EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1923

Riżoluzzjoni (UE) 2023/1923 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) għas-sena finanzjarja 2021

ĠU L 242, 29.9.2023, p. 413–417 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1923/oj

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/413


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1923 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) għas-sena finanzjarja 2021

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) għas-sena finanzjarja 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0132/2023),

A.

billi skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tan-nefqa tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2021 kien ta’ EUR 16 114 100, li jirrappreżenta żieda żgħira ta’ 0,35 % meta mqabbel mal-2020; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“rapport tal-Qorti”), tiddikjara li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’implimentazzjoni baġitarja tar-rata tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena kurrenti ta’ 97,26 %, li tirrappreżenta żieda żgħira ta’ 0,46 % meta mqabbla mal-2020; jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena kurrenti kienet ta’ 63,53 %, li tirrappreżenta żieda żgħira ta’ 1,38 % meta mqabbla mal-2020;

2.

Jilqa’, madankollu, il-fatt li l-Aġenzija lestiet l-azzjonijiet kollha li ttieħdu fir-rigward tal-osservazzjonijiet tal-Qorti b’rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit għas-snin finanzjarji 2018 u 2019;

3.

Jinnota li l-Aġenzija għandha ppjanar trimestrali tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament skont it-titolu 3 tal-baġit għall-programm ta’ ħidma annwali relatat, kif ukoll ippjanar ta’ kull xahar kemm għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn kif ukoll għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament matul il-fażi ta’ implimentazzjoni rieżaminati perjodikament; jinnota, barra minn hekk, li fl-2021, l-Aġenzija ċċentralizzat ir-riżorsi amministrattivi u l-għarfien espert għall-ġestjoni tal-akkwisti kollha tagħha, inklużi l-ippjanar, l-offerti, l-għoti u l-monitoraġġ; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza jekk ir-riżultati tal-armonizzazzjoni u tal-effiċjenza mistennija ntlaħqux, speċjalment fir-rigward tal-ġestjoni tar-riporti;

Prestazzjoni

4.

Jinnota b’apprezzament l-attivitajiet tal-Aġenzija biex tiżviluppa, tiġbor u tipprovdi informazzjoni, analiżi u għodod affidabbli u rilevanti dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, li jikkontribwixxu għall-politika tal-Unjoni li għandha l-għan li tippromwovi postijiet tax-xogħol ħielsa mill-periklu u sikuri madwar l-Unjoni;

5.

Jinnota li l-Aġenzija tuża ċerti miżuri bħala indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u miżuri oħra biex ittejjeb il-ġestjoni tal-baġit tagħha, bħat-twassil tal-programm ta’ ħidma, il-kanċellazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament u l-kapaċità ta’ sensibilizzazzjoni tal-intermedjarji permezz tan-networking; jinnota, b’mod partikolari, li l-Aġenzija tuża KPI għall-implimentazzjoni ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn; jinnota li l-Aġenzija laħqet kważi l-miri kollha tagħha u li sitta mill-eżiti tal-programm ta’ ħidma ġew ikkanċellati peress li l-pandemija kellha impatt fuq l-ivvjaġġar u l-avvenimenti;

6.

Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija għamlet disponibbli r-riżultati ta’ ħarsa ġenerali lejn is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, li kienet iffukata fuq it-telexogħol u r-rwol tal-fatturi ta’ riskju psikosoċjali u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ mard muskoloskeletali, li serviet bħala l-bażi għall-kampanja dwar Postijiet tax-Xogħol Ħielsa mill-Periklu “Ħaffef il-Piż”, li tnediet f’Ottubru 2020 għal perjodu ta’ 24 xahar; jinnota, barra minn hekk, l-attivitajiet u l-ħarsiet ġenerali tal-Aġenzija li jagħmlu enfasi fuq id-diġitalizzazzjoni, ir-riskji psikoloġiċi, u s-settur tal-kura tas-saħħa; jilqa’ l-involviment tal-Aġenzija fir-rispons tal-Unjoni għall-kriżi tal-COVID-19; jinnota, barra minn hekk, l-adozzjoni tal-Qafas Strateġiku tal-Aġenzija għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol 2021-2027 f’Ġunju 2021;

7.

Jinnota wkoll ir-rwol li jista’ jkollha l-Aġenzija fl-appoġġ tal-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-esponiment għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol, il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-esponiment għal karċinoġeni, mutaġeni jew sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni fuq il-post tax-xogħol, f’konformità mad-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u r-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE (3);

8.

Jinnota r-rwol prominenti li l-Aġenzija ngħatat fl-implimentazzjoni tal-prinċipji minquxa fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-kisbiet tal-miri ta’ Porto; jilqa’ l-impenn qawwi tal-Aġenzija li tiżgura li l-ħaddiema kollha jgawdu l-istess drittijiet ta’ saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol irrispettivament mid-daqs tal-impriża, it-tip ta’ kuntratt jew ir-relazzjoni ta’ impjieg u li twettaq l-approċċ “viżjoni żero” għall-imwiet relatati max-xogħol;

9.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati riżorsi umani u finanzjarji adegwati li jippermettu lill-Aġenzija tkompli timplimenta l-programm ta’ ħidma tagħha b’rata għolja ħafna ta’ tlestija tal-attivitajiet, b’mod partikolari fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza fuq il-Post tax-Xogħol (2021-2027);

10.

Jinnota li l-Aġenzija tikkollabora mill-qrib ma’ aġenziji oħra, bħall-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, dwar suġġetti ta’ interess komuni bħall-politika tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali, u li qed tifformalizza l-kooperazzjoni mal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA); jinnota li l-Aġenzija kkooperat mal-Eurostat għall-iżvilupp tal-Barometru tal-OSH; jinnota, barra minn hekk, l-appoġġ tal-Aġenzija lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fl-iżvilupp ta’ gwida għas-saħħa u s-sikurezza f’azzjonijiet ta’ tneħħija ta’ tixrid taż-żejt, lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil fil-ħidma tiegħu dwar gwida estensiva dwar il-valutazzjoni tar-riskju, li tagħmel enfasi fuq il-piż psikosoċjali tal-uffiċjali tal-front desk, u l-kontribut għall-inizjattiva EU4BorderSecurity mal-Frontex; jinnota li l-Aġenzija kompliet tipprovdi appoġġ loġistiku lill-punti fokali nazzjonali u lin-networks tagħhom;

Politika dwar il-persunal

11.

Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, it-tabella tal-persunal kienet implimentata sa 97,5 % (39 post ta’ aġent temporanju mtlew minn 40 aġent temporanju awtorizzati skont il-baġit tal-Unjoni); jinnota li, barra minn hekk, 25 aġent kuntrattwali kienu qed jaħdmu għall-Aġenzija fl-2021;

12.

Jinnota r-rappurtar dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri għall-2021, fil-livell tal-maniġment superjuri bi 3 irġiel (li jirrappreżentaw 75 %) u mara (li tirrappreżenta 25 %), fil-livell tal-bord ta’ tmexxija b’65 raġel (li jirrappreżentaw 66 %) u 34 mara (li jirrappreżentaw 34 %), u għall-persunal ġenerali tal-Aġenzija, b’21 raġel (li jirrappreżentaw 33 %) u 43 mara (li jirrappreżentaw 67 %); jistieden lill-Aġenzija ttejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-persunal ġenerali tagħha, u tirrapporta kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward lill-awtorità ta’ kwittanza; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżguraw li jitqies il-bilanċ bejn il-ġeneri meta jaħtru l-membri għall-bord ta’ tmexxija tal-Aġenzija;

13.

Jinnota li l-Aġenzija impjegat 64 membru tal-persunal minn 15-il Stat Membru; jinsab imħasseb ħafna dwar is-sottorappreżentanza tal-persunal mit-12-il Stat Membru li jifdal; iħeġġeġ lill-Aġenzija tqis bl-akbar prijorità l-bilanċ ġeografiku fil-proċeduri ta’ reklutaġġ tagħha u tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar kwalunkwe żvilupp f’dan ir-rigward;

14.

Jilqa’ l-fatt li ma ġie rrappurtat l-ebda każ ta’ fastidju fl-2021 u li l-Aġenzija għandha impenn qawwi fil-promozzjoni ta’ politiki kontra l-fastidju, fl-organizzazzjoni regolari ta’ sessjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni għall-persunal tagħha u fl-aġġornament ta’ paġna tal-intranet speċjalizzata dwar is-suġġett;

Akkwist

15.

Jinnota li l-Aġenzija implimentat strateġija tal-funzjoni finanzjarja u tal-akkwist tagħha bil-għan li tottimizza l-użu tar-riżorsi, tarmonizza l-proċessi, tiddefinixxi aħjar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet, u tikseb titjib fl-effiċjenza; jinnota wkoll li l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija wasslet għall-aħjar mudell operattiv ta’ finanzjament u akkwist għall-Aġenzija;

16.

Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li f’waħda mill-proċeduri miftuħa ta’ akkwist maqsuma f’lottijiet, f’lott wieħed, il-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni kienu ffirmaw id-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitti ta’ interess biss wara li jkun ingħata l-kuntratt, u li dan jirrappreżenta dgħufija fil-proċedura ta’ akkwist u jmur kontra r-rekwiżiti tal-Artikoli 61 u 150 tar-Regolament Finanzjarju; jistieden lill-Aġenzija tikkonforma mar-Regolament Finanzjarju fi proċeduri futuri;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza

17.

Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti u l-isforzi li l-Aġenzija qed twettaq biex tiżgura t-trasparenza u l-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess; jinnota li f’Diċembru 2021 ġiet adottata d-deċiżjoni li tipprovdi regoli għall-aċċettazzjoni ta’ rigali u ospitalità mill-persunal tal-Aġenzija; jinnota li l-membri tal-bord ta’ tmexxija huma mitluba jipprovdu dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitti ta’ interess flimkien ma’ dikjarazzjoni ta’ interessi; jilqa’ l-fatt li ż-żewġ dikjarazzjonijiet huma disponibbli fuq is-sit web tal-Aġenzija; jinnota b’apprezzament li ma ġie rrapportat l-ebda każ ta’ kunflitt ta’ interess fl-2021;

Kontroll intern

18.

Jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija tuża strateġija ta’ nonkonformità li tirreġistra mhux biss eċċezzjonijiet ex ante, iżda wkoll avvenimenti ex post, bil-għan li ttejjeb il-proċeduri eżistenti u tidentifika dgħufijiet fil-kontroll intern fi stadji aktar bikrija; jinnota li fl-2021 in-nonkonformitajiet irreġistrati ma indikawx dgħufijiet sinifikanti f’termini tal-kontrolli eżistenti; jilqa’ l-fatt li fl-2021 l-Aġenzija reġgħet ħadet sehem fl-eżerċizzju ta’ rieżami bejn il-pari dwar il-ġestjoni tar-riskju fl-aġenziji deċentralizzati mniedi mill-Kummissjoni, billi qasmet l-għarfien, il-metodoloġiji u r-riskji kritiċi mal-aġenziji l-oħra li qed jieħdu sehem fil-grupp ta’ ħidma;

19.

Ifakkar fil-fatt li l-qafas ta’ kontroll intern (QKI) ġie adottat mill-bord ta’ tmexxija fl-2019, abbażi tal-qafas ta’ kontroll intern tal-Kummissjoni Ewropea; jinnota li l-valutazzjoni tal-QKI għas-sena ta’ rappurtar 2021 ikkonkludiet li l-konformità u l-implimentazzjoni tal-qafas huma sodisfaċenti;

20.

Jinnota li r-reġistru tar-riskju korporattiv tal-Aġenzija huwa marbut mal-QKI u li t-tnejn huma soġġetti għal rieżamijiet regolari mill-maniġment superjuri; jinnota li erba’ riskji mmonitorjati matul l-2021 ġew ikkategorizzati bħala relatati mal-“ambjent estern”, żewġ riskji ġew ikkategorizzati bħala relatati mal-“ambjent intern” u l-ebda wieħed ma huwa kklassifikat bħala theddida potenzjali għar-reputazzjoni jew il-kisba strateġika tal-Aġenzija;

21.

Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija abbozzat u ffinalizzat l-istrateġija l-ġdida kontra l-frodi 2022-2026; jilqa’ l-fatt li fl-2021 ġiet implimentata l-proċedura dwar l-identifikazzjoni u l-ġestjoni ta’ funzjonijiet sensittivi;

Diġitalizzazzjoni u tranżizzjoni ekoloġika

22.

Ifakkar fl-arranġamenti ta’ xogħol mill-bogħod u s-sistema tal-ġestjoni tad-dokumenti adottati fis-snin preċedenti, u jinnota li l-Aġenzija nediet u kompliet timplimenta għadd ta’ proċeduri interni elettroniċi ġodda; jinnota, barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta’ Għodod elettroniċi permezz ta’ użu wiesa’ ta’ Laqgħat elettroniċi, Akkwist elettroniku (Sejħiet għall-offerti elettroniċi, Sottomissjonijiet elettroniċi ta’ offerti u l-Għodda għall-Ġestjoni tal-Akkwist Pubbliku), u l-adozzjoni tal-Firma elettronika u l-Flussi tax-xogħol elettroniċi; jilqa’, f’dan ir-rigward, is-simplifikazzjoni progressiva u d-diġitalizzazzjoni tal-oqsma amministrattivi tal-Aġenzija;

23.

Jinnota l-kontribut tal-Aġenzija għal studju ta’ prospettiva dwar l-ekonomija ċirkolari biex jiġu identifikati riskji ġodda u emerġenti dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika, rilevanti għal dawk li jfasslu l-politika u r-riċerkaturi;

24.

Jinnota li l-Aġenzija bdiet kooperazzjoni mas-CERT-UE permezz ta’ ftehim dwar il-livell ta’ servizz sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ċibernetika għall-Aġenzija; jinnota li fl-2021 tnedew diversi awditi tas-sigurtà biex jiġi vvalutat il-livell ta’ sigurtà tal-applikazzjonijiet u tas-siti web tal-Aġenzija; jinnota li fil-livell bejn l-aġenziji, l-Aġenzija bdiet tikkoordina l-implimentazzjoni ta’ soluzzjoni komuni biex tipprovdi servizzi taċ-ċibersigurtà lill-aġenziji iżgħar tal-Unjoni; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

Kontinwità tal-operat matul il-kriżi tal-COVID-19

25.

Jinnota li minħabba l-kriżi tal-COVID-19, parti sinifikanti mill-baġit tal-2021 għall-missjonijiet u l-laqgħat ma ntużax u ġie ttrasferit parzjalment permezz ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu bejn titoli, kapitoli, entrati u attivitajiet;

26.

Jinnota b’apprezzament li l-Aġenzija organizzat diskussjonijiet ta’ esperti relatati mat-tħejjija għall-pandemija fuq il-post tax-xogħol; jinnota li l-Aġenzija wettqet kważi l-attivitajiet kollha (li jikkorrispondu għal 96 %) tal-programm ta’ ħidma tagħha kif ippjanat, filwaqt li assumiet u wettqet ukoll kompiti relatati mal-COVID-19 mhux ippjanati;

27.

Jinnota li sabiex jiġu appoġġjati l-arranġamenti ta’ xogħol mill-bogħod għall-persunal, li ilhom stabbiliti mill-2020, fl-2021 l-Aġenzija nediet u kompliet timplimenta proċeduri interni elettroniċi ġodda biex tiffaċilita l-kontinwità tal-operat;

28.

Jinnota li fl-2021, l-Aġenzija kompliet tikkomunika u tippromwovi b’mod effettiv is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol direttament jew permezz tan-network tagħha, kważi kompletament online minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija;

Kummenti oħra

29.

Jilqa’ l-impenn tal-Aġenzija fil-livell ta’ governanza mal-Eurofound, l-ELA, u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) u l-iskambju ta’ abbozzi ta’ programmi ta’ ħidma mal-Eurofound, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u l-EIGE, bil-għan li jiġu żgurati sinerġiji fil-programmi ta’ ħidma rispettivi ta’ dawk il-korpi; iħeġġeġ lill-Aġenzija tesplora aktar sinerġiji u possibbiltajiet biex testendi l-attivitajiet u l-arranġamenti ta’ ħidma tagħha ma’ korpi oħra tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Aġenzija tesplora l-possibbiltajiet ta’ kondiviżjoni tar-riżorsi li jikkoinċidu ma’ korpi oħra tal-Unjoni;

30.

Jistieden lill-Aġenzija żżid l-isforzi tagħha u tirrapporta informazzjoni rilevanti dwar il-prestazzjoni liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-pubbliku ġenerali b’lingwaġġ ċar u aċċessibbli; iħeġġeġ lill-Aġenzija tiżgura aktar trasparenza u obbligu ta’ rendikont pubbliku permezz ta’ użu aħjar tal-mezzi tal-midja u tal-midja soċjali;

31.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 141, 29.3.2022, p. 42.

(2)  Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta’ April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x’jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fit-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11).

(4)  Testi adottati, P9_TA(2023)0190.


Top