This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023BP1914
Resolution (EU) 2023/1914 of the European Parliament of 10 May 2023 with observations forming an integral part of the decision on discharge in respect of the implementation of the budget of the European Securities and Markets Authority (ESMA) for the financial year 2021
Riżoluzzjoni (UE) 2023/1914 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għas-sena finanzjarja 2021
Riżoluzzjoni (UE) 2023/1914 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għas-sena finanzjarja 2021
ĠU L 242, 29.9.2023, p. 387–392
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 242/387 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1914 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-10 ta’ Mejju 2023
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għas-sena finanzjarja 2021
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2021, |
— |
wara li kkunsidra r-Regola 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0137/2023), |
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tan-nefqa tagħha (1), il-baġit finali tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (l-“Awtorità”) għas-sena finanzjarja 2021 kien ta’ EUR 60 600 822, li jirrappreżenta żieda ta’ 7,64 % meta mqabbel mal-2020; billi l-Awtorità hija ffinanzjata minn kontribuzzjoni mill-Unjoni (EUR 19 172 407, li tirrappreżenta 30,59 % mill-baġit totali), minn kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-Istati Membri (EUR 23 936 648, li jirrappreżentaw 38,20 %) u minn tariffi li tirċievi mill-entitajiet taħt superviżjoni (EUR 17 087 867, li jirrappreżentaw 27,27 %); |
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2021 (“ir-rapport tal-Qorti”), tiddikjara li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
1. |
Jinnota b’apprezzament li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 99,94 %, li tirrappreżenta żieda żgħira ta’ 0,92 % meta mqabbel mal-2020; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 89,91 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 4,40 % meta mqabbla mas-sena preċedenti; |
2. |
Jinnota li l-2021 kienet l-ewwel sena sħiħa li fiha l-Awtorità ġabret tariffi mingħand kontropartijiet ċentrali (CCPs) ta’ pajjiżi terzi u l-ewwel sena meta bdiet tiġbor tariffi mir-repożitorji tat-titolizzazzjonijiet, minbarra t-tariffi mingħand l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet fl-ambitu tar-Regolamenti (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3); |
3. |
Jinnota b’apprezzament li l-Awtorità tejbet is-sistema ta’ ġestjoni tal-pagamenti tagħha mmirata lejn il-ġestjoni aħjar tal-pagamenti tard li jsiru, pereżempju, mill-l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jew mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, u l-imgħax dovut b’rabta ma’ dawk il-pagamenti; |
Prestazzjoni
4. |
Jinnota li l-Awtorità tuża ċerti miżuri bħall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u miżuri oħra biex ittejjeb il-ġestjoni tal-baġit tagħha, bħall-għadd ta’ suġġetti tar-riskju analizzati, ir-rata ta’ kanċellazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament u r-rata tad-dawran tal-impjegati; ifaħħar lill-Awtorità għall-programm ta’ ħidma tagħha għall-2021 li 91 % minnu tlesta, bil-biċċa l-kbira tal-KPIs tagħha milħuqa jew maqbuża; |
5. |
Ifaħħar lill-Awtorità talli ġabret flimkien l-outputs u r-riżultati tagħha għall-2021 fi tliet kategoriji ta’ prijorità: (i) “l-ogħla prijorità” għal 128 output marbuta ma’ prijoritajiet strateġiċi; (ii) “prijorità aktar baxxa” għal 75 output mhux marbuta ma’ dawk il-prijoritajiet; u (iii) “kompletament mhux prijoritizzati” għal 29 output dwar kompiti li għandhom isiru biss jekk ikun hemm iż-żmien; |
6. |
Jinnota li fl-2021 il-prijoritajiet strateġiċi tal-Awtorità ffokaw fuq tliet suġġetti trażversali: swieq kapitali tal-Unjoni sodi, finanzi sostenibbli, u innovazzjoni u diġitalizzazzjoni; jinnota wkoll ir-riżultati u s-suċċessi tal-Awtorità fl-2021 f’oqsma li mhumiex direttament marbuta ma’ dawk il-prijoritajiet, bħal, fost oħrajn, is-suq tal-karbonju tal-Unjoni, l-attivitajiet ta’ infurzar, is-servizzi ta’ investiment, il-ġestjoni tal-investiment jew is-CCPs; |
7. |
Ifaħħar lill-Awtorità għall-kisbiet tagħha fl-2021, bħal, fost oħrajn, l-implimentazzjoni ta’ mandati ġodda li jirriżultaw mir-rieżami tal-2019 tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, it-tħejjija għar-responsabbiltajiet superviżorji l-ġodda (is-superviżjoni tar-repożitorji tat-titolizzazzjoni, il-fornituri tas-servizzi tar-rapportar tad-data u l-parametri referenzjarji kritiċi), l-approvazzjoni tar-reġistrazzjonijiet tal-ewwel żewġ repożitorji tat-titolizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), it-tħejjija għat-trasferiment lill-Awtorità tar-responsabbiltajiet superviżorji għall-Istitut Ewropew tas-Swieq Monetarji u t-teħid tas-superviżjoni tas-seba’ amministraturi ta’ pajjiżi terzi ta’ parametri referenzjarji rikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni; |
8. |
Ifaħħar lill-Awtorità, fil-kuntest tar-riskji li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tas-swieq finanzjarji, għall-isforzi tagħha fl-2021 biex tipprovdi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni b’feedback tekniku dwar il-proposti tal-Kummissjoni għal regolament dwar is-swieq fil-kriptoassi u l-att ta’ reżiljenza operattiva diġitali; jilqa’ l-iżvilupp tal-pjan direzzjonali dwar il-finanzi sostenibbli tal-Awtorità għall-2022-2024, li se jservi bħala għodda prattika biex jiġi żgurat li l-Awtorità twettaq firxa wiesgħa ta’ kompiti ta’ finanzjament sostenibbli f’diversi setturi b’mod ikkoordinat; |
9. |
Jilqa’ l-kooperazzjoni bejn l-Awtorità u ż-żewġ Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-oħra, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Bankarja Ewropea, permezz tal-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej; jinnota b’sodisfazzjon li l-ESMA tikkondividi uffiċjal tal-kontabbiltà mal-Awtorità Bankarja Ewropea u li l-maġġoranza tal-proċeduri ta’ akkwist li tmexxi huma akkwisti konġunti ma’ aġenziji oħra u mal-Kummissjoni; jinnota l-Memorandum ta’ Qbil tal-2013 bejn l-Awtorità u l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija li jistabbilixxi qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni meta r-responsabbiltajiet regolatorji taż-żewġ entitajiet jikkoinċidu fir-rigward tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa; jenfasizza li s-sitwazzjoni attwali fis-swieq tal-prodotti bażiċi x’aktarx se tirriżulta fi ħtieġa ta’ kooperazzjoni msaħħa dwar suġġetti regolatorji relatati mas-swieq tal-enerġija; Jinkoraġġixxi lill-Awtorità tieħu passi biex taġevola din il-kooperazzjoni msaħħa; |
Politika dwar il-persunal
10. |
Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, 85,20 % tat-tabella tal-persunal kienet ġiet eżegwita, b’213-il aġent temporanju maħtura minn total ta’ 250 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbla ma’ 226 post tax-xogħol awtorizzati fl-2020); jinnota li, barra minn hekk, 85 aġent kuntrattwali u 10 esperti nazzjonali sekondati kienu qed jaħdmu għall-Awtorità fl-2021; |
11. |
Jinnota li fl-2021 l-għadd ta’ persunal żdied b’23 % meta mqabbel mal-2020, b’58 membru statutorju addizzjonali; ifaħħar lill-Awtorità għall-isforzi tagħha fir-reklutaġġ ta’ 102 membri tal-persunal, bis-saħħa ta’ 21 proċedura tas-selezzjoni (interna u esterna) varati, 2 075 CV skrinjati u 175 kandidat intervistati fl-2021; |
12. |
Jinnota d-distribuzzjoni tal-ġeneru fi ħdan il-membri tal-maniġment superjuri tal-Awtorità, b’erbgħa minn ħames membri tal-maniġment superjuri li huma nisa (80 %); jinnota d-distribuzzjoni tal-ġeneru fil-Bord Maniġerjali tal-Awtorità, fejn tlieta minn ħames membri tal-Bord Maniġerjali huma nisa (60 %); jinnota wkoll id-distribuzzjoni tal-ġeneru fi ħdan il-persunal ġenerali tal-Awtorità, fejn 162 minn 308 membri tal-persunal huma rġiel (53 %); ifakkar kemm hu importanti li tiġi żgurata rappreżentanza bbilanċjata tal-ġeneri u ġeografika fost il-maniġment u l-persunal tal-Awtorità u jistieden lill-Awtorità tqis dawk l-aspetti fir-rigward tal-ħatriet futuri; jissottolinja l-importanza tal-ħiliet, l-għarfien u l-esperjenza tal-kandidati meta jkun qed jiġi rreklutat u promoss l-persunal; |
13. |
Jinnota li l-Awtorità għandha politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u sesswali; jilqa’ l-fatt li l-applikazzjoni ta’ dik il-politika hija msaħħa permezz ta’ miżuri ta’ komunikazzjoni u sessjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni; jilqa’ l-fatt li fl-2021 ma kien hemm l-ebda każ ta’ fastidju rrapportat, investigat, jew li ttieħed quddiem il-qorti; jilqa’ wkoll il-pjan tal-Awtorità li tiżviluppa “politika dwar id-Diversità u l-Inklużjoni”; |
14. |
Jappella lill-Awtorità biex tibqa’ tiżviluppata politika tar-riżorsi umani (HR) fit-tul dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-għoti ta’ possibbiltajiet ta’ taħriġ speċifiku għall-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-persunal, it-telexogħol, id-dritt għall-iskonnessjoni, it-titjib tal-bilanċ ġeografiku biex ikun hemm rappreżentanza xierqa mill-Istati Membri kollha, u r-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà kif ukoll l-iżgurar li jiġu ttrattati b’mod ugwali u li l-opportunitajiet tagħhom jiġu promossi b’mod wiesa’; |
Akkwist
15. |
Jinnota li, fl-2021, l-Awtorità mmaniġġjat 15-il proċedura ta’ akkwist, li sebgħa minnhom ġew iffinalizzati kompletament; ifaħħar l-isforzi li għamlet l-Awtorità biex toħloq sinerġiji permezz ta’ proċeduri ta’ akkwist konġunt ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni u l-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Awtorità tkompli tiżviluppa sinerġiji ma’ korpi oħra tal-Unjoni; |
16. |
Jinnota bi tħassib l-osservazzjoni mir-rapport tal-Qorti li fl-2021 l-Awtorità ddeċidiet li tvara proċedura nnegozjata mingħajr ma tirreklamaha, u b’hekk kisret il-punt 3.1 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju; jinnota wkoll li l-ġustifikazzjoni għal dik id-deċiżjoni ma ġietx approvata f’rapporti ta’ eċċezzjonijiet irreġistrati ċentralment qabel ma ttieħdet azzjoni; jistieden lill-Awtorità tiżgura fil-futur li l-każijiet kollha ta’ devjazzjoni minn proċessi u proċeduri stabbiliti jiġu ttrattati f’konformità mal-prinċipji tal-legalità u r-regolarità; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u trasparenza
17. |
Ifaħħar lill-Awtorità għall-miżuri u l-politiki komprensivi li stabbiliet, u għad-diliġenza li biha jiġu applikati ħalli jiġu żgurati t-trasparenza, l-etika, l-imġiba amministrattiva tajba, kif ukoll il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess rigward il-membri tal-persunal tal-Awtorità, il-Bord tas-Superviżuri, il-Bord Maniġerjali u l-Kumitat Superviżorju tas-CCP; jinnota li, wara valutazzjoni li saret mill-uffiċjal tal-etika tal-Awtorità fl-okkażjoni ta’ verifika ad hoc li twettqet fil-kuntest ta’ proċedura unika marbuta mal-ħolqien ta’ tliet pożizzjonijiet ta’ kap ta’ tim, ġie propost rieżami tal-linji gwida dwar id-dikjarazzjonijiet tal-interessi mill-membri tal-bord tas-selezzjoni sabiex tissaħħaħ it-trasparenza f’dawk id-dikjarazzjonijiet; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza ladarba dak ir-rieżami jkun ġie ffinalizzat u approvat; |
18. |
Jinnota li fl-2021 l-Awtorità rċeviet 11-il dikjarazzjoni dwar kunflitti ta’ interess qabel il-laqgħat tal-Bord tas-Superviżuri u żewġ dikjarazzjonijiet simili qabel il-laqgħat tal-Bord Maniġerjali; jinnota wkoll li fl-2021 it-tim tal-etika tal-Awtorità vverifika, fost oħrajn, 251 dikjarazzjoni annwali mill-membri tal-persunal, li l-ebda waħda minnhom ma qajmet kwistjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess, 16-il dikjarazzjoni dwar l-impjieg bi skop ta’ qligħ tal-konjuġi għal rieżami, li fihom ma ġiet identifikata l-ebda kwistjoni li kienet tirrikjedi azzjoni speċifika, u 38 talba għall-awtorizzazzjoni biex jinnegozjaw strumenti finanzjarji, li l-maġġoranza tagħhom kienu ġew approvati; jinnota wkoll li t-tim tal-etika vvaluta 94 talba għall-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess fil-kuntest tar-reklutaġġ fl-2021, u wara dan, it-tim tal-etika rrakkomanda lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità li ssir bidla fil-kompożizzjoni tal-bordijiet tas-selezzjoni f’disa’ każijiet; jistieden lill-Awtorità tkompli tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-miżuri li ħadet biex tiżgura li ma jseħħ l-ebda kunflitt ta’ interess; |
19. |
Jinnota li l-Awtorità stabbiliet żewġ kumitati konġunti, wieħed għall-maniġers superjuri u wieħed għall-membri tal-persunal, li jeħtieġ li jkunu involuti f’każ li jinqalgħu kwistjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess fil-kuntest tal-intenzjoni ta’ attività futura wara li jitilqu mill-Awtorità; jinnota wkoll li fl-2021 l-Awtorità organizzat disa’ “laqgħat ta’ ħruġ” bilaterali mal-membri tal-persunal li kienu se jitilqu mill-Awtorità sabiex tivverifika d-dikjarazzjonijiet rigward l-attivitajiet u tivvaluta jekk kienx hemm kunflitti ta’ interess bejn id-dmirijiet tal-membri tal-persunal ikkonċernati fl-Awtorità u l-attivitajiet futuri tagħhom; josserva li ma tqajmet l-ebda kwistjoni f’dak ir-rigward; |
20. |
Ifaħħar il-fatt li, fl-2021, l-Awtorità ħadet diversi azzjonijiet biex toħloq sensibilizzazzjoni dwar ir-regoli rigward il-kunflitti ta’ interess, ir-regoli tal-etika, l-inkjesta dwar in-negozjar tal-istrumenti finanzjarji, u r-regoli ta’ wara l-impjieg u l-perjodi ta’ preklużjoni; ifaħħar ukoll lill-Awtorità talli stabbiliet regoli interni dwar il-kunflitti ta’ interess u s-sitwazzjonijiet ta’ “revolving door” applikabbli għall-membri tal-Bord Maniġerjali tagħha; |
21. |
Jilqa’ l-fatt li l-Awtorità tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri tal-Bord Maniġerjali tagħha u tal-persunal maniġerjali tagħha; ifaħħar il-mod trasparenti li bih l-Awtorità tirrapporta l-laqgħat tal-persunal tagħha mal-partijiet ikkonċernati esterni u tagħmilhom disponibbli fuq is-sit web tagħha; |
22. |
Jilqa’ l-impenn tal-Awtorità għall-ogħla standards etiċi rigward il-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess; ifakkar, wara l-osservazzjonijiet tal-Qorti, fir-rekwiżit li l-membri tal-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità jastjenu milli jipparteċipaw fid-diskussjoni u milli jivvotaw fuq miżuri li għalihom għandhom kunflitt ta’ interess; jisħaq li dawk il-membri għandhom joqogħdu lura wkoll milli jattendu laqgħat li fihom isiru tali diskussjonijiet, sabiex tiġi ppreżervata l-indipendenza tal-Bord tas-Superviżuri; jilqa’ t-tweġiba tal-Awtorità li emendat il-politika tagħha biex tirrikjedi b’mod espliċitu li l-membri kunfliġġenti jitilqu mill-kamra; |
23. |
Jilqa’ l-fatt li, f’konformità mal-politika tagħha dwar il-kunflitti ta’ interess u l-etika, l-Awtorità għamlet użu minn projbizzjoni temporanja li biha l-persunal tagħha kien ipprojbit milli jinnegozja strumenti finanzjarji selezzjonati, sabiex tevita kwalunkwe riskju ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata; jistieden lill-Awtorità tkompli tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-miżuri li ħadet dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess; |
24. |
Jilqa’ l-pubblikazzjoni mill-ESMA u l-EBA, f’Lulju 2021, tal-linji gwida konġunti riveduti dwar il-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-membri tal-korp maniġerjali u tad-detenturi ta’ funzjonijiet ewlenin wara l-emendi għad-Direttivi 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u l-effett tagħhom fuq il-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-membri tal-korp maniġerjali, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-promozzjoni tad-diversità tal-ġeneru; |
25. |
Ifakkar, wara s-sejbiet tal-Qorti, li jistgħu jinqalgħu kunflitti ta’ interess fi ħdan il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-president u tad-direttur eżekuttiv tal-Awtorità meta l-awtorità nazzjonali kompetenti ta’ membru tal-Bord tas-Superviżuri tkun, pereżempju, soġġetta għal ksur tal-proċedura tal-liġi tal-Unjoni; jilqa’ għalhekk l-impenn tal-Awtorità li tintroduċi kontroreferenza espliċita għall-kunflitti ta’ interess fil-proċess ta’ evalwazzjoni tagħha; |
26. |
Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti settijiet sistematiċi ta’ regoli dwar it-trasparenza, l-inkompatibbiltajiet, il-kunflitt ta’ interess u l-lobbjar illegali; jistieden lill-Awtorità tistabbilixxi wkoll miżuri interni kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress li sar f’dan ir-rigward; |
Kontroll intern
27. |
Jilqa’ l-valutazzjoni annwali tas-sistema ta’ kontroll intern tal-Awtorità u l-konklużjoni li tali sistema teżisti u tiffunzjona tajjeb; jinnota li, l-istess bħal f’eżerċizzju simili tal-2020, l-Awtorità kejlet 78 indikatur ta’ kontroll intern, li jkopru l-prinċipji kollha ta’ kontroll intern u identifikat 22 nuqqas, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu minuri u li l-ebda wieħed minnhom ma qajjem dubji dwar l-eżistenza u l-funzjonament xieraq tal-prinċipji ta’ kontroll intern; jinnota li l-opportunitajiet osservati għal titjib huma prinċipalment relatati mal-komponenti “ambjent ta’ kontroll” u “attivitajiet ta’ kontroll”; |
28. |
Jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) wettaq awditu dwar il-ġestjoni tar-riżorsi umani u l-etika tal-Awtorità fl-2021, li fih ikkonkluda li s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll stabbiliti mill-Awtorità f’dawk l-oqsma huma mfassla b’mod adegwat, implimentati b’mod effettiv u jappoġġjaw lill-Awtorità fl-ilħuq tal-objettivi kummerċjali tagħha; josserva fir-rigward ta’ dak l-awditu li l-IAS ħareġ erba’ rakkomandazzjonijiet; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress li sar f’dan ir-rigward; |
29. |
Ifakkar fl-importanza li jissaħħu s-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Awtorità; jinsisti bil-qawwa fuq ir-rekwiżit ta’ sistemi effettivi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll biex jiġu evitati każijiet potenzjali ta’ kunflitt ta’ interess, kontrolli ex ante jew ex post nieqsa, ġestjoni mhux adegwata tal-impenji baġitarji u legali, u nuqqasijiet fir-rapportar ta’ kwistjonijiet fir-reġistru tal-eċċezzjonijiet; |
Diġitalizzazzjoni u tranżizzjoni ekoloġika
30. |
Jinnota b’apprezzament li fl-2021, l-Awtorità ttrasferiet b’suċċess il-mudell ta’ ġestjoni tagħha bbażat fuq l-attività minn sistema bbażata fuq l-Excel għal ambjent ġdid ibbażat fuq il-cloud, li huwa mistenni, skont l-Awtorità, li jtejjeb il-kapaċitajiet ta’ ppjanar u ta’ rapportar tagħha, fil-kuntest ta’ kumplessità dejjem akbar tal-mudelli tal-ibbaġitjar u tal-ikkostjar tagħha; |
31. |
Jilqa’ l-fatt li l-Awtorità kellha l-għan li ssaħħaħ id-difiżi taċ-ċibersigurtà tagħha billi tirrieżamina l-istrateġija tagħha għall-identifikazzjoni tas-sigurtà b’għodod aktar sofistikati u awtomatizzati, iżżid il-ħiliet tas-sigurtà fost l-unità tal-ICT tal-Awtorità u billi tirrekluta uffiċjal ġdid għas-sigurtà tal-informazzjoni u uffiċjal tal-ġestjoni tad-dokumenti; |
32. |
Ifakkar fl-importanza tal-investiment fil-persunal tal-ICT b’kuntratti fit-tul, biex jiġi evitat l-eżodu ta’ mħuħ, l-ineffiċjenzi u potenzjalment riskji u dgħufija akbar għall-attakki ċibernetiċi; |
33. |
Jinkoraġġixxi lill-Awtorità taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u mas-CERT-UE (l-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni) u twettaq valutazzjonijiet tar-riskju regolari tal-infrastruttura tal-IT tagħha u tiżgura li jsiru awditi u testijiet regolari tad-difiżi ċibernetiċi tagħha; jissuġġerixxi li jiġu offruti regolarment programmi ta’ taħriġ aġġornati relatati maċ-ċibersigurtà għall-persunal kollu fl-Awtorità; jitieden lill-Awtorità tkompli tiżviluppa aktar il-politika ta’ ċibersigurtà tagħha, u tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress li sar f’dan ir-rigward; |
34. |
Ifaħħar lill-Awtorità għall-politika ambjentali ambizzjuża tagħha, li fl-2021 wasslet għal titjib f’diversi indikaturi ambjentali ewlenin bħal, fost l-oħrajn, it-tnaqqis tal-iskart, ir-riċiklaġġ tal-karti u t-tnaqqis fl-ivvjaġġar; jinnota li l-impatti tal-għanijiet tas-sostenibbiltà, jew il-progress lejn l-ilħuq tagħhom, jitkejlu u jiġu mmonitorjati permezz ta’ bord ta’ kontroll għall-indikaturi ewlieni tal-prestazzjoni stabbiliti mill-maniġment tal-Awtorità; |
35. |
Ifaħħar lill-Awtorità għall-progress li sar sabiex tiġi rreġistrata mal-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS) tal-UE sal-2022; jinnota l-pjan tal-Awtorità li ssir kompletament mingħajr karti sal-2025; |
Kontinwità tal-operat matul il-kriżi tal-COVID-19
36. |
Jinnota li l-Awtorità kompliet tindirizza b’suċċess l-isfidi maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19, pereżempju billi kontinwament tadatta l-bini u l-proċessi tagħha għall-miżuri protettivi li qed jinbidlu adottati mill-Gvern Franċiż u mill-Kummissjoni; |
37. |
Jinnota li l-Awtorità kompliet taħdem bla xkiel fl-2021 minħabba l-investimenti preċedenti tagħha fl-awdjokonferenza u fil-vidjokonferenza u għodda tal-votazzjoni; jinnota wkoll li l-Awtorità installat għodda ġdida għall-ġestjoni tal-assistenza lill-klijenti u l-prenotazzjoni biex tiżgura aħjar il-gwida dwar is-saħħa pubblika fl-uffiċċju, iżżid il-flessibbiltà u tħejji għar-realtà ta’ wara l-pandemija; |
Kummenti oħra
38. |
Jinnota li l-Awtorità identifikat riskji fl-2021 bħal, fost oħrajn, kapaċità limitata biex twettaq il-mandati tagħha, riżorsi inadegwati u nuqqas ta’ għarfien espert biex timmaniġġja l-aġenda leġiżlattiva estensiva (jiġifieri l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u s-CCPs), il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, mandati ġodda potenzjali għall-Awtorità f’ċerti oqsma (bħal fir-rigward tad-depożitorji ċentrali tat-titoli), swieq finanzjarji aktar volatili, u konverġenza superviżorja u superviżjoni limitati tas-CCPs ta’ pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tqis dawn il-kwistjonijiet u talloka r-riżorsi meħtieġa għall-Awtorità biex twettaq mandati ġodda jew estiżi; |
39. |
Jinnota li l-kwistjonijiet li jirriżultaw mis-segwitu tal-Awtorità għall-osservazzjonijiet tal-Qorti minn snin preċedenti, bħall-finanzjament trażversali annwali tal-attivitajiet tal-Awtorità, l-armonizzazzjoni tas-sistema tal-kalkolu tat-tariffi u l-ambitu ta’ ċirkomvenzjoni għall-mekkaniżmu tal-imposti tat-tariffi ma jaqgħux fl-ambitu tal-azzjoni tal-Awtorità; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-atti delegati u temenda r-regolamenti relatati ma’ kwistjonijiet bħal dawn, kif propost mill-Awtorità; |
40. |
Jistieden lill-Awtorità tiffoka fuq it-tixrid tar-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha mal-pubbliku, u biex tikkomunika mal-pubbliku permezz tal-media soċjali u mezzi oħra tal-media; |
41. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (7) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 141, 29.3.2022, p. 152.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1)
(4) Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).
(5) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
(6) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(7) Testi adottati, P9_TA(2023)0190.