EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1954

Riżoluzzjoni (UE) 2023/1954 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 illi tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin (qabel it-30 ta’ Novembru 2021 l-Impriża Konġunta ECSEL) għas-sena finanzjarja 2021

ĠU L 242, 29.9.2023, p. 513–517 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1954/oj

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/513


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1954 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

illi tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin (qabel it-30 ta’ Novembru 2021 l-Impriża Konġunta ECSEL) għas-sena finanzjarja 2021

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin għas-sena finanzjarja 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0082/2023),

A.

billi l-Impriża Konġunta Komponenti u Sistemi Elettroniċi għat-Tmexxija Ewropea (ECSEL), ġiet stabbilita taħt il-programm Orizzont 2020 fis-6 ta’ Mejju 2014 bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014 (1), li daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Ġunju 2014, għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2024; billi l-ECSEL issostitwiet u hija s-suċċessur tal-Impriża Konġunta ENIAC u l-Impriża Konġunta ARTEMIS, li għalqu fis-26 ta’ Ġunju 2014; billi f’Novembru 2021, l-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin (l-“Impriża Konġunta KDT”) ġiet stabbilita fl-ambitu tal-programm Orizzont Ewropa bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 (2) biex tissostitwixxi l-ECSEL, għall-perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2031;

B.

billi l-Impriża Konġunta KDT hija sħubija pubblika-privata li timmaniġġja programm ta’ riċerka u innovazzjoni li għandu l-għan li jsaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-Unjoni fis-settur tal-komponenti u s-sistemi elettroniċi; billi l-Impriża Konġunta KDT għandha tindirizza suġġetti ddefiniti b’mod ċar li jippermettu lill-industriji tal-Unjoni b’mod ġenerali jfasslu, jimmanifatturaw u jużaw l-aktar teknoloġiji innovattivi fil-komponenti u fis-sistemi elettroniċi;

C.

billi l-membri tal-Impriża Konġunta KDT huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Parteċipanti, u tliet assoċjazzjonijiet tal-industrija, jiġifieri l-Assoċjazzjoni Ewropea dwar l-Integrazzjoni tas-Sistema Intelliġenti, l-Assoċjazzjoni għall-Attivitajiet Elettroniċi Nano Ewropej, u l-Assoċjazzjoni tal-Industrija Interna, li jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati fil-mikroelettronika u n-nanoelettronika, is-sistemi intelliġenti integrati u s-sistemi inkorporati/ċiberfiżiċi;

D.

billi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta KDT, inklużi l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE, biex jiġu koperti l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż operazzjonali, hi ta’ sa EUR 1,8 biljun, inkluż sa EUR 26,331 miljun għall-ispejjeż amministrattivi; billi l-membri privati tal-Impriża Konġunta KDT għandhom jagħtu jew jagħmlu arranġamenti biex l-entitajiet kostitwenti jew affiljati tagħhom jagħtu kontribuzzjonijiet ta’ mill-inqas EUR 2,5 biljun lill-Impriża Konġunta KDT; billi l-membri privati għandhom jagħtu jew jagħmlu arranġamenti biex l-entitajiet kostitwenti u affiljati tagħhom jagħtu kontribuzzjoni finanzjarja sa EUR 26,331 miljun għall-kostijiet amministrattivi tal-Impriża Konġunta KDT għall-perjodu ta’ 10 snin;

Aspetti ġenerali

1.

Jilqa’ l-approċċ ġenerali tal-Kunsill dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi (l-“Att dwar iċ-Ċipep”);

2.

Jirrikonoxxi li l-programm Orizzont Ewropa jipprevedi għanijiet ambizzjużi għall-Impriża Konġunta KDT, li jistgħu jinkisbu biss jekk jitfasslu u jiġu implimentati soluzzjonijiet effettivi li jindirizzaw id-dgħufijiet fis-sistemi ta’ kontroll intern u jħejju għall-isfidi futuri li jirriżultaw minn aktar responsabbiltajiet, pereżempju fil-qasam tal-ġestjoni u l-ippjanar tar-riżorsi umani; jindika, f’dan il-kuntest, li kalkoli u rekwiżiti ta’ rappurtar partikolarment ikkumplikati u onerużi jirrappreżentaw riskju sinifikanti ta’ żball u jappella, għalhekk, lill-Impriża Konġunta KDT biex tesplora l-possibbiltajiet għas-simplifikazzjoni kull fejn ikun possibbli u kompatibbli mal-qafas legali eżistenti;

3.

Jinnota li ma hemm l-ebda definizzjoni armonizzata ta’ spejjeż amministrattivi bejn l-impriżi konġunti li hija bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri tagħha u prekundizzjoni għall-kumparabbiltà; jappella, meta jitqies dan, li jiġu adottati linji gwida komuni sabiex l-impriżi konġunti kollha jieħdu approċċ armonizzat għall-klassifikazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ nfiq għal spejjeż amministrattivi, bħall-infiq għal konsultazzjonijiet, studji, analiżijiet, evalwazzjonijiet u assistenza teknika;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

4.

Jilqa’ l-fatt li l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta KDT jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta KDT fil-31 ta’ Diċembru 2021, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha u l-bidliet fl-assi netti għal dik is-sena, f’konformità mar-regolament finanzjarju tagħha u mar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi għall-kontijiet huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

5.

Jinnota li t-total tal-baġit disponibbli tal-Impriża Konġunta KDT għas-sena 2021, li jinkludi approprjazzjonijiet mhux użati fis-snin preċedenti mdaħħla mill-ġdid, dħul assenjat u riallokazzjonijiet għas-sena ta wara, inkluda EUR 218,3-il miljun għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 199,3 miljun għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament, u li r-rata ta’ implimentazzjoni kienet 99,4 % (imqabbel ma’ 99,59 % fl-2020) għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u 84 % (imqabbel ma’ 88,63 % fl-2020) għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament;

6.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (ir-“Rapport tal-Qorti”) li, fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta KDT għalqet finanzjarjament il-proġetti tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka li kienu għaddejjin; jinnota li, abbażi tal-ispejjeż totali tal-attivitajiet iffirmati tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u l-pagamenti reali magħmula mill-Impriża Konġunta KDT u l-predeċessuri tal-Impriża Konġunta KDT, jiġifieri ENIAC, ARTEMIS u ECSEL, għall-kofinanzjament ta’ dawn l-attivitajiet, il-kontribuzzjonijiet finali tal-membri huma stmati li huma EUR 564,3 miljun għall-Unjoni, EUR 812,5-il miljun għall-Istati Parteċipanti u EUR 2 202,4 miljun f’kontribuzzjonijiet in natura għall-membri privati;

7.

Jinnota li, fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta KDT kienet impenjat għalkolloxEUR 1 170 miljun mill-kontribuzzjoni massima tal-UE għall-ftehimiet ta’ għotja ffirmati fl-ambitu ta’ Orizzont 2020; jinnota li minn dan l-ammont, madwar EUR 190,3 miljun (16,6 %) għad iridu jitħallsu fis-snin li ġejjin;

8.

Jinnota r-rata ta’ implimentazzjoni ta’ 85 % għall-baġit ta’ pagament tal-Impriża Konġunta KDT għall-2021 disponibbli għall-proġetti fl-ambitu ta’ Orizzont 2020; jinnota li l-Impriża Konġunta KDT kważi ma kellha l-ebda approprjazzjoni ta’ impenn operazzjonali għall-2021 peress li lestiet l-aħħar sejħa tagħha għal proposti sa tmiem l-2020;

9.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li, fi tmiem l-2021, il-kontribuzzjonijiet in natura finali potenzjali tal-membri privati għall-attivitajiet operazzjonali fl-ambitu ta’ Orizzont 2020 ġew stmati għal EUR 1 594,2 miljun; jinnota li l-Impriża Konġunta KDT tista’ tikkalkula u tivvalida biss l-ammont reali tal-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri privati ladarba jsiru l-pagamenti kollha kemm mill-Impriża Konġunta KDT kif ukoll mill-Istati Parteċipanti u jkunu ġew riċevuti ċ-ċertifikati ta’ tmiem il-proġett u l-informazzjoni relatata kollha; jinnota, f’dan il-kuntest u minħabba li fi tmiem l-2021 kien ġie ffinalizzat biss għadd limitat ta’ proġetti fl-ambitu ta’ Orizzont 2020, li l-kontribuzzjonijiet in natura vvalidati tal-industrija ammontaw għal EUR 300,6 miljun; jinnota li fi tmiem l-2021, il-kontribuzzjonijiet in natura kumulattivi stmati (u li għadhom ma ġewx ivvalidati) mill-membri privati ammontaw għal EUR 968,2 miljun, abbażi ta’ metodoloġija “pro rata temporis” adottata mill-bord ta’ tmexxija tal-Impriża Konġunta KDT;

10.

Jinnota li fi tmiem l-2021, l-Istati Parteċipanti ffirmaw impenji kuntrattwali li jammontaw għal EUR 1 106,2 miljun u ddikjaraw kontribuzzjonijiet finanzjarji totali ta’ EUR 450,2 miljun, li huma ħallsu direttament lill-benefiċjarji nazzjonali tal-proġetti fl-ambitu ta’ Orizzont 2020 li huma appoġġjaw; jinnota li d-differenza bejn l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Istati Parteċipanti u l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni ta’ EUR 1 058,1 miljun fi tmiem l-2021 hija minħabba hija dovuta għall-fatt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Parteċipanti jirrikonoxxu u jirrapportaw biss l-ispejjeż tagħhom lill-Impriża Konġunta KDT mat-tlestija tal-proġetti fl-ambitu ta’ Orizzont 2020 li jappoġġjaw;

Akkwist u persunal

11.

Jinnota li l-akkwist u l-kuntratti huma ġestiti f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-regolament finanzjarju tal-Impriża Konġunta KDT u kkoordinati fi ħdan it-tim tal-amministrazzjoni u l-finanzi tal-Impriża Konġunta KDT;

12.

Jinnota li l-Impriża Konġunta KDT, sabiex tilħaq l-objettivi tagħha u tappoġġja b’mod adegwat l-operazzjonijiet u l-infrastruttura tagħha, allokat fondi biex takkwista s-servizzi u l-provvisti meħtieġa; jinnota li fil-kuntest ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u effiċjenza, l-Impriża Konġunta KDT għamlet l-akbar użu possibbli mid-diversi Ftehimiet dwar il-Livell ta’ Servizz (FLS) diġà konklużi mas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, kif ukoll mal-membri privati tagħha u għamlet użu minn kuntratti qafas interistituzzjonali (pereżempju servizzi u tagħmir tal-IT, servizzi interim tal-persunal, servizzi tal-awditjar estern); jinnota li minħabba l-kuntest sanitarju fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet imposti, sostanzjalment il-laqgħat u l-avvenimenti kollha saru mill-bogħod u fl-aħħar trimestru tal-2021 saru biss ftit missjonijiet u b’riżultat ta’ dan, fl-2021, l-Impriża Konġunta KDT kellha ftit proċeduri ta’ akkwist, essenzjalment għal kuntratti ta’ valur baxx;

13.

Jinnota li, f’Mejju 2021 ġew varati żewġ proċeduri nnegozjati għal valur baxx ħafna għall-għoti ta’ żewġ kuntratti għall-appoġġ loġistiku u għall-ħolqien ta’ vidjos fil-kuntest tal-organizzazzjoni tal-verżjoni diġitali tas-“Simpożju Impriża Konġunta ECSEL 2021” u f’Settembru 2021, l-ECSEL varat proċedura nnegozjata għal kuntratt ta’ valur baxx relatat mal-organizzazzjoni ta’ seminar ta’ livell għoli;

14.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, l-Impriża Konġunta KDT kienet timpjega 29 membru tal-persunal, li kienu jinkludu aġenti temporanji, aġenti kuntrattwali u esperti nazzjonali sekondati; jinnota mir-rapport annwali tal-attività li fl-2021, l-ECSEL irreklutat żewġ aġenti kuntrattwali għal karigi ta’ assistent finanzjarju/amministrattiv (li tħallew vakanti wara t-tluq tal-membri tal-persunal preċedenti); jinnota li r-reklutaġġ ġie ffinalizzat fl-aħħar tliet xhur tal-2021; jinnota li żewġ aġenti temporanji rtiraw u li wieħed diġà ġie sostitwit b’suċċess;

15.

Jinnota bi tħassib li matul il-perjodu mill-2018 sal-2021 ir-rata annwali medja ta’ persunal interim għall-impriżi konġunti kollha baqgħet għolja, madwar 11 % tal-persunal statutorju; ifakkar li l-proporzjon għoli ta’ persunal kuntrattwali għandu t-tendenza li jżid b’mod sinifikanti r-rata tad-dawran tal-persunal tal-Impriża Konġunta KDT u jkompli jiddestabbilizza s-sitwazzjoni tal-persunal; jenfasizza, madankollu, li l-użu ta’ persunal interim għandu jibqa’ soluzzjoni temporanja, għax inkella dan jista’ jolqot b’mod negattiv il-prestazzjoni kumplessiva tal-Impriża Konġunta, bħat-telf ta’ kompetenzi ewlenin, doveri ta’ rendikont mhux ċari, tilwim ġudizzjarju possibbli u inqas effiċjenza tal-persunal;

16.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li mal-proposta tal-Kummissjoni (3) li temenda r-Regolament (UE) 2021/2085, l-Impriża Konġunta KDTse tinbidel fl-Impriża Konġunta taċ-Ċipep tal-futur, b’mandat ġdid relatat mal-implimentazzjoni tal-“Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa” fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-2021-2027; jilqa’, f’dan il-kuntest, il-fatt li l-Impriża Konġunta KDT se tappoġġja l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tas-semikondutturi innovattivi tal-ġenerazzjoni li jmiss li għandu jsaħħaħ il-kapaċità tal-produzzjoni taċ-ċipep tal-Unjoni; jinnota li, skont din il-proposta, l-Impriża Konġunta KDT se timplimenta proġetti ta’ madwar EUR 10,9 biljun fl-ambitu tal-QFP 2021-2027 u għandha tirrekluta 19-il membru tal-persunal addizzjonali biex tilħaq il-50 membru tal-persunal statutorju ppjanati sal-2025; jinsab imħasseb dwar il-fatt li, billi l-Impriża Konġunta kellha biss 29 membru tal-persunal (13-il membru tal-persunal temporanju u 16-il membru tal-persunal kuntrattwali) fi tmiem l-2021, jista’ jkun li tħabbat wiċċha ma’ sfidi konsiderevoli fir-rigward tar-riżorsi umani biex tiġġestixxi dawn ir-reklutaġġi ġodda, minbarra l-proċessi amministrattivi u operazzjonali ġodda li għad iridu jiġu stabbiliti;

17.

Jinnota li abbażi tar-rapport annwali tal-attività tal-2021, f’termini ta’ bilanċ bejn il-ġeneri, l-għadd ta’ esperti nisa għar-rieżamijiet fl-Impriża Konġunta KDT żdied meta mqabbel mas-sena preċedenti, kemm bħala perċentwali kif ukoll bħala ċifri assoluti; jiddispjaċih li r-rata perċentwali ta’ 19,4 % għadha baxxa, u jitlob li jsiru aktar sforzi f’termini ta’ bilanċ bejn il-ġeneri;

18.

Jinnota li l-parti tal-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem għall-persunal tal-impriżi konġunti jikkorrispondi għall-proporzjon tad-dħul tagħhom issussidjat minn pajjiżi terzi mad-dħul totali tagħhom, ma tħallasx mill-impriżi konġunti għall-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni mill-2016, peress li l-Kummissjoni la pprevediet din in-nefqa fil-baġit tal-impriżi konġunti u lanqas ma talbet il-pagamenti formalment; jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tevita kwistjonijiet simili fil-futur;

Kontrolli interni

19.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-ftehimiet amministrattivi konklużi minn ARTEMIS u ENIAC mal-Awtoritajiet Nazzjonali ta’ Finanzjament (NFAs) ikomplu japplikaw wara l-fużjoni tagħhom biex jiffurmaw l-ECSEL; jinnota li, skont dawk il-ftehimiet, l-istrateġiji ta’ awditjar ex post tal-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC kienu jibbażaw ħafna fuq l-NFAs biex jawditjaw it-talbiet għall-ispejjeż tal-proġetti; jiddispjaċih li l-varjazzjoni sinifikanti fil-metodoloġiji u l-proċeduri użati mill-NFAs ma tippermettix lill-Impriża Konġunta ECSEL tikkalkula rata ta’ żball ipponderata unika u affidabbli jew rata tal-iżball residwu għall-pagamenti tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u li peress li l-pagamenti totali tal-ECSEL fl-2021 għall-għeluq tal-bqija tal-proġetti tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka ammontaw biss għal EUR 0,6 miljun, jew 0,4 % tal-pagamenti operazzjonali totali, dawn ma rrappreżentawx riskju ta’ żbalji materjali fl-2021;

20.

Jinnota, mir-rapport annwali tal-attività, li għall-pagamenti ta’ Orizzont 2020, is-servizz komuni tal-awditjar tad-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Kummissjoni jwettaq l-awditi ex post; jiddeplora l-fatt li abbażi tar-riżultati tal-awditjar tagħha fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta KDT irrapportat rata ta’ żball rappreżentattiva għal Orizzont 2020 ta’ 2,2 % (imqabbla ma’ 2,68 % fl-2020) u rata ta’ żball residwu ta’ 1,2 % (imqabbla ma’ 1,25 % fl-2020);

21.

Jinnota li, biex tivvaluta l-kontrolli tal-pagamenti operazzjonali tal-Impriża Konġunta KDT, il-Qorti tal-Awdituri (il- “Qorti”) awditjat b’mod aleatorju kampjun ta’ pagamenti ta’ Orizzont 2020 li saru fl-2021, fil-livell tal-benefiċjarji finali, biex tikkorrobora r-rati ta’ żball tal-awditjar ex post (fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta’ pagament ta’ għotja ittestjati fil-livell tal-benefiċjarji, il-limitu ta’ rapportar għal żbalji kwantifikabbli huwa ta’ 1 % tal-ispejjeż awditjati); jiddispjaċih dwar il-fatt li f’żewġ każijiet, il-Qorti sabet u kkwantifikat żbalji li rriżultaw mill-ispejjeż tal-persunal li saru pretensjonijiet żejda fuqhom;

22.

Jenfasizza li s-sejbiet tal-Qorti kkonfermaw żbalji sistemiċi persistenti fl-ispejjeż iddikjarati tal-persunal u li b’mod partikolari, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u l-benefiċjarji l-ġodda huma aktar suxxettibbli għall-iżbalji minn benefiċjarji oħra, u jenfasizza li dawn l-iżbalji huma rapportati wkoll, u b’mod regolari, fir-rapporti annwali preċedenti tal-Qorti sa mill-2017; jenfasizza, għaldaqstant, li s-simplifikazzjoni tar-regoli ta’ Orizzont 2020 għad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż tal-persunal u l-użu usa’ ta’ għażliet ta’ spejjeż simplifikati huma prekundizzjoni biex ir-rati ta’ żball jiġu stabbilizzati taħt il-livell ta’ materjalità; jenfasizza li l-Impriża Konġunta KDT għandha ssaħħaħ is-sistemi ta’ kontroll intern tagħha biex tindirizza r-riskju akbar fir-rigward tal-SMEs u l-benefiċjarji l-ġodda, u jħeġġeġ bil-qawwi l-użu tal-“Personnel Costs Wizard” minn ċerti kategoriji ta’ benefiċjarji li huma aktar suxxettibbli li jwettqu żbalji, bħall-SMEs u l-benefiċjarji ġodda; jilqa’ l-fatt li fl-2022 l-Impriżi Konġunti kollha bdew jimplimentaw azzjonijiet għat-tnaqqis tar-rata ta’ żbalji f’konformità mal-azzjoni proposta mill-Qorti, inkluża l-esplorazzjoni tal-għażliet ta’ forom simplifikati ta’ spejjeż bħal spejjeż unitarji, somom f’daqqa u rati fissi;

23.

Jinnota mir-rapport annwali tal-attività li fl-2021, l-ECSEL ivvalutat l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll intern tagħha abbażi tal-qafas rivedut; jinnota li l-objettiv ġenerali tal-eżerċizzju ta’ awtovalutazzjoni kien li jiġi mifhum jekk il-prinċipji kollha kinux preżenti u qed jiffunzjonaw; jinnota li l-eżerċizzju kien prinċipalment ibbażat fuq l-awtovalutazzjoni tal-indikaturi ta’ monitoraġġ u l-analiżi tar-rapporti mis-servizz tal-awditjar intern, mill-Qorti u mill-awdituri esterni u appoġġjat b’evidenza oħra (bħar-reġistru tal-eċċezzjonijiet, l-eżerċizzju tal-valutazzjoni tar-riskju, is-segwitu tal-azzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, is-sejbiet) u diskussjonijiet mal-maniġment dwar l-attivitajiet u l-objettivi tal-ECSEL;

24.

Jilqa’ l-fatt li l-ECSEL ivvalutat is-sistema ta’ kontroll intern matul is-sena ta’ rapportar u kkonkludiet li din hija effettiva u li l-komponenti u l-prinċipji huma preżenti u qed jiffunzjonaw kif maħsub;

Awditu intern

25.

Jinnota li s-servizz tal-awditjar intern tal-Kummissjoni jwettaq ir-rwol ta’ awditur intern tal-Impriża Konġunta KDT, kif speċifikat fl-Artikolu 28 tar-regolament finanzjarju tiegħu; jinnota li f’Ottubru 2021, id-Direttur Eżekuttiv tal-ECSEL informa lill-awdituri interni dwar l-aħħar żviluppi importanti fl-ECSEL u r-riżultati tal-aħħar eżerċizzju ta’ valutazzjoni tar-riskju;

Is-sistema ċentralizzata l-ġdida għall-ġestjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Parteċipanti

26.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti, li, abbażi tar-Regolament Qafas ta’ Orizzont Ewropa u r-Regolament (UE) 2021/2085, l-Impriża Konġunta KDT hija obbligata tintroduċi proċess ta’ ġestjoni ċentralizzata ġdid, is-sistema ta’ Ġestjoni Ċentrali ta’ Kontribuzzjonijiet Finanzjarji (CMFC), biex tiġġestixxi l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Parteċipanti tagħha;

27.

Jinnota li fl-ambitu tas-sistema ppjanata tas-CMFC, kull Stat Parteċipanti jista’ jagħżel li jħallas lill-Impriża Konġunta KDT il-kontribuzzjonijiet finanzjarji rispettivi tiegħu fil-livell tal-proġett għall-benefiċjarji stabbiliti fl-istat tiegħu; jinnota li matul dan il-proċess, kull Stat Parteċipanti għandu wkoll id-dritt tal-veto fuq il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw l-użu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji nazzjonali tiegħu stess, imħallsa lill-Impriża Konġunta KDT għall-applikanti stabbiliti fl-Istat tiegħu, f’konformità mar-regoli finanzjarji u tal-kompetizzjoni tal-Unjoni; jinnota li dan jippermetti lil Stat Parteċipanti jiddeċiedi, abbażi tal-prijoritajiet strateġiċi nazzjonali, jekk jappoġġjax jew le benefiċjarju nazzjonali ta’ proġett ta’ riċerka u innovazzjoni magħżul u approvat;

28.

Jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta KDT se jkollha teżegwixxi l-pagamenti ta’ kofinanzjament għall-Istati Parteċipanti kollha li jagħżlu li jafdaw lill-Impriża Konġunta KDT bil-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom; jinnota li se jkollha tiġġestixxi u timmonitorja wkoll żewġ proċessi alternattivi ta’ ftehimiet amministrattivi ta’ appoġġ mal-Istati Parteċipanti; jinnota li l-NFA ta’ kull Stat Parteċipanti trid tiffirma ftehim amministrattiv mal-Impriża Konġunta KDT, biex jew tafdaha bil-pagament tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali, jew tikkoordina t-trasferiment nazzjonali tal-ftehimiet tal-fondi għall-pagamenti lill-benefiċjarji u r-rapportar dwar il-kontribuzzjonijiet;

29.

Jinnota t-tħassib tal-Qorti dwar il-fatt li l-ħtiġijiet ta’ riżorsi addizzjonali tal-Impriża Konġunta KDT għall-implimentazzjoni tas-sistema CMFC ippjanata la ġew ivvalutati mill-Kummissjoni u lanqas ma ġew inklużi fl-istimi inizjali tar-riżorsi tal-persunal tal-Impriża Konġunta KDT għall-implimentazzjoni tal-programm Orizzont Ewropa; jaqbel mal-Qorti li dan in-nuqqas ta’ ppjanar fl-introduzzjoni tas-sistema CMFC flimkien mas-sitwazzjoni tal-persunal, u n-nuqqas ta’ għodod u appoġġ tal-IT jista’ jaffettwa b’mod negattiv l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Impriża Konġunta KDT u l-ksib tal-kontribuzzjonijiet tal-membri l-oħra u li jekk is-CMFC trid tiġi ġestita manwalment, dan se jkun intensiv fl-użu tar-riżorsi umani; jistieden lill-Impriża Konġunta KDT u lill-Kummissjoni jirrapportaw lura lill-awtorità ta’ kwittanza dwar żviluppi ulterjuri.

(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ECSEL (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 152).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014 (ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17).

(3)  Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2085 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa, fir-rigward tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep, COM(2022)0047 tat-8 ta’ Frar 2022.


Top