Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1944

Riżoluzzjoni (UE) 2023/1944 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali — EUSPA (qabel it-12 ta’ Mejju 2021 l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea) għas-sena finanzjarja 2021

ĠU L 242, 29.9.2023, p. 473–477 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1944/oj

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/473


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1944 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali — EUSPA (qabel it-12 ta’ Mejju 2021 l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea) għas-sena finanzjarja 2021

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali għas-sena finanzjarja 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0116/2023),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tan-nefqa tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2021 kien ta’ EUR 57 130 215,17, li jirrappreżenta żieda ta’ 61,16 % meta mqabbel mal-2020, minħabba l-mandat estiż tal-Aġenzija huwa bbażat fuq il-Programm Spazjali l-ġdid tal-UE; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“rapport tal-Qorti”), tistqarr li l-Qorti kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; billi l-Qorti tippreżenta paragrafu ta’ osservazzjonijiet fir-rigward tal-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna fir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja u l-karta tal-bilanċ tal-Aġenzija;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b’apprezzament li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena kurrenti ta’ 100 %, li tirrappreżenta l-istess rata bħal fl-2020; jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena kurrenti kienet ta’ 74,78 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 8,60 % meta mqabbla mal-2020;

2.

Jinnota li minbarra l-baġit ewlieni tagħha, l-Aġenzija kompliet tiġġestixxi ammont kbir ta’ baġit delegat (approprjazzjonijiet indikati), b’mod partikolari fl-ambitu tal-isfruttament tas-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) u Galileo, kif ukoll Ftehimiet ta’ Delega ta’ Orizzont 2020; jinnota, barra minn hekk, li fl-2021 l-Aġenzija ffirmat ftehim ta’ kontribuzzjoni mal-Kummissjoni li permezz tiegħu l-Aġenzija ġiet fdata b’komponenti addizzjonali tal-programm Orizzont Ewropa, Copernicus, il-Komunikazzjonijiet Governattivi bis-Satellita tal-Unjoni Ewropea (GOVSATCOM) u Għarfien tas-Sitwazzjoni fl-Ispazju (SSA), skont ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2); jinnota, barra minn hekk, li fl-2021 ġie impenjat total ta’ EUR 6 361 705 119 tal-baġit delegat, u li saru pagamenti ta’ EUR 1 574 943 399;

Prestazzjoni

3.

Jinnota li r-Regolament (UE) 2021/696 stabbilixxa l-Aġenzija, li ssostitwiet u ssuċċediet l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea; jinnota li dak ir-Regolament jipprovdi estensjoni tar-responsabbiltajiet tal-Aġenzija fil-Programmi tal-GNSS Ewropea; jinnota l-prestazzjoni pożittiva tal-Aġenzija, inkluża t-tranżizzjoni b’suċċess tagħha skont ir-Regolament (UE) 2021/696; jilqa’ wkoll il-fatt li fl-2021, wara negozjati, l-Aġenzija adottat il-ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja (FFPA) u ftehim ta’ kontribuzzjoni (CA), li jippermettulha t-twettiq tal-programm spazjali b’mod effiċjenti u effettiv, tiġi evitata d-duplikazzjoni u jiġu mminimizzati r-riskji ta’ żvilupp u operattivi abbażi tal-istabbiliment bejn l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) u l-Aġenzija ta’ sinerġiji fir-rigward tal-kompetenzi u l-kapaċitajiet ta’ xulxin b’katina ta’ kmand ċara; jinnota, barra minn hekk, li taħt l-FFPA u s-CA, l-Aġenzija taġixxi bħala l-maniġer tal-isfruttament ta’ EGNOS u Galileo u, meta tiġi fdata mill-Kummissjoni, bħala awtorità kontraenti għall-fażi ta’ implimentazzjoni tal-kuntratti;

4.

Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija kienet responsabbli għal firxa wiesgħa ta’ attivitajiet relatati mal-implimentazzjoni ta’ EGNOS u Galileo, bħal pereżempju l-iżgurar tal-akkreditazzjoni tas-sigurtà ta’ EGNOS u Galileo, permezz tal-bord ta’ akkreditazzjoni tas-sigurtà indipendenti tagħha, kif ukoll il-kontribut għall-promozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi ta’ EGNOS u Galileo, inkluż it-twettiq tal-analiżi tas-suq meħtieġa u l-istabbiliment ta’ kuntatti mill-qrib mal-utenti u ma’ utenti potenzjali tas-sistema; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija wettqet kompiti oħra relatati mal-implimentazzjoni ta’ EGNOS u Galileo, fdati lilha mill-Kummissjoni permezz ta’ ftehimiet ta’ delega u ta’ kontribuzzjoni;

5.

Jissottolinja l-importanza tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-ħolqien tal-Aġenzija; jinnota b’sodisfazzjon li l-kontribut tal-Aġenzija bħala fornitur tas-sigurtà għall-ispazju u għan-Navigazzjoni bis-Satellita, l-Osservazzjoni tad-Dinja, il-Konnettività u r-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ispazju li jgħinu biex jiġu żgurati s-sigurtà għaċ-ċittadini tal-Unjoni u l-investimenti fl-infrastruttura kritika; jistieden lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni jkomplu jidentifikaw sinerġiji possibbli bejn il-komponenti tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u programmi futuri, bħal pereżempju għall-implimentazzjoni tal-Programm IRIS2 għal Konnettività Sigura u tal-Immaniġġjar tat-Traffiku fl-Ispazju (STM); jistieden lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni jimmassimizzaw l-użu tal-infrastruttura spazjali b’użu doppju tal-Unjoni u jsaħħu r-rwol tagħha fil-kuntest tas-sigurtà u d-difiża Ewropea; iħeġġeġ l-involviment tal-Aġenzija fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Spazjali tal-Unjoni għas-sigurtà u d-difiża;

Politika dwar il-persunal

6.

Jinnota li fil-31 ta’ Diċembru 2021, 100 % tat-tabella tal-persunal kienet ġiet eżegwita, b’191 aġent temporanju maħtura mit-total ta’ 191 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel mal-150 post tax-xogħol awtorizzati fl-2020); jinnota li, barra minn hekk, 56 aġent kuntrattwali u seba’ esperti nazzjonali sekondati ħadmu għall-Aġenzija fl-2021;

7.

Jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fil-maniġment superjuri tal-Aġenzija: minn tlieta, it-tlieta li huma (100 %) huma rġiel; jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-membri tal-bord amministrattiv tal-Aġenzija: 23 minn 28 (82 %) huma rġiel; barra minn hekk, jinnota bi tħassib il-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-persunal ġenerali tal-Aġenzija: 168 minn 247 (68 %) huma rġiel; jinnota li l-Aġenzija qed taħdem fuq strateġija għad-diversità u l-inklużjoni li tinkludi pjan ta’ azzjoni; jistieden lill-Aġenzija tieħu miżuri konkreti biex ittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-ġerarkija mill-aktar fis possibbli u tirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza;

8.

Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li għadd ta’ nuqqasijiet proċedurali f’żewġ proċeduri ta’ reklutaġġ awditjati li jimminaw il-prinċipji tat-trasparenza u t-trattament ugwali, li l-avviżi dwar il-postijiet vakanti ma stabbilewx l-għadd ta’ punti li l-kandidati kienu meħtieġa jiksbu sabiex jiġu inklużi fil-lista mqassra jew jitqiegħdu f’lista ta’ riżerva, jew l-għadd ta’ kandidati li għandhom jiġu inklużi fil-lista mqassra jew jitqiegħdu fil-lista ta’ riżerva, li l-istruzzjonijiet maħruġa mill-bord tal-għażla dwar il-punti tal-għoti għad-diversi kriterji tal-għażla ma kinux dettaljati biżżejjed biex jiżguraw li l-membri tal-bord tal-għażla applikaw approċċ konsistenti, u li f’waħda miż-żewġ proċeduri ta’ reklutaġġ, ma kienet ġiet stabbilita l-ebda skema ta’ punteġġ minn qabel għal wieħed mit-testijiet; jinnota t-tweġiba tal-Aġenzija li qed tippjana li tintroduċi modifiki għall-proċeduri ta’ reklutaġġ tagħha biex tindirizza l-osservazzjoni; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

9.

Jinnota mis-segwitu għall-kwittanza tal-2020 li l-Aġenzija qablet mal-Kummissjoni dwar pjan biex gradwalment u progressivament tnaqqas l-għadd totali tagħha ta’ aġenti Kuntrattwali sabiex sa tmiem il-perspettiva finanzjarja tkun konformi mad-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva mehmuża mar-Regolament (UE) 2021/696, iżda li, madankollu, l-Aġenzija jeħtieġ li żżid l-għadd ta’ aġenti kuntrattwali li jaħdmu b’mod partikolari fl-operazzjonijiet u l-funzjonijiet tas-sigurtà taċ-ċentru ta’ monitoraġġ tas-sigurtà ta’ Galileo; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija enfasizzat lill-Kummissjoni u lill-bord amministrattiv tagħha li hemm riskji operattivi assoċjati mat-tnaqqis fl-aġenti kuntrattwali li l-Aġenzija beħsiebha tiġġestixxi permezz ta’ żieda fl-esternalizzazzjoni, għalkemm dan iwassal għal żieda fl-ispejjeż finanzjarji; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

10.

Jirrikonoxxi l-miżuri u l-politiki eżistenti tal-Aġenzija li għandhom l-għan li jipproteġu d-dinjità tal-persuna u jipprevjenu l-fastidju psikoloġiku u sesswali; jinnota, b’mod partikolari, li l-Aġenzija implimentat manwal ta’ proċedura informali għall-konsulenti kunfidenzjali li jiffaċilita rapportar faċli u kunfidenzjali; jinnota li fl-2021 kien hemm erba’ konsultazzjonijiet irreġistrati tal-konsulenti kunfidenzjali u li l-ebda waħda minn dawn il-konsultazzjonijiet ma rriżultat f’każ investigat jew meħud quddiem il-qorti, u l-konsultazzjonijiet kollha waqfu wara l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-proċedura, u d-diskussjoni informali bejn il-konsulent kunfidenzjali u l-parti li ressqet l-ilment;

11.

Ifakkar li n-nuqqasijiet proċedurali fil-proċeduri ta’ reklutaġġ jimminaw il-prinċipji tat-trasparenza u t-trattament ugwali; jitlob lill-Aġenzija ttejjeb il-proċedura ta’ reklutaġġ interna tagħha biex tiċċara l-proċessi ta’ evalwazzjoni u l-avviżi ta’ post vakanti;

12.

Ifakkar fl-importanza li tiġi żviluppata politika tar-riżorsi umani fit-tul dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-għoti ta’ possibbiltajiet ta’ taħriġ speċifiku għall-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-persunal, it-telexogħol, id-dritt għall-iskonnessjoni, it-titjib tal-bilanċ ġeografiku biex ikun hemm rappreżentanza xierqa mill-Istati Membri kollha, u r-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà kif ukoll l-iżgurar li jiġu ttrattati b’mod ugwali u li l-opportunitajiet tagħhom jiġu promossi b’mod wiesa’;

Akkwist

13.

Jinnota li l-Aġenzija tkompli timplimenta l-akkwist elettroniku kull meta jkun possibbli filwaqt li tikkunsidra l-proċedura ta’ akkwist magħżula, in-natura tad-dokumentazzjoni li għandha tiġi skambjata u l-protezzjoni tal-interess tas-sigurtà tal-Unjoni; jinnota li eżempji reċenti ta’ offerti li għalihom ġie implimentat l-akkwist elettroniku huma s-sorveljanza tal-kwartieri ġenerali, l-offerta għal appoġġ Amministrattiv u d-dimostratur ta’ Copernicus;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza

14.

Jagħraf il-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi kontinwi biex tiżgura t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess;

15.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li bejn l-2019 u l-2021, l-Aġenzija vvalutat każ wieħed ta’ kunflitti ta’ interess potenzjali fir-rigward ta’ membru anzjan tal-persunal li kien sab impjieg ġdid xi mkien ieħor, li hija approvat l-impjieg il-ġdid b’restrizzjonijiet, u li madankollu, minkejja l-obbligu ġenerali li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha, l-Aġenzija ma tatx ġustifikazzjoni għal dawk ir-restrizzjonijiet; jinnota t-tweġiba tal-Aġenzija li se tqis kif xieraq fil-proċeduri tagħha, u l-kjarifika li, f’dan il-każ partikolari, ma ddikjaratx ir-raġunijiet għar-restrizzjonijiet fid-deċiżjoni minħabba li qisithom evidenti minnhom infushom; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

16.

Jinnota li l-Aġenzija kellha każ wieħed ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta matul l-2021 u li l-investigazzjoni kienet għadha għaddejja fi tmiem is-sena; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

17.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli aktar sistematiċi dwar it-trasparenza, l-inkompatibbiltajiet, il-kunflitti ta’ interess, il-lobbjar illegali u r-revolving doors; jistieden lill-Aġenzija ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ kontroll intern tagħha, inkluż l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu intern kontra l-korruzzjoni;

Kontroll intern

18.

Jinnota b’apprezzament mis-segwitu għall-kwittanza tal-2020 li fir-rigward tar-riskju marbut mal-pagamenti tal-Aġenzija lill-ESA b’rabta mal-implimentazzjoni tal-programmi EGNOS u Galileo, in-nefqiet tal-ESA għall-2019, l-2020 u l-2021 ġew awditjati mid-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju (DEFIS) tal-Kummissjoni fl-ewwel sena (f’isem l-Aġenzija) u li fis-sentejn ta’ wara, tim konġunt ta’ awdituri mid-DEFIS u l-Aġenzija awditja l-ESA, u li t-tliet awditi annwali konsekuttivi ma wrew l-ebda sejba;

19.

Jilqa’ ż-żieda fit-trasparenza fl-eżekuzzjoni tal-baġit mill-ESA billi stipulat il-kundizzjonijiet għall-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni, stabbiliet miżuri ta’ monitoraġġ u kontroll tal-baġit, u stabbiliet prinċipji tar-remunerazzjoni tal-ESA għal kull komponent li tikkontribwixxi għalih, filwaqt li huwa rikonoxxut li bħala korp mhux tal-UE, l-ESA mhijiex responsabbli lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni għall-infiq tal-baġit (3);

20.

Jinnota li s-servizz tal-awditjar intern ħareġ rapport tal-awditjar dwar l-isfruttament ta’ Galileo f’Novembru 2021, li kien fih erba’ rakkomandazzjonijiet importanti; jinnota li l-Aġenzija implimentat mill-inqas żewġ terzi tal-azzjonijiet li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

21.

Jinnota mis-segwitu għall-kwittanza tal-2020, li l-awditu tal-2019 tal-kapaċità tal-awditjar intern tal-bini tal-kapaċitajiet tal-persunal tal-GSA ġie ffinalizzat u li fl-2022 kellu jitlesta awditu ta’ rieżami dwar l-implimentazzjoni tal-awditu; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

22.

Ifakkar fl-importanza li jissaħħu s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Aġenzija; jinsisti bil-qawwa fuq ir-rekwiżit ta’ sistemi effettivi ta’ ġestjoni u kontroll biex jiġu evitati każijiet potenzjali ta’ kunflitti ta’ interess, kontrolli ex ante/ex post nieqsa, ġestjoni mhux adegwata tal-impenji baġitarji u legali, u nuqqasijiet fir-rapportar ta’ kwistjonijiet fir-reġistru tal-eċċezzjonijiet;

Diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika

23.

Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija ddeċidiet li testendi s-sistemi ta’ informazzjoni ewlenin tagħha għall-cloud u tadotta teknoloġiji bħall-prevenzjoni tal-ħruġ tad-data; jinnota b’apprezzament, barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-kriptaġġ S/MIME għall-posta elettronika, li jippermetti l-iskambju ta’ messaġġi kriptati u ffirmati diġitalment ma’ istituzzjonijiet oħra li jużaw l-istess teknoloġija, u l-adozzjoni tal-euSIGN, kif ukoll is-sostituzzjoni tal-firewalls ewlenin tal-Aġenzija bil-biċċa l-kbira tal-mudelli reċenti li jippermettu monitoraġġ u kontroll aħjar tat-traffiku tan-network;

24.

Jinnota li l-Aġenzija tikkollabora b’mod attiv mal-Kummissjoni fuq l-ambizzjonijiet ekoloġiċi applikati għall-ispazju, biex tiġi żgurata enfasi speċifika fuq l-impatt ambjentali tal-operat ewlieni tagħha; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija stabbiliet qafas ta’ ħidma biex tibda l-proċess tagħha ta’ implimentazzjoni ta’ sistema ta’ ġestjoni ambjentali; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija timmonitorja l-konsum regolari tal-enerġija u tapplika prinċipji ta’ riċiklaġġ fl-oqsma kollha fost attivitajiet oħra, filwaqt li tapprova wkoll elementi ta’ akkwist ekoloġiku; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija talbet klassifikazzjoni ambjentali fuq skala superjuri għal bini ġdid, kemm fl-ippjanar kif ukoll fil-kostruzzjoni;

25.

Ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija f’termini ta’ operazzjoni u ġestjoni interni iżda anke sabiex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tkompli tkun proattiva f’dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji tal-Unjoni; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata;

26.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA (Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u CERT-UE (l-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni) u twettaq valutazzjonijiet tar-riskju regolari tal-infrastruttura tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) tagħha u tiżgura li jsiru awditi u testijiet regolari tad-difiżi ċibernetiċi tagħha; jissuġġerixxi li jiġu offruti programmi ta’ taħriġ relatati maċ-ċibersigurtà, aġġornati b’mod regolari, għall-persunal kollu fi ħdan l-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tiżviluppa l-politika tagħha fil-qasam taċ-ċibersigurtà aktar malajr, twassalha qabel il-31 ta’ Diċembru 2023 u tirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza;

Kontinwità tal-operat matul il-kriżi tal-COVID-19

27.

Jinnota r-rispons qawwi mill-maniġment tal-Aġenzija għall-pandemija tal-COVID-19 fis-siti kollha li żguraw is-saħħa u s-sikurezza tal-persunal u l-kontinwità tal-operazzjonijiet, u l-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tan-network tal-maniġers tas-siti tal-Aġenzija, inkluż għall-implimentazzjoni ta’ miżuri relatati mas-Saħħa u s-sikurezza fis-siti kollha b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19;

Kummenti oħra

28.

Jinnota li l-Aġenzija, filwaqt li qieset il-miżuri kollha relatati mal-pandemija tal-COVID-19, varat l-ewwel wirja fil-miftuħ tagħha, imsemmija EUSPA Open, biex tintroduċi l-pubbliku ġenerali mal-missjoni l-ġdida tal-Aġenzija u l-Programm Spazjali tal-Unjoni;

29.

Jilqa’ l-involviment fuq il-media soċjali fl-2021, li kien jikkonsisti fit-tmexxija tal-kampanja “#EUSpace 4 our Planet” li tenfasizza l-kontribut tal-Programm Spazjali tal-Unjoni, fost l-oħrajn għall-Patt Ekoloġiku Ewropew; jinnota barra minn hekk li f’konformità mat-tranżizzjoni tagħha skont ir-Regolament (UE) 2021/696, l-Aġenzija ħadmet b’mod proattiv ma’ għadd kbir ta’ strumenti tal-media fl-Istati Membri;

30.

Jistieden lill-Aġenzija tkompli tiżviluppa s-sinerġiji tagħha (pereżempju fir-rigward tar-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà), u biex issaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha, l-iskambju tal-prattiki tajba u d-diskussjonijiet tagħha rigward oqsma ta’ interess reċiproku ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza;

31.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 141, 29.3.2022, p. 104.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u, (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 69).

(3)  EPRS, “Towards EU leadership in the space sector through open strategic autonomy”. Jannar 2023, paġna 8.

(4)  Testi adottati, P9_TA(2023)0190.


Top