Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1902

Riżoluzzjoni (UE) 2023/1902 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) għas-sena finanzjarja 2021

ĠU L 242, 29.9.2023, p. 352–356 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1902/oj

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/352


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1902 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) għas-sena finanzjarja 2021

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0113/2023),

A.

billi skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2021 kien jammonta għal EUR 105 774 716,82, li jfisser żieda ta’ 9,36 % meta mqabbel mal-2020; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni u l-introjtu operatorju;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“rapport tal-Qorti”), tiddikjara li kisbet aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b’apprezzament li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’implimentazzjoni tal-baġit ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena kurrenti ta’ 99,67 %, li tirrappreżenta żieda żgħira ta’ 0,78 %, meta mqabbla mal-2020 u rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena kurrenti ta’ 97,32 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 1,24 %;

2.

Jinnota b’apprezzament mis-segwitu li ngħata għall-kwittanza tal-2020 li l-miżuri differenti meħuda biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-pagamenti tard irriżultaw f’rata baxxa ħafna ta’ pagamenti tard ta’ 0,56 % fl-2021; jinnota, barra minn hekk, li fl-2021 ntlaħqu ż-żewġ miri ta’ aktar minn 95 % ta’ eżekuzzjoni għall-Approprjazzjonijiet ta’ Impenn u ta’ inqas minn 5 % ta’ kanċellazzjoni għall-Approprjazzjonijiet ta’ Pagament;

Prestazzjoni

3.

Jinnota li l-Aġenzija tuża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tkejjel l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tagħha fl-oqsma ewlenin li l-Aġenzija tikkontribwixxi għalihom (is-sostenibilità u l-assistenza teknika, is-sikurezza, is-sigurtà, is-servizzi diġitali u s-simplifikazzjoni u s-sorveljanza), u l-attivitajiet orizzontali tagħha; jinnota li minkejja r-restrizzjonijiet persistenti maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19, l-objettivi stabbiliti għall-2021 intlaħqu b’mod ġenerali permezz ta’ livell għoli ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali;

4.

Jinnota li l-Aġenzija kkooperat mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent fuq analiżi tad-dimensjoni ambjentali tas-settur tat-trasport marittimu, li rriżultat fil-pubblikazzjoni tal-ewwel Rapport Ambjentali dwar it-Trasport Marittimu Ewropew; jinnota li, minħabba l-prossimità ġeografika tagħhom, l-Aġenzija tikkoopera mal-EMCDDA; jieħu nota, barra minn hekk, tal-Ftehim dwar il-Livell ta’ Servizz mal-EFCA fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ riserva għall-funzjoni tal-kontabilità;

5.

Jilqa’ l-fatt li, mill-2017 ’l hawn, l-arranġament ta’ ħidma tripartitiku bejn l-Aġenzija, l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) ħadem sew; iqis li dan l-arranġament jikkostitwixxi eżempju ta’ sinerġija bejn l-aġenziji tal-UE li għandu jservi ta’ ispirazzjoni għall-aġenziji f’oqsma oħra; jistieden lill-Aġenzija tkompli bl-isforzi tagħha f’dak ir-rigward u jqis li huwa xieraq li tiżdied ukoll il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd sabiex tinġabar data għar-riċerka xjentifika dwar l-ekosistemi tal-baħar;

6.

Jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija għadha timplimenta żewġ proġetti ta’ kooperazzjoni għal assistenza teknika ma’ pajjiżi terzi tal-Baħar Mediterran (SAFEMEDIV) u l-Baħar l-Iswed u l-Baħar Kaspju (BCSEA); iqis li dawn il-proġetti ma’ pajjiżi terzi huma eżempju tajjeb ta’ kooperazzjoni biex jittejbu s-sikurezza marittima, il-protezzjoni marittima u l-preservazzjoni tal-ambjent tal-baħar; jistieden lill-Aġenzija tkompli bl-isforzi tagħha f’dak ir-rigward u tikkunsidra kooperazzjoni simili ġdida ma’ pajjiżi terzi;

7.

Jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija għadha sieħeb importanti għall-Kummissjoni u għal Stati Membri f’dak li huwa żvilupp ta’ standards tas-sikurezza marittima, kif ukoll id-diġitalizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tat-trasport marittimu tal-UE; ifaħħar ukoll l-assistenza teknika u operattiva li tipprovdi l-Aġenzija;

8.

Jilqa’ b’mod partikolari r-rwol akbar tal-Aġenzija fil-valutazzjoni, il-verifika u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà marittima, li kibret mas-snin, filwaqt li d-domanda għall-appoġġ lill-Kummissjoni u lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA mistennija tkompli tiżdied, minħabba prijorità dejjem akbar li tingħata fil-livell tal-UE;

9.

Jissottolinja r-rwol tal-Aġenzija fil-monitoraġġ tal-ilmijiet Ewropej f’kooperazzjoni mal-Istati Membri biex jiġi identifikat tixrid illegali ta’ skart u tixrid potenzjali taż-żejt; jistieden lill-Aġenzija tkompli ssaħħaħ is-sorveljanza u kapaċitajiet diġitali tagħha bil-għan li tiġġieled it-tniġġis illegali tal-ilma; jissottolinja l-ħidma li tagħmel l-Aġenzija fl-appoġġ tal-isforzi ta’ tiftix u salvataġġ tal-Istati Membri;

Politika dwar il-persunal

10.

Jinnota li fil-31 ta’ Diċembru 2021, it-tabella tal-persunal kienet implimentata sa 99,06 %, bil-ħatra ta’ 210 uffiċjali jew aġenti temporanji mit-total ta’ 212 awtorizzati skont il-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma 212-il post awtorizzat fl-2020); jinnota li, barra minn hekk, fl-2021 50 aġent kuntrattwali u 13-il espert nazzjonali sekondat ħadmu għall-Aġenzija;

11.

Jinnota b’sodisfazzjon li nkiseb bilanċ bejn il-ġeneri fost il-membri tal-maniġment superjuri tal-Aġenzija, fejn 3 minn 5 (60 %) huma nisa; jinnota bi tħassib in-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fost il-membri tal-bord ta’ amministrazzjoni tal-Aġenzija, fejn 47 minn 65 (72 %) huma rġiel; jinnota wkoll bi tħassib in-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell tal-persunal kollu tal-Aġenzija, fejn 172 minn 268 (64 %) kienu okkupati minn rġiel; jinnota, barra minn hekk, li fl-2021 l-Aġenzija nediet b’suċċess l-inizjattiva Speed Network biex toffri lin-nisa interessati f’pożizzjoni fl-Aġenzija jew f’karriera fis-settur marittimu b’mod ġenerali l-opportunità ta’ dialogu informali u qasir ma’ membri tal-persunal nisa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri tagħhom fil-bord amministrattiv tal-Aġenzija;

12.

Jinnota li l-Aġenzija għandha politika dwar il-prevenzjoni ta’ fastidju psikoloġiku u sesswali, li tinkludi konsulenti kunfidenzjali biex jappoġġjaw lill-persunal kif ukoll sessjonijiet regolari ta’ taħriġ u sensibilizzazzjoni, u informazzjoni ddedikata fuq l-intranet tagħha;

Akkwist

13.

Jinnota li fl-2021, inbdew 51 proċedura ta’ akkwist (25 proċedura miftuħa, 3 proċeduri nnegozjati speċjali, 4 proċeduri kompetittivi nnegozjati u 19-il proċedura nnegozjati b’valur baxx u b’valur baxx ħafna) u ġew iffirmati total ta’ 65 kuntratt;

14.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija emendat 14-il kuntratt speċifiku għall-provvista ta’ servizzi, u l-valur totali tal-emendi kien ta’ EUR 6,8 miljun, jiġifieri żieda ta’ 76 % tal-valur inizjali tal-kuntratti, u li dawk l-emendi ma kinux konformi mal-Artikolu 172(3)(d) tar-Regolament Finanzjarju; jinnota, barra minn hekk, li l-ammonti mħallsa fl-2021 (EUR 5,4 miljun) irriżultaw mill-applikazzjoni tal-prezzijiet unitarji stabbiliti fil-kuntratti qafas rispettivi u kienu fil-limitu massimu oriġinali tal-kuntratt qafas, u li l-emendi inkwistjoni ma bidlux il-bilanċ ekonomiku favur il-kuntrattur u ma wasslux għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, u b’hekk il-pagamenti riżultanti ma ġewx affettwati; jinnota li, skont ir-risposta tal-Aġenzija, din ħadet miżuri biex temenda l-ispeċifikazzjonijiet futuri tas-sejħiet għall-offerti u l-mudelli tal-kuntratti kif xieraq; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar kull żvilupp f’dak ir-rigward;

Prevenzjoni u ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess u trasparenza

15.

Jirrikonoxxi li l-Aġenzija tuża d-dikjarazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess għall-membri tal-bord amministrattiv u għall-maniġment superjuri tagħha; jinnota barra minn hekk, li jiġu ffirmati dikjarazzjonijiet partikolari addizzjonali ta’ kunflitti ta’ interess, bħal dik għall-membri f’bordijiet ta’ reklutaġġ; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija għandha għadd ta’ politiki u proċeduri fis-seħħ biex tidentifika u tevita kunflitti ta’ interess, u li implimentat regoli interni dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta, inkluż taħriġ regolari;

16.

Jinnota b’apprezzament li l-Aġenzija żviluppat u implimentat, f’Marzu 2022, ir-“Regoli dwar ir-Reġistru tat-Trasparenza tal-EMSA” interni tagħha u tipparteċipa fil-ftehim interistituzzjonali li għadu kif ġie stabbilit dwar reġistru ta’ trasparenza obbligatorju għar-rappreżentanti tal-interessi, iffirmat mill-Kummissjoni, mill-Kunsill u mill-Parlament;

17.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli aktar sistematiċi dwar it-trasparenza, l-inkompatibbiltajiet, il-kunflitti ta’ interess u l-lobbjar illegali; jistieden lill-Aġenzija ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ kontroll intern tagħha, inkluż l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu intern kontra l-korruzzjoni;

Kontroll intern

18.

Jinnota li l-verifika tas-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) dwar il-“governanza tal-IT u l-ġestjoni tal-portafoll tal-IT” twettqet mill-bogħod fl-2021, u li l-IAS ikkonkluda li minħabba r-ristrutturar tal-ICT f’dipartiment wieħed, l-Aġenzija b’mod ġenerali fasslet u implimentat sistemi effiċjenti u effettivi ta’ ġestjoni u kontroll għall-arranġamenti tagħha fil-qasam tal-governanza tat-teknoloġija tal-informazzjoni; barra minn hekk, jinnota li l-IAS ħareġ sitt rakkomandazzjonijiet li għalihom l-Aġenzija ħarġet pjan ta’ azzjoni; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar kull żvilupp f’dak ir-rigward;

19.

Jilqa’ l-fatt li fl-2021 is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri ma ħarġux rakkomandazzjonijiet jew kummenti kritiċi li jistgħu jwasslu għal riżerva fid-dikjarazzjoni annwali ta’ assigurazzjoni; jinnota li fl-2021 kien hemm rakkomandazzjoni waħda relatata ma’ investigazzjoni tal-OLAF li qiegħda fil-proċess li tiġi segwita;

20.

Jinnota l-valutazzjoni annwali dwar is-sistema ta’ kontroll intern imwettqa mill-Aġenzija u l-konklużjoni tagħha li l-prinċipji ta’ kontroll intern kollha u l-ħames komponenti ta’ kontroll intern ġew implimentati b’mod adegwat u huma effettivi b’mod ġenerali, li huwa meħtieġ biss titjib żgħir, u li ma ġiet irrapportata l-ebda dgħufija sinifikanti fil-kontroll;

Diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika

21.

Jinnota li l-Aġenzija kompliet l-attivitajiet ta’ diġitalizzazzjoni li għaddejjin bħalissa biex tappoġġja l-objettivi taċ-ċertifikazzjoni elettronika ħalli tiffaċilita l-ħidma tal-Istati Membri fil-kapaċità tagħhom bħala Stati tal-bandiera, tal-port u tal-kosta, u li għenet lill-Kummissjoni tħejji l-valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tar-reviżjoni tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u d-Direttiva 2009/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera, li jipprevedu l-inklużjoni ta’ Ċertifikati elettroniċi; jemmen li l-Aġenzija jista’ jkollha rwol ta’ koordinazzjoni fl-iżgurar tas-sikurezza fil-portijiet Ewropej u tista’ tgħin lill-Kummissjoni biex taħdem fuq implimentazzjoni effettiva;

22.

Jieħu nota tal-varar tal-Istrateġija dwar il-Cloud tal-Aġemzija li tippermetti l-ħolqien ta’ ambjent teknoloġiku mill-aktar avvanzat li jaċċelera s-servizzi diġitali marittimi; ifaħħar l-iżvilupp tal-Maritime Picture u l-fatt li s-SafeSeaNet il-ġdida saret operattiva;

23.

Iħeġġeġ l-isforzi tal-Aġenzija diretti lejn l-għoti ta’ kontribut lill-aġenda ekoloġika Ewropea għat-trasport marittimu permezz tat-tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni li tipproteġi l-ambjent tal-baħar u tiġġestixxi t-tibdil fil-klima anki permezz tal-bidla lejn mobilità sostenibbli, bil-kontribut tat-trasport marittimu rifless fl-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti adottata f’Diċembru 2020; ifakkar, barra minn hekk, fir-rwol li l-Aġenzija tista’ tiżvolġi biex issaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ valutazzjoni tar-riskju fl-oqsma tas-sikurezza, anki għal dak li jirrigwarda l-użu ta’ infrastrutturi għall-fjuwils alternattivi;

24.

Jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija kompliet timplimenta l-istrateġija 2020-2024 tagħha, peress li dan se jippermetti l-Aġenzija twettaq il-kompiti ta’ sorveljanza, sikurezza u sigurtà marittima tagħha filwaqt li tikkontribwixxi b’mod effiċjenti għall-prijoritajiet diġitali u ambjentali tal-Unjoni; jilqa’ b’mod partikolari l-fatt li l-Aġenzija - flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent - ippubblikat l-ewwel Rapport Ambjentali dwar it-Trasport Marittimu Ewropew, li jiġbor informazzjoni verifikata dwar l-impronta ambjentali tal-attivitajiet tat-trasport marittimu; ifakkar, f’dan il-kuntest, li l-miżuri klimatiċi u ambjentali futuri kollha jridu jkunu bbażati fuq valutazzjoni tal-impatt profonda u jfakkar li approċċ globali għal dak li jirrikonoxxi li t-tnaqqis tal-emissjonijiet marittimi permezz tal-IMO huwa kruċjali;

25.

Jemmen li l-Aġenzija għandha rwol importanti x’tiżvolġi biex tagħmel l-ilmijiet Ewropej mhux biss aktar sikuri, iżda anki aktar sostenibbli u li jikkontribwixxu għall-aġenda ekoloġika; jilqa’ l-adozzjoni tal-Politika Ambjentali tal-EMSA u l-pilastri u l-objettivi strateġiċi għas-snin ta’ wara permezz tat-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li tipproteġi l-ambjent tal-baħar, timmaniġġja t-tibdil fil-klima inkluż permezz tal-bidla għal mobbiltà sostenibbli; iħeġġeġ lill-Aġenzija tiżviluppa miżuri biex tnaqqas l-użu tal-plastik abbord il-vapuri;

26.

Jissottolinja r-rwol tal-Aġenzija fl-implimentazzjoni b’suċċess tat-tranżizzjoni lejn trasport marittimu bi fjwuils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju; ifaħħar f’dan ir-rigward il-kontribut li tat l-Aġenzija permezz ta’ appoġġ tekniku u data teknika għal inizjattivi relatati mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, inklużi l-inizjattiva FuelEU Maritime, l-inizjattiva tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero u l-ħidma fl-IMO dwar l-effiċjenza enerġetika u l-intensità ta’ karbonju; jenfasizza r-rwol li l-Aġenzija jista’ jkollha għall-użu ta’ infrastruttura għall-fjuwils alternattivi u għall-użu ta’ teknoloġiji għall-propulsjoni tar-riħ, kif ukoll għall-impjanti tal-enerġija rinnovabbli fuq il-baħar; jisħaq, għaldaqstant, li jistgħu jsiru aġġustamenti f’dan is-sens għall-mandat tal-Aġenzija sabiex l-Aġenzija tkun tista’ ssaħħaħ l-appoġġ tagħha, possibbilment billi jiġu previsti riżorsi baġitarji suffiċjenti;

27.

Jinkoraġġixxi l-użu ta’ teknoloġiji ġodda (Intelliġenza Artifiċjali u Tagħlim Awtomatiku) u l-evoluzzjoni futura potenzjali tal-prototip tal-Għodda għall-Analitika Marittima (EMAT) tal-EMSA ppreżentata waqt is-sessjoni ta’ ħidma tas-servizzi diġitali marittimi tal-Aġenzija li saret fil-15 ta’ Diċembru 2021; jistieden lill-Aġenzija sabiex tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza f’dak ir-rigward;

28.

Jinnota b’apprezzament li, matul l-aħħar kwart tal-2021, l-Aġenzija bdiet proġett għall-implimentazzjoni tal-istandard ISO 27.001 (dwar il-ġestjoni tas-Sigurtà tal-Informazzjoni) bi tħejjija għar-regolamenti li ġejjin dwar iċ-Ċibersigurtà u s-Sigurtà tal-Informazzjoni; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-iżviluppi f’dak ir-rigward;

29.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u maċ-CERT-UE (l-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji Ewropej), u twettaq, b’mod regolari, valutazzjonijiet tar-riskju dwar l-infrastruttura tal-IT tagħha u tiżgura li jsiru awditi u testijiet b’mod regolari tad-difiżi ċibernetiċi tagħha; jissuġġerixxi li jiġu offruti programmi ta’ taħriġ relatati maċ-ċibersigurtà aġġornati regolarment lill-membri kollha tal-persunal kollu fi ħdan l-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tiżviluppa aktar malajr il-politika tagħha taċ-ċibersigurtà, twassalha qabel il-31 ta’ Diċembru 2023 u tirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza;

30.

Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija pproċediet bl-implimentazzjoni tal-ġestjoni ambjentali tagħha, u ħejjiet u adottat l-ewwel Dikjarazzjoni Ambjentali tagħha; Jieħu nota b’apprezzament tal-attivitajiet u l-proġetti ta’ ekoloġizzazzjoni tal-Aġenzija fl-2021, bħall-iżgurar li l-enerġija li tuża toriġina minn sorsi ekoloġiċi li huma rinnovabbli 100 %, l-installazzjoni minnha ta’ pannelli solari fotovoltajċi, il-politika tagħha tal-uffiċċji mingħajr karti, u l-isforzi tagħha biex tnaqqas il-konsum tal-ilma;

31.

Jinnota li l-awditu intern fir-rigward tar-reġistrazzjoni taħt l-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS) tal-UE sar f’Ġunju 2021 u li l-ewwel parti tal-awditu estern taċ-ċertifikazzjoni għar-reġistrazzjoni EMAS sar f’Novembru 2021; jinnota b’sodisfazzjon, li l-awditu estern tlesta fl-2022 u li l-Aġenzija issa hija rreġistrata fl-EMAS u d-dikjarazzjoni ambjentali tagħha tiġi ppubblikata;

Kontinwità tan-negozju matul il-kriżi tal-COVID-19

32.

Jinnota li l-pandemija għaġġlet l-integrazzjoni ta’ serje ta’ għodod u metodi fl-Aġenzija biex ix-xogħol ikun jista’ jkompli mill-bogħod, minn xandir dirett għal teknoloġija ta’ realtà virtwali u sat-tekniki ta’ awditjar mill-bogħod; iħeġġeġ lill-Aġenzija biex tqiegħed fil-prattika t-tagħlimiet rigward il-metodi ta’ ħidma ibridi u mill-bogħod, sabiex tirrikonoxxi aħjar il-laqgħat u l-kompiti li jistgħu jsiru b’mod aktar effiċjenti mill-bogħod pjuttost milli wiċċ imb wiċċ; jinnota, barra minn hekk, li l-persunal li jittratta l-funzjonijiet direttament affettwati mir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar tal-COVID-19, bħar-rimborżi tal-esperti u tal-missjonijiet, ġie assenjat temporanjament biex iwettaq dmirijiet oħra u biex ikopri assenzi tal-persunal; jinnota, ukoll, li numru ta’ riskji u opportunitajiet ġodda identifikati relatati ma’ din il-kriżi tas-saħħa kbira ġew identifikati u inklużi fir-reġistri tar-riskji aġġornati;

33.

Jieħu nota b’apprezzament tar-rapport tal-Aġenzija “L-impatt tal-COVID-19 fuq is-Settur Marittimu fl-UE”, li pprovda ħarsa ġenerali fil-fond tal-impatt tal-pandemija fuq it-tbaħħir fir-rigward tat-traffiku, il-kummerċ, il-Bnadar tal-UE u s-sjieda, il-bini tal-bastimenti, l-ispezzjonijiet tas-sikurezza u dawk ambjentali, kif ukoll taqsimiet speċifiċi bħall-kruċieri u l-passiġġieri;

Kummenti oħra

34.

Itenni t-talba tiegħu lill-Aġenzija biex iżżid id-disponibbiltà lingwistika tas-sit web tagħha f’lingwi oħra apparti l-Ingliż; iqis li diversità lingwistika akbar tiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni għaċ-ċittadini Ewropej u b’hekk ittejjeb il-fehim u l-għarfien tagħhom tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea f’termini ta’ sikurezza marittima;

35.

Jilqa’ l-pubblikazzjoni mill-Aġenzija tal-Ħarsa Ġenerali Annwali tagħha dwar id-Diżgrazzji u l-Inċidenti Marittimi 2021 li tippreżenta data statistika dwar id-diżgrazzji u l-inċidenti marittimi għall-perjodu 2014-2020;

36.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 141, 29.3.2022, p. 72.

(2)  Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).

(3)  Id-Direttiva 2009/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 132).

(4)  Testi adottati, P9_TA(2023)0190.


Top