Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1911

Riżoluzzjoni (UE) 2023/1911 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA) għas-sena finanzjarja 2021

ĠU L 242, 29.9.2023, p. 379–383 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1911/oj

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/379


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1911 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA) għas-sena finanzjarja 2021

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji għas-sena finanzjarja 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0100/2023),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq (1), il-baġit finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (minn hawn ’il quddiem l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2021 kien ta’ EUR 31 827 678, ammont li jirrappreżenta żieda ta’ 3,45 % meta mqabbel mal-2020; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa primarjament derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“rapport tal-Qorti”), iddikjarat li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-approprjazzjonijiet tas-sena attwali ta’ 99,82 %, li tirrappreżenta tnaqqis żgħir ta’ 0,16 % meta mqabbla mal-2020; jinnota wkoll li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena attwali kienet ta’ 93,54 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 4,25 % meta mqabbla mal-2020;

2.

Jinnota li l-eżitu tal-baġit fl-2021 kien ta’ EUR 69 638, ammont li jikkostitwixxi tnaqqis meta mqabbel mal-EUR 114 225 fl-2020;

3.

Jirrikonoxxi l-isfidi li ffaċċjat l-Aġenzija fl-eżekuzzjoni tal-baġit fl-2021, inkluż fir-rigward tal-isforzi magħmulin biex tassorbi malajr kemm jista’ jkun u bl-iktar mod effettiv il-baġit ta’ sigurtà tal-IT ta’ madwar EUR 1,3 miljun assenjat mill-Kummissjoni f’Mejju 2021 biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ sigurtà tal-IT tal-Aġenzija; ifaħħar lill-Aġenzija għall-implimentazzjoni ta’ madwar 81 % ta’ dak il-baġit minkejja l-perjodu ta’ żmien limitat;

4.

Jinnota r-rapportar tal-Aġenzija dwar il-piż li kien hemm kontinwament fuq il-baġit tagħha fl-aħħar snin, minħabba nuqqas ta’ persunal biex ikopri l-kompiti ġodda u estiżi li rriżultaw mir-raba’ Pakkett Ferrovjarju; jinnota bi tħassib ir-risposta tal-Aġenzija li kull sena kellha tagħmel tnaqqis dejjem iktar sinifikanti fil-baġit operattiv tagħha biex tħallas is-salarji tal-persunal tagħha; ifaħħar lill-Aġenzija għall-miżuri meħuda biex tnaqqas l-effetti ta’ tali insuffiċjenzi, pereżempju billi żiedet ir-rata fis-siegħa applikata mill-Aġenzija għall-attivitajiet relatati mal-kompiti tal-Awtorità;

5.

Ifakkar li l-Aġenzija kellha l-iżgħar baġit fost l-aġenziji tat-trasport minkejja l-prestazzjoni ambjentali eċċellenti u l-benefiċċji l-oħra tat-trasport bil-ferrovija li l-Kummissjoni stabbiliet bħala wieħed mill-prijoritajiet tagħha mal-Pjan ta’ Azzjoni biex tagħti spinta lit-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija fuq distanzi twal u transfruntier; itenni l-appoġġ tiegħu għal żieda fil-baġit tal-Aġenzija sabiex jipprovdiha bil-mezzi neċessarji biex tkun tista’ taġixxi bħala awtorità effiċjenti u biex twettaq il-kompiti tagħha, b’mod partikolari dawk fir-rigward taż-żieda tal-kompetittività, tat-titjib tas-sikurezza u tal-interoperabbiltà transfruntiera;

Prestazzjoni

6.

Jirrikonoxxi li l-Aġenzija rrapportat it-twettiq ta’ 76,41 % tal-programm annwali tal-2021 tagħha (meta mqabbla mad-59,35 % fl-2020); jilqa’ l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-KPIs stabbiliti taħt id-Dokument Uniku ta’ Programmazzjoni (SPD) 2021-2023 inkisbu; jjinnota, madankollu, tal-fatt li xi KPIs importanti għadhom ma nkisbux, bħal dawk relatati mal-awditu tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, mal-għeluq tas-sejbiet tal-awditu qabel l-2021 (12 mill-14-il azzjoni miftuħa fil-bidu tal-2021 ġew posposti għall-2022) u mal-preżenza tan-nisa fis-settur tat-trasport;

7.

Jinnota wħud mill-kisbiet ewlenin tal-Aġenzija fl-2021, bħat-twettiq f’waqtu ta’ numru li qed jiżdied sostanzjalment ta’ Awtorizzazzjonijiet tal-Vetturi (1260), ta’ Ċertifikati ta’ Sikurezza Uniċi (41) u ta’ Approvazzjonijiet ERTMS Maġenb il-Binarji (2), it-tlestija ta’ stħarriġ dwar is-sikurezza tal-klima ambizzjuż bil-għan li jiżviluppa kultura ta’ sikurezza pożittiva fis-settur ferrovjarju (b’100 organizzazzjoni parteċipanti u 46 500 risposta globali), l-implimentazzjoni tar-Reġistru Ewropew tal-Vetturi f’ambjent ta’ produzzjoni u l-progress magħmul fir-reviżjoni tal-pakkett tat-TSI sal-2022; jilqa’ t-traspożizzjoni sħiħa tal-pilastru tekniku tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni u jfakkar fl-importanza tat-tlestija tal-ERTMS sal-2030 bħala kwistjoni ta’ urġenza;

8.

Jinnota, fir-rigward tas-segwitu tal-kummenti tal-kwittanza tas-sena l-oħra, li l-Aġenzija mexxiet l-SPD tagħha minn sistema annwali u ffukata fuq l-output għal waħda pluriennali mmexxija mill-eżitu li fil-qalba għandha l-applikazzjoni tal-loġika ta’ intervent matul iċ-ċiklu hekk imsejjaħ “plan-do-check-act” tal-Aġenzija, il-KPIs biex jiġu mmonitorjati l-eżitu u l-impatt (il-valur miżjud fuq is-sistema ferrovjarja), kif ukoll Dashboard tal-SPD kondiviża regolarment mal-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija għall-governanza bbażata fuq l-evidenza tal-Aġenzija;

9.

Ifakkar li, wara t-traspożizzjoni sħiħa tal-Pilastru Tekniku tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju fl-aħħar tal-2020, l-Aġenzija ngħatat għadd ta’ kompiti ġodda li involvew żieda konsiderevoli tal-ammont ta’ xogħol; jinnota li l-Aġenzija żviluppat Pjan ta’ Tisħiħ (SP) b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni u wettqet eżerċizzju ta’ prijoritizzazzjoni ad hoc biex tlaħħaq aħjar mal-ammont ta’ xogħol ġdid;

10.

Ifaħħar l-isforz kontinwu tal-Aġenzija biex ittejjeb l-effiċjenza tagħha u l-eżekuzzjoni baġitarja tagħha permezz tal-SP tagħha abbozzat fl-2021; jinnota li l-SP huwa mibni fuq numru ta’ pilastri, bħal pereżempju iktar konsolidazzjoni tal-ġbir tad-data u tat-trasparenza permezz ta’ monitoraġġ imsaħħaħ u kultura ta’ prestazzjoni mmexxija mid-data; jistieden lill-Aġenzija tkompli tiżviluppa s-sinerġiji tagħha (pereżempju, ir-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi u s-sigurtà tal-IT), il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ prattiki tajbin ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza;

11.

Ifaħħar il-fatt li l-Aġenzija kompliet twettaq b’suċċess il-kompiti tagħha fil-qasam tal-interoperabbiltà, is-sikurezza u l-armonizzazzjoni tal-ferroviji tal-Unjoni; jilqa’ l-impenn kontinwu tal-Aġenzija għall-objettiv li toħloq Żona Ferrovjarja Unika Ewropea u għat-titjib tal-konnettività tat-trasport bil-ferrovija; jinnota r-rwol importanti tas-settur ferrovjarju li jiżgura vjaġġar u ġarr tal-merkanzija sostenibbli madwar l-Unjoni għad-deċennji li ġejjin, u jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza tal-ħidma tal-aġenzija f’dan ir-rigward;

12.

Ifakkar li l-2021 kienet ukoll is-Sena Ewropea tal-Ferroviji, u enfasizza li l-ferroviji huma wieħed mill-aktar modi tat-trasport sostenibbli, innovattivi u sikuri li hawn disponibbli; jinnota li bħala parti mis-Sena Ewropea tal-Ferroviji, ferrovija speċjali tal-Unjoni vvjaġġat madwar il-kontinent u waqfet f’aktar minn 100 belt f’26 pajjiż u li din l-inizjattiva wriet il-potenzjal tas-settur ferrovjarju, kif ukoll il-kisbiet tiegħu fl-iżvilupp ta’ sistemi ferrovjarji interoperabbli madwar l-Ewropa, flimkien mal-importanza li jitneħħa kwalunkwe wieħed mill-ostakli transfruntiera li jippersistu;

13.

Jilqa’ l-kontribut strateġiku tal-Aġenzija fil-qasam tar-regoli nazzjonali; ifaħħar il-ħidma estensiva mwettqa mill-Aġenzija fl-2021 biex tivvaluta r-Regoli Nazzjonali tal-Awtorizzazzjoni tal-Vetturi (VA) u qed jistenna bil-ħerqa l-finalizzazzjoni tal-valutazzjoni għall-bqija tal-Istati Membri fl-2022, kif ukoll ir-riżultati f’dak li hu tnaqqis tar-regoli matul is-snin li ġejjin;

14.

Iħeġġeġ sabiex in-network ferrovjarju ewlieni tat-TEN-T jitlesta bi prijorità ewlenija; jappella għal appoġġ ġdid mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għall-investiment fis-settur ferrovjarju, u miżuri li jwittu t-triq għar-rinaxximent tal-ferroviji;

15.

Jissuġġerixxi li l-Aġenzija tikkunsidra miżuri biex ittejjeb il-kwalità tas-servizzi għat-trasport bil-ferrovija;

Politika dwar il-persunal

16.

Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, it-tabella tal-persunal kienet 98 % implimentata, b’148 membru tal-persunal temporanju maħtur minn 151 membru tal-persunal temporanju awtorizzati skont il-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel mal-148 pożizzjoni awtorizzati fl-2020); jinnota, barra minn hekk, li 34 membru tal-persunal bil-kuntratt (minn 36 awtorizzati) u 2 esperti nazzjonali sekondati (minn 4 awtorizzati) ħadmu għall-Aġenzija fl-2021;

17.

Jinnota n-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fil-maniġment superjuri tal-Aġenzija, fejn 7 minn 9 (77,78 %) huma rġiel; jinnota d-distribuzzjoni tal-ġeneri fuq il-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija, fejn 28 minn 49 (57,14 %) huma rġiel; jinnota wkoll id-distribuzzjoni tal-ġeneri fi ħdan il-persunal globali tal-Aġenzija, fejn 125 minn 192 (65 %) huma rġiel; jirrikonoxxi l-ħidma kontinwa tal-Aġenzija biex telimina d-differenza bejn il-ġeneri, bi proġetti speċifiċi bħal “In-nisa fit-trasport” biex issaħħaħ l-impjiegi u l-opportunitajiet indaqs tan-nisa fis-settur tat-trasport; jirrikonoxxi l-isforz li sar mill-Aġenzija biex issaħħaħ it-telexogħol u l-bilanċ ġeografiku fir-reklutaġġ; ifakkar li n-nuqqasijiet proċedurali fil-proċeduri ta’ reklutaġġ jimminaw il-prinċipji tat-trasparenza u tat-trattament indaqs; jitlob lill-Aġenzija ttejjeb il-proċedura ta’ reklutaġġ interna tagħha biex tiċċara l-proċessi ta’ evalwazzjoni u l-avviżi ta’ pożizzjonijiet vakanti; ifakkar fl-importanza li tiġi żviluppata politika tar-riżorsi umani fit-tul dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera u r-reklutaġġ u l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà;

18.

Josserva l-istrateġija ġdida tar-riżorsi umani tal-Aġenzija (2023-2027) li għandha l-għan li trawwem impenn fit-tul u li tnaqqas il-fatturat fost il-persunal; jenfasizza li l-azzjonijiet prijoritarji kollha identifikati biex jiġu żgurati l-bilanċ bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet ugwali se jitwettqu f’sinerġija ma’ dik l-istrateġija u jistieden lill-Aġenzija żżomm lill-awtorità ta’ kwittanza informata dwar l-implimentazzjoni kontinwa tagħha; jinnota li fl-2021 l-Aġenzija bdiet it-tranżizzjoni tagħha lejn l-għodda SYSPER għall-ġestjoni tar-riżorsi umani tagħha, li hija ppjanata biex titnieda fil-bidu tal-2022;

19.

Jinnota li l-Kummissjoni pprevediet żieda fit-tabella tal-persunal tal-Aġenzija mill-2023, li ma kinitx akkumpanjata minn żieda korrispondenti tal-allokazzjoni tas-sussidju; ifakkar li l-Aġenzija diġà qed tagħmel sforzi sostanzjali biex tilħaq il-livell ta’ ambizzjoni meħtieġ biex l-objettivi ta’ politika tal-Kummissjoni jinkisbu b’mod effettiv taħt ir-restrizzjonijiet baġitarji attwali; jenfasizza li bosta impjegati rrapportaw sahra sinifikanti fl-2021; jirrikonoxxi li dan jissottolinja nuqqas ta’ qbil bejn il-pakkett tar-riżorsi u l-ħtiġijiet fil-post; jirrimarka li ż-żamma ta’ bilanċ xieraq bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fi ħdan il-persunal hija meħtieġa biex il-kompiti tal-Aġenzija jitwettqu b’mod sodisfaċenti;

20.

Jieħu nota tal-kwistjonijiet li jiffaċċjaw il-membri tal-persunal tal-Aġenzija li jkunu qed ifittxu l-kura tas-saħħa fi Franza, peress li l-awtorità nazzjonali Franċiża ma taċċettahomx bħala affiljati mas-sistema tas-saħħa nazzjonali;

21.

Jinnota li, bejn l-2020 u nofs l-2022, ġew irrapportati erba’ każijiet ta’ fastidju fl-Aġenzija, u tlieta mill-membri tal-persunal tagħha tniżżlu fir-reġistru; jinnota, madankollu, li ma saret l-ebda investigazzjoni u l-ebda każ ma tressaq quddiem qorti; iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli tiżviluppa l-politiki u l-metodi tagħha biex tipprevjeni każijiet bħal dawn b’mod aktar effiċjenti fil-futur;

Akkwist

22.

Jinnota li l-pjan ta’ akkwist oriġinali ġie aġġornat matul is-sena billi żdiedu EUR 350 000 għal sejħa għall-offerti ġdida u EUR 228 000 għal kuntratt qafas emendat; jinnota li l-Aġenzija wettqet erba’ sejħiet miftuħin għall-offerti, erba’ proċeduri nnegozjati u żewġ sejħiet ta’ ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni fl-2021;

23.

Ifakkar li l-Aġenzija għandha l-mandat li tqis il-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs); jinnota l-osservazzjoni tal-Qorti fl-2020 li l-Aġenzija għandha tintroduċi kontrolli effettivi biex tivverifika l-istatus ta’ SME tal-applikanti; ifaħħar il-miżuri li l-Aġenzija qed tieħu kontinwament biex timplimenta r-rakkomandazzjoni tal-Qorti, bħall-miżura biex l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-SMEs tkun viżibbli b’mod ċar għall-applikanti, billi jiġi żgurat li jkun hemm awtodikjarazzjoni għall-applikanti li jiddikjaraw lilhom infushom bħala SMEs u jiġi żgurat li jkun hemm fluss tax-xogħol biex il-verifiki bbażati fuq l-evidenza pprovduta jiġu pproċessati;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza

24.

Jinnota li l-Aġenzija ppubblikat is-CVs u d-dikjarazzjoni tal-interessi tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija u tal-maniġment superjuri tagħha fuq is-sit web tal-Aġenzija; jinnota li s-CVs ta’ tnejn minn 49 membru tal-Bord ta’ Tmexxija huma neqsin; jinnota li l-Aġenzija ma tippubblikax is-CVs ta’ esperti esterni u lanqas ta’ esperti interni;

25.

Jilqa’ l-isforzi tal-Aġenzija biex iżżid it-trasparenza tal-attivitajiet tal-Aġenzija billi tippubblika regolarment fuq is-sit web tagħha informazzjoni dwar il-laqgħat kollha li jsiru mid-Direttur Eżekuttiv mal-organizzazzjonijiet jew mal-individwi li jaħdmu għal rashom dwar kwistjonijiet relatati mal-attivitajiet tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tieħu sehem fil-ftehim interistituzzjonali stabbilit reċentement dwar reġistru tat-trasparenza obbligatorju għar-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess, iffirmat mill-Kummissjoni, mill-Kunsill u mill-Parlament;

Kontroll intern

26.

Josserva, wara l-kummenti tal-awtorità ta’ kwittanza fl-2020, li l-Aġenzija, biex issaħħaħ id-dimensjoni ta’ kontroll tas-sistema ta’ ġestjoni interna tagħha, imxiet lejn sistema ffukata fuq il-Qafas ta’ Kontroll Intern ibbażat fuq il-linji gwida tal-Kummissjoni, filwaqt li l-istandard internazzjonali ISO 9001:2015 baqa’ referenza sekondarja li kellu jispiċċa gradwalment fl-2022;

27.

Jinnota li l-Aġenzija wettqet il-valutazzjoni annwali tal-Qafas ta’ Kontroll Intern tagħha, u kkonkludiet li l-Aġenzija hija globalment konformi iżda li wħud mill-oqsma jeħtieġu titjib; jinnota li l-azzjonijiet ta’ segwitu stabbiliti se jiġu mmonitorjati matul l-2022; jinnota wkoll li l-Aġenzija kienet soġġetta għal awditu ta’ sorveljanza biex jiġi vverifikat li l-proċessi tal-Aġenzija qed jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-ISO, u l-ebda nuqqas ta’ konformità ma ġie identifikat mill-korp ta’ ċertifikazzjoni;

28.

Jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq valutazzjoni tar-riskju biex jidentifika l-oqsma għal awditi prospettivi għall-Aġenzija fis-snin li ġejjin (2021-2023); jinnota li l-valutazzjoni tar-riskju identifikat tliet suġġetti tal-awditu, jiġifieri l-Ippjanar Strateġiku u l-Monitoraġġ, il-Governanza tal-IT, u l-Implimentazzjoni tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju; jinnota li l-ewwel awditu twettaq; ir-rapport finali tal-awditu ntbagħat lill-Aġenzija f’Marzu 2022; u pjan ta’ azzjoni ġie miftiehem mal-IAS;

29.

Ifakkar li fl-2019 l-IAS kien wettaq awditu dwar il-Ġestjoni tal-Informazzjoni u s-Sigurtà tal-Informazzjoni; jinnota li r-rapport finali kien fih żewġ rakkomandazzjonijiet ikklassifikati bħala importanti ħafna mill-IAS dwar il-qafas ta’ governanza tad-data u l-kontinwità u s-sigurtà fiżika tal-IT; jenfasizza li d-data ta’ implimentazzjoni riveduta formali ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet ġiet stabbilita għall-aħħar tal-2022; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità tal-baġit dwar il-progress magħmul f’dan ir-rigward;

30.

Jinnota li fl-2021 ġew irreġistrati 35 nuqqas ta’ konformità, fejn għadd ta’ nuqqasijiet ta’ konformità finanzjarji naqsu meta mqabbla mas-snin preċedenti;

31.

Jinnota li investigazzjoni interna nfetħet mill-OLAF fl-2021, u li din għadha għaddejja; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità tal-baġit dwar l-eżitu tal-investigazzjoni; jistieden lill-Aġenzija tieħu nota tal-fatt li r-rata ta’ parteċipazzjoni tat-taħriġ kontra l-frodi u dwar l-etika hija baxxa minkejja li hija obbligatorja; iħeġġeġ lill-Aġenzija ttejjeb ir-rati ta’ parteċipazzjoni ta’ dan it-taħriġ sabiex ittejjeb it-tekniki ta’ detezzjoni u tħeġġeġ lill-persunal jirrapporta kwalunkwe suspett ta’ frodi;

Diġitalizzazzjoni u t-Tranżizzjoni Ekoloġika

32.

Jirrikonoxxi li l-Aġenzija kisbet grad għoli ħafna ta’ diġitalizzazzjoni fil-fluss tax-xogħol tagħha; jinnota li l-Aġenzija hija membru attiv tal-grupp ta’ ħidma tal-Proġett tal-Akkwist Elettroniku tal-Kummissjoni, li huwa kważi kollu implimentat; jilqa’ r-rwol tal-Aġenzija, li beda fl-2021, bħala waħda mit-tliet aġenziji pilota li mxew mill-applikazzjoni tal-IT finanzjarja ABAC għal dik ġdida SUMMA; jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija, li bbenefikat mill-appoġġ iddedikat tal-Kummissjoni fl-2021, introduċiet miżuri importanti biex issaħħaħ iċ-ċibersigurtà tagħha, bħal azzjonijiet korrettivi li jindirizzaw xi vulnerabbiltajiet f’uħud mis-sistemi tal-IT, testijiet tal-penetrazzjoni għas-sistemi tal-IT tagħha, proċeduri ta’ kontroll tas-sigurtà għas-sistemi tal-IT esternalizzati, kif ukoll sessjonijiet perjodiċi rigward is-sensibilizzazzjoni dwar is-sigurtà tal-IT għall-persunal kollu tagħha; jinnota li, b’konsegwenza, l-Aġenzija esperjenzat inqas attakki taċ-ċibersigurtà fl-2021 milli fl-2020; jinnota wkoll li l-Aġenzija qed tikkoopera mal-EASA biex jikkondividu l-għarfien espert dwar sistema tal-IT stabbilita sew għall-monitoraġġ tal-informazzjoni tas-sikurezza fl-avjazzjoni; iħeġġeġ lill-Aġenzija taħdem b’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà);

33.

Jilqa’ l-impenn u l-isforzi kontinwi tal-Aġenzija biex tippromwovi s-sostenibbiltà u tnaqqas l-impatt ambjentali tagħha; jinnota b’interess li fl-abbozz tal-SPD 2023 l-Aġenzija inkludiet strateġija ambjentali ddedikata f’konformità mal-prijoritajiet tal-Patt Ekoloġiku u mal-kuntest ekonomiku attwali; jistieden lill-Aġenzija tistabbilixxi mira għat-tnaqqis tas-CO2 fil-programm ta’ ħidma tagħha u żżomm lill-awtorità ta’ kwittanza informata dwar l-introduzzjoni effettiva tal-istrateġija ambjentali;

Kontinwità tal-operat matul il-kriżi

34.

Jinnota mir-rapport annwali konsolidat tal-attività għall-2021 li l-Aġenzija rrispondiet fi żmien xieraq u b’mod adegwat għall-pandemija tal-COVID-19, b’relazzjoni kemm mal-persunal tagħha u mal-arranġamenti tax-xogħol, kif ukoll mas-settur ferrovjarju; jinnota, rigward ir-rispons b’relazzjoni mal-politika tal-persunal, li l-Aġenzija appoġġjat l-applikazzjoni tat-telexogħol għall-persunal kollu b’għadd ta’ miżuri li ċertament se jsiru n-normalità ġdida, bħaż-żieda tal-wisa’ tal-banda tal-konnessjoni tad-data u l-ottimizzazzjoni tal-konnettività tal-VPN remota għall-persunal li qed jkun qed jaħdem mid-dar; iħeġġeġ lill-Aġenzija biex, fil-futur, tqiegħed fil-prattika t-tagħlimiet rigward il-metodi ta’ ħidma remoti u ibridi, sabiex torganizza aħjar liem laqgħat u kompiti jistgħu jsiru b’mod aktar effiċjenti b’mod remot pjuttost milli fiżikament; rigward ir-rispons għall-pandemija b’relazzjoni mas-settur ferrovjarju, jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija ħejjiet rapport dwar is-sikurezza tal-ivvjaġġar matul il-COVID-19 għall-passiġġiera li jivvjaġġaw distanzi twal bil-ferroviji jew modi oħrajn u organizzat webinar dwar l-irkupru tat-trasport bil-ferrovija wara l-pandemija;

Kummenti oħra

35.

Jinnota l-azzjoni kontinwa tal-Aġenzija favur it-tnaqqas tal-ispejjeż ta’ siti doppji, f’Lille u Valenciennes, u biex tikkonċentra l-operat tagħha f’post wieħed biss; jinnota, b’mod partikolari, l-impenn tal-Aġenzija li ma ġġeddidx il-kuntratt ta’ kera għas-sit f’Lille u li tillimita l-vjaġġi lejn Lille għal-laqgħat obbligatorji;

36.

Jinnota li minħabba li l-Aġenzija evolviet f’awtorità tal-Unjoni, il-bini attwali tal-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija f’Valenciennes ma għadux jissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa għall-akkomodazzjoni tal-persunal u tal-attivitajiet tal-Aġenzija;

37.

Jisħaq li r-regolament finanzjarju u l-istandards ta’ ġestjoni għolja jridu jiġu rrispettati mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE;

38.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħra ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 162, 13.4.2022, p. 5.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2023)0190.


Top