EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1926

Riżoluzzjoni (UE) 2023/1926 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom għas-sena finanzjarja 2021

ĠU L 242, 29.9.2023, p. 420–422 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1926/oj

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/420


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1926 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom għas-sena finanzjarja 2021

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom għas-sena finanzjarja 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0126/2023),

A.

billi, skont ir-rapporti finanzjarji tad-dħul u l-infiq tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2021 kien ta’ EUR 210 000, ammont li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 8,7 % meta mqabbel mal-2020; billi l-baġit kollu tal-Aġenzija huwa derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“rapport tal-Qorti”), tiddikjara li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b’apprezzament li l-isforzi għall-monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw fl-implimentazzjoni ta’ rata tal-approprjazzjonijiet ta’ impenji tas-sena attwali ta’ 99,76 % li tirrappreżenta żieda żgħira ta’ 0,21 % meta mqabbla mal-2020, u jinnota li l-eżekuzzjoni tar-rata tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena attwali kienet ta’ 51,22 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 28,88 % meta mqabbla mal-2020;

2.

Jinnota li r-riport tal-impenji pendenti (ammonti impenjati li għadhom ma tħallsux) tal-2021 għas-sena finanzjarja 2022 kien ta’ EUR 101 966,38 jew 49 % tal-ammonti impenjati (meta mqabbel ma’ EUR 177 578,67 jew 78 % fl-2020), u li dan l-ammont jinvolvi prinċipalment servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) għall-fażi ta’ tranżizzjoni tal-proġett tal-IT “Osservatorju Nukleari u ġestjoni tal-informazzjoni tal-ESA” (NOEMI) li ma ngħatawx kompletament, u taħriġ jew konferenzi li għandhom isiru fil-bidu tal-2022; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

3.

Jinnota li mill-1 ta’ Jannar 2021, l-Aġenzija, li ma tistax taġixxi unilateralment f’dan il-qasam, irreġistrat provvediment kontabilistiku fir-rapporti finanzjarji tagħha dwar il-ħlas lura tal-ishma tar-Renju Unit, u li kwalunkwe pagament, ritorn jew remunerazzjoni lir-Renju Unit fil-perjodi sussegwenti bħala konsegwenza tat-terminazzjoni tas-sħubija tar-Renju Unit se jiġi deċiż b’mod konġunt mal-Kummissjoni; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

Prestazzjoni

4.

Jinnota b’apprezzament li, wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni, ir-regoli l-ġodda li jiddeterminaw il-mod li bih l-Aġenzija għandha tibbilanċja l-provvista u d-domanda daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2021, u fost l-oħrajn jipprovdu definizzjonijiet ġodda u jestendu formalment il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura simplifikata;

5.

Jinnota, b’mod partikolari, il-ħidma tal-Aġenzija mal-grupp ta’ ħidma tal-kumitat konsultattiv dwar is-sigurtà tal-provvista u l-prezzijiet, li ngħata mandat ġdid fl-2021;

Politika dwar il-persunal

6.

Jinnota li fil-31 ta’ Diċembru 2021, it-tabella tal-persunal kienet 94,12 % miksuba, bil-ħatra ta’ 16-il uffiċjal tal-Kummissjoni minn total ta’ 17-il post awtorizzat fit-tabella tal-persunal (17-il post awtorizzat fl-2020); jinnota, barra minn hekk, id-diffikultà tal-Aġenzija biex issib assistenti fi gradi aktar baxxi, minħabba l-profil speċjalizzat meħtieġ u l-livelli tal-pagi assoċjati meta mqabbla mal-għoli tal-ħajja fil-Lussemburgu;

7.

Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija rrapportat tqassim tal-ġeneru fost il-membri kollha tal-persunal ta’ 56 % nisa u 44 % irġiel;

8.

Ifakkar fl-importanza li tiġi żviluppata politika tar-riżorsi umani fit-tul dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-għoti ta’ possibbiltajiet ta’ taħriġ speċifiku għall-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-persunal, it-telexogħol, id-dritt għall-iskonnessjoni, it-titjib ta’ bilanċ ġeografiku biex tiġi żgurata rappreżentanza xierqa mill-Istati Membri kollha, u r-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà kif ukoll l-iżgurar li jiġu ttrattati b’mod ugwali u li l-opportunitajiet tagħhom jiġu promossi b’mod wiesa’;

Akkwist

9.

Jinnota li wara d-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda, l-Aġenzija ppubblikat il-formoli li jridu jintużaw biex jiġu ppreżentati kuntratti ta’ provvista li għandhom jiġu konklużi mill-Aġenzija u biex jiġu nnotifikati l-kuntratti għall-forniment ta’ servizzi;

Kontroll intern

10.

Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija wettqet aġġornament tal-valutazzjoni tar-riskju li jkopri l-oqsma kollha tal-ħidma tal-Aġenzija u l-proċessi operattivi u amministrattivi tagħha u li saru aġġustamenti biex il-kontrolli fis-seħħ jiġu allinjati mar-riskji; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

11.

Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija wettqet valutazzjoni tal-effikaċja tal-kontrolli interni tagħha li tikkonsisti f’evalwazzjoni ta’ indikaturi ta’ monitoraġġ predefiniti, inkluż stħarriġ, l-evalwazzjoni tar-riżultati tal-awditjar u rakkomandazzjonijiet ġodda jew pendenti, u analiżi tan-nuqqasijiet ta’ konformità u l-każijiet ta’ eċċezzjoni; jinnota li l-valutazzjoni ma żvelat l-ebda riskju li jista’ jwassal għal riżerva fid-dikjarazzjoni annwali ta’ assigurazzjoni;

12.

Jinnota, fir-rigward tas-sigurtà tal-informazzjoni, li l-membri kollha tal-persunal tal-Aġenzija u l-kuntratturi esterni kollha għandhom approvazzjoni tas-sigurtà, u, barra minn hekk, li s-sistema tal-IT NOEMI għaddiet minn valutazzjoni tal-vulnerabbiltà, li għandha tiġi ripetuta wara li jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet kollha minn din il-valutazzjoni; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

13.

Ifakkar fl-importanza li jissaħħu s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Aġenzija; jinsisti bil-qawwa fuq ir-rekwiżit ta’ sistemi ta’ ġestjoni u kontroll effettivi biex jiġu evitati każijiet potenzjali ta’ kunflitti ta’ interess, kontrolli ex ante/ex post neqsin, ġestjoni inadegwata tal-impenji baġitarji u legali, u nuqqasijiet ta’ rapportar ta’ kwistjonijiet fir-reġistru tal-eċċezzjonijiet;

Diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika

14.

Jinnota b’apprezzament li, skont is-segwitu għall-kwittanza tal-2020, il-proġett tal-IT NOEMI, li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ tal-Aġenzija tas-suq tal-materjali u l-fjuwil nukleari filwaqt li jospita b’mod sigur id-data ta’ kuntratti nukleari sensittivi, sar operazzjonali fl-2021, u li l-iżviluppi futuri se jiddependu fuq il-finanzjament riċevut fil-baġits li ġejjin; jinnota, barra minn hekk, li l-istadji li jmiss tal-proġett jipprevedu l-ipproċessar diġitali sħiħ tal-kuntratti ta’ provvista nukleari u l-informazzjoni tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar kwalunkwe progress f’dak ir-rigward;

15.

Ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni fl-Aġenzija f’termini ta’ operazzjoni u ġestjoni interni iżda anke sabiex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tkompli tkun proattiva f’dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji tal-Unjoni; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata;

16.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA (Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u mas-CERT-UE (Skwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni) u twettaq valutazzjonijiet tar-riskju regolari tal-infrastruttura tal-IT tagħha u tiżgura awditi u testijiet regolari tad-difiżi ċibernetiċi tagħha; jissuġġerixxi li jiġu offruti regolarment programmi ta’ taħriġ aġġornati relatati maċ-ċibersigurtà għall-persunal kollu fl-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tiżviluppa l-politika tagħha fil-qasam taċ-ċibersigurtà aktar malajr, tapplikaha qabel il-31 ta’ Diċembru 2023, u tirrapporta dwar kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward lill-awtorità ta’ kwittanza;

Kontinwità tal-operat matul il-kriżi tal-COVID-19

17.

Jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 kompliet taffettwa l-Unjoni fl-2021 u l-Aġenzija introduċiet it-telexogħol bħala l-għażla prestabbilita f’konformità mal-gwida tal-Kummissjoni u li timminimizza r-riskju għall-persunal u l-familji tagħhom, filwaqt li l-persunal kritiku u essenzjali li kellu bżonn jaċċessa r-riżorsi u jaħdem fil-bini seta’ jagħmel dan b’rotazzjoni;

18.

Jinnota li l-Aġenzija introduċiet bidliet fix-xejra tal-infiq tagħha permezz ta’ emenda baġitarja u trasferimenti interni, minħabba t-tnaqqis fl-infiq fuq vjaġġi ta’ xogħol statutorji u laqgħat tal-kumitat konsultattiv, u minflok investiet fis-sistema tal-IT tagħha; jinnota, barra minn hekk, li l-laqgħat tal-kumitat konsultattiv fl-2021 saru online;

Kummenti oħra

19.

Jinnota b’apprezzament li s-sit web tal-Aġenzija ġie rivedut fl-2021 b’kollaborazzjoni mad-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li rriżulta f’sit web armonizzat ma’ dak tal-Kummissjoni fuq pjattaforma dinamika aġġornata u faċli għall-utent; jinnota, barra minn hekk, li l-informazzjoni kollha mqiegħda fuq is-sit web ġiet abbozzata mill-ġdid għal esperjenza aħjar tal-utent;

20.

Jistieden lill-Aġenzija żżid l-isforzi tagħha u tirrapporta informazzjoni rilevanti dwar il-prestazzjoni liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-pubbliku ġenerali b’lingwaġġ ċar u aċċessibbli; iħeġġeġ lill-Aġenzija tiżgura aktar trasparenza u obbligu ta’ rendikont pubbliku permezz ta’ użu aħjar tal-mezzi tal-midja u tal-midja soċjali;

21.

Jistieden lill-Aġenzija tkompli tiżviluppa s-sinerġiji tagħha (pereżempju fir-rigward tar-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà), u biex issaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha, l-iskambji tal-prattiki tajba u d-diskussjonijiet rigward oqsma ta’ interess reċiproku ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni, bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza; iħeġġeġ lill-Aġenzija tesplora aktar il-possibbiltajiet biex testendi l-arranġamenti ta’ ħidma tagħha u l-kondiviżjoni tar-riżorsi ta’ kompiti li jikkoinċidu ma’ korpi oħra tal-Unjoni;

22.

Jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenzija dwar is-sigurtà tal-provvista ta’ materjali u fjuwil nukleari inklużi fir-rapport annwali tal-Aġenzija għall-2021; jistieden lill-Aġenzija żżid ir-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar il-possibbiltajiet għad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista tal-uranju għal kull stadju taċ-ċiklu tal-fjuwil; ifakkar li l-impjanti nukleari ġġeneraw madwar 25,2 % tal-elettriku totali prodott fl-Unjoni fl-2021;°

23.

Jirreferi, fir-rigward ta’ kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)  Testi adottati, P9_TA(2023)0190.


Top