This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023BP1938
Resolution (EU) 2023/1938 of the European Parliament of 10 May 2023 with observations forming an integral part of the decision on discharge in respect of the implementation of the budget of the European Union Agency for Fundamental Rights (FRA) for the financial year 2021
Riżoluzzjoni (UE) 2023/1938 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) għas-sena finanzjarja 2021
Riżoluzzjoni (UE) 2023/1938 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) għas-sena finanzjarja 2021
ĠU L 242, 29.9.2023, p. 452–455
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 242/452 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1938 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-10 ta’ Mejju 2023
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) għas-sena finanzjarja 2021
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għas-sena finanzjarja 2021, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0141/2023), |
A. |
billi, skont ir-rapport tad-dħul u n-nefqa tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2021 kien ta’ EUR 24 860 491, li jirrappreżenta żieda ta’ 2,87 % meta mqabbel mal-2020; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa kważi esklużivament derivat mill-baġit tal-Unjoni; |
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“rapport tal-Qorti”), tiddikjara li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
1. |
Jinnota b’apprezzament li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 100,00 %, jiġifieri l-istess rata bħal dik fl-2020; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 70,95 %, li tirrappreżenta żieda żgħira ta’ 0,1 % meta mqabbla mal-2020; |
2. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija rriportat aktar minn EUR 7 miljun (27 %) mill-approprjazzjonijiet ta’ impenn tal-2021 għall-2022, li 96 % minnhom kienu relatati ma’ attivitajiet operattivi; jenfasizza l-opinjoni mġedda tal-Qorti li l-livell għoli ta’ riporti jindika kwistjonijiet strutturali fl-implimentazzjoni tal-baġit mill-Aġenzija u jmur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità; jinnota li din hija kwistjoni rikorrenti; jirrikonoxxi t-tweġiba tal-Aġenzija li r-riporti għoljin jirriflettu prinċipalment in-natura tax-xogħol ewlieni tal-Aġenzija, li jinkludi attivitajiet li jkopru diversi xhur jew saħansitra jestendu lil hinn mill-aħħar tas-sena, u li l-perċentwal ta’ eżitu tal-baġit tal-Aġenzija hu aktar minn 99 %; jilqa’ l-isforzi tal-Aġenzija biex ittejjeb l-ippjanar tal-baġit tagħha billi tistabbilixxi għodda ta’ monitoraġġ dwar ir-riporti ppjanati minn sena għall-oħra; jistieden lill-Aġenzija tibqa’ timmonitorja l-livell tagħha ta’ riporti u ttejjeb iċ-ċikli ta’ implimentazzjoni tagħha; |
3. |
Jiddispjaċih dwar il-fatt li t-tabella tal-persunal tal-Aġenzija ilha mill-2017 ma tiżdied, u li ż-żieda baġitarja tirrifletti prinċipalment l-indiċjar mar-rata tal-inflazzjoni u ma kinitx proporzjonata maż-żieda fil-piż tax-xogħol u fit-talbiet, b’mod partikolari wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/555 (2), li emenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 (3) (ir-“Regolament Fundatur”) biex introduċa attivitajiet ġodda fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-kooperazzjoni tal-pulizija; jenfasizza l-fatt li mingħajr riżorsi finanzjarji u tal-persunal adegwati, l-Aġenzija mhux se tkun tista’ twettaq il-kompiti kollha assenjati lilha u timplimenta bis-sħiħ il-mandat il-ġdid tagħha, u dan joħloq sitwazzjoni li tista’ tolqot il-kwalità tax-xogħol li tipprovdi l-Aġenzija; |
Prestazzjoni
4. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija tuża sistema ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) bħala parti mill-kejl tal-prestazzjoni tagħha; jinnota li fl-2021 tlestiet reviżjoni tal-qafas ta’ kejl tal-prestazzjoni u tal-KPIs tal-Aġenzija biex jiġu allinjati aħjar mar-rekwiżiti u l-ħtiġijiet tad-dokumenti ta’ programmazzjoni u tar-rapporti tal-attività; ifaħħar ir-rata għolja ta’ kisbiet abbażi tal-KPIs tagħha fl-2021, meta l-Aġenzija qabżet kważi l-miri kollha stabbiliti għal kull KPI; jinnota, b’mod partikolari, prestazzjoni fenomenali rigward l-għadd ta’ eżiti tar-riċerka prodotti, l-inputs mogħtija u l-eżiti aċċessati, u s-sodisfazzjon tal-partijiet ikkonċernati fir-rigward tal-avvenimenti tal-Aġenzija; |
5. |
Jilqa’ l-inizjattivi tal-Aġenzija biex toħloq sinerġiji ma’ aġenziji oħra tal-ġustizzja u l-affarijiet interni (ĠAI) f’għadd ta’ oqsma, inklużi d-diġitalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jinnota b’apprezzament il-kontribut attiv tal-Aġenzija għal total ta’ 60 attività fil-qasam tal-ĠAI fl-2021; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Aġenzija li tipparteċipa f’diversi proċeduri konġunti ta’ akkwist, bħal pereżempju dwar il-valutazzjoni tal-ħiliet maniġerjali; jinnota b’mod partikolari l-kooperazzjoni tal-Aġenzija mal-Eurojust fil-qbil dwar lista ta’ azzjonijiet konkreti f’oqsma ta’ interess komuni (eż. il-Mandat ta’ Arrest Ewropew) li għandhom jiġu implimentati fl-2021-2022; jinnota wkoll li fl-2021 l-Aġenzija ffirmat ftehimiet ta’ ħidma jew memoranda ta’ qbil mal-Europol, mas-CEPOL, mal-Eurojust u mal-EIGE; jilqa’ l-appoġġ għad-drittijiet fundamentali offrut mill-Aġenzija għal proġetti relatati mal-IA u l-bijometrika, immexxija mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u mill-Europol; |
6. |
Jinnota li l-Aġenzija kkontribwiet għal total ta’ madwar 60 attività fil-qasam tal-ĠAI, inklużi 24 fil-qasam tal-migrazzjoni, l-ażil u l-ġestjoni tal-fruntieri, u 16 fil-qasam tas-sigurtà interna u l-kriminalità serja u organizzata; jisħaq fuq l-appoġġ ipprovdut mill-Aġenzija għal proġetti relatati mal-IA u l-bijometrika, immexxija mill-Europol u l-Frontex, u jqis li r-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenzija għandhom jiġu kkunsidrati; |
7. |
Jilqa’ l-appoġġ ipprovdut mill-Aġenzija lill-Frontex fl-istabbiliment u r-reklutaġġ tal-osservaturi tad-drittijiet fundamentali (FRMs) u tal-viċi uffiċjal għad-drittijiet fundamentali tal-Frontex; jenfasizza l-fatt li l-Aġenzija kompliet l-involviment tagħha mal-Frontex, u li d-direttur tal-Aġenzija jieħu sehem fil-laqgħat tal-bord ta’ tmexxija tal-Frontex; jilqa’ wkoll ir-rwol attiv li għandha l-Aġenzija fit-taħriġ tal-FRMs tal-Frontex; ifakkar li, matul l-2021, l-Aġenzija pprovdiet appoġġ minn perspettiva tad-drittijiet fundamentali għal proġetti relatati mal-IA u l-bijometrika mmexxija mill-Europol u l-Frontex; |
Politika dwar il-persunal
8. |
Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, ġie eżegwit 93 % tat-tabella tal-persunal, bil-ħatra ta’ 67 aġent temporanju minn total ta’ 72 aġent temporanju li ġew awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (l-istess għadd ta’ postijiet tax-xogħol awtorizzati bħal dak fl-2020); jinnota li, barra minn hekk, fl-2021 kien hemm 30,1 aġent kuntrattwali (FTE) u 6 esperti nazzjonali sekondati (SNE) li ħadmu għall-Aġenzija; |
9. |
Jinnota b’sodisfazzjon il-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-membri tal-maniġment superjuri tal-Aġenzija, bi 3 irġiel (50 %) u 3 nisa (50 %) fil-livell tal-bord ta’ tmexxija, b’37 minn 64 membru (58 %) li huma nisa, u fi ħdan il-persunal ġenerali tal-Aġenzija, b’49 minn 96 membru (51 %) li huma nisa; |
10. |
Jirrikonoxxi l-ħidma li l-Aġenzija qed twettaq bħalissa biex tiżviluppa qafas tar-riżorsi umani għal perspettiva fit-tul abbażi tal-eżitu ta’ tliet eżerċizzji ewlenin rigward qafas ta’ kompetenza, valutazzjoni tal-volum ta’ xogħol u stħarriġ dwar il-benessri; jilqa’, f’dak il-kuntest, l-istabbiliment tal-pjan ta’ ġestjoni tar-riżorsi umani l-ġdid tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tiffinalizza l-fażijiet li jifdal (valutazzjoni tal-kompetenza u analiżi tal-lakuni tal-forza tax-xogħol) sabiex tintroduċi sistema ta’ ġestjoni tat-talent ibbażata fuq il-kompetenza; |
11. |
Jilqa’ l-adozzjoni ta’ SYSPER mill-Aġenzija fl-2021; jinnota b’apprezzament li l-Aġenzija implimentat 9 moduli u qiegħda taħdem biex timplimenta 3 oħra, bl-intenzjoni li tadotta moduli addizzjonali mill-pakketti bażiċi u fakultattivi; |
12. |
Jinnota li fl-2021 ma ġie rrapportat l-ebda każ ta’ eżawriment mill-Aġenzija; jilqa’ l-miżuri li ħadet l-Aġenzija biex tappoġġja l-benessri tal-persunal, bħall-għoti ta’ servizzi ta’ appoġġ psikoloġiku lill-persunal jew li jkollha konsulent mediku fil-bini darba fil-ġimgħa; |
Akkwist
13. |
Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija nediet tmien proċeduri ta’ akkwist, tliet kuntratti miftuħa u ħamsa nnegozjati, u ffirmat 546 kuntratt, li tlieta minnhom kienu kuntratti diretti li jirrappreżentaw total ta’ EUR 2 768 596, waqt li 480 minnhom kienu kuntratti speċifiċi jew ordnijiet fl-ambitu ta’ kuntratti qafas għal total ta’ EUR 9 564 632 u s-63 li jifdal kienu kuntratti ta’ valur baxx għall-ammont ta’ EUR 269 428; |
14. |
Jinnota b’apprezzament li l-Aġenzija tagħmel użu minn eNotices, eTendering u eSubmission fil-proċeduri ta’ akkwist tagħha; iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli d-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri ta’ akkwist tagħha u jilqa’ l-isforzi tal-Aġenzija lejn l-implimentazzjoni tal-għodda PPMT; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza
15. |
Jilqa’ l-miżuri eżistenti u l-isforzi li l-Aġenzija qed twettaq bħalissa biex tiżgura t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u rigward il-protezzjoni tal-informaturi; jilqa’ l-azzjonijiet li ħadet l-Aġenzija fl-2021 fir-rigward tal-iżvilupp ta’ struzzjonijiet ta’ ħidma speċifiċi li jispeċifikaw il-fluss tax-xogħol tal-iżvelar ta’ informazzjoni protetta interna u l-komunikazzjoni sussegwenti tagħha dwar dawn ir-regoli lill-membri tal-persunal; jinnota li fl-2021 l-Aġenzija rrevediet il-gwida prattika tagħha dwar il-ġestjoni u l-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess għall-persunal; jinnota wkoll li fl-2021 ma ġie rrapportat l-ebda każ ta’ kunflitti ta’ interess u ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta; ifaħħar lill-Aġenzija talli introduċiet ir-regoli tagħha stess biex tittratta n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li jirregolaw l-attivitajiet tal-membri tal-bord tagħha; |
16. |
Jinnota b’apprezzament li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess ta’ kważi l-membri kollha tal-bord ta’ tmexxija u l-membri tal-kumitat xjentifiku ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; jinnota, madankollu, li l-Aġenzija ma ppubblikatx is-CVs tal-membri tat-tim maniġerjali u tal-esperti interni; jinnota, madankollu, li l-Aġenzija tippubblika deskrizzjoni bijografika qasira tal-membri tat-tim maniġerjali u tal-esperti interni; jistieden lill-Aġenzija tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess li jifdal u jilqa’ l-miżuri li diġà ttieħdu biex jiġu mmitigati r-riskji; |
Kontrolli interni
17. |
Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija wettqet eżerċizzju ta’ kontroll ex-post fuq kampjun ta’ tranżazzjonijiet imwettqa matul l-ewwel xhur tal-pandemija fl-2020; jinnota l-konklużjoni tal-Aġenzija li l-attività żvelat żewġ żbalji minuri potenzjali u rriżultat f’xi kummenti formali iżda ma ġiet identifikata l-ebda kwistjoni kritika; jilqa’ l-fatt li fl-2021 l-Aġenzija adottat verżjoni aġġornata tal-istrateġija tagħha kontra l-frodi bbażata fuq valutazzjoni tar-riskju speċifika, li tinkludi taħriġ għall-prevenzjoni tal-frodi, il-qawmien ta’ kuxjenza tal-persunal permezz ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni u valutazzjonijiet tar-riskju ta’ frodi; |
18. |
Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija wettqet valutazzjoni tal-livell ta’ implimentazzjoni tal-qafas ta’ kontroll intern il-ġdid tagħha; jinnota l-konklużjoni tal-Aġenzija li l-komponenti kollha tas-sistema huma preżenti u qegħdin jiffunzjonaw, b’xi titjib meħtieġ għall-prinċipji 3, 4, 5 u 14; jinnota, fir-rigward tal-prinċipji 3 u 5, li l-aġġornament tad-deskrizzjonijiet tal-impjieg għall-persunal kollu tlesta b’suċċess fl-2022, bl-allinjament tagħhom mal-mudell SYSPER tal-Kummissjoni; jinnota, fir-rigward tal-prinċipju 4, li l-qafas ta’ kompetenza qiegħed jiġi implimentat u jistieden lill-Aġenzija tħaffef l-azzjonijiet tagħha sabiex tiffinalizza l-esternalizzazzjoni ta’ politika ta’ komunikazzjoni interna integrata (il-prinċipju 14); |
19. |
Jinnota, fir-rigward tal-proċess ta’ reġistrazzjoni u awtorizzazzjoni tal-eċċezzjonijiet tal-Aġenzija, li ġew irreġistrati erba’ eċċezzjonijiet fl-2021 għal valur globali tat-tranżazzjonijiet ta’ aktar minn EUR 5 000 li l-ebda waħda minnhom, skont il-valutazzjoni tal-Aġenzija, ma kellha impatt finanzjarju; |
Diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika
20. |
Jirrikonoxxi l-isforzi kontinwi tal-Aġenzija biex tiżgura post tax-xogħol kosteffettiv u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent; jinnota l-impenn tal-Aġenzija li twettaq valutazzjoni dwar kif tnaqqas l-impronta ambjentali tagħha filwaqt li tqis is-sitwazzjoni tal-bini attwali; |
21. |
Jinnota li l-Aġenzija adottat is-servizzi ta’ cloud (marbuta mat-telefonija, il-vidjokonferenzi u l-konferenzi fuq il-web, il-kollaborazzjoni online u l-ġestjoni tad-dokumenti) bejn l-2020 u l-2021, u b’hekk iddiġitalizzat il-flussi tax-xogħol finanzjarji interni u flussi tax-xogħol oħrajn; ifaħħar l-adozzjoni tas-Sistema għall-Ipproċessar tal-Missjonijiet (MiPS), li tikkontribwixxi għall-isforzi ta’ diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija u l-ottimizzazzjoni tar-riżorsi umani u finanzjarji, inkluż billi tissostitwixxi flussi tax-xogħol ibbażati fuq il-karta filwaqt li toffri kapaċitajiet ta’ rapportar aħjar lill-persunal tagħha u l-funzjoni tar-riżorsi umani tagħha; ifaħħar ukoll l-azzjonijiet li qed timplimenta l-Aġenzija biex tiżgura ċ-ċibersigurtà, kif ukoll il-miżuri l-ġodda implimentati fl-2021, bħall-użu ta’ awtentikazzjoni b’żewġ fatturi, il-monitoraġġ tal-konnessjoni tal-ġeolokalizzazzjoni, u l-installazzjoni tal-aħħar aġġornamenti tal-prodotti; iħeġġeġ lill-Aġenzija taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u mas-CERT-UE (l-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni) u twettaq valutazzjonijiet tar-riskju regolari tal-infrastruttura tal-IT tagħha u tiżgura li jsiru awditi u testijiet regolari tad-difiżi ċibernetiċi tagħha; |
Kontinwità tal-operat matul il-kriżi tal-COVID-19
22. |
Jinnota li l-pjan ta’ kontinwità tal-operat baqa’ attiv fl-2021, u l-Aġenzija wettqet il-laqgħat u l-avvenimenti kollha tagħha virtwalment; jissottolinja li, bħala konsegwenza ta’ dan, minn total ta’ 29 attività ta’ taħriġ ippjanati, fil-fatt saru biss 13, permezz ta’ soluzzjonijiet online, u dan jirrappreżenta rata ta’ implimentazzjoni baxxa ta’ 45 %; jinnota wkoll li, biex jiġi ffaċilitat il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fin-nuqqas ta’ laqgħat bejn il-persuni, ittieħdu serje ta’ deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija fil-forma ta’ proċeduri bil-miktub; josserva li, fir-rigward tar-reklutaġġ, l-Aġenzija għamlet użu mit-teknoloġiji tal-vidjokonferenzi għall-intervisti tal-kandidati; |
23. |
Jinnota li matul l-2021, l-Aġenzija wettqet valutazzjoni tar-riskju speċifika fuq il-proġetti kollha tal-2021, filwaqt li qieset ir-riskji relatati mal-pandemija tal-COVID-19; ifaħħar lill-Aġenzija, f’dan il-kuntest, talli identifikat azzjonijiet ta’ mitigazzjoni li l-implimentazzjoni tagħhom ippreveniet impatti kbar fuq il-finalizzazzjoni tal-attivitajiet ippjanati tal-proġetti; jissottolinja li l-Forum dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-2021, bħala l-avveniment ewlieni dwar l-istat tad-drittijiet fundamentali fi ħdan l-Unjoni, ġie organizzat b’format ibridu; Iħeġġeġ lill-Aġenzija tpoġġi fil-prattika t-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19 sabiex fil-futur torganizza aħjar il-laqgħat, l-avvenimenti u l-intervisti li jistgħu jsiru b’mod aktar effiċjenti b’mod remot pjuttost milli wiċċ imb wiċċ; |
Kummenti oħra
24. |
Jinnota l-ħidma kontinwa tal-Aġenzija biex iżżid il-viżibbiltà pubblika u l-preżenza online tagħha, b’għadd ta’ inizjattivi bħas-sett ta’ għodod tal-media elettronika dwar il-migrazzjoni, l-għodda għat-tagħlim elettroniku dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni u l-podcast dwar id-drittijiet fundamentali; jinnota, b’mod partikolari, li 798 organizzazzjoni mill-Istati Membri kollha tal-UE u mill-pajjiżi kandidati ħadu sehem fil-Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali tal-Aġenzija fl-2021, li laqqgħet flimkien aktar minn 3 000 persuna mid-dinja kollha; jenfasizza l-fatt li l-Aġenzija kompliet tkun l-aġenzija tal-Unjoni bl-ogħla għadd ta’ ordnijiet ta’ pubblikazzjoni; jinnota li r-referenzi għall-Aġenzija fil-media żdiedu b’35 %; |
25. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orrizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 141, 29.3.2022, p. 60.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/555 tal-5 ta’ April 2022 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 168/2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (ĠU L 108, 7.4.2022, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta’ Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1).
(4) Testi adottati, P9_TA(2023)0190.