EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1948

Riżoluzzjoni (UE) 2023/1948 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika (qabel it-30 ta’ Novembru 2021: Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika) għas-sena finanzjarja 2021

ĠU L 242, 29.9.2023, p. 493–499 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1948/oj

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/493


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1948 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika (qabel it-30 ta’ Novembru 2021: Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika) għas-sena finanzjarja 2021

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika għas-sena finanzjarja 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0093/2023),

A.

billi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika (minn hawn ’l quddiem l-“Impriża Konġunta BBI”) twaqqfet f’Mejju 2014 fil-qafas tal-programm Orizzont 2020 għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2024 (1); billi, f’Novembru 2021, ġiet stabbilita l-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika (minn hawn ’l quddiem l-“Impriża Konġunta CBE”) skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 (2) biex tissostitwixxi l-Impriża Konġunta BBI, fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa, għal perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2031;

B.

billi l-għan ġenerali tal-impriżi konġunti fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa huwa li jkunu aktar orjentati lejn l-objettivi u jkollhom sħubijiet aktar ambizzjużi mas-setturi industrijali rispettivi milli kellhom fil-qafas tal-programmi preċedenti;

C.

billi l-Impriża Konġunta Ewropa CBE ġiet iffinanzjata fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027 bil-għan li tiġbor flimkien il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u tikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-Unjoni bħala attur ewlieni fir-riċerka, permezz tal-involviment u tal-impenn tas-sħab fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ programm ta’ attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni b’valur miżjud Ewropew;

D.

billi, fl-ambitu tal-programmi tal-QFP għar-riċerka u l-innovazzjoni, l-impriżi konġunti għandhom personalitajiet ġuridiċi separati u jadottaw l-aġenda fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni tagħhom stess fis-settur strateġiku tar-riċerka tagħhom, u jimplimentawha permezz ta’ sejħiet għal proposti jew akkwisti;

E.

billi l-objettivi ġenerali tal-Impriża Konġunta CBE huma l-aċċelerazzjoni tal-proċess ta’ innovazzjoni u tal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi b’bażi bijoloġika, l-aċċelerazzjoni tal-użu fis-suq tas-soluzzjonijiet innovattivi b’bażi bijoloġika u maturi eżistenti u l-garanzija ta’ livell għoli ta’ prestazzjonijiet ambjentali tas-sistemi industrijali b’bażi bijoloġika;

F.

billi, bil-għan li jitqies it-tul ta’ żmien tal-programm Orizzont Ewropa, is-sejħiet għal proposti fl-ambitu tal-Impriża Konġunta CBE għandhom jitnedew sal-31 ta’ Diċembru 2027; billi, f’każijiet debitament ġustifikati, is-sejħiet għal proposti jistgħu jitnedew sal-31 ta’ Diċembru 2028;

G.

billi l-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta CBE huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u s-sħab industrijali rrappreżentati mill-Konsorzju tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika (Konsorzju BIC);

H.

billi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta CBE, inklużi l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE, tammonta għal EUR 1 biljun (li minnhom sa EUR 23,5 miljun għall-kostijiet amministrattivi); billi l-membri tal-Impriża Konġunta CBE differenti mill-Unjoni jagħmlu jew iħejju għall-entitajiet kostituttivi jew affiljati tagħhom kontribuzzjoni totali ta’ mill-inqas EUR 1 biljun, li minnhom sa EUR 23,5 miljun għall-kostijiet amministrattivi, matul il-perjodu ta’ għaxar snin;

Aspetti ġenerali

1.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (minn hawn ’il quddiem il-“Qorti”) dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta CBE (minn hawn ’il quddiem ir-“rapport tal-Qorti”) isib li l-kontijiet annwali tal-2021 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta CBE fil-31 ta’ Diċembru 2021, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, f’konformità mar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta CBE u mar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi għall-kontijiet huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

2.

Jirrikonoxxi li Orizzont Ewropa jipprevedi għanijiet ambizzjużi għall-impriża konġunta, li jistgħu jinkisbu biss jekk jitfasslu u jiġu implimentati soluzzjonijiet effikaċi li jindirizzaw id-dgħufijiet fis-sistemi ta’ kontroll intern u jħejju għall-isfidi futuri li jirriżultaw miż-żieda fir-responsabbiltajiet, pereżempju fil-qasam tal-ġestjoni u tal-ippjanar tar-riżorsi umani; jirrimarka, f’dan il-kuntest, li kalkoli u rekwiżiti ta’ rapportar partikolarment ikkumplikati u onerużi jirrappreżentaw riskju sinifikanti ta’ żball u jitlob, għalhekk, li jiġu esplorati l-possibbiltajiet ta’ semplifikazzjoni, meta possibbli u kompatibbli mal-qafas ġuridiku eżistenti;

3.

Jinnota li bejn l-impriżi konġunti ma hemm l-ebda definizzjoni armonizzata ta’ “kostijiet amministrattivi”, li tikkostitwixxi bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri tagħhom u kundizzjoni preliminari biex dawn il-kostijiet isiru komparabbli; jitlob, f’dan il-kuntest, linji gwida komuni li jippermettu lill-impriżi konġunti kollha jieħdu approċċ armonizzat għall-klassifikazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ nfiq għal kostijiet amministrattivi, bħall-infiq għal konsulenzi, studji, analiżijiet, evalwazzjonijiet u assistenza teknika;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

4.

Jinnota li, f’Diċembru 2020, il-bord ta’ tmexxija adotta l-baġit tal-Impriża Konġunta CBE għall-2021 għall-ammont globali (baġit adottat u riattivazzjonijiet) ta’ EUR 5 215 066 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 174 626 895 f’approprjazzjonijiet ta’ pagament u li ma kien hemm l-ebda emenda;

5.

Jinnota b’dispjaċir li, skont ir-rapport tal-Qorti, ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tal-Impriża Konġunta CBE għall-2021 disponibbli għall-proġetti ta’ Orizzont 2020 kienet biss 71 % minħabba fatturi esterni bħall-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll il-waqfien mhux mistenni ta’ proġett kbir ta’ Orizzont 2020 wara l-falliment tal-benefiċjarju prinċipali fl-2021;

6.

Jinnota, barra minn hekk, li l-baġit tal-Impriża Konġunta BBI preċedenti kien jinkludi surplus ta’ baġit mhux użat mis-snin preċedenti (2018, 2019 u 2020), li kien jinkludi EUR 600 000 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u f’approprjazzjonijiet ta’ pagament amministrattivi u, fuq in-naħa operattiva, EUR 46 881 709 f’approprjazzjonijiet ta’ pagament; jinnota wkoll li l-approprjazzjonijiet riattivati ntużaw bi prijorità f’konformità mar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta CBE u laħqu kważi l-100 % fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn amministrattivi, l-84 % fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament amministrattivi u d-79 % fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament operattivi sa tmiem is-sena;

7.

Jinnota li, fi tmiem l-2021, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni kienet tammonta għal EUR 728,228 miljun, u dik tal-grupp industrijali kienet tammonta għal EUR 52,239 miljun f’kontribuzzjonijiet in natura validati, EUR 14,559-il miljun fi flus kontanti għall-kostijiet amministrattivi u EUR 3,250 miljun fi flus kontanti għall-kostijiet operattivi;

8.

Jinnota li, fir-rigward tal-obbligi operattivi tal-Impriża Konġunta CBE fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta CBE kienet impenjat kważi bis-sħiħ EUR 815,8-il miljun mill-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għall-ftehimiet ta’ għotja ffirmati fl-ambitu ta’ Orizzont 2020; jinnota, barra minn hekk, li fis-snin li ġejjin għad iridu jitħallsu madwar EUR 159,6 miljun (jew 19,6 %); jinnota, min-naħa l-oħra, li l-membri privati kienu ħadu impenn ġuridiku li jipprovdu kontribuzzjonijiet in natura u finanzjarji ta’ EUR 266,5 miljun jew 56 % tal-objettiv indikattiv ta’ EUR 475,3 miljun stabbiliti fil-programmi ta’ ħidma annwali adottati tal-Impriża Konġunta CBE; jinnota, madankollu, li peress li s-sejħiet kollha ta’ Orizzont 2020 kienu ngħalqu fi tmiem l-2020, l-Impriża Konġunta CBE mhux se tilħaq l-objettiv indikattiv stabbilit għall-membri privati tagħha sa tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni;

9.

Jinnota li r-rata ta’ implimentazzjoni tal-pagamenti tal-Impriża Konġunta CBE disponibbli għall-proġetti ta’ Orizzont 2020 kienet 71 %, u dan jista’ jiġi spjegat minn sospensjonijiet u prorogi tal-proġetti reċenti ta’ Orizzont 2020, meħtieġa minħabba l-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll il-waqfien ta’ proġett kbir ta’ Orizzont 2020 wara li l-falliment tal-benefiċjarju prinċipali fl-2021; jinnota li l-Impriża Konġunta CBE ma kellha l-ebda approprjazzjoni ta’ impenn operattiv għall-2021 peress li kienet temmet l-aħħar sejħa għal proposti tagħha sa tmiem l-2020;

10.

Jinnota li fi tmiem l-2021, il-membri industrijali rrappurtaw kontribuzzjonijiet in natura totali għal attivitajiet addizzjonali li jammontaw għal EUR 1 646,5 miljun jew 74 % tal-objettiv ta’ EUR 2 225,4 miljun; jinnota, madankollu, l-osservazzjoni tal-Qorti dwar in-nuqqas ta’ konklużjoni tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni għal EUR 715,6-il miljun jew 43 % tal-ammont irrapportat; jinnota l-azzjoni meħuda mill-bord ta’ tmexxija tal-Impriża Konġunta CBE biex jiżgura li jinkiseb l-objettiv sa tmiem il-programm, bl-approvazzjoni, fi Frar 2022, ta’ EUR 658 miljun addizzjonali ta’ investimenti tal-membri industrijali fl-attivitajiet tal-2022 marbuta mill-qrib mal-objettivi strateġiċi tal-Impriża Konġunta CBE; jinnota, b’konsegwenza t’hekk, li dak l-impenn tal-membri privati jista’ jtaffi r-riskju tal-Impriża Konġunta CBE li ma tilħaqx l-objettiv rigward il-kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet addizzjonali sa tmiem il-programm Orizzont 2020;

11.

Jinnota li, wara l-osservazzjoni tal-Qorti fl-2020 dwar in-nuqqas ta’ data għall-kontribuzzjonijiet in natura validati, bil-pubblikazzjoni tar-rapport annwali tal-attività 2021 il-Konsorzju BIC kien irnexxielu jorħoġ numru kbir ta’ ċertifikati li jinkludu l-kontribuzzjonijiet in natura tal-entitajiet kostituttivi tal-Konsorzju BIC għal attivitajiet addizzjonali prinċipalment tal-2020, iżda anki tal-2019 u tal-2018, li l-ħruġ tagħhom iddewwem matul il-pandemija tal-COVID-19;

12.

Jinnota li, fir-rigward tar-riskju identifikat mill-Qorti fl-2020 relatat mal-ksib tal-aġenda tal-Impriża Konġunta CBE fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-programm Orizzont 2020, il-kisbiet operattivi indikati fir-rapport annwali tal-attività 2021 jikkonfermaw li, minkejja t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet fi flus miż-żewġ membri tal-Impriża Konġunta CBE (il-Kummissjoni u l-Konsorzju BIC), l-Impriża Konġunta CBE irnexxielha tilħaq l-objettivi strateġiċi tagħha; jilqa’ b’mod partikolari l-fatt li fost il-punti saljenti fil-livell operattiv irrapportati għall-2021, ġew iffinalizzati 41 proġett u li nkisbu l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) kollha marbuta mal-prestazzjoni tal-proġetti; japprezza wkoll il-fatt li r-riżultati mistennija rrappurtati mill-proġetti li għaddejjin jindikaw li l-KPIs finali se jaqbżu b’mod sinifikanti l-objettivi ffissati fl-“Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni: l-industriji b’bażi bijoloġika għall-iżvilupp u t-tkabbir fl-Ewropa”, li identifikaw l-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ dimostrazzjoni u ta’ użu li l-Impriża Konġunta CBE għandha timplimenta fil-qafas tal-programm Orizzont 2020;

13.

Jinnota li, fir-rapport annwali tal-attività tagħha għall-2021, l-Impriża Konġunta CBE tkompli tirrapporta dwar il-valuri reali tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji in natura pprovduti mill-Konsorzju BIC, jew mill-entitajiet kostituttivi tiegħu, sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014 (3) u li l-livell ġenerali tal-kontribuzzjonijiet in natura u finanzjarji diġà laħaq 70 % tal-valur finali mistenni ta’ EUR 2,73 biljun u jinsab fit-triq it-tajba biex jilħaq dak l-objettiv finali sal-2024;

Prestazzjoni

14.

Jinnota li l-prijoritajiet u l-objettivi għall-2021 tal-impriża konġunta CBE ġew ippreżentati għall-ewwel darba mid-Direttur Eżekuttiv lill-Bord ta’ Tmexxija matul il-laqgħa tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2020, qabel ma ġiet ippreżentata u diskussa verżjoni finali fis-7 ta’ Ottubru 2020; jinnota li l-prijoritajiet imbagħad ġew inklużi fil-pjan ta’ ħidma annwali 2021 bħala objettivi għall-2021, bil-għan li jiġi kkonsolidat il-portafoll tal-proġetti filwaqt li jinżammu l-istandards ta’ kwalità biex jiġi assorbit l-ogħla volum ta’ xogħol; jinnota, barra minn hekk, li ġiet żgurata tranżizzjoni bla xkiel mill-Impriża Konġunta BBI għall-Impriża Konġunta CBE l-ġdida fl-ambitu tal-programm qafas Orizzont Ewropa;

15.

Jinnota li ma kien hemm l-ebda sejħa għal proposti fl-2021, peress li l-aħħar sejħa kien fl-2020 u li l-Impriża Konġunta CBE kompliet tiġġestixxi l-portafoll ta’ proġetti tagħha, u dan irriżulta fl-iffirmar ta’ 18-il ftehim ta’ għotja, b’hekk l-għadd totali ta’ proġetti tal-Impriża Konġunta CBE tela’ għal 142 (71 azzjoni ta’ riċerka u innovazzjoni, 39 azzjoni dimostrattiva, 14-il inizjattiva emblematika u 18-il azzjoni ta’ koordinament u appoġġ), li minnhom 96 kienu għadhom għaddejjin fi tmiem l-2021 u 46 finalizzati;

16.

Jinnota li, fl-2021, kuntrattur estern wettaq studju speċifiku (4) biex jivvalida r-riżultati tal-KPIs tat-32 proġett tal-Impriża Konġunta BBI li kienu tlestew sa Lulju 2020 u biex jipprovdi valutazzjoni ġenerali tal-portafoll ta’ proġetti tal-Impriża Konġunta BBI; jinnota li l-eżerċizzju ta’ validazzjoni analizza r-riżultati u l-impatti tal-KPIs irrappurtati fid-dawl tal-evidenza pprovduta fid-dokumentazzjoni tal-proġetti, inklużi r-rapport perjodiku, ir-riżultati tanġibbli u r-rapporti ta’ rieżami li għamlu esperti indipendenti; jinnota, barra minn hekk, li ġie żviluppat punteġġ ta’ validazzjoni biex jindika l-punt sa fejn ir-riżultati tal-KPIs irrapportati kienu sostnuti b’evidenza;

17.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-maġġoranza (madwar 90 %) tad-data vvalidata kisbet il-punteġġi 1 jew 2 (punteġġi ta’ validazzjoni: 1, 2, 3) u dan juri li l-qafas tal-KPIs stabbilit għall-Impriża Konġunta BBI jagħti kejl sinifikanti tar-riżultati u tal-impatti tal-programm;

18.

Jinnota li l-inizjattivi emblematiċi u l-azzjonijiet dimostrattivi avvanzati huma l-proġetti li jikkontribwixxu l-aktar għall-impatti soċjoekonomiċi bħall-ħolqien tal-impjiegi, l-iżvilupp rurali u l-benefiċċji għall-produtturi primarji, l-impatt reġjonali u lokali u l-impatti fuq is-swieq u l-industrija; jinnota li l-livell ta’ tħejjija teknoloġika ta’ dawk il-proġetti jippermetti l-użu tat-teknoloġiji fuq skala preindustrijali kbira, bl-involviment ta’ atturi mill-katina tal-valur kollha, mill-fornituri lokali tal-materja prima sal-utenti finali u l-awtoritajiet lokali;

19.

Jinnota li t-tnaqqis tal-impatt ambjentali tal-proċessi u tal-prodotti industrijali huwa wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Impriża Konġunta CBE; jinnota li kontribut importanti għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima huwa t-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u ta’ gassijiet oħra b’effett ta’ serra rrappurtat minn 65 % tal-proġetti tal-Impriża Konġunta CBE; jinnota li 29 % tal-proġetti jirrapportaw l-użu/ir-riċiklaġġ tas-CO2 rilaxxat minn operazzjonijiet b’bażi bijoloġika, u dan jikkorrispondi għal tnaqqis tal-emissjonijiet diretti tagħhom ta’ gassijiet b’effett ta’ serra;

20.

Jieħu pjaċir jinnota li, fl-2021, kompliet il-prestazzjoni effiċjenti tal-Impriża Konġunta CBE fl-ambitu tal-operazzjonijiet fundamentali fir-rigward tal-KPIs ta’ Orizzont 2020 li abbażi tagħhom tiġi mmonitorjata l-Impriża Konġunta CBE, u dan jikkonferma x-xejriet pożittivi osservati fis-snin preċedenti: it-time to inform (TTI) għall-applikanti tas-sejħa 2020 ġie rispettat f’Jannar 2021, b’137 jum, meta mqabbel mal-objettiv ta’ 153 jum (100 % puntwalità); it-time to grant (TTG) għall-proposti magħżula fl-ambitu tas-sejħa 2020 kien, bħala medja, 236 jum, meta mqabbel mal-objettiv ta’ 245 jum, u l-ftehimiet ta’ għotja kollha ġew iffirmati fil-ħin (100 % puntwalità); it-time to amend (TTA) kien disat ijiem meta mqabbel mal-objettiv ta’ 45 jum (100 % puntwalità); it-time to pay (TTP) għall-prefinanzjament tal-proposti magħżula fl-ambitu tas-sejħa 2020 kien, bħala medja, 9,5 ijiem, meta mqabbel mal-objettiv ta’ 30 jum (100 % puntwalità), u għall-pagamenti intermedji u finali kien, bħala medja, 66 jum, meta mqabbel mal-objettiv ta’ 90 jum (100 % puntwalità);

21.

Jinnota li, wara osservazzjoni li saret fil-proċedura ta’ kwittanza tal-2020 dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-ftehimiet ta’ għotja ffirmati mill-Impriża Konġunta CBE jikkorrispondu għall-mudell ta’ ftehim ta’ għotja maħruġ mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni u mingħajr ebda devjazzjoni fil-ġestjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; jinnota, barra minn hekk, li għal dak li jikkonċerna d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-pubblikazzjoni tar-riżultati, is-sjieda tar-riżultati tal-proġetti għadha taħt il-kontroll tal-benefiċjarji, u dawn tal-aħħar għandhom jissodisfaw obbligi speċifiċi rigward ix-xjenza miftuħa u l-aċċess għar-riżultati tar-riċerka f’konformità mat-taqsima 3 (“Drittijiet u obbligi relatati mal-kuntest u mar-riżultati”) tal-mudell ta’ ftehim ta’ għotja ta’ Orizzont 2020;

Proċeduri ta’ reklutaġġ, persunal u akkwist

22.

Jinnota li sa tmiem l-2021 l-uffiċċju tal-programm tal-Impriża Konġunta CBE kien magħmul minn 22 membru tal-persunal u li fl-2021 tnedew erba’ proċeduri ta’ reklutaġġ li wasslu għar-reklutaġġ ta’ uffiċjal tal-proġett (aġent kuntrattwali), assistent eżekuttiv inkarigat mir-relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati (aġent temporanju), assistent tal-komunikazzjoni (aġent temporanju) u assistent finanzjarju (aġent kuntrattwali); jinnota, barra minn hekk, li, bħal fl-2020, sabiex tlaħħaq mal-perjodu massimu ta’ xogħol, l-Impriża Konġunta CBE kkonkludiet, permezz tal-kuntratt qafas tal-Kummissjoni għas-servizzi interim, diversi kuntratti għal żmien qasir għas-servizzi interim biex tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-uffiċċju tal-programm tal-Impriża Konġunta CBE;

23.

Jinnota bi tħassib li l-perċentwal medju annwali ta’ persunal interim baqa’ għoli, jiġifieri 19 % tal-persunal statutarju; ifakkar li l-proporzjon għoli ta’ persunal kuntrattwali għandu t-tendenza li jżid b’mod sinifikanti r-rata tad-dawran tal-persunal u jkompli jiddestabbilizza s-sitwazzjoni tal-persunal tal-Impriża Konġunta CBE; jenfasizza, madankollu, li l-użu ta’ persunal interim għandu jibqa’ soluzzjoni temporanja, għax inkella dan jista’ jkollu riperkussjonijiet negattivi fuq il-prestazzjoni kumplessiva tal-Impriża Konġunta CBE, pereżempju ż-żamma tal-kompetenzi ewlenin, nuqqas ta’ ċarezza fil-kanali tal-obbligu ta’ rendikont, tilwim ġudizzjarju possibbli u inqas effiċjenza tal-persunal; ifakkar li l-Impriża Konġunta CBE għandha tiżviluppa mudell jew gwida formalizzati dwar kif għandhom jiġu stmati l-ħtiġijiet tal-persunal (inklużi l-kompetenzi essenzjali), bil-għan li jiġi ottimizzat l-użu tar-riżorsi umani;

24.

Jinnota li, abbażi tar-rapport annwali tal-attività 2021, il-bilanċ bejn il-ġeneri huwa adegwat, bi preżenza tan-nisa ta’ 64 % fil-livell tal-uffiċċji tal-programm, ta’ 46 % fil-grupp ta’ rappreżentanti tal-Istati (inklużi l-membri sostituti) u ta’ 57 % fil-kumitati xjentifiċi; jinkoraġġixxi lill-Impriża Konġunta CBE żżomm dan il-bilanċ bejn il-ġeneri u tkompli ttejbu;

25.

Jirrikonoxxi li, skont ir-rapport annwali tal-attività tagħha, in-numru ta’ nisa fil-bord ta’ tmexxija żdied, minn 20 % fis-sena preċedenti għal 30 % fi tmiem l-2021; jinkoraġġixxi lill-Impriża Konġunta CBE tirsisti iktar biex tilħaq bilanċ bejn il-ġeneri fi ħdan il-bord ta’ tmexxija;

26.

Jinnota li, mill-2016, l-impriżi konġunti ma ħallsux il-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem għall-persunal tagħhom għall-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni, li jikkorrispondi għall-proporzjon tad-dħul tagħhom issussidjat minn pajjiżi terzi mad-dħul totali tagħhom, peress li l-Kummissjoni la pprevediet din in-nefqa fil-baġit tal-impriżi konġunti u lanqas ma talbet formalment il-pagamenti; jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tevita kwistjonijiet simili fil-futur;

27.

Jinnota li, fl-2021, l-Impriża Konġunta CBE ħadet it-tmexxija flimkien ma’ erba’ impriżi konġunti oħra fl-implimentazzjoni ta’ SYSTAL, strument ta’ reklutaġġ elettroniku mfassal minn Oracle u diġà użat minn diversi aġenziji deċentralizzati, u li l-Impriża Konġunta CBE użat l-istrument għall-ewwel darba f’Settembru 2021 bil-pubblikazzjoni ta’ pożizzjoni waħda;

28.

Jinnota li, fl-2021, biex jiġi żgurat li l-membri tal-persunal ikunu kompetenti fir-rwoli tagħhom u huma kapaċi jlaħħqu mal-ambjent tax-xogħol impenjattiv, il-funzjoni tar-riżorsi umani żviluppat qafas għat-tagħlim u għall-iżvilupp, filwaqt li qieset l-objettivi annwali tal-Impriża Konġunta BCE; jinnota li minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-attivitajiet kollha ta’ tagħlim ġew organizzati online;

29.

Jenfasizza li, wara osservazzjoni li saret fil-proċedura ta’ kwittanza tal-2020 dwar l-akkwist, l-Impriża Konġunta CBE implimentat il-miżuri kollha possibbli sabiex tiżgura l-aktar kompetizzjoni wiesgħa fil-proċeduri ta’ akkwist tagħha u fir-rispett tar-Regolament Finanzjarju; japprezza wkoll il-fatt li l-Impriża Konġunta CBE tuża l-eTendering biex tippubblika l-avviżi tagħha dwar l-akkwist pubbliku u implimentat ir-rekwiżiti kollha ta’ adeżjoni għas-soluzzjonijiet fil-qasam tal-akkwist elettroniku (bħall-eSubmission), li huwa ppjanat li jiġu integrati bis-sħiħ f’din is-sistema sa tmiem l-2022;

30.

Jirrikonoxxi li, wara osservazzjoni li saret fil-proċedura ta’ kwittanza 2020 dwar in-nuqqas ta’ struttura ta’ appoġġ li tiżgura l-benesseri psikoloġiku tal-persunal, l-Impriża Konġunta CBE organizzat sensiela ta’ avvenimenti biex tappoġġa l-persunal ħalli jilqa’ l-isfidi imposti mill-pandemija, u li ġew stabbiliti l-aħjar prattiki u regoli tad-deheb fl-ambitu tal-preparazzjoni tal-istrateġija ta’ “Lura fl-uffiċċju” tal-organizzazzjoni fil-qafas tal-modi l-ġodda tax-xogħol;

Kontrolli interni u awditu intern

31.

Jinnota li l-qafas ta’ kontroll intern tal-Impriża Konġunta CBE huwa bbażat fuq 17-il prinċipju ta’ kontroll u huwa allinjat mal-qafas ta’ kontroll tal-Kummissjoni u ilu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2020;

32.

Jinnota li r-riżultati tal-valutazzjoni tal-kontroll intern tal-2021 jikkonfermaw li s-sistema ta’ kontroll tal-Impriża Konġunta CBE hija preżenti u taħdem, għad li huwa meħtieġ xi titjib; jinnota li, b’mod ġenerali, il-komponenti kollha ta’ kontroll intern joperaw flimkien b’mod integrat, li s-sistema hija konformi mal-qafas ta’ kontroll intern, qed taħdem f’livell aċċettabbli ta’ effikaċja, u tippermetti kontroll suffiċjenti tar-riskji għall-ksib tal-objettivi ta’ kontroll;

33.

Jinnota li s-servizz tal-awditjar komuni tad-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Kummissjoni huwa responsabbli mill-awditu ex post tal-pagamenti li jsiru skont Orizzont 2020; jinnota li, abbażi tar-riżultati tal-awditjar ex post disponibbli fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta CBE rrappurtat rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 1,9 % u rata tal-iżball residwu ta’ 1,2 % għall-proġetti fl-ambitu ta’ Orizzont 2020 (ikklerjar u pagamenti finali); jinnota, madankollu, li r-rati ta’ żball ippreżentati hawn fuq għandhom jiġu ttrattati b’kawtela, peress li għadhom mhux disponibbli r-riżultati kollha tal-awditjar, u għalhekk ir-rati ta’ żball mhumiex kompletament rappreżentattivi tan-nefqa suġġett għall-kontroll;

34.

Japprezza l-fatt li, kif kien il-każ fl-2020, hemm evidenza li s-semplifikazzjonijiet introdotti fl-ambitu ta’ Orizzont 2020, flimkien mal-esperjenza li qed tiżdied progressivament miksuba mill-benefiċjarji prinċipali, affettwaw b’mod pożittiv l-għadd u l-livell ta’ żbalji; jinnota, madankollu, li l-benefiċjarji għadhom jagħmlu l-iżbalji, normalment minħabba nuqqas ta’ fehim jew nuqqas ta’ rispett tar-regoli;

35.

Jenfasizza li s-sejbiet tal-Qorti kkonfermaw żbalji sistemiċi persistenti għall-ispejjeż tal-persunal iddikjarati u li b’mod partikolari, l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u l-benefiċjarji l-ġodda huma aktar suxxettibbli għall-iżbalji minn benefiċjarji oħra; jenfasizza li dawk l-iżbalji ġew irrappurtati regolarment anki fir-rapporti annwali tal-Qorti mill-2017 ’l hawn; jenfasizza, għaldaqstant, li s-semplifikazzjoni tar-regoli ta’ Orizzont 2020 għad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż tal-persunal u l-użu aktar mifrux ta’ għażliet semplifikati f’dawk li huma kostijiet huma kundizzjoni prelimiari biex ir-rati ta’ żball jiġu stabbilizzati taħt il-livell ta’ materjalità; jenfasizza li l-Impriża Konġunta CBE għandha ssaħħaħ is-sistemi ta’ kontroll intern tagħha biex tindirizza r-riskju akbar assoċjat mal-SMEs u mal-benefiċjarji l-ġodda, u jinkoraġġixxi bil-qawwa l-użu tal-Personnel Costs Wizard min-naħa ta’ ċerti kategoriji ta’ benefiċjarji li huma aktar suxxettibbli li jagħmlu żbalji, bħall-SMEs u l-benefiċjarji ġodda. jilqa’ l-fatt li, fl-2022, l-impriżi konġunti kollha bdew jimplimentaw azzjonijiet għat-tnaqqis tar-rata ta’ żbalji f’konformità mal-azzjoni proposta mill-Qorti, pereżempju billi jeżaminaw l-għażliet ta’ forom semplifikati ta’ kostijiet bħal kostijiet unitarji, somom f’daqqa u rati fissi;

36.

Jinnota li, biex tivvaluta l-kontrolli tal-Impriża Konġunta CBE fuq il-pagamenti operattivi, il-Qorti ssottoponiet għal awditjar kampjun aleatorju ta’ pagamenti ta’ Orizzont 2020 fil-livell tal-benefiċjarji finali, biex tikkorrobora r-rati ta’ żball tal-awditu ex post (5); jinnota li, f’każ wieħed, il-Qorti sabet u kkwantifikat żball relatat mal-kostijiet diretti tal-persunal iddikjarati għal persuna li la kienet impjegata mill-benefiċjarju u lanqas ma kien ġie stipulat kuntratt direttament magħha għall-proġett;

37.

Jinnota li, wara osservazzjoni li saret fil-proċedura ta’ kwittanza tal-2020 dwar is-sejba mill-Qorti ta’ żbalji sistemiċi persistenti fil-kostijiet tal-persunal iddikjarati mill-benefiċjarji u billi tali żbalji ġew irrappurtati regolarment ukoll fl-awditi ex post tas-servizz tal-awditjar komuni, l-Impriża Konġunta CBE għadha impenjata b’mod attiv biex ittejjeb l-istrateġiji ta’ kontroll tagħha tan-nefqa u tipparteċipa f’azzjonijiet komuni meħuda f’dan il-kuntest mill-governanza ta’ Orizzont 2020 u ta’ Orizzont Ewropa filwaqt li timmira wkoll lejn il-kategoriji identifikati sew ta’ benefiċjarji tal-fondi tal-Unjoni;

Ġestjoni u prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess u tar-riskji ta’ frodi

38.

Jinnota li, fi tmiem l-2021, total ta’ 11-il riskju ġew identifikati u deskritti fir-reġistru tar-riskji bi gradi differenti ta’ importanza, konverġenza u interdipendenza; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju ta’ valutazzjoni tar-riskju li sar fl-2021 ikkonferma x-xejra tas-snin preċedenti u xi riskji addizzjonali ġew assorbiti jew imnaqqsa permezz ta’ żieda fl-effikaċja tal-kontrolli interni kif ukoll permezz tal-esperjenza miksuba fl-attivitajiet ewlenin, bħall-ippjanar, il-proċessi u s-sistemi tal-għotjiet fl-ambitu ta’ Orizzont 2020;

39.

Jilqa’ l-fatt li, fir-rigward tal-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess potenzjali, l-uffiċċju tal-programm tal-Impriża Konġunta CBE żviluppa sett komprensiv ta’ regoli u proċeduri li huma implimentati b’mod effikaċi fl-istruttura ta’ governanza kollha tiegħu, u li ġew implimentati miżuri speċifiċi għall-prevenzjoni u għall-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess tal-esperti inkarigati mir-rieżami tal-proġetti u tal-offerti;

40.

Jenfasizza li, matul l-2021, dawk is-sistemi ta’ kontroll ħadmu b’mod effikaċi, u m’hemm bżonn li jiġi rrappurtat xejn li jista’ jinfluwenza l-aċċertament raġonevoli li għandu jingħata mill-uffiċjal awtorizzanti;

41.

Jinnota li, wara osservazzjoni li saret fil-proċedura ta’ kwittanza tal-2020, l-Impriża Konġunta, fir-rapport annwali tal-attività tagħha għall-2021, tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-ġestjoni tar-riskji ta’ frodi u tikkonferma li l-Impriża Konġunta CBE kompliet timplimenta b’mod effikaċi r-rakkomandazzjonijiet ifformulati fis-snin preċedenti u tirrapporta lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) f’dan ir-rigward;

42.

Jinnota li, wara osservazzjoni li saret fil-proċedura ta’ kwittanza tal-2020, id-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri tal-bord ta’ tmexxija qed jiġu ppubblikati fuq is-sit web uffiċjali tal-Impriża Konġunta CBE u li dawn id-dikjarazzjonijiet jinkludu wkoll informazzjoni rilevanti dwar l-attivitajiet professjonali tal-passat u dawk attwali tal-membri;

43.

Jinnota li, wara osservazzjoni li saret fil-proċedura ta’ kwittanza tal-2020, l-Impriża Konġunta CBE implimentat għadd ta’ politiki u taħriġ biex tiġġieled il-fastidju u l-frodi, tipprevjeni l-kunflitti ta’ interess u tipproteġi lill-informaturi ta’ irregolaritajiet; jinnota, barra minn hekk, li l-politiki etiċi huma inkorporati f’sensiela wiesgħa ta’ attivitajiet u mekkaniżmi ta’ ġestjoni tar-riskju li l-effikaċja tagħhom hija mmonitorjata kontinwament mill-funzjonijiet responsabbli li huma identifikati sew fl-istruttura ta’ governanza tal-Impriża Konġunta CBE u s-sistemi ta’ kontroll rilevanti kollha jiġu ttestjati regolarment mis-servizz tal-awditjar intern u mill-Qorti bħala fornituri ta’ aċċertamenti; jinnota li l-Impriża Konġunta CBE tirrapporta regolarment fir-rapporti annwali tal-attività tagħha dwar dan il-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tar-riskju u b’mod partikolari, dwar kwalunkwe każ potenzjali ta’ fastidju, kunflitt ta’ interess u avvenimenti frawdolenti li jistgħu jikkawżaw riżervi fid-dikjarazzjoni tal-assigurazzjoni annwali mehmuża, ippreżentata lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta CBE; jinnota li fir-rapport annwali tal-attività 2021 ma hemm l-ebda rappurtar dwar sejbiet u konklużjonijiet li jistgħu jikkawżaw riżervi f’dawn l-oqsma.

(1)   ĠU L 169, 7.6.2014, p. 130.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014 (ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 130).

(4)  https://www.bbi.europa.eu/sites/default/files/executive-summary-bbi-ju-portfolio-kpi.pdf

(5)  Rigward it-tranżazzjonijiet ta’ pagamenti ta’ għotjiet ittestjati fil-livell tal-benefiċjarji, is-soll ta’ rappurtar għal żball kwantifikabbli huwa ta’ 1 % tal-kostijiet awditjati.


Top