Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1941

    Riżoluzzjoni (UE) 2023/1941 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) għas-sena finanzjarja 2021

    ĠU L 242, 29.9.2023, p. 458–469 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1941/oj

    29.9.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 242/458


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1941 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tal-10 ta’ Mejju 2023

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) għas-sena finanzjarja 2021

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2021,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0142/2023),

    A.

    billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2021 kien ta’ EUR 535 245 042, li jirrappreżenta żieda ta’ 46,87 % meta mqabbel ma’ dak tal-2020; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;

    B.

    billi l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-Unjoni għandhom ikunu trasparenti u jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini tal-Unjoni għall-fondi fdati lilhom;

    C.

    billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“rapport tal-Qorti”), iddikjarat li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

    D.

    billi l-Aġenzija ilha minn Diċembru 2019 timplimenta mandat ġdid b’żieda li hija sinifikanti f’termini ta’ missjonijiet u persunal, li tirrikjedi baġit adegwat;

    E.

    billi fl-2021 kien hemm żieda sinifikanti fil-baġit u fl-eżekuzzjoni tat-tabella tal-persunal tal-Aġenzija minħabba l-mandat estiż skont ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2);

    F.

    billi l-Qorti, fir-Rapport Speċjali Nru 8/2021 tagħha dwar l-appoġġ tal-Aġenzija għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni, ikkonkludiet li kien hemm diversi nuqqasijiet relatati mal-attivitajiet primarji tal-Aġenzija, speċifikament, il-monitoraġġ tas-sitwazzjonijiet, l-analiżi tar-riskji, il-valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet, l-operazzjonijiet konġunti u l-interventi rapidi fil-fruntiera, l-operazzjonijiet ta’ ritorn u t-taħriġ tal-Aġenzija u n-nuqqas ta’ valutazzjonijiet tal-impatt u tal-ħtiġijiet qabel iż-żieda esponenzjali fl-ispejjeż tal-Aġenzija;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    1.

    Jilqa’ l-konklużjoni tal-Qorti li d-dħul u l-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

    2.

    Josserva li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 94,70 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 4,27 % meta mqabbla ma’ dik tal-2020; jistieden lill-Aġenzija tagħti attenzjoni akbar sabiex jiġu evitati livelli aktar baxxi ta’ impenji u tintlaħaq rata eqreb lejn il-mira ta’ 100 %;

    3.

    Jesprimi dispjaċir għall-fatt li, minkejja li l-unità finanzjarja tal-Aġenzija stabbiliet ċerti mekkaniżmi biex ittejjeb l-eżekuzzjoni tal-baġit, fl-2021, ir-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 50,42 % biss, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 4,90 % meta mqabbla mal-2020; jinnota l-ispjegazzjoni tal-Aġenzija għal dan it-tnaqqis, fejn il-pagamenti għal operazzjonijiet fuq il-post isiru fil-biċċa l-kbira fis-sena N+1, u ż-żieda sinifikanti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-operazzjonijiet fuq il-post inevitabbilment irriżultat fi tnaqqis fir-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament fl-2021;

    4.

    Jinnota t-tieni emenda tal-baġit tal-Aġenzija fl-2021 b’rabta mar-ritorn għall-baġit tal-Unjoni ta’ EUR 14,5-il miljun; iqis li l-ġustifikazzjoni tal-Aġenzija għall-adozzjoni ta’ din l-emenda mhijiex biżżejjed; jitlob lill-Aġenzija, fir-rapportar futur tagħha, tipprovdi lill-awtorità ta’ kwittanza ġustifikazzjonijiet aktar elaborati dwar għaliex jiġu adottati emendi baġitarji, li jirritornaw il-flus lejn l-Unjoni;

    5.

    Huwa mħasseb li l-livell ta’ riporti (fondi C8) mill-2020 għall-2021 kien ta’ EUR 159 400 000, filwaqt li mill-2021 għall-2022 kien ta’ EUR 237 000 000; iqis li l-livell huwa partikolarment għoli; jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-rata ta’ pagamenti tal-fondi C8 fl-2021 kienet ta’ 87 % biss, li hija anqas minn dik fis-snin preċedenti (2019 u 2020); jinnota, madankollu, l-osservazzjoni tal-Aġenzija li dan l-indikatur ġie affettwat mill-pandemija; josserva li l-għotjiet jirrappreżentaw madwar 60 % tal-baġit operattiv totali tal-Aġenzija u li, skont l-Aġenzija, ħafna minnhom huma relatati ma’ attivitajiet li normalment ikollhom perjodu estiż; jinnota wkoll l-osservazzjoni tal-Aġenzija li ammonti sinifikanti ta’ riporti huma ġġustifikati peress li l-biċċa l-kbira tagħhom huma marbuta maċ-ċiklu tal-ħajja tal-attivitajiet li għandhom data finali f’Diċembru, li tagħmel ir-riport inevitabbli; jifhem l-osservazzjoni tal-Aġenzija li r-riskju ta’ kanċellazzjoni tar-riporti huwa mmitigat mill-fatt li dawk ir-riporti kollha jrid ikollhom stabbilit impenn legali li jagħti livell ta’ ċertezza li l-ammonti se jitħallsu; ifakkar u jaqbel, madankollu, mal-pożizzjoni tal-Qorti li livelli eċċessivi ta’ riporti jistgħu, f’ċerti każijiet, jiġu pprevenuti billi jittejbu l-ippjanar tal-baġit u ċ-ċikli ta’ implimentazzjoni tiegħu; jistieden lill-Aġenzija tkompli bl-isforzi tagħha f’din id-direzzjoni, inkluż billi tistinka għal stimi tal-ispejjeż u previżjonijiet baġitarji aktar preċiżi u tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress li jkun sar;

    6.

    Jesprimi tħassib dwar l-osservazzjoni tal-Qorti enfasizzata bħala “paragrafu ta’ osservazzjonijiet” dwar ir-riport għall-2021 ta’ impenn baġitarju datat f’Diċembru 2020, mingħajr l-appoġġ ta’ impenn legali qabel tmiem l-2020; jinnota li l-pagamenti relatati ma’ din il-kwistjoni fl-2021 kienu jammontaw għal EUR 18 375 458; jieħu nota wkoll tal-fatt li l-Aġenzija indirizzat dan in-nuqqas ta’ konformità permezz ta’ impenji legali sussegwenti matul l-2021;

    7.

    Jinnota bi tħassib it-tieni osservazzjoni tal-Qorti enfasizzata bħala “paragrafu ta’ osservazzjonijiet” li l-kontribuzzjonijiet mill-pajjiżi taż-żona Schengen mhux tal-Unjoni u l-kontribuzzjoni saldatorja mill-Unjoni mhumiex ikkalkulati b’mod korrett; jinnota li din tal-aħħar kienet stmata żżejjed b’EUR 2,6 miljun u tal-ewwel kienet sottovalutata bl-istess ammont; jinnota wkoll li ma kien hemm l-ebda impatt fuq id-dħul operatorju tar-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja għas-sena 2021; isostni, madankollu, l-osservazzjoni tiegħu li din hija indikazzjoni tal-ħtieġa għal gwida addizzjonali mill-Kummissjoni lill-korpi tal-Unjoni dwar kif il-kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi għandhom jiġu kkalkulati b’mod korrett; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ gwida addizzjonali mingħajr aktar dewmien;

    8.

    Jinnota bi tħassib it-tielet osservazzjoni mill-“paragrafu ta’ osservazzjonijiet” li saret mill-Qorti, dwar id-dikjarazzjoni tal-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Aġenzija fir-rigward tan-nuqqas tal-informazzjoni meħtieġa għall-validazzjoni ta’ sistema ġdida stabbilita mill-uffiċjal awtorizzanti u li tintuża għall-forniment ta’ informazzjoni kontabilistika, li turi l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-Aġenzija u l-implimentazzjoni baġitarja; jinnota li l-istess sistema qed tintuża mill-Kummissjoni u li ġiet ivvalidata mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Aġenzija tipprovdi kjarifiki lill-awtorità ta’ kwittanza dwar din il-kwistjoni;

    9.

    Jenfasizza l-importanza ta’ Aġenzija b’saħħitha, effettiva u li tiffunzjona tajjeb, li tkun kapaċi tassisti lill-Istati Membri fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni komuni tal-Unjoni u li tiżgura ġestjoni integrata tal-fruntieri bil-ħsieb li dawk il-fruntieri jiġu ġestiti b’mod effiċjenti u f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali, u li tiżdied l-effiċjenza tal-politika ta’ ritorn tal-Unjoni; jinnota r-responsabbiltajiet kondiviżi li l-Aġenzija u l-Istati Membri għandhom fit-twettiq tal-obbligi rigward id-drittijiet fundamentali; jisħaq li l-ġestjoni effettiva u ġusta tal-fruntieri esterni hija ta’ importanza kruċjali għall-protezzjoni taż-żona Schengen bħala spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja; jisħaq li l-kooperazzjoni mill-qrib u l-ftehimiet ma’ pajjiżi terzi f’aspetti bħall-ftehimiet ta’ riammissjoni, l-assistenza teknika, it-taħriġ, u l-attivitajiet ta’ ritorn, flimkien mal-għajnuna għall-iżvilupp huma importanti biex tiġi garantita ġestjoni effiċjenti tal-fruntieri tal-UE (3); iħeġġeġ lill-Aġenzija u lill-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw strutturi ta’ kooperazzjoni, ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni u ta’ skambju tal-aħjar prattiki;

    10.

    Jinnota l-miżuri tal-Aġenzija biex jiġi mmitigat ir-riskju għoli li jintilef il-baġit possibbli mhux minfuq, filwaqt li l-Istati Membri jibagħtu tabelli ta’ monitoraġġ fuq bażi ta’ kull xahar, li jindikaw l-ispejjeż reali aġġornati mġarrba; jistieden lis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) iwettaq evalwazzjoni tal-mekkaniżmu tal-Aġenzija għall-monitoraġġ tal-ispejjeż u tal-ħtiġijiet ta’ tbassir skont id-dispożizzjonijiet dwar l-għotjiet, kif ukoll l-effett, fuq il-ġestjoni finanzjarja tal-operazzjonijiet ta’ ritorn tagħha, li jirriżulta mill-aġġornament tas-sistemi tal-Applikazzjonijiet tal-Frontex għar-Ritorn (FAR) u l-Applikazzjonijiet tal-Ġestjoni tal-Migrazzjoni Irregolari (IRMA);

    Prestazzjoni

    11.

    Jinnota li, fl-2021, l-Aġenzija implimentat struttura organizzazzjonali ġdida, sforz kbir biex tindirizza b’mod effettiv il-mandat estiż tagħha; jirrikonoxxi l-impatt u l-bidliet li kien jinvolvi r-ristrutturar tal-Aġenzija; ifaħħar, f’dan il-kuntest, l-istrateġija tal-Aġenzija għat-titjib fl-effiċjenza permezz tad-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni jew is-simplifikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri applikati f’ċerti oqsma;

    12.

    Jinnota li fl-2021, l-Aġenzija użat ċerti miżuri bħala indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex tivvaluta l-prestazzjoni tal-attivitajiet tagħha, adottati mill-bord maniġerjali tal-Aġenzija u li jirriżultaw mid-dokument ta’ programmazzjoni uniku 2021-2023; jinnota b’apprezzament li sar titjib fil-livell tal-kwalità perċepita tal-prodotti u s-servizzi tal-Aġenzija, peress li fl-2021, laħqet marka ta’ 94,34 % tal-valutazzjonijiet minn medju, għoli għal għoli ħafna; jesprimi dispjaċir għall-fatt li għal xi indikaturi tal-prestazzjoni, l-Aġenzija qabżet il-miri stabbiliti, pereżempju fir-rigward ta’ pagamenti tard jew id-disponibbiltà ta’ tagħmir tekniku għall-iskjeramenti;

    13.

    Jinnota li l-Aġenzija skjerat b’suċċess l-ewwel uffiċjali tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fl-Istati Membri ospitanti u f’erba’ ajruporti tal-Unjoni; jirrikonoxxi li l-attivitajiet ewlenin ta’ dan il-korp iffukaw fuq l-appoġġ tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-identifikazzjoni u l-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, konsulenza għar-ritorn u titjiriet ta’ prenotazzjoni fil-FAR; jinnota wkoll li fl-2021, l-Aġenzija implimentat 19-il operazzjoni konġunta ma’ disa’ Stati Membri ospitanti, 23 Stat Membru parteċipanti, 32 awtorità u erba’ pajjiżi terzi involuti fihom; jinnota l-intervent rapidu fil-fruntieri tal-Aġenzija biex twieġeb għall-pressjoni migratorja fil-fruntiera esterna tal-art bejn il-Litwanja u l-Belarussja u biex tikkontrolla l-flussi tal-immigrazzjoni irregolari lejn il-Litwanja u l-Unjoni, iżda jenfasizza fl-istess waqt it-tħassib li ġabu magħhom dawn l-operazzjonijiet, inkluż it-tħassib kif indentifika l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali; jinnota s-sensibilizzazzjoni operattiva tal-Aġenzija b’rabta mal-intervent rapidu fil-fruntieri fil-Litwanja, l-operazzjoni konġunta fil-Kosta Opal fil-Kanal Ingliż u t-tnedija tal-operazzjoni konġunta l-ġdida f’pajjiż terz, jiġifieri s-Serbja; jinnota t-tnedija tal-fażi pilota għall-ewwel skjeramenti ta’ uffiċjali ta’ kollegament mill-Istati Membri; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-valutazzjoni tar-riżultati ta’ din il-fażi pilota ladarba titlesta;

    14.

    Jinnota li l-attivitajiet operattivi li twettqu fuq il-fruntieri tal-art fl-2021 wasslu biex ġew irrapportati 3 546 inċident, li kienu jinvolvu 16 304 migranti irregolari maqbuda, 6 461 migrant irregolari u 368 faċilitatur ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin arrestat; jinnota b’apprezzament l-isforzi tal-Aġenzija li wasslu għar-ritorn bl-ajru ta’ 18 301 ċittadin mhux tal-UE, li minnhom kien hemm 10 193 persuna fuq 337 operazzjoni b’titjiriet charter lejn 33 pajjiż ta’ ritorn u 8 108 persuni fuq titjiriet skedati lejn 107 pajjiżi ta’ ritorn; jirrikonoxxi li fl-2021 ir-ritorn b’mod volontarju kien jikkostitwixxi 57 % tar-ritorni kollha minn titjiriet skedati u li l-Aġenzija kriet 22 inġenju tal-ajru għal operazzjonijiet ta’ ritorn; ifaħħar it-tħejjija u l-organizzazzjoni b’suċċess tal-ewwel operazzjoni ta’ ritorn immexxija kompletament mill-Aġenzija, fejn l-Aġenzija tassumi r-rwol tal-Istat Membru li jorganizza;

    15.

    Jinnota li f’April 2021, ġiet iffirmata proċedura operattiva standard (SOP) emendata dwar il-mekkaniżmu tar-Rapport dwar l-Inċidenti Serji (SIR) u serviet biex tiddefinixxi r-rwol u l-kompetenzi tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali; jinnota wkoll li r-reviżjoni addizzjonali meħtieġa tal-SOP dwar il-mekkaniżmu SIR ġiet ittardjata u jilqa’ l-fatt li l-mekkaniżmu SIR bħalissa qed jiġi ffinalizzat f’kooperazzjoni mal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u f’konsultazzjoni mal-Forum Konsultattiv tal-Aġenzija dwar id-Drittijiet Fundamentali; ifakkar li din kienet waħda mis-seba’ kundizzjonijiet indirizzati lill-Aġenzija fir-rigward tal-għoti tal-kwittanza fis-snin preċedenti; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-finalizzazzjoni tar-reviżjoni addizzjonali tal-SOP dwar il-mekkaniżmu SIR;

    16.

    Jisħaq li kull pjan operattiv għandu jinkludi mekkaniżmu ta’ rapportar trasparenti li jiżgura li kull inċident fiż-żona operattiva jiġi rrapportat u segwit kif xieraq; jisħaq li dan il-mekkaniżmu ta’ rapportar għandu japplika irrispettivament mill-mod kif dawn l-assi qed jiġu ffinanzjati, sabiex jiġi żgurat li l-Aġenzija, u b’mod partikolari l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, ikunu jistgħu jimmonitorjaw iż-żona operattiva kollha kemm hi u jinvestigaw is-SIRs kollha jew indikazzjonijiet oħra ta’ nuqqas ta’ konformità;

    17.

    Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Aġenzija tal-25 ta’ Jannar 2022 li fiha tagħti dettalji dwar il-proċeduri operattivi standard għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2019/1896 abbozzati f’konformità mal-kummenti u l-osservazzjonijiet tal-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, u l-Forum Konsultattiv tal-Frontex dwar id-Drittijiet Fundamentali;

    18.

    Jilqa’ l-implimentazzjoni ta’ sistemi tal-IT tal-Każijiet ta’ Ritorn ibbażati fuq il-mudell tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet ta’ Ritorn (RECAMAS) fl-Italja, fil-Belġju u fil-Finlandja; itenni r-rakkomandazzjoni tal-bord maniġerjali tal-Aġenzija lill-Aġenzija biex timpenja ruħha wkoll ma’ Stati Membri oħra u tissodisfa l-prerekwiżiti meħtieġa biex issegwi dan l-eżempju;

    19.

    Jinnota żieda sostanzjali fl-għadd ta’ SIRs minn 10 SIRs biss fl-2020 għal 62 SIR fl-2021, li minnhom 53 kienu koperti mill-SOP li għadha kif ġiet emendata; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-ogħla ċifri rrapportati kienu mil-Litwanja u mill-Greċja; jilqa’ l-fatt li ġiet stabbilita proċedura ġdida li permezz tagħha l-inċidenti kollha li jinvolvu l-użu tal-forza jiġu kondiviżi mal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali kull xahar li impenja ruħu li joħroġ valutazzjoni annwali ta’ din il-proċedura; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar ir-riżultati ta’ din il-valutazzjoni; ifaħħar il-fatt li l-Osservaturi tad-Drittijiet Fundamentali (FROMs) bdew l-integrazzjoni tagħhom fil-qafas operattiv u lestew aktar minn 200 jum ta’ skjerament fejn żaru 10 pajjiżi u ħadu sehem fi 15-il missjoni ta’ ritorn;

    20.

    Jinnota li fl-2021, waslu 27 ilment fl-ambitu tal-mekkaniżmu tal-ilmenti tal-Aġenzija u dawn ġew rieżaminati mill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali li sitta minnhom qieshom ammissibbli; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali b’rabta mal-ilmenti ammissibbli;

    21.

    Ifakkar li, fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Ġunju 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) sabet li l-leġiżlazzjoni tal-Litwanja li tippermetti ċ-ċaħda tal-protezzjoni internazzjonali u t-tqegħid f’detenzjoni awtomatika tal-applikanti għas-sempliċi raġuni li jkunu qasmu l-fruntiera b’mod irregolari hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni; jinnota li, minn Lulju 2022, l-Aġenzija ma baqgħetx tipparteċipa jew tappoġġja lil-Litwanja bis-sorveljanza fil-fruntieri; jinnota madankollu li l-Aġenzija żammet l-operat tagħha fil-Litwanja u li l-aġenti kienu qed jaħdmu fuq il-kontrolli fil-fruntieri, anke wara s-sentenza tal-QĠUE; ifakkar ukoll fit-tħassib, inkluż mill-Kunsill tal-Ewropa, dwar is-sitwazzjoni umanitarja u l-allegat ksur tad-drittijiet umanitarji fil-fruntiera bejn il-Latvja u l-Belarussja, li kien ikkawżat mill-istrumentalizzazzjoni tal-migranti mir-reġim tal-Belarussja;; jistieden lill-Aġenzija tivverifika li mhijiex involuta f’attivitajiet relatati mal-leġiżlazzjoni Litwana ddikjarata inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni mill-QĠUE, u żżomm lura milli tipparteċipa fi kwalunkwe operazzjoni li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni;

    22.

    Jinnota l-azzjonijiet legali kontra l-Aġenzija mibdija fil-QĠUE, f’isem il-vittmi li kienu fittxew protezzjoni fil-Greċja; jinnota li l-QĠUE ntalbet tiddetermina jekk l-Aġenzija naqsitx milli taġixxi f’konformità mal-Artikolu 46(4) tar-Regolament (UE) 2019/1896 billi żammet lura milli tieħu d-deċiżjoni li tirtira l-finanzjament tal-attivitajiet kollha tagħha jew ta’ parti minnhom fir-reġjun tal-Baħar Eġew, li tissospendi dawk l-attivitajiet jew li titterminahom kompletament jew parzjalment; jistieden lill-Aġenzija tipprovdi lill-Parlament id-dokumentazzjoni rilevanti kollha f’dan ir-rigward, inkluża l-opinjoni tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali tal-1 ta’ Settembru 2022, is-SIRs mill-2021 u l-2022 kif ukoll l-informazzjoni dwar l-investigazzjoni dwar il-każ tal-medjatur kulturali tal-Aġenzija li ġie mkeċċi bil-forza mit-Turkija flimkien ma’ mill-inqas 130 ċittadin ta’ pajjiż terz, kif ġie rrapportat f’Novembru 2021 lill-bord maniġerjali; jinnota li wara l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali rigward il-valutazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni fil-Greċja, l-ex Direttur Eżekuttiv ad interim u l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali impenjaw ruħhom mal-awtoritajiet Elleniċi biex jistabbilixxu salvagwardji għall-implimentazzjoni tal-qafas tad-drittijiet fundamentali f’attivitajiet operattivi mwettqa fil-Greċja; jinnota li apparti dawk id-diskussjonijiet, l-awtoritajiet Elleniċi fasslu pjan ta’ implimentazzjoni għall-implimentazzjoni tas-salvagwardji, li l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u l-bord maniġerjali rrikonoxxew bħala kisba pożittiva; jenfasizza l-fatt li l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali jirrikonoxxi l-isforzi proċedurali, u jinnota li l-istess Uffiċjal irrakkomanda lill-Aġenzija tirtira mill-Greċja f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2019/1896;

    23.

    Jinnota l-kooperazzjoni tal-Aġenzija mal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima sabiex jikkoordinaw u jikkondividu r-riżorsi f’oqsma bħall-kondiviżjoni tal-informazzjoni, is-servizzi ta’ sorveljanza u komunikazzjoni, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, l-analiżi tar-riskju u, b’mod partikolari, il-kondiviżjoni tal-kapaċità; jinnota wkoll li tali kooperazzjoni hija rregolata minn Arranġament ta’ Ħidma Tripartitiku ffirmat mit-tliet aġenziji u aġġornat fl-2021 għal perjodu indefinit; jilqa’ l-implimentazzjoni tiegħu permezz, pereżempju, ta’ operazzjonijiet li jirrispondu għal kwistjonijiet relatati mal-gwardja tal-kosta f’żona marittima speċifika u servizzi ta’ inġenji tal-ajru ta’ sorveljanza pprovduti mill-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tesplora aktar il-possibbiltajiet biex tikkoordina u tikkondividi wkoll ir-riżorsi ma’ aġenziji oħra, b’mod partikolari mal-Aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, minkejja d-differenzi potenzjali tagħhom fl-attivitajiet operattivi;

    24.

    Jinnota li l-Aġenzija ilha tipposponi l-iskadenza għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 1 tar-Rapport Speċjali 8/2021 tal-Qorti (skadenza fi tmiem l-2021) rigward it-titjib fil-qafas għall-iskambju tal-informazzjoni u fl-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea, b’aktar minn sena, minn nofs l-2022 għal Q3 u Q4 tal-2023; jitlob lill-Aġenzija tindirizza din il-kwistjoni bi prijorità;

    Politika dwar il-persunal

    25.

    Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, it-tabella tal-persunal kienet eżegwita fil-livell ta’ 82 %, bil-ħatra ta’ 861 aġent temporanju mill-1 050 aġenti temporanji awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni; jinnota li, barra minn hekk, 506 aġenti kuntrattwali u 187 espert nazzjonali sekondat ħadmu għall-Aġenzija (730 aġent kuntrattwali u 220 espert nazzjonali sekondat kienu awtorizzati għall-Aġenzija fl-2021); jilqa’ r-rata ta’ okkupanza tal-Aġenzija li żdiedet b’madwar 15 % meta mqabbla mas-sena 2020, bir-reklutaġġ ta’ 432 persuna ġdida, iżda żieda netta ta’ 320 pożizzjoni okkupata minn 1234 fl-2020 għal 1554 fl-2021; jinnota li r-rata ta’ okkupanza attwali fl-Aġenzija hija ta’ 79 %, li hija l-ogħla rata ta’ okkupanza minn mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) 2019/1896; jinnota wkoll li 44 membru tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) ġew integrati fid-Diviżjoni tal-Unità Ċentrali tal-ETIAS; jesprimi dispjaċir għall-fatt li fl-2021, id-dawran estern tal-persunal tal-Aġenzija kważi rdoppja minn 2,8 % fl-2020 għal 4,4 % fl-2021; jirrikonoxxi l-isforzi sostnuti tal-Aġenzija u t-titjib kritiku fil-qasam tar-reklutaġġ, minkejja d-dewmien; jirrikonoxxi li r-reklutaġġ f’waqtu u l-kisba ta’ bilanċ ġeografiku għadhom ta’ sfida prinċipalment minħabba rata ta’ koeffiċjent baxxa għall-Polonja; jinnota wkoll li r-rata ta’ koeffiċjent baxxa għall-Polonja hija sfida li ilha teżisti għall-Aġenzija u li ġiet aggravata f’dawn l-aħħar xhur mill-inflazzjoni għolja rekord fil-pajjiż, li laħqet is-16,6 % f’Diċembru 2022;

    26.

    Jinnota t-tqassim skont il-ġeneru tal-Aġenzija rrapportat għall-2021 fil-livell tal-maniġment superjuri bi 15-il raġel (68,18 %) u seba’ nisa (31,82 %), fil-livell tal-bord maniġerjali b’55 raġel (83,3 %) u 11-il mara (16,7 %), u għall-persunal ġenerali tal-Aġenzija, b’1 116-il raġel (71,8 %) u 438 mara (28,2 %); jirrikonoxxi li r-responsabbiltà li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri fil-bord maniġerjali tinsab f’idejn l-Istati Membri; jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li, minkejja t-talbiet preċedenti tal-Parlament lill-Aġenzija u lill-Istati Membri, l-isforzi biex jittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fl-ogħla livell tal-maniġment u l-persunal tal-Aġenzija ma kinux biżżejjed; iħeġġeġ lill-Aġenzija u lill-Istati Membri jindirizzaw din il-kwistjoni u jqisu l-bilanċ bejn il-ġeneri meta jirreklutaw persunal ġdid u meta jagħmlu n-nomini u l-ħatriet għall-pożizzjonijiet imsemmija hawn fuq;

    27.

    Jinnota b’apprezzament il-ħatra tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali f’Ġunju 2021; ifakkar madankollu li l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) sab li l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali ma ġiex assenjat amministratur tal-każijiet għal rapporti dwar inċidenti serji b’allegat ksur tad-drittijiet fundamentali; jinnota wkoll li l-Aġenzija waslet eqreb lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-mandat estiż tagħha billi fl-2022 kellha total ta’ 46 osservatur tad-drittijiet fundamentali (FRMs), meta mqabbla ma’ 20 FRM biss fl-2021; jinnota li l-biċċa l-kbira tal-FRMs inħatru fil-livell AD; jesprimi dispjaċir, madankollu, għall-fatt li teżisti differenza bejn l-FRMs, peress li 15 għadhom reklutati fuq pożizzjonijiet AST, meta mqabbla mal-31 l-oħra rreklutati fil-livell AD; ifakkar fit-talba li ilha ssir mill-Parlament u mill-Kummissjoni għal mill-inqas 40 FRMs fil-livell AD; jenfasizza li r-Regolament (UE) 2019/1896 jipprovdi l-qafas għal aktar żidiet fl-għadd ta’ FRMs hekk kif l-Aġenzija tkompli tikber, u l-għadd inizjali ta’ 40 FRM huwa l-limitu minimu u mhux il-limitu massimu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija jimmodifikaw it-tabella tal-persunal tal-Aġenzija sabiex jirreklutaw l-FRMs kollha fil-livell AD; jistieden lill-Aġenzija twettaq aktar reklutaġġ tal-FRMs esklużivament fil-livell AD; jiddispjaċih ukoll għall-fatt li l-issodisfar tar-rekwiżit tal-Artikolu 110(6) tar-Regolament (UE) 2019/1896, li ppreveda r-reklutaġġ ta’ mill-inqas 40 FRM sa Diċembru 2020, ġie ttardjat bi kważi sentejn; ifakkar fir-rwol negattiv li kellu l-ex direttur eżekuttiv fid-dewmien ripetut ta’ dan il-proċess u jilqa’ l-isforzi tal-maniġment ad interim preċedenti biex jissodisfa dan ir-rekwiżit;

    28.

    Jilqa’ l-miżuri u l-politiki estensivi stabbiliti mill-Aġenzija kontra l-fastidju; jinnota b’apprezzament l-adozzjoni fl-2021 tal-Manwal ta’ Proċeduri għall-Konsulenti Kunfidenzjali tal-Frontex li jiddeskrivi l-applikazzjoni prattika tal-Politika tal-Aġenzija Kontra l-Fastidju; jirrikonoxxi r-rwol ewlieni li għandhom il-Konsulenti Kunfidenzjali biex jipproteġu d-dinjità tal-persunal tal-Aġenzija u jipprevjenu l-fastidju psikoloġiku u sesswali; jenfasizza, fl-istess ħin, l-importanza ta’ kultura organizzattiva li tqiegħed tali politiki fil-prattika, peress li fiż-żmien meta ġie adottat il-Manwal tal-Proċeduri, imġiba ħażina serja, inkluż dik relatata mal-fastidju, kompliet tippersisti fost individwi ewlenin fi ħdan l-Aġenzija; jirrikonoxxi li dawn ġew indirizzati fis-segwitu għas-sejbiet tal-investigazzjoni tal-OLAF; jilqa’, f’dak ir-rigward, l-impenn tal-Aġenzija għat-trasformazzjoni strutturali u t-tkabbir tan-network tal-Konsulenti Kunfidenzjali b’mod speċifiku; itenni l-appell tiegħu lit-tmexxija tal-Aġenzija biex twettaq investigazzjoni bir-reqqa dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri eżistenti kontra l-fastidju sesswali, tikkoopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet rilevanti kollha, tirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza dwar is-sejbiet u tippreżenta pjan ta’ azzjoni dettaljat b’miżuri li jiżguraw tolleranza żero fir-rigward tal-fastidju sesswali fl-attivitajiet kollha tal-Aġenzija;

    29.

    Jinnota r-risposti tal-Aġenzija għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Parlament li jgħidu li, fl-2021, b’kollox ġew irrapportati 10 każijiet ta’ fastidju lill-entitajiet kompetenti tal-Aġenzija; jinnota wkoll li mis-seba’ proċeduri formali li nfetħu fl-2021, ġew konklużi erba’ każijiet; jistieden lill-Aġenzija tivvaluta bir-reqqa kull każ pendenti, filwaqt li tieħu approċċ ta’ tolleranza żero għal fastidju psikoloġiku u sesswali jew kwalunkwe tip ieħor ta’ fastidju, u tipproċedi malajr biex dawk involuti jinżammu responsabbli għal din l-imġiba ħażina; jistieden ukoll lill-Aġenzija żżomm lill-awtorità ta’ kwittanza infurmata dwar ir-riżultati tal-investigazzjoni li reġgħet infetħet fir-rigward tal-mewta traġika ta’ membru tal-persunal fl-2020;

    30.

    Jinnota l-attenzjoni u l-proattività tal-Aġenzija fir-rigward tal-politiki u l-proċeduri dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali (OSH); jilqa’ f’dan il-kuntest il-ħolqien tal-grupp ta’ ħidma intern dwar l-OSH biex jiġu żgurati koordinazzjoni u konsultazzjoni interni effettivi, kif ukoll l-identifikazzjoni tal-prijoritajiet; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza fir-rigward tal-lista ta’ azzjonijiet u miżuri proposti li għandhom jiġu implimentati fl-ambitu tal-qafas tal-OSH u l-implimentazzjoni tagħhom; jinnota l-miżuri attwali stabbiliti mill-Aġenzija, il-ħin flessibbli u r-rimborż tal-attivitajiet sportivi, immirati lejn it-titjib tal-benessri tal-persunal tagħha fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jistieden lill-Aġenzija tadotta aktar miżuri f’dan il-qasam, anke billi tieħu eżempju minn istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni;

    Akkwist

    31.

    Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija nediet 36 offerta miftuħa, filwaqt li 18 irriżultaw f’kuntratti ffirmati għal valur totali ta’ EUR 218 400 000, u 18 minnhom għadhom għaddejjin, b’valur stmat ta’ EUR 241 000 000; jinnota wkoll li l-Aġenzija nediet 29 proċedura ta’ valur baxx u medju (innegozjati ma’ tliet u ħames kandidati) b’valur totali ta’ EUR 12 000 000, u minn dawn id-29 proċedura, 25 minnhom irriżultaw f’kuntratti ffirmati fl-2021 għal valur totali ta’ EUR 11 800 000, filwaqt li erbgħa minnhom għadhom għaddejjin, għal valur totali ta’ EUR 300 000; jinnota wkoll li, fl-2021, l-Aġenzija ttrattat 203 proċeduri ta’ valur baxx ħafna (innegozjati ma’ kandidat wieħed) għal valur totali ta’ EUR 2 500 000; jinnota, fl-aħħar nett, li fl-2021 ġew ittrattati 991 proċedura taħt kuntratti qafas eżistenti għal valur totali ta’ EUR 194 600 000 u 900 minnhom irriżultaw f’kuntratti speċifiċi ffirmati jew f’formoli ta’ ordnijiet, b’valur totali ta’ EUR 172 200 000, filwaqt li 91 minnhom għal valur totali ta’ EUR 22 300 000 għadhom għaddejjin;

    32.

    Ifaħħar l-isforzi tal-Aġenzija fl-2021 biex tiżgura kuntratti strateġikament importanti f’oqsma bħall-appoġġ għall-inġenji tal-ajru ta’ sorveljanza, il-forniment ta’ tagħmir protettiv personali u provvisti sanitarji, il-provvista ta’ vetturi off-road bi trazzjoni fuq erba’ roti, il-provvista ta’ armi tas-servizz, il-proviżjonament ta’ immaġni bis-satellita, it-twassil ta’ servizzi ta’ tfassil tal-mappa, il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni meteoroloġika u oċeanografika jew ix-xiri ta’ droni u ta’ tagħbijiet utli; jilqa’ d-diliġenza tal-Aġenzija fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ taħriġ dwar l-akkwist;

    33.

    Itenni t-tħassib serju tiegħu rigward ir-rapporti tal-media f’Awwissu 2022 skont liema rapporti l-Aġenzija għamlet użu minn kuntrattur li allegatament sfrutta medjaturi kulturali, billi offrielhom kundizzjonijiet tax-xogħol li jiksru l-istandards Ewropej dwar il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol; jieħu nota tal-petizzjoni li bdew il-medjaturi kulturali f’dan ir-rigward kif ukoll l-ilment tagħhom lill-Ombudsman Ewropew; jieħu nota tar-risposti tal-Aġenzija lill-media li, wara l-petizzjoni, l-Aġenzija kkuntattjat lill-kuntrattur biex tfakkru dwar l-obbligi tiegħu; jiddeplora l-fatt li l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-kuntratt u r-rispett tal-kundizzjonijiet għall-ħaddiema ma setgħetx tinstab fl-informazzjoni li l-Aġenzija pprovdiet lill-Parlament;

    34.

    Jinnota bi tħassib l-osservazzjonijiet tal-Qorti fil-qasam tal-akkwist; jinnota b’mod partikolari li l-Aġenzija nediet proċedura ta’ akkwist għal kuntratt qafas għall-forniment ta’ servizzi tal-ivvjaġġar, fejn ir-rekwiżiti għall-kapaċità finanzjarja, teknika u professjonali tal-offerenti ġew stabbiliti f’livell baxx ħafna; jinnota li l-valur stmat tal-kuntratt li fuqu l-Aġenzija bbażat il-valutazzjoni tagħha kien ta’ EUR 15 000 000, filwaqt li l-valur sottostanti tal-kuntratt kien ikopri l-ispejjeż ippjanati tal-missjoni li kienu stmati għal madwar EUR 240 000 000; itenni l-konklużjoni tal-Qorti li f’dan il-każ, l-Aġenzija esponiet lilha nnifisha għal diversi riskji, bħall-impossibbiltà li jiġu pprovduti servizzi kuntrattati bil-kwalità minima fil-ħin u r-riskju li l-kuntratt ma jsirx b’mod korrett; jiddispjaċih għall-fatt li l-kuntratt wassal għal nuqqas ta’ prestazzjoni li rriżulta f’interruzzjonijiet serji fil-kontinwità tal-operat; jilqa’ l-fatt li wara l-verifiki, il-kuntratt ġie tterminat immedjatament; jisħaq li r-rekwiżiti laxki li jintużaw għall-valutazzjoni tal-offerenti jew il-valutazzjonijiet li jitwettqu abbażi ta’ data qarrieqa jridu jiġu evitati;

    35.

    Jinnota r-rapportar tal-Aġenzija dwar it-titjib tal-ippjanar u l-monitoraġġ tal-pjan annwali għall-akkwist; jistieden lill-IAS jinkludi dan il-pjan fl-awditi futuri tiegħu;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza

    36.

    Jilqa’ l-implimentazzjoni b’suċċess tat-talbiet tal-Parlament għall-pubblikazzjoni tas-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri tal-bord maniġerjali tal-Aġenzija u tal-maniġment eżekuttiv tagħha fuq is-sit web tal-Aġenzija;

    37.

    Jinnota l-passi ulterjuri li ttieħdu sabiex tissaħħaħ it-trasparenza tal-attivitajiet tal-Aġenzija; jilqa’ d-deċiżjoni tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija li jiġi stabbilit ir-Reġistru tat-Trasparenza skont l-Artikolu 118 tar-Regolament (UE) 2019/1896; jinnota r-risposta lill-awtorità ta’ kwittanza li tipprovdi informazzjoni dwar il-kuntatti u l-laqgħat irreġistrati u dokumentati fir-Reġistru tat-Trasparenza tal-Aġenzija fl-2021; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta b’mod regolari lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-implimentazzjoni u l-użu ta’ din l-għodda;

    38.

    Ifakkar fid-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew fl-investigazzjoni fuq inizjattiva proprja tagħha dwar l-obbligi tad-drittijiet fundamentali; itenni wkoll li l-Aġenzija għandha obbligu li tiżgura trasparenza proattiva kif iddikjarat fl-Artikolu 114(2) tar-Regolament (UE) 2019/1896; jistieden lill-Aġenzija timplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Ombudsman Ewropew; itenni s-suġġeriment tiegħu li l-Aġenzija tiżviluppa u timplimenta kodiċi ta’ kondotta ġdid li jiżgura trasparenza sħiħa u ġestjoni tajba u li l-Aġenzija żżomm lill-awtorità ta’ kwittanza infurmata dwar il-progress li jkun sar f’dak ir-rigward;

    39.

    Jisħaq li l-Ombudsman Ewropew sabet amministrazzjoni ħażina minn naħa tal-Aġenzija fir-rigward tal-prattika reċenti tagħha fejn jidħol l-aċċess għad-dokumenti fid-deċiżjoni tagħha tal-15 ta’ Diċembru 2022 fil-Każijiet 1261/2020 u 1361/2020;

    40.

    Jirrikonoxxi n-nota ta’ informazzjoni tal-Aġenzija tas-27 ta’ Ġunju 2022 dwar l-azzjonijiet li ħa l-maniġment tal-Aġenzija matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, b’mod partikolari l-isforzi tiegħu biex isaħħaħ il-proċeduri meħtieġa għal governanza tajba u l-obbligu ta’ rendikont fl-organizzazzjoni, permezz tat-tisħiħ tat-trasparenza, il-komunikazzjoni proattiva u l-involviment mal-partijiet ikkonċernati interni u esterni; jilqa’ l-inizjattiva tal-Aġenzija għal dokument operattiv li jinforma lill-pubbliku dwar l-attivitajiet operattivi tagħha b’mod komprensiv; jilqa’ wkoll l-impenn tal-Aġenzija li tippubblika fuq is-sit web tagħha r-rakkomandazzjonijiet ippreżentati mill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u mill-Forum Konsultattiv għall-bord maniġerjali; jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija fl-aħħar żiedet it-trasparenza tagħha fil-Jiem tal-Industrija tagħha permezz tal-pubblikazzjoni fuq is-sit web tal-Aġenzija ta’ rapporti ta’ segwitu li jipprovdu informazzjoni dwar il-kumpaniji li jipparteċipaw fil-Jiem tal-Industrija u l-preżentazzjonijiet tagħhom;

    41.

    Jinnota li l-applikazzjoni tal-miżuri u tal-linji gwida tal-Aġenzija dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta ġabet riżultati; jirrikonoxxi li fl-2021 il-persunal irrapporta każ wieħed ta’ attività frodulenti u żewġ każijiet ta’ allegat fastidju; jinnota wkoll li mit-tliet każijiet, wieħed ġie magħluq, filwaqt li ż-żewġ każijiet li jifdal għadhom għaddejjin fil-livell ta’ missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni; jistieden lill-Aġenzija tiżgura li dawk responsabbli jagħtu kont ta’ għemilhom u tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-eżitu u l-passi ulterjuri li ttieħdu fir-rigward ta’ dawn it-tliet każijiet;

    42.

    Itenni li ż-żieda fil-kompetenzi u fir-riżorsi allokati lill-Aġenzija trid tkun akkumpanjata minn żieda fit-trasparenza u fl-obbligu ta’ rendikont, kif ukoll mir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u l-ħarsien sħiħ tagħhom; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-Aġenzija tuża Reġistru tat-Trasparenza u jinnota l-prijoritizzazzjoni tal-isforzi kemm mill-bord maniġerjali kif ukoll mill-maniġment eżekuttiv biex ikomplu jtejbu l-arranġamenti tal-integrità u l-obbligu ta’ rendikont fil-livell ta’ bejn l-Aġenziji; jinnota b’sodisfazzjon, f’dan ir-rigward, l-istabbiliment ta’ Kapaċità tal-Awditjar Intern u l-adozzjoni ta’ Karta tal-Awditjar Intern fl-2022; itenni d-dispjaċir tiegħu għar-rekord tal-Aġenzija taħt it-tmexxija tad-direttur eżekuttiv preċedenti fir-rigward tal-obbligu ta’ rendikont, it-trasparenza u r-rispett għad-drittijiet fundamentali u li kien qed jaġixxi bħala direttur eżekuttiv matul is-sena 2021 u li rriżenja biss fid-29 ta’ April 2022; jilqa’ l-impenn espress tal-maniġment eżekuttiv ad interim biex jindirizza bis-sħiħ dawn il-kwistjonijiet; jisħaq li tali obbligu ta’ rendikont u trasparenza, u konformità mad-drittijiet fundamentali huma essenzjali fl-evalwazzjoni għall-għoti ta’ kwittanza lill-Aġenzija għas-sena finanzjarja rispettiva;

    Kontroll intern

    43.

    Jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Aġenzija tas-sistema ta’ kontroll intern li kienet parzjalment effettiva fl-2021; itenni t-tħassib tal-bord maniġerjali li f’żewġ oqsma biss mis-17-il qasam vvalutati ma ġie identifikat l-ebda nuqqas; jesprimi wkoll it-tħassib tiegħu dwar il-fatt li ġew identifikati nuqqasijiet kbar fir-rigward tal-qasam 5 (“iżomm lill-individwi responsabbli għar-responsabbiltajiet ta’ kontroll intern tagħhom fl-ilħuq tal-objettivi”) u għall-qasam 10 (“jagħżel u jiżviluppa attivitajiet ta’ kontroll li jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tar-riskji għall-ilħuq tal-objettivi f’livelli aċċettabbli”); jilqa’ l-15-il azzjoni ta’ titjib tal-Aġenzija biex issaħħaħ il-kontrolli fl-oqsma fejn ġew identifikati nuqqasijiet ta’ kontroll; jinnota li erba’ azzjonijiet minnhom jirrikjedu titjib fuq bażi kontinwa u li erba’ azzjonijiet oħra għadhom għaddejjin; jistieden lill-Aġenzija żżomm lill-awtorità ta’ kwittanza infurmata dwar il-progress li jkun sar;

    44.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-Aġenzija rreġistrat ammont kbir ta’ avvenimenti ta’ nuqqas ta’ konformità fil-qasam tal-kuntratti u, b’mod partikolari, il-ġestjoni tal-għotjiet; jiddispjaċih li l-għadd ta’ devjazzjonijiet (eċċezzjonijiet u avvenimenti mhux konformi) u l-valur relatat magħhom żdiedu b’mod partikolari minn 106 fl-2020 għal 159 fl-2021 u minn EUR 10,2 miljun fl-2020 għal EUR 21,3 miljun fl-2021, rispettivament; jinnota bi tħassib li fl-2021 il-qasam tal-ġestjoni tal-għotjiet ammonta għal 72 % ta’ dan l-ammont; jinnota wkoll li fl-2021, ġew irreġistrati tmien devjazzjonijiet b’ammont akbar minn EUR 1 miljun;

    45.

    Jiddispjaċih li hemm dewmien fl-implimentazzjoni ta’ 12-il rakkomandazzjoni mill-IAS dwar il-ġestjoni tal-kuntratti, il-governanza tal-IT u l-ġestjoni tal-proġetti, il-ġestjoni u l-ippjanar u l-allokazzjoni tar-riżorsi umani; jistieden lill-Aġenzija tikkoreġi dawn in-nuqqasijiet mill-aktar fis possibbli u, jekk ikun meħtieġ, b’assistenza mingħand il-Kummissjoni, u żżomm lill-awtorità ta’ kwittanza infurmata dwar il-progress rigward din il-kwistjoni;

    46.

    Ifakkar fir-rakkomandazzjoni tal-Qorti li l-Aġenzija għandha tadotta u timplimenta politika dwar il-postijiet sensittivi; jinnota li l-Aġenzija rrapportat li l-abbozz ta’ tali politika qed jiġi ffinalizzat; jistieden lill-Aġenzija timplimenta din ir-rakkomandazzjoni mill-aktar fis possibbli;

    47.

    Jinnota l-osservazzjonijiet tal-Qorti dwar id-dgħufijiet fil-kontroll intern tal-Aġenzija fl-oqsma tal-proċeduri ta’ reklutaġġ, tal-proċeduri ta’ akkwist u fir-rigward tad-delega tas-setgħat lill-uffiċjali awtorizzanti b’delega jew b’subdelega; jinnota wkoll ir-risposti tal-Aġenzija għas-sejbiet tal-Qorti u l-miżuri diġà implimentati; jilqa’ l-adozzjoni mill-Aġenzija f’Jannar 2022 ta’ struzzjonijiet aktar ċari lill-membri tal-kumitat ta’ selezzjoni li jiżguraw valutazzjoni aktar konsistenti u proċeduri armonizzati; jistieden lill-IAS jinkludi l-proċeduri ta’ reklutaġġ aġġornati tal-Aġenzija fl-awditi futuri tiegħu;

    48.

    Jilqa’ l-fatt li ġew introdotti miżuri biex tittejjeb il-proċedura ta’ riport sabiex jiġu pprevenuti riporti irregolari; jilqa’ wkoll il-ftehim li jiġu involuti s-servizzi finanzjarji tal-Aġenzija fil-proċess ta’ riport, it-titjib ippjanat tat-taħriġ ipprovdut lill-uffiċjali awtorizzanti b’delega, kif ukoll l-istabbiliment ta’ Kapaċità tal-Awditjar Intern fl-Aġenzija;

    Diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika

    49.

    Ifaħħar l-għan tal-Aġenzija li tintegra aktar is-sostenibbiltà fl-attivitajiet operattivi, analitiċi, xjentifiċi u amministrattivi tagħha; jinnota l-valutazzjoni pożittiva tal-esperjenza tal-Aġenzija fl-akkwist pubbliku ekoloġiku, wara l-introduzzjoni ta’ linji gwida f’dan il-qasam; jilqa’ l-fatt li, kif tħeġġeġ l-awtorità ta’ kwittanza, l-Aġenzija għażlet li tikkondividi prattiki tajbin u tagħlimiet meħuda ma’ aġenziji oħra; jilqa’ wkoll l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-akkwist ekoloġiku; jinnota li l-entitajiet tal-Aġenzija huma kontinwament imħeġġa jużaw kriterji u soluzzjonijiet ekoloġiċi fl-akkwist pubbliku;

    50.

    Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija kellha l-Presidenza tan-Network tal-Aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (JHAAN) magħmul minn disa’ aġenziji tal-Unjoni; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Aġenzija li tesplora l-kooperazzjoni fost l-aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, permezz ta’ seminars u attivitajiet ta’ taħriġ fil-qasam tat-tibdil fil-klima, ir-reati ambjentali, in-newtralità karbonika korporattiva u l-politiki tal-Patt Ekoloġiku; jinnota b’apprezzament li l-JHAAN impenja ruħu li jieħu serje ta’ azzjonijiet biex jappoġġja l-ambjent u jiġġieled il-kriminalità ambjentali; ifaħħar il-fatt li l-JHAAN iffirma Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Patt Ekoloġiku tal-UE li fiha impenja ruħu li jaderixxi mal-objettivi tal-politika Ewropea relatati ma’ dan il-qafas u li jappoġġja lill-Unjoni u lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħhom;

    51.

    Jilqa’ d-diversi miżuri li ħadet l-Aġenzija biex tnaqqas l-impatt ambjentali tal-attivitajiet tagħha, inkluż permezz ta’ soluzzjonijiet diġitali għaċ-ċirkolazzjoni ta’ dokumenti mingħajr karti, fluss tax-xogħol mingħajr karti għal tranżazzjonijiet finanzjarji, għodod ta’ tagħlim elettroniku għal attivitajiet ta’ taħriġ jew laqgħat remoti; jifhem li, fil-perkors tagħha lejn in-newtralità karbonika, l-għan tal-Aġenzija huwa li tiġbor data dwar il-marka tal-karbonju u l-konsum għal kull persuna; jinnota wkoll li l-Aġenzija nediet studju bit-titlu “The Green Deal and the European Border and Coast Guard” (Il-Patt Ekoloġiku u l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta) biex tinkorpora s-sostenibbiltà ambjentali fil-proċessi, fil-politiki u fl-operazzjonijiet kollha tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar ir-riżultati ta’ dan l-istudju u s-segwitu għalih;

    52.

    Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Aġenzija li tadotta l-Istrateġija dwar iċ-Ċibersigurtà tagħha li tindirizza l-azzjonijiet li jridu jitwettqu biex tiżdied ir-reżiljenza kontra t-theddid taċ-ċibersigurtà u jiġu protetti r-rekords diġitali tal-Aġenzija; jilqa’ wkoll f’dan il-qasam l-aktar miżuri importanti implimentati fl-2021, inkluża l-kapaċità msaħħa ta’ monitoraġġ tas-sigurtà, il-kapaċità ta’ ġestjoni tal-vulnerabbiltà tal-ICT u t-teknoloġija ta’ Detezzjoni u Rispons tal-Punt Terminali; jinnota li l-Aġenzija adottat ir-Regoli ta’ Sigurtà tal-Frontex, il-Qafas dwar il-Ġestjoni tal-Informazzjoni tal-Frontex u l-Istrateġija tal-ICT 2022-2027; jinnota wkoll li l-Aġenzija qed tippjana li timplimenta Ċentru tal-Operazzjonijiet tas-Sigurtà li jkun miftuħ il-ħin kollu għall-operazzjonijiet taċ-ċibersigurtà;

    53.

    Jinnota li l-istrateġija tal-Aġenzija għal titjib fl-effiċjenza hija marbuta mill-qrib mal-implimentazzjoni ta’ diversi għodod tal-IT; jilqa’ l-modernizzazzjoni tal-arkitettura tan-network EUROSUR EU-RESTRICTED, l-appoġġ diġitali estiż ipprovdut lill-persunal tal-Aġenzija u l-iskjerament ta’ korp permanenti bi profil diġitali biex tinkiseb esperjenza fil-forniment ta’ appoġġ lil hinn mis-sit f’oqsma operattivi; jitlob l-integrazzjoni sħiħa ta’ SYSPER fil-ġestjoni mill-Aġenzija tar-riżorsi umani tagħha;

    54.

    Ifaħħar l-isforzi u l-progress tal-Aġenzija fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni relatata mar-ritorn, b’mod partikolari fir-rigward ta’ aġġornamenti fil-mudell ta’ referenza RECAMAS, verżjonijiet ġodda tas-sistemi tal-FAR u tat-titjiriet charter tal-FAR u l-ġbir kontinwu tad-data statistika permezz tas-sistema IRMA;

    Kontinwità tal-operat matul il-kriżi tal-COVID-19

    55.

    Jilqa’ l-adozzjoni tal-pjan ta’ kontinwità tal-operat (BCP) tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-BCP tagħha;

    56.

    Ifaħħar l-isforzi kontinwi tal-Aġenzija biex tadatta għall-kundizzjonijiet li qed jinbidlu fil-kuntest tat-tielet u r-raba’ mewġiet tal-pandemija, inkluż permezz ta’ prattiki interni aġġornati bħal flussi tax-xogħol mingħajr karti, awtorizzazzjonijiet online jew laqgħat virtwali; jirrikonoxxi r-rwol ewlieni taċ-ċellola tal-kriżijiet, li nħolqot wara t-tifqigħa tal-pandemija, biex tappoġġja lill-maniġment eżekuttiv fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ħalli tiġi żgurata l-kontinwità tal-operat, jiġi minimizzat it-tfixkil fl-operazzjonijiet tal-Aġenzija u jiġi żgurat ambjent tax-xogħol sikur;

    57.

    Jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija ħolqot linji gwida dwar is-saħħa u s-sikurezza fl-operazzjonijiet ta’ ritorn matul pandemiji jew tifqigħat bil-għan li jiżguraw il-kontinwazzjoni sikura tal-operazzjonijiet ta’ ritorn f’tali sitwazzjonijiet;

    Kummenti oħra

    58.

    Jilqa’ l-impenn tal-Aġenzija li tiddefinixxi u toperazzjonalizza l-konformità tad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet tagħha permezz tal-adozzjoni fl-2021 tal-Istrateġija għad-Drittijiet Fundamentali u l-Pjan ta’ Azzjoni fil-qasam tad-Drittijiet tal-Bniedem (FRAP); jilqa’ l-impenn tal-Aġenzija li timmonitorja l-implimentazzjoni tal-FRAP; jistieden lill-Aġenzija tipprovdi lill-awtorità ta’ kwittanza aġġornament dwar il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-FRAP; jisħaq li s-suċċess tal-Istrateġija għad-Drittijiet Fundamentali jiddependi mill-implimentazzjoni tagħha, u li s-sejbiet tar-rapport tal-OLAF, li jappartjenu wkoll għas-sena finanzjarja 2021, jindikaw, fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, li (a) l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali ma tħalliex jaċċessa informazzjoni operattiva, għall-kuntrarju tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/1896, u (b) li l-persunal li jagħmel xogħlu u li jirrapporta dwar inċidenti relatati mad-Drittijiet Fundamentali kien ġie injorat mill-maniġment eżekuttiv tal-Aġenzija ta’ qabel; jilqa’ f’dan ir-rigward il-fatt li, minn dak iż-żmien ’l hawn, l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali huwa involut u jiġi kkonsultat dwar il-fajls pertinenti kollha u jkollu laqgħat regolari mal-maniġment eżekuttiv u mal-Forum Konsultattiv; jinnota l-ħolqien ta’ network ta’ punti fokali dwar id-drittijiet fundamentali fl-entitajiet kollha tal-Aġenzija biex jiġi żviluppat għarfien espert dwar id-drittijiet fundamentali fl-oqsma kollha ta’ attività; jirrikonoxxi r-rwol importanti li għandhom l-FRMs, inkluż l-aċċess tagħhom għall-oqsma operattivi u l-kooperazzjoni mill-qrib mal-persunal operattiv tal-Aġenzija; jinnota madankollu li l-uffiċċju tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali għandu inqas minn 20 membru tal-persunal, minkejja l-għadd dejjem akbar fil-pjan ta’ reklutaġġ tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija żżid l-isforzi tagħha biex l-uffiċċju tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali jiġi mgħammar bir-riżorsi xierqa ħalli jwettaq l-attivitajiet rispettivi tiegħu; jirrikonoxxi wkoll id-deċiżjoni tal-Aġenzija li tistabbilixxi regoli għad-direttur eżekuttiv u għall-bord maniġerjali biex jinfurmaw lill-Forum Konsultattiv dwar is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tagħha u biex jiżguraw li tittieħed azzjoni fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali; jistenna li l-Aġenzija timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali kif stabbilit fir-rapport annwali tagħha għall-2021; jistieden lill-Aġenzija tiżgura li r-rakkomandazzjonijiet tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u tal-Forum Konsultattiv ippreżentati lill-bord maniġerjali jiġu kondiviżi mal-awtorità ta’ kwittanza;

    59.

    Itenni li s-sejbiet tar-rapport tal-OLAF huma limitati għal imġiba ħażina u nuqqas ta’ konformità mal-proċeduri minn individwi; jirrikonoxxi li l-Aġenzija għamlet ħidma siewja fit-tisħiħ tar-rwol tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, iżda li l-Aġenzija għadha ma wettqitx analiżi aktar profonda biex tiżgura li ma jkun hemm l-ebda problema strutturali; itenni f’dan ir-rigward il-ħtieġa (i) li jiġu analizzati l-kontrolli u l-bilanċi interni, peress li l-imġiba ħażina minn individwi tħalliet tkompli fit-tul wisq, (ii) li tiġi mmonitorjata r-relazzjoni tal-Aġenzija mal-Istati Membri, peress li s-sejbiet tal-OLAF jindikaw li l-Istati Membri jagħmlu pressjoni fuq il-gwardji tal-kosta u jaħbu l-pushbacks, u dan jixħet dubju fuq il-ħidma tal-Aġenzija lil hinn mit-tmexxija preċedenti tagħha, u (iii) li tiġi evalwata l-applikazzjoni kontinwa tagħha tal-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2019/1896, kif indikat mid-deċiżjoni tal-Aġenzija li żżid il-preżenza fil-Baħar Eġew, minkejja li r-rapporti tal-midja u s-sejbiet tal-OLAF jindikaw ksur persistenti tad-drittijiet fundamentali f’dan ir-reġjun;

    60.

    Jinnota li l-Aġenzija ilha minn Ottubru 2021 tirrapporta regolarment lill-bord maniġerjali dwar il-progress tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew, tal-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Aspetti Legali u Operattivi tal-Operazzjonijiet fil-Baħar Eġew u tal-Grupp ta’ Ħidma ta’ Skrutinju tal-Frontex tal-Parlament Ewropew (FSWG); jistieden lill-Aġenzija tirrapporta wkoll lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

    61.

    Itenni l-konklużjoni tal-QĠUE, li d-deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa mill-awtoritajiet Ungeriżi huma inkompatibbli mad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Aġenzija toqgħod lura milli tipparteċipa fi kwalunkwe operazzjoni li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni; jinnota mir-risposta tal-Aġenzija li hija wettqet verifiki u kkonkludiet li qatt ma kienet involuta f’ritorni relatati mal-leġiżlazzjoni Ungeriża li l-QĠUE qieset li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (l-Att nazzjonali Ungeriż LXXXIX tal-2007 u l-Att LVIII tal-2020); jisħaq li jekk l-Aġenzija trid tibda paġna ġdida, inkluż impenn imġedded għat-trasparenza, hija għandha tipprovdi aktar ċarezza u trasparenza f’każijiet bħal dawn; jieħu nota tal-fatt li l-Aġenzija tgħid li hija tirrikjedi li l-Ungerija tikkonferma dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà speċjali li jikkonċernaw aspetti proċedurali meta titlob l-appoġġ tal-Aġenzija, filwaqt li jiġi żgurat li l-Aġenzija kollha tagħmel ħilitha biex tiżgura li l-proċeduri kollha ta’ ritorn appoġġjati minnha fl-Ungerija jkunu f’konformità sħiħa mal-qafas ġuridiku rilevanti tal-Unjoni dwar ir-ritorn u l-ażil; jinnota wkoll li l-Aġenzija żiedet l-attivitajiet ta’ monitoraġġ fir-ritorni Ungeriżi u saħħet il-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni mal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali dwar l-Ungerija; jisħaq li l-proċeduri huma effettivi dment li tkun effettiva wkoll l-implimentazzjoni tagħhom, u li dan huwa ta’ tħassib partikolari minħabba s-sitwazzjoni ġenerali tal-istat tad-dritt fl-Ungerija;

    62.

    Jisħaq li l-involviment dirett u indirett tal-Aġenzija fl-attivitajiet ta’ ġestjoni tal-fruntieri u ta’ sorveljanza fil-fruntieri jridu jimxu id f’id mal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet fundamentali, u mal-iżgurar tal-konformità mal-prinċipju tan-non-refoulement, f’konformità mal-acquis tal-Unjoni; jistieden lill-bord maniġerjali tal-Aġenzija jkompli jsaħħaħ l-istrutturi tas-sorveljanza interna, u jtenni kemm hu importanti li l-attivitajiet tat-tim maniġerjali jiġu rieżaminati u kkontrollati b’mod kostanti, sabiex tiġi identifikata u solvuta f’waqtha kwalunkwe sitwazzjoni ta’ mmaniġġjar ħażin, kif ukoll li jiġu implimentati l-proċeduri operattivi standard biex jiġi rtirat il-finanzjament tal-attivitajiet tal-Aġenzija, jew biex dawn l-attivitajiet jiġu sospiżi jew itterminati, jew ma jiġu varati xejn, f’każijiet fejn jinħolqu tali riskji;

    63.

    Jinnota d-deċiżjonijiet tal-bord maniġerjali tal-Aġenzija fl-2021 li jadotta regoli ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-regoli dwar l-ipproċessar tad-data personali; ifakkar li l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) ħareġ opinjonijiet dwar ir-regoli tal-ipproċessar tad-data tal-Aġenzija u, konsegwentement, l-Aġenzija pproċediet biex tabbozza mill-ġdid id-deċiżjonijiet rilevanti tal-bord maniġerjali sabiex tiġi żgurata konformità sħiħa mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress li sar dwar din il-kwistjoni; jistieden ukoll lill-Aġenzija titlob lill-EDPS opinjoni bħala riżultat tar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet tal-bord maniġerjali rigward ir-regoli dwar l-ipproċessar tad-data;

    64.

    Jinnota bi tħassib ir-rapporti tal-media dwar l-allegata mġiba ħażina fl-espansjoni tal-programm tal-Ipproċessar ta’ Data Personali għall-Analiżi tar-Riskju; jinnota mir-risposta tal-Aġenzija li l-proġett ġie implimentat bejn l-2015 u l-2017, li jippermetti lill-Aġenzija tiżviluppa l-kapaċitajiet meħtieġa għall-ipproċessar tad-data personali f’konformità mal-Artikolu 11c tar-Regolament (UE) Nru 1168/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5); jieħu nota wkoll tal-pożizzjoni tal-Aġenzija li kienet qed tipproċessa biss id-data personali operattiva tas-suspettati ta’ reat transfruntier u ta’ terroriżmu u li ma bdietx tipproċessa d-data personali tal-vittmi u tax-xhieda; itenni t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rapporti li l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data wissiet ripetutament li din l-espansjoni tad-data tikser id-dritt tal-Unjoni, iżda li l-Aġenzija inizjalment għażlet li tinjora dan il-parir; jieħu nota tad-deċiżjonijiet 56/2021, 68/2021 u 69/2021 tal-bord maniġerjali, mal-wasla tal-opinjonijiet tal-EDPS dwar ir-regoli tal-protezzjoni tad-data tal-Aġenzija, li wasslu lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Aġenzija tħejji Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-EDPS; jistieden lill-Aġenzija tindirizza din is-sitwazzjoni u tiżgura konformità sħiħa mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, tikkonsulta regolarment lill-EDPS u żżomm lill-awtorità ta’ kwittanza infurmata dwar l-istatus u l-progress tar-riforma;

    65.

    Jiddeplora d-dewmien twil biex il-Membri tal-Parlament Ewropew kif ukoll il-membri tal-maniġment superjuri u l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali jingħataw aċċess għar-rapport tal-OLAF; ifakkar li mistennija jiġu ppreżentati żewġ rapporti finali addizzjonali tal-OLAF fir-rigward tal-Aġenzija; jirrikonoxxi wkoll li s-sejbiet tar-rapport tal-OLAF jaf ikunu kwistjoni ta’ interess pubbliku, jeżiġi li r-rapport kunfidenzjali jiġi ppubblikat fil-qafas tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u li tiġi rispettata l-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni mwettqa mill-OLAF kif ukoll id-drittijiet leġittimi tal-persuni kkonċernati, inklużi d-drittijiet tagħhom tal-protezzjoni tad-data; itenni t-talba tiegħu biex, ladarba jiġu ffinalizati dawk ir-rapporti finali, il-Membri tal-Parlament ikollhom aċċess immedjat u li jkollu aċċess ukoll il-persunal eżekuttiv kollu tal-Aġenzija li jeħtieġ li jkollu aċċess għal dawk ir-rapporti biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont tal-Aġenzija, u implimentazzjoni korretta tal-baġit tal-Aġenzija fil-futur;

    66.

    Jinnota li l-problemi identifikati permezz ta’ rapporti tal-media, il-konklużjonijiet tal-FSWG kif ukoll is-sejbiet tar-rapport tal-OLAF, wasslu għar-rifjut ta’ kwittanza fiċ-ċiklu preċedenti; jenfasizza li l-Aġenzija bħalissa għaddejja minn proċess ta’ tranżizzjoni, wara r-riżenja tal-ex direttur eżekuttiv tagħha, fid-dawl tal-investigazzjoni tal-OLAF dwar il-ġestjoni ħażina tal-Aġenzija; jilqa’ wkoll f’dan is-sens id-diversi azzjonijiet li ħa l-maniġment ad interim biex itejjeb l-attivitajiet u l-istandards tiegħu; jinnota b’sodisfazzjon li dawn l-attivitajiet indirizzaw kwistjonijiet ta’ ġestjoni baġitarja u finanzjarja bħall-kjarifika tad-delegi u s-subdelegi għall-uffiċċji li jawtorizzaw il-pagamenti, rispett akbar għad-drittijiet fundamentali permezz ta’ kooperazzjoni istituzzjonali msaħħa bejn il-maniġment eżekuttiv ad interim u l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, kif ukoll il-bidliet fil-kultura ta’ ġestjoni permezz ta’ bidla viżibbli lejn id-deċentralizzazzjoni, id-delega u djalogu mtejjeb fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet; jilqa’ b’mod partikolari l-impenn tal-maniġment ad interim li jibdel il-kultura tal-immaniġġjar, billi jaħdem biex jelimina l-kultura tas-skiet u jħeġġeġ l-involviment kollettiv biex jiġu solvuti l-kwistjonijiet; jistieden lill-Aġenzija tkompli bl-impenn tagħha lejn l-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn ir-riformi meħtieġa, anke wara l-ħatra ta’ direttur eżekuttiv mhux interim, u tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress li jkun sar;

    67.

    Ifakkar lill-Aġenzija dwar il-fatt li għandha l-obbligu ta’ rendikont lejn il-Parlament, u li l-Parlament huwa determinat li jiżgura li l-Aġenzija tikkontribwixxi għall-applikazzjoni kontinwa u uniformi tad-dritt tal-Unjoni, inkluż l-acquis tal-Unjoni dwar id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li, sabiex jintlaħaq dan il-għan, hemm bżonn ta’ kooperazzjoni msaħħa mal-bord maniġerjali tal-Aġenzija billi jissaħħu t-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont u s-sorveljanza demokratika tal-Aġenzija;

    68.

    Jistieden lill-Aġenzija żżid l-isforzi tagħha meta tirrapporta informazzjoni rilevanti dwar il-prestazzjoni liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-pubbliku ġenerali b’lingwaġġ ċar u aċċessibbli; iħeġġeġ lill-Aġenzija tiżgura trasparenza u obbligu ta’ rendikont pubbliku akbar billi tutilizza l-mezzi tal-media u tal-media soċjali;

    69.

    Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-bord maniġerjali fil-laqgħa straordinarja tiegħu tal-20 ta’ Diċembru 2022, li jaħtar lis-Sur Hans Leijtens bħala d-direttur eżekuttiv il-ġdid tal-Aġenzija; jinkoraġġixxi lill-Aġenzija żżid l-isforzi li għaddejjin bħalissa u tieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex tiżgura r-rispett sħiħ tal-istandards tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, id-drittijiet fundamentali, il-kultura organizzattiva u t-trasparenza; itenni l-appell tiegħu lill-Aġenzija biex tippreżenta pjan direzzjonali dettaljat dwar kif biħsiebha tissodisfa t-tħassib pendenti, flimkien ma’ skeda ta’ żmien ċara u dettaljata għal dawk l-azzjonijiet, kif ukoll biex tlesti għalkollox l-azzjonijiet korrettivi biex tindirizza t-tħassib pendenti kollu mqajjem mill-Ombudsman Ewropew, mill-FSWG u mill-Forum Konsultattiv; jistieden lill-Aġenzija timplimenta bis-sħiħ ir-riformi meħtieġa, anke wara l-ħatra ta’ direttur eżekuttiv mhux interim, u tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress li jkun sar;

    70.

    Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (7) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

    (1)   ĠU C 141, 29.3.2022, p. 112.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).

    (3)  Analiżi Strateġika tar-Riskji tal-Frontex 2022.

    (4)  Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1168/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

    (7)  Testi adottati, P9_TA(2023)0190.


    Top