EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1875

Riżoluzzjoni (UE) 2023/1875 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) għas-sena finanzjarja 2021

ĠU L 242, 29.9.2023, p. 279–283 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1875/oj

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/279


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1875 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) għas-sena finanzjarja 2021

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0143/2023),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2021 kien jammonta għal EUR 64 867 177, u dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ 27,64 % meta mqabbel ma’ dak għall-2020; billi l-baġit tal-Aġenzija ġej prinċipalment mill-baġit tal-Unjoni u mill-kontribuzzjoni tal-EFTA (79,26 %) u l-kontribuzzjonijiet fl-ambitu ta’ ftehimiet speċifiċi (20,73 %), b’mod partikolari l-programm Copernicus;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“rapport tal-Qorti”), iddikjarat li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b’apprezzament li l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 100 % tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena kurrenti, li tirrappreżenta żieda żgħira ta’ 0,04 % meta mqabbel mal-2020; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena kurrenti kienet ta’ 84,90 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 1,18 % meta mqabbel mas-sena preċedenti;

Prestazzjoni

2.

Jinnota l-kisbiet tal-Aġenzija fl-oqsma tal-bijodiversità u tal-ekosistemi, tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u tal-adattament għalih, tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, tal-ekonomija ċirkolari u tal-użu tar-riżorsi, tax-xejriet, tal-prospetti u tar-reazzjonijiet tas-sostenibbiltà, u, b’mod partikolari, l-objettiv speċifiku li jitwettqu valutazzjonijiet u indikaturi b’appoġġ għall-ambizzjonijiet tas-sostenibbiltà tal-UE; jinnota, barra minn hekk, li s-sena 2021 kienet l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija EEA-Eionet 2021-2030, li hija allinjata mal-prijoritajiet ta’ politika tal-Unjoni;

3.

Jisħaq fuq il-fatt li l-Aġenzija tipprovdi informazzjoni tajba u indipendenti dwar l-ambjent; ifaħħar il-kwalità tal-eżiti tagħha maħruġa fl-2021, bħat-tnedija tal-għodda MapMyTree, taħt l-impenn ta’ 3 biljun siġra tal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità; l-appoġġ għan-negozjati dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Klima u l-istabbiliment tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima; u t-tnedija ta’ web portal ġdid biex jappoġġja r-rapportar dwar l-istorbju;

4.

Jinnota li l-Aġenzija tuża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) li għandhom l-għan li jimmonitorjaw il-prestazzjoni kwantitattiva tal-Aġenzija, fost l-oħrajn, fir-rigward tal-ippjanar tax-xogħol operattiv tagħha, it-twettiq tal-programm ta’ ħidma annwali u l-ġestjoni finanzjarja u tar-riżorsi umani; jinnota, b’mod partikolari, ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-2021 ta’ 89 % miksuba fir-rigward tar-rapporti u l-valutazzjonijiet ewlenin, li kienet kemxejn taħt il-mira, u r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-baġit ta’ 95,2 % imkejla bħala perċentwal tal-pagamenti eżegwiti sal-iskadenza legali/kuntrattwali; japprezza l-fatt li l-KPIs ġew issodisfati u l-fatt li l-Aġenzija ġibdet l-attenzjoni għal miżuri li jistgħu jtejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-ħidma tal-Aġenzija; madankollu, jirrakkomanda li l-Aġenzija tieħu nota tal-indikaturi li għadhom ma ntlaħqux jew li waqgħu lura;

5.

Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija żammet kooperazzjoni effettiva mal-Eionet, mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif ukoll mal-atturi globali; jinnota b’apprezzament ir-rwol ewlieni li kellha l-Aġenzija fl-appoġġ ta’ azzjonijiet ambjentali u klimatiċi li jimplimentaw il-politiki tal-Unjoni, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-proposta għat-Tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (‘it-tmien EAP’);

6.

Ifakkar li, fl-2021, l-Aġenzija impenjat ruħha b’kompiti ġodda li jappoġġjaw it-twettiq tal-ambizzjonijiet ambjentali tal-Unjoni bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-Tmien EAP, filwaqt li kkontribwiet ukoll għall-impenji globali tal-Unjoni, u b’hekk saħħet il-pożizzjoni tal-Aġenzija bħala sors ewlieni ta’ informazzjoni ambjentali rilevanti għall-politika.

Politika dwar il-persunal

7.

Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, it-tabella tal-persunal kellha rata ta’ implimentazzjoni ta’ 99,28 %, b’3 uffiċjali u 136 aġent temporanju maħtura mit-total ta’ 140 pożizzjoni awtorizzata fl-ambitu tal-baġit tal-Unjoni (meta mqabbla ma’ 130 pożizzjoni awtorizzata fl-2020); jinnota li, barra minn hekk, 79 aġent kuntrattwali u 18-il espert nazzjonali sekondati ħadmu għall-Aġenzija fl-2021; huwa tal-opinjoni li sabiex jitwettqu b’mod xieraq il-kompiti fil-perkors tal-Unjoni lejn in-newtralità klimatika, l- ekonomija ċentrali u r-restawr tan-natura, l-għadd ta’ persunal fi ħdan l-Aġenzija għandu jikber fis-snin li ġejjin; ifakkar li, skont il-proposta tal-Kummissjoni dwar regolament dwar ir-restawr tan-natura, sabiex timmonitorja l-għanijiet ta’ dak ir-regolament futur waħdu, se jkunu meħtieġa 12-il pożizzjoni addizzjonali; ifakkar li dawk li jfasslu l-politika jiddependu fuq l-għarfien espert u l-appoġġ tal-Aġenzija fl-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa biex jinkiseb futur newtrali għall-klima; jistieden għalhekk lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni jagħmlu evalwazzjoni tal-possibbiltajiet f’dak ir-rigward u jirrapportaw lura lill-awtorità ta’ kwittanza; jisħaq li riżorsi inadegwati għall-Aġenzija jistgħu jdgħajfu l-kapaċità tal-istituzzjonijiet li jwettqu l-impenji b’rabta mal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

8.

Jinnota, bi tħassib, in-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fost il-membri tal-maniġment superjuri tal-Aġenzija, fejn 6 minn 9 (67 %) huma rġiel; jinnota l-bilanċ bejn il-ġeneri fil-Bord ta’ Mmaniġġjar tal-Aġenzija, b’18 minn 38 (47 %) ikunu rġiel; jinnota l-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-persunal ġenerali tal-Aġenzija, b’112 minn 206 (54 %) ikunu nisa; jistieden lill-Aġenzija tieħu miżuri konkreti biex iżżid il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-ġerarkija tal-Aġenzija mill-aktar fis possibbli u tirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza;

9.

Jinnota mis-segwitu għar-rapport ta’ kwittanza tal-2020 li fir-rigward tal-politika dwar il-persunal, l-Aġenzija żviluppat Politika Qafas pluriennali dwar ir-riżorsi umani allinjata mal-Istrateġija EEA-Eionet 2021-2030 li tindirizza ħames oqsma ta’ prijorità; jinnota wkoll li l-Aġenzija għandha koordinatur tal-benesseri;

10.

Jinnota mis-segwitu għar-rapport ta’ kwittanza tal-2020 li fir-rigward tal-leġiżlazzjoni għall-finanzi sostenibbli, l-Aġenzija allokat aġent temporanju addizzjonali wieħed biex jaħdem fuq finanzjament sostenibbli fl-2021, u li din il-pożizzjoni ġiet ipprogrammata biex tkun valida biss għal tliet snin fl-iskeda finanzjarja, fejn wara l-Aġenzija ma tkunx f’pożizzjoni li tkompli dawn il-kompiti ta’ appoġġ fil-livell attwali;

11.

Jinnota li l-Aġenzija tkompli tirrapporta l-valutazzjoni tagħha tal-ħtiġijiet tar-riżorsi lill-Kummissjoni; jinnota wkoll li wara diskussjoni mal-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni l-ġdida se tkopri funzjonijiet ta’ appoġġ u li l-Aġenzija indikat li ssib li l-pożizzjoni ta’ appoġġ addizzjonali fir-rigward tar-Regolament futur dwar il-Liġi dwar ir-Restawr tan-Natura mhux se tkun biżżejjed;

12.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija għandha politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u sesswali appoġġjata minn, fost l-oħrajn, kors ta’ tagħlim elettroniku dwar l-etika u l-integrità; jinnota li l-Aġenzija tipprovdi network kunfidenzjali ta’ konsulenti u informazzjoni prattika dwar kif għandu jiġi rrapportat allegat fastidju u jiġi kkuntattjat konsulent kunfidenzjali fuq l-intranet tagħha;

13.

Ifakkar fl-importanza li tiġi żviluppata politika tar-riżorsi umani fit-tul dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-għoti ta’ possibbiltajiet ta’ taħriġ speċifiku għall-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-persunal, it-telexogħol, id-dritt għall-iskonnessjoni, it-titjib tal-bilanċ ġeografiku biex ikun hemm rappreżentanza xierqa mill-Istati Membri kollha, u r-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà kif ukoll l-iżgurar li jiġu ttrattati b’mod ugwali u li l-opportunitajiet tagħhom jiġu promossi b’mod wiesa’;

Akkwist

14.

Jinnota li l-Aġenzija tkompli ssegwi b’mod attiv proċeduri ta’ akkwist konġunt mal-Kummissjoni permezz ta’ kuntratti qafas, kif ukoll tuża varjetà ta’ sistemi u servizzi tal-Kummissjoni;

15.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Aġenzija emendat kuntratt qafas ta’ servizz għall-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni billi rduppjat il-baġit massimu inizjali minn EUR 500 000 għal EUR 1 000 000, u li l-ġustifikazzjoni użata kienet id-deroga applikabbli għall-proċeduri nnegozjati mingħajr pubblikazzjoni minn qabel, li għalihom il-kundizzjonijiet ma ġewx issodisfati, u li, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju li jippermettu li l-kuntratti jiġu mmodifikati mingħajr proċedura ġdida ta’ akkwist ma ġewx issodisfati; jinnota bi tħassib li l-Qorti ssib li l-emenda kienet irregolari; jinnota, barra minn hekk, li fl-2021 ma kien hemm l-ebda pagament relatat;

16.

Ifakkar fl-importanza tal-proċeduri kollha ta’ akkwist li jiżguraw kompetizzjoni ġusta bejn l-offerenti u fl-importanza li jiġu akkwistati l-oġġetti u s-servizzi bl-aħjar prezz, filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji tat-trasparenza, il-proporzjonalità, it-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni; jitlob li jiġu implimentati l-għodod tal-IT tal-akkwist elettroniku żviluppati mill-Kummissjoni; jitlob kjarifika aġġornata tal-proċeduri u tal-mudelli fil-linji gwida dwar l-akkwist; jinnota bi tħassib l-osservazzjoni tal-Qorti li d-dgħufijiet fl-akkwist pubbliku qed jiżdiedu u għadhom l-akbar sors ta’ pagamenti irregolari fil-biċċa l-kbira tal-aġenziji tal-Unjoni;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u trasparenza

17.

Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi kontinwi tagħha biex tipprevjeni u tiġġestixxi l-kunflitti ta’ interess, u tipprovdi l-protezzjoni lill-informaturi; jinnota li ma kien hemm l-ebda każ ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta li nfetaħ, ingħalaq jew li kien għaddej fl-2021; jinnota li ma kien hemm l-ebda każ ta’ kunflitt ta’ interess irrapportat fl-2021;

18.

Jinnota, mis-segwitu għar-rapport ta’ kwittanza tal-2020, li l-Aġenzija tkompli żżomm rekord tas-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess sottomessi u tfakkar lill-membri tal-Bord ta’ Mmaniġġjar biex jissottomettu tagħhom, fuq bażi volontarja, f’każ li ma jkunux għadhom ġew sottomessi;

19.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli aktar sistematiċi dwar it-trasparenza, l-inkompatibbiltajiet, il-kunflitti ta’ interessi, il-lobbjar illegali u r-revolving doors; jistieden lill-Aġenzija ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ kontroll intern tagħha, inkluż l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu intern kontra l-korruzzjoni;

Kontroll intern

20.

Jirrikonoxxi l-bidla strutturali li segwiet it-tnedija tal-proġett “Post tax-xogħol futur”; jinnota t-tħejjija għall-proġett għat-titjib tas-sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità biex jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet identifikati, bħal pereżempju l-konformità parzjali biss fil-komponenti qafas tal-ambjent ta’ kontroll, l-attivitajiet ta’ kontroll u l-informazzjoni u l-komunikazzjoni;

21.

Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li kuntratt qafas għall-forniment ta’ servizzi tal-canteen u tal-catering fil-bini tal-Aġenzija ġie estiż f’żewġ okkażjonijiet separati, li għall-ewwel estensjoni l-Aġenzija ma ppreżentatx nota ta’ eċċezzjoni, li mhuwiex konformi mal-istandards ta’ kontroll intern tal-Aġenzija li jirrikjedu d-dokumentazzjoni, il-ġustifikazzjoni u l-approvazzjoni tad-devjazzjonijiet kollha; jinnota, barra minn hekk, bi tħassib li, fir-rigward tat-tieni estensjoni, l-Aġenzija fasslet nota ta’ eċċezzjoni għall-fajl, iżda ma ppreżentatx din in-nota fir-reġistru ċentrali tal-eċċezzjonijiet; jinnota t-tweġiba tal-Aġenzija li l-pandemija tal-COVID-19 fixklet l-ippjanar u t-tnedija ta’ sejħa għal offerti għal kuntratt qafas ta’ servizz ġdid; jistieden lill-Aġenzija ssaħħaħ is-sistema ta’ kontroll intern tagħha f’dak ir-rigward;

22.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li f’kuntratt ta’ servizz għall-forniment tas-servizzi ta’ appoġġ tas-sistema ta’ informazzjoni ġeografika, l-Aġenzija użat emenda fil-kuntratt biex testendi l-eżekuzzjoni tas-servizzi b’xahar, mit-28 ta’ Frar 2021 għall-31 ta’ Marzu 2021; jinnota bi tħassib li l-emenda daħlet fis-seħħ biss fit-22 ta’ Marzu 2021 meta ġiet iffirmata miż-żewġ partijiet kontraenti, u effettivament tħalli perjodu ta’ 22 jum ta’ forniment ta’ servizz mingħajr kuntratt; jinnota li għalkemm l-Aġenzija kienet skopriet dan, hija ma kinitx ippreżentat nota ta’ eċċezzjoni; jinnota l-konferma tal-Aġenzija li d-dewmien seħħ minħabba żball; jilqa’ t-tweġiba tal-Aġenzija li se ssaħħaħ il-kontrolli u l-proċeduri tagħha biex jitnaqqas ir-riskju ta’ dewmien fid-dħul f’estensjonijiet ta’ kuntratti u biex jiġi żgurat li jiġu ppreżentati noti ta’ eċċezzjoni meta jseħħ ksur involontarju tar-Regolament Finanzjarju;

23.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li, fl-ambitu ta’ kuntratt qafas għall-forniment ta’ servizzi tal-IT, l-Aġenzija ħallset servizzi anċillari, fl-ambitu ta’ pakkett ta’ xogħol separat, għal ammont ta’ EUR 25 000 mingħajr ma l-ewwel ivverifikat liema profili eżatti u rati ta’ kuljum il-kuntrattur kien applika b’mod effettiv meta pprovda s-servizzi u ħareġ il-fatturi għalihom; jinnota mit-tweġiba tal-Aġenzija li hija ħadet passi biex tindirizza t-tħassib tal-Qorti għal ordnijiet futuri;

24.

Ifakkar fl-importanza li jissaħħu s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Aġenzija; jinsisti bil-qawwa fuq il-ħtieġa ta’ sistemi ta’ ġestjoni u kontroll effettivi biex jiġu evitati każijiet potenzjali ta’ kunflitt ta’ interess, kontrolli ex ante/ex post neqsin, ġestjoni inadegwata tal-impenji baġitarji u legali, u nuqqasijiet ta’ rappurtar ta’ kwistjonijiet fir-reġistru tal-eċċezzjonijiet;

Diġitalizzazzjoni u tranżizzjoni ekoloġika

25.

Jinnota b’apprezzament li f’April 2021 l-Aġenzija adottat il-qafas ta’ diġitalizzazzjoni tal-EEA-Eionet, billi wettqet għadd ta’ attivitajiet ewlenin bħall-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tad-data tal-Aġenzija u l-bidu ta’ proġetti li jesploraw l-użu tal-intelliġenza artifiċjali; jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija nediet diversi prodotti diġitali u ta’ għarfien ġodda fl-2021, inkluż l-Osservatorju Ewropew tal-Klima u tas-Saħħa u l-Esplokatur Ewropew tad-Data dwar il-Klima fi ħdan il-pjattaforma Climate-ADAPT u rapporti web interattivi dwar il-kwalità tal-arja u l-perikli klimatiċi;

26.

Jinnota fir-rigward tan-network tal-IT tal-Aġenzija u x-xenarju tat-theddida għaċ-ċibersigurtà, li l-Aġenzija introduċiet networks “Blu/ekoloġiċi” fl-uffiċċji, fejn in-network ekoloġiku huwa separazzjoni tal-laptops tal-persunal mis-sistemi interni kollha u n-network blu huwa għal-laptops li għadhom ma jistgħux jiġu iżolati u li huma ristretti f’termini ta’ software disponibbli;

27.

Jinnota s-sistema ta’ ġestjoni ambjentali tal-Aġenzija u l-impenn tal-Aġenzija li ssir organizzazzjoni “newtrali għall-klima”; jinnota li fl-2021 l-Aġenzija kkummissjonat studju bil-għan li tidentifika azzjonijiet fattibbli biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Aġenzija u tgħin biex sal-2030 tinkiseb in-newtralità klimatika;

28.

Ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija f’termini ta’ operat u ġestjoni interni iżda anki sabiex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tkompli tkun proattiva f’dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji tal-Unjoni; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata;

29.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u mal-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji Ewropej (CERT-UE) u twettaq valutazzjonijiet tar-riskju regolari tal-infrastruttura tal-IT tagħha u tiżgura li jsiru awditi u testijiet regolari tad-difiżi ċibernetiċi tagħha; jissuġġerixxi li jiġu offruti regolarment programmi ta’ taħriġ aġġornati relatati maċ-ċibersigurtà għall-persunal kollu, inkluż il-maniġment, fl-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tiżviluppa l-politika taċ-ċibersigurtà tagħha b’mod aktar rapidu, tressaqha qabel il-31 ta’ Diċembru 2023 u tirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza;

Kontinwità tal-operat matul il-kriżi tal-COVID-19

30.

Jinnota li l-Aġenzija, bi tweġiba għar-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija, introduċiet reklutaġġ online, appoġġjat mill-implimentazzjoni tal-pjattaforma ta’ reklutaġġ Systal, li ppermettiet lill-Aġenzija tlesti għadd kbir ta’ reklutaġġi fl-2020 u fl-2021 u tħalli rata baxxa ta’ pożizzjonijiet vakanti fi tmiem is-sena;

31.

Jilqa’ l-fatt li, minkejja l-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa, il-ħidma tal-Aġenzija kompliet tkun effiċjenti, flessibbli u mwettqa mingħajr dewmien bla bżonn fl-2021; iħeġġeġ lill-Aġenzija biex tqiegħed fil-prattika t-tagħlimiet rigward il-metodi ta’ ħidma ibridi u b’mod remot, sabiex tirrikonoxxi aħjar il-laqgħat u l-kompiti li jistgħu jsiru b’mod aktar effiċjenti b’mod remot, pjuttost milli wiċċ imb wiċċ fil-futur;

32.

Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija bdiet timplimenta l-miżuri ta’ referenza taċ-ċibersigurtà b’antiċipazzjoni għar-Regolament li jistabbilixxi miżuri dwar iċ-ċibersigurtà fi ħdan l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenzji tal-Unjoni (“ir-Regolament dwar iċ-Ċibersigurtà”), kif ukoll approċċ ta’ fiduċja żero u awtentikazzjoni b’diversi fatturi għas-servizzi interni kollha, u li l-privileġġi amministrattivi tal-IT ġew rieżaminati u ristretti għall-minimu;

Kummenti oħra

33.

Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija nediet proġett pluriennali u b’diversi komponenti biex tissimplifika l-preżenza online tagħha fis-snin li ġejjin, tiżviluppa politiki aktar b’saħħithom dwar il-kontenut tal-web fil-pjattaformi kollha tal-Aġenzija u li tistabbilixxi loġika mtejba tan-navigazzjoni; jinnota li s-sit web korporattiv il-ġdid se jiżgura l-konformità mal-linji gwida dwar l-aċċessibbiltà tad-WCAG 2.1;

34.

Ifakkar fl-importanza li l-pubbliku jiġi infurmat biżżejjed dwar ir-riskji ta’ nuqqas ta’ azzjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, jilqa’ l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tal-Aġenzija f’dan il-kuntest, kemm jekk permezz ta’ kontenut awdjoviżiv, dibattiti online, kompetizzjoni annwali tar-ritratti kif ukoll permezz ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni lokali, u jistieden lill-Aġenzija tiżviluppa u, jekk ikun possibbli, iżżid l-attivitajiet tagħha fil-perjodu li ġej.

35.

Jinnota li l-Aġenzija ppresediet in-Network tal-Aġenziji tal-UE (EUAN) inkluż il-biċċa l-kbira tas-subnetworks tagħha, f’konformità mal-prijoritajiet tal-UE f’dawk li huma d-diġitalizzazzjoni, l-ekoloġizzazzjoni tar-reżiljenza u l-irkupru, filwaqt li fost l-oħrajn ħadmet fuq is-sostenn tat-tranżizzjoni ekoloġika u kkontribwixxiet għall-ekoloġizzazzjoni tal-amministrazzjoni tal-EUAN;

36.

Jistieden lill-Aġenzija tkompli tiżviluppa s-sinerġiji tagħha (pereżempju r-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà), u biex issaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha, l-iskambju tal-prattiki tajba u d-diskussjonijiet tagħha rigward oqsma ta’ interess reċiproku ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza;

37.

Jirreferi, rigward kummenti oħra ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 141, 29.3.2022, p. 12.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2023)0190.


Top