % għall-2020) għall-proġetti ta’ Orizzont 2020 (approvazzjonijiet u pagamenti); |
26. |
Jinnota li, biex tivvaluta l-kontrolli tal-pagamenti operattivi tal-Impriża Konġunta Clean H2, il-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”) awditjat b’mod aleatorju kampjun ta’ pagamenti ta’ Orizzont 2020 li saru fl-2021, fil-livell tal-benefiċjarji finali, biex tikkorrobora r-rati ta’ żball tal-awditjar ex post (fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta’ pagament ta’ għotja ittestjati fil-livell tal-benefiċjarji, il-limitu ta’ rapportar għal żbalji kwantifikabbli huwa ta’ 1 % tal-ispejjeż awditjati); jiddispjaċih mill-fatt li, f’każ wieħed, il-Qorti sabet u kkwantifikat żball li rriżulta mill-fatt li l-kostijiet tal-persunal ġew ikklejmjati żżejjed minħabba żball klerikali, u f’każ ieħor, dgħufija sistemika mhux kwantifikabbli fil-kontroll relatata man-nuqqas tal-proċedura ta’ validazzjoni tal-benefiċjarju għas-sigħat maħduma fuq il-proġett; |
27. |
Jinnota, mir-rapport annwali tal-attività, minħabba żbalji sistemiċi persistenti fil-kostijiet tal-persunal iddikjarati, b’mod partikolari min-naħa tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u benefiċjarji ġodda (li huma aktar suxxettibbli għall-iżbalji minn benefiċjarji oħra), l-Impriża Konġunta Clean H2 kienet diġà saħħet il-kontroll intern tagħha biex tindirizza r-riskju akbar fir-rigward tal-SMEs u benefiċjarji ġodda; josserva li dawn il-miżuri kienu evidenti għall-ewwel darba fl-2021 u kkontribwew għat-tnaqqis sinifikanti tar-rata ta’ żball rappreżentattiva mill-SMEs u benefiċjarji ġodda f’dawn l-aħħar sentejn; jilqa’ r-riżultati pożittivi f’termini ta’ rati ta’ żball imnaqqsa u r-rieda tal-Impriża Konġunta Clean H2 li tkompli bil-kontrolli msaħħa bbażati fuq ir-riskju fl-2022, bl-għajnuna tal-għodda ta’ monitoraġġ imsaħħa disponibbli fis-sistema korporattiva COMPASS/SyGMa għall-ġestjoni tal-għotjiet ta’ Orizzont 2020; |
28. |
Jenfasizza, barra minn hekk, li s-simplifikazzjoni tar-regoli ta’ Orizzont 2020 għad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż tal-persunal u l-użu aktar mifrux ta’ għażliet simplifikati f’dawk li huma kostijiet huma kundizzjoni preliminari biex ir-rati ta’ żball jiġu stabbilizzati taħt il-livell ta’ materjalità; jilqa’ l-fatt li, fl-2022, l-impriżi konġunti kollha bdew jimplimentaw azzjonijiet għat-tnaqqis tar-rata ta’ żbalji f’konformità mal-azzjoni proposta mill-Qorti, inkluża l-esplorazzjoni tal-għażliet ta’ forom simplifikati ta’ spejjeż bħal spejjeż unitarji, somom f’daqqa u rati fissi; |
29. |
Jinnota, mir-rapport tal-Qorti li għall-Impriża Konġunta Clean H2, is-segwitu tal-osservazzjonijiet tas-snin preċedenti kollha tlesta minħabba l-azzjonijiet korrettivi tal-Impriża Konġunta Clean H2 li ttieħdu matul l-2021; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u l-istrateġija ta’ kontra l-frodi
30. |
Jilqa’ l-fatt li l-proċeduri ta’ kunflitt ta’ interess kienu fis-seħħ kemm għall-membri tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta FCH 2 kif ukoll għall-korpi konsultattivi, u ġew imġedda f’Diċembru 2021 fl-ambitu tar-regoli ta’ proċedura adottati reċentement mill-Bord ta’ Tmexxija għall-Impriża Konġunta Clean H2 u li, barra minn hekk, ġew implimentati miżuri speċifiċi għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess tal-esperti inkarigati mill-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għotjiet u mir-rieżami tal-proġetti u tal-offerti; |
31. |
Jinnota li l-Impriża Konġunta Clean H2 ikkontribwiet b’mod attiv għall-iżvilupp tal-istrateġija ta’ kontroll ta’ Orizzont Ewropa (ex ante, awditjar u prevenzjoni tal-frodi) billi pparteċipat fil-gruppi ta’ ħidma ddedikati stabbiliti miċ-Ċentru ta’ Implimentazzjoni Komuni u pprovdiet input; |
32. |
Huwa kuntent li l-Impriża Konġunta Clean H2 tiżgura wkoll l-implimentazzjoni tal-istrateġija komuni tal-komunità tar-riċerka kontra l-frodi; jilqa’ l-fatt li l-azzjonijiet ewlenin li ġejjin mill-istrateġija jinkludu l-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni fi ħdan l-Impriża Konġunta u l-kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi fil-każ ta’ awditi bbażati fuq ir-riskju mwettqa mis-servizz tal-awditjar komuni jew kuntratturi esternalizzati. |
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008 tat-30 ta’ Mejju 2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (ĠU L 153, 12.6.2008, p. 1).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 559/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 108).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014 (ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).