EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1869

Riżoluzzjoni (UE) 2023/1869 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) għas-sena finanzjarja 2021

ĠU L 242, 29.9.2023, p. 261–265 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1869/oj

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/261


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1869 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) għas-sena finanzjarja 2021

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 13/2022 tal-Qorti tal-Awdituri,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0146/2023),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tan-nefqa tiegħu (1), il-baġit finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (iċ-“Ċentru”) għas-sena finanzjarja 2021 kien ta’ EUR 168 115 000, li jirrappreżenta żieda ta’ 169,03 % meta mqabbel mal-2020, minħabba l-attivitajiet ġodda assenjati liċ-Ċentru bil-varar tal-Awtorità Ewropea għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA); billi madwar 98,74 % tal-baġit taċ-Ċentru ġej mill-baġit tal-Unjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“rapport tal-Qorti”), tistqarr li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali taċ-Ċentru huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-baġit, matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena kurrenti kienet ta’ 99,35 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 2,58 % meta mqabbla mal-2020; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena kurrenti kienet ta’ 64,08 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 11,18 % meta mqabbla mas-sena preċedenti;

2.

Jinnota li fl-2021 l-implimentazzjoni tal-Istrateġija taċ-Ċentru 2021-2027 kienet bil-mod minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-obbligi l-ġodda imposti fuq iċ-Ċentru fil-kuntest tal-istabbiliment tal-HERA; jistieden lill-Kummissjoni tagħti liċ-Ċentru r-riżorsi meħtieġa biex jissodisfa l-objettivi tal-Istrateġija 2021-2027 u biex il-mandat taċ-Ċentru jiġi implimentat f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rivedut (2);

Prestazzjoni

3.

Ifaħħar il-ħidma kontinwa taċ-Ċentru rigward il-pandemija tal-COVID-19, u, b’mod partikolari, it-titjib fil-proċessi relatati ma’ avvenimenti tas-saħħa pubblika bbażati fuq it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija u mill-parametraġġ referenzjarju internazzjonali; jinnota, madankollu, li l-implimentazzjoni ta’ xi outputs fil-pjan ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika taċ-Ċentru ġiet posposta;

4.

Jinnota li ċ-Ċentru wettaq 74 % tal-outputs ippjanati fid-Dokument Uniku ta’ Programmazzjoni tiegħu 2021–2023; jinnota li 16 % tal-outputs ippjanati taċ-Ċentru kienu għadhom ma bdewx fi tmiem l-2021 jew ġew ittardjati; jinnota li l-biċċa l-kbira tad-dewmien fit-twettiq tal-outputs ippjanati tal-2021 kien dovut għall-ammont għoli ta’ xogħol relatat mal-pandemija tal-COVID-19 taċ-Ċentru, fl-Istati Membri u/jew fl-organizzazzjonijiet sħab; jinnota li fl-2021, iċ-Ċentru kien involut f’ħafna attivitajiet marbuta mal-COVID-19, bħat-twettiq tas-sorveljanza epidemjoloġika relatata mal-COVID-19, u l-pubblikazzjoni ta’ gwida xjentifika biex jiġi appoġġjat it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar is-saħħa pubblika, fost l-oħrajn;

5.

Jinnota l-isforzi taċ-Ċentru fir-rigward tat-tħejjija tal-istruttura għall-HERA, u t-talba biex iċ-Ċentru jappoġġja lill-Istati Membri fit-twaqqif u/jew fl-espansjoni tal-kapaċitajiet u l-kapabbiltajiet tagħhom kollha tas-sekwenzjar ġenomiku permezz tal-għotjiet;

6.

Jinnota li ċ-Ċentru jkompli jiżviluppa u jimplimenta sistema ta’ sorveljanza Ewropea ġdida bbażata fuq l-indikaturi fl-EpiPulse bil-għan li l-COVID-19 u l-mard u l-kundizzjonijiet tas-saħħa l-oħra kollha jiġu koperti b’mod progressiv taħt is-sorveljanza tal-Unjoni; jistieden liċ-Ċentru jinforma kontinwament lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-iżviluppi ta’ dik is-sistema;

7.

Jinnota li fl-2021 iċ-Ċentru organizza t-tielet laqgħa tiegħu dwar l-istrateġija konġunta mal-partijiet ikkonċernati ewlenin tiegħu, u li t-temi għad-diskussjonijiet intgħażlu abbażi tat-tielet evalwazzjoni esterna, fost oħrajn;

8.

Jilqa’ l-kollaborazzjoni taċ-Ċentru ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni, bħall-kollaborazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) biex tiġi stabbilita pjattaforma ġdida għall-monitoraġġ tal-vaċċini; jinnota li ċ-Ċentru estenda l-għan tiegħu li jżid is-sigurtà tas-saħħa fl-Unjoni biex isaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn iċ-Ċentru u s-sħab fil-pajjiżi mhux tal-UE;

9.

Jilqa’ l-fatt li ċ-Ċentru qed ikompli jikkondividi l-aħjar prattiki ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni u jaħdem magħhom regolarment, b’mod l-aktar partikolari mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, mal-EMA u maċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li ċ-Ċentru jipparteċipa fi proċeduri ta’ akkwist interistituzzjonali organizzati minn aġenziji oħra tal-Unjoni; Jinkoraġġixxi liċ-Ċentru jfittex b’mod attiv kooperazzjoni ulterjuri u usa’ mal-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet rilevanti, il-korpi nazzjonali kompetenti u l-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, filwaqt li jevita kwalunkwe duplikazzjoni tal-linji gwida eżistenti;

Politika dwar il-persunal

10.

Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, 95,2 % tat-tabella tal-persunal kienet implimentata, b’198 aġent temporanju maħtura minn total ta’ 208 aġenti temporanji awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma’ 180 post tax-xogħol awtorizzati fl-2020); jinnota, barra minn hekk, li fl-2021 112-il aġent kuntrattwali u 5 esperti nazzjonali sekondati ħadmu għaċ-Ċentru;

11.

Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fil-maniġment superjuri taċ-Ċentru, fejn erbgħa minn sitta (66,67 %) huma rġiel; jinnota d-distribuzzjoni tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-persunal ġenerali taċ-Ċentru, fejn 170 minn 271 (62,73 %) huma nisa; jistieden liċ-Ċentru jieħu miżuri konkreti biex jinkiseb il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-ġerarkija taċ-Ċentru mill-aktar fis possibbli u jirrapporta lura lill-awtorità tal-kwittanza; ifakkar ukoll kemm hu importanti li tiġi żgurata rappreżentanza ġeografika bbilanċjata fost il-maniġment u l-membri tal-persunal taċ-Ċentru;

12.

Jinnota li ċ-Ċentru għandu politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju; jilqa’ l-fatt li minbarra l-paġna web tal-intranet dwar l-“Ambjent tax-Xogħol Rispettuż”, iċ-Ċentru pprovda lill-persunal ġdid u dak eżistenti “Programm ta’ Merħba” online li jispjega l-politika u d-definizzjonijiet ta’ fastidju u kif għandhom jirrapportaw il-każijiet ta’ fastidju; jieħu nota li fl-2021 l-ebda każ ta’ fastidju ma ġie rrapportat, konkluż internament jew meħud quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; jinnota, barra minn hekk, li fl-2021 ġie varat proġett dwar ir-rispett fuq il-post tax-xogħol;

13.

Jinnota li ċ-Ċentru ġie pprovdut 73 post addizzjonali li għandhom jiġu rreklutati matul il-perjodu 2021 sa 2024 (meta mqabbel mas-46 post għall-2021) minħabba l-kriżi sanitarja fit-tul u l-impatt tal-għotja kbira tal-HERA li ċ-Ċentru rċieva fl-2021; jinnota, barra minn hekk, li b’konsegwenza ta’ dan, l-20 post ta’ aġent kuntrattwali għal żmien qasir assenjati liċ-Ċentru fl-2020 mistennija jitneħħew gradwalment sal-2023;

14.

Ifakkar f’kemm hu importanti li tiġi żviluppata politika tar-riżorsi umani fit-tul dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-għoti ta’ possibbiltajiet ta’ taħriġ speċifiku għall-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-persunal, it-telexogħol, id-dritt għall-iskonnessjoni, it-titjib tal-bilanċ ġeografiku biex ikun hemm rappreżentanza xierqa mill-Istati Membri kollha, u r-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilità kif ukoll l-iżgurar li jiġu ttrattati b’mod ugwali u li l-opportunitajiet tagħhom jiġu promossi b’mod wiesa’;

Akkwist

15.

Jinnota li ċ-Ċentru kkonkluda total ta’ 257 kuntratt fl-2021, li jkopru 21 kuntratt qafas, 14-il kuntratt dirett u 131 kuntratt speċifiku; jinnota li fl-2021, iċ-Ċentru kkonkluda wkoll 27 ftehim qafas ta’ sħubija, 24 għotja għal azzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa pubblika, u 40 ftehim ta’ għotja speċifiċi; jinnota li ċ-Ċentru ngħaqad f’20 kuntratt interistituzzjonali u interaġenzjali, li jirriżultaw minn proċeduri ta’ akkwist imwettqa minn entitajiet oħra u li fl-ambitu tagħhom iċ-Ċentru jista’ jixtri prodotti jew servizzi;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza

16.

Jilqa’ l-miżuri eżistenti taċ-Ċentru u l-isforzi li qed iwettaq bħalissa biex jiżgura t-trasparenza, u għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u l-protezzjoni tal-informaturi; jinnota b’apprezzament il-valutazzjoni konkreta fi tliet stadji tal-preżenza ta’ kunflitti potenzjali, bħall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ interess, ir-reviżjoni u l-valutazzjoni ta’ kwalunkwe kunflitt identifikat u d-deċiżjoni dwar azzjoni xierqa biex tiġi żgurata l-indipendenza taċ-Ċentru; jinnota, barra minn hekk, li skont it-tweġibiet għall-kwestjonarju standard, iċ-Ċentru ma kellu l-ebda kunflitt ta’ interess reali rrapportat lill-Kumitat tiegħu ta’ Rieżami tad-Dikjarazzjonijiet tal-Interessi fl-2021;

17.

Jinnota li, fl-2021, iċ-Ċentru kien fil-proċess li jimplimenta l-proċedura interna tiegħu dwar il-kunflitti ta’ interess għall-persunal, u li l-uffiċjal għall-konformità u t-taqsima tar-riżorsi umani jikkollaboraw fl-implimentazzjoni ta’ din il-proċedura; jistieden liċ-Ċentru jirrapporta dwar l-iżviluppi f’dan ir-rigward;

18.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli aktar sistematiċi dwar it-trasparenza, l-inkompatibbiltajiet, il-kunflitti ta’ interess, il-lobbjar illegali u r-revolving doors; jistieden liċ-Ċentru jsaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ kontroll intern tiegħu, inkluż l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu intern kontra l-korruzzjoni;

19.

Jindika l-inkjesta strateġika varata mill-Ombudsman Ewropew, u konkluża fl-2021, dwar kif iċ-Ċentru ġabar u kkomunika l-informazzjoni matul il-pandemija tal-COVID-19, b’enfasi fuq l-istadju bikri tal-kriżi; jiddispjaċih dwar is-sejbiet tal-Ombudsman Ewropew li ċ-Ċentru ma kellux stabbiliti biżżejjed miżuri biex jikseb l-informazzjoni kollha meħtieġa mingħand l-Istati Membri; jilqa’ l-passi li ċ-Ċentru ħa biex jistabbilixxi miżuri li jagħmluha aktar faċli biex il-pubbliku jsegwi l-evoluzzjoni tal-parir xjentifiku tiegħu u jara d-data li fuqha huma bbażati l-valutazzjonijiet xjentifiċi tiegħu; jistieden liċ-Ċentru jiżgura trasparenza sħiħa fil-pubblikazzjoni tal-istudji xjentifiċi u jtejjeb il-kapaċità ta’ komunikazzjoni esterna tiegħu fir-rigward tal-pubbliku ġenerali billi jiżgura li l-informazzjoni ewlenija kollha, speċjalment dik relatata mal-emerġenzi tas-saħħa pubblika, tkun disponibbli bil-lingwi kollha tal-Unjoni u tkun faċilment aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni;

Kontroll intern

20.

Jinnota li r-rapport finali tas-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) fir-rigward tal-awditu tiegħu dwar il-ġestjoni tar-riżorsi umani u l-etika fiċ-Ċentru fl-2020 wasal għand iċ-Ċentru f’Jannar 2021; jinnota li l-awditu rriżulta f’erba’ rakkomandazzjonijiet, li tnejn minnhom ġew ikklassifikati bħala importanti ħafna u tnejn bħala importanti, u li ċ-Ċentru implimenta rakkomandazzjoni waħda u l-implimenazzjoni tat-tlieta l-oħra kienet ippjanata għal tmiem l-2022; jistieden liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ippjanati; jinnota, barra minn hekk, li fl-2021, l-IAS wettaq rieżami limitat tal-implimentazzjoni tal-qafas ta’ kontroll intern il-ġdid, u li l-awditjar għamel erba’ rakkomandazzjonijiet, li kollha ġew ikklassifikati bħala importanti; jistieden liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar kwalunkwe żvilupp f’dan ir-rigward;

21.

Jinnota li l-awtovalutazzjoni taċ-Ċentru tal-2021 fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-qafas ta’ kontroll intern uriet li s-sistema ta’ kontroll intern hija preżenti u qed taħdem, iżda li hemm bżonn ta’ xi titjib; jinnota, b’mod partikolari, l-objettiv taċ-Ċentru li jiżviluppa politika ta’ komunikazzjoni interna bbażata fuq il-politika ġenerali ta’ komunikazzjoni taċ-Ċentru 2021-2027, inkluża komunikazzjoni dwar l-objettivi u r-responsabbiltajiet tal-kontroll intern; jistieden liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar kwalunkwe żvilupp f’dan ir-rigward;

22.

Ifakkar fl-importanza li jissaħħu s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq taċ-Ċentru; jinsisti bil-qawwa fuq il-ħtieġa ta’ sistemi ta’ ġestjoni u kontroll effettivi biex jiġu evitati każijiet potenzjali ta’ kunflitt ta’ interess, kontrolli ex ante/ex post neqsin, ġestjoni inadegwata tal-impenji baġitarji u legali, u nuqqasijiet ta’ rappurtar ta’ kwistjonijiet fir-reġistru tal-eċċezzjonijiet;

Diġitalizzazzjoni u tranżizzjoni ekoloġika

23.

Jinnota li l-bini taċ-Ċentru huwa ċċertifikat bħala “Bini ekoloġiku” u li, barra minn hekk, irċieva ċ-ċertifikazzjoni ambjentali “BREEAM Tajjeb Ħafna għall-użu” fl-2020; jilqa’ l-fatt li l-elettriku taċ-Ċentru huwa kompletament ipprovdut mill-enerġija idroelettrika; jinnota li ċ-Ċentru ffinalizza l-ewwel fażi tal-implimentazzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni ambjentali tiegħu bbażata fuq l-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali Ewropea, (EMAS); jistieden liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar kwalunkwe żvilupp f’dan ir-rigward;

24.

Jilqa’ l-fatt li matul il-perjodu mill-2020 sal-2022, iċ-Ċentru kellu l-ħila jirkupra u jxerred data epidemjoloġika tal-COVID-19 madwar id-dinja permezz tal-awtomatizzazzjoni tat-tiftix fuq l-Internet; jilqa’ l-kollaborazzjoni fi ħdan l-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa u t-tħejjija ta’ proġett pilota;

25.

Jinnota li, fl-2021, iċ-Ċentru kompla jiġi attakkat miċ-ċiberkriminali u mill-hacktivisti, u li b’reazzjoni għal dan, iċ-Ċentru implimenta miżuri addizzjonali ta’ ċibersigurtà, bħall-Microsoft Defender, għodod forensiċi għall-analiżi profonda, sistema ta’ ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni u l-aċċess privileġġat/il-ġestjoni tal-identità; jinnota li ċ-Ċentru ħoloq politika taċ-ċibersigurtà u żied ukoll il-persunal tiegħu għas-sigurtà tal-IT u jinnota, barra minn hekk, li ċ-Ċentru kien fil-proċess li jistabbilixxi awtorità tas-sigurtà; jistieden liċ-Ċentru jsegwi r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Qorti fir-rapport speċjali tagħha dwar iċ-Ċibersigurtà tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE (EUIBAs) (3), li fihom il-Qorti titlob lill-EUIBAs ikollhom qafas ta’ ġestjoni tar-riskju għas-sigurtà tal-IT li jkopri l-infrastruttura tal-IT kollha tagħhom u jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju regolari, u jipprovdu taħriġ sistematiku ta’ sensibilizzazzjoni għall-persunal kollu, inkluż il-maniġment; jilqa’, f’dan il-kuntest, il-politika taċ-ċibersigurtà adottata reċentement li tkopri l-aspetti kollha mill-ħtiġijiet u x-xewqat tan-negozju, sal-ħiliet u s-sensibilizzazzjoni tan-nies u sas-sigurtà teknika; jistieden liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar kwalunkwe żvilupp f’dan ir-rigward;

26.

Ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni taċ-Ċentru f’termini ta’ operat u ġestjoni interni iżda anke sabiex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jistieden liċ-Ċentru jgħaddi għall-ġestjoni tad-dokumenti u l-proċessi interni mingħajr l-użu tal-karta fejn possibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li ċ-Ċentru jkompli jkun proattiv f’dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata;

27.

Iħeġġeġ liċ-Ċentru jaħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u maċ-CERT-UE (l-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji Ewropej), u jwettaq valutazzjonijiet tar-riskju regolari tal-infrastruttura tal-IT tiegħu u jiżgura li jsiru awditi u testijiet regolari tad-difiżi ċibernetiċi tiegħu; jissuġġerixxi li joffri lill-membri kollha tal-persunal, inkluż lill-maniġment, programmi ta’ taħriġ aġġornati regolarment relatati maċ-ċibersigurtà, bħala element ewlieni f’qafas effettiv taċ-ċibersigurtà fi ħdan iċ-Ċentru;

Kontinwità tal-operat matul il-kriżi tal-COVID-19

28.

Jilqa’ l-impenn taċ-Ċentru li jżomm id-data tal-bidu tal-Programm ta’ Boroż ta’ Studju taċ-Ċentru għall-Koorti 2021, li jipprovdi kontribut dirett għat-tisħiħ tal-kapaċità ta’ rispons biex jiġi indirizzat it-theddid transfruntier, permezz tal-forniment tal-moduli online kollha;

29.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li tul l-2021, iċ-Ċentru kompla jkun involut ħafna fil-ħidma biex tiġi mrażżna l-pandemija tal-COVID-19; jinnota li l-attivitajiet ewlenin taċ-Ċentru matul dan il-perjodu kienu relatati mal-appoġġ għall-istrateġiji tal-vaċċinazzjoni u l-pjanijiet għall-użu tal-vaċċini, l-applikazzjoni tas-sorveljanza u l-intelligence epidemika, l-għarfien dwar l-imġiba fejn kellha x’taqsam l-aċċettazzjoni u l-adozzjoni tal-vaċċinazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskji u t-tħassib u l-istabbiliment ta’ ċentru tat-tbassir tal-COVID-19; jissottolinja li ċ-Ċentru wettaq u ppubblika 22 valutazzjoni rapida tar-riskju/tat-tifqigħat u wieġeb għal aktar minn 600 talba mill-partijiet ikkonċernati; jinnota li ċ-Ċentru kull ġimgħa kompla jipproduċi wkoll il-bullettini ta’ politika dwar il-COVID-19 u jippubblika l-mapep b’appoġġ għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ ikkoordinat għall-miżuri tal-ivvjaġġar fl-UE;

30.

Jinnota li, fl-2021, iċ-Ċentru ffinalizza l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mir-“Rieżami strateġiku estern u tal-prestazzjoni tar-rispons tal-ECDC għall-COVID-19” imwettaq miċ-Ċentru fl-2020;

Kummenti oħra

31.

Jinnota li l-Qorti, fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 13/2022 (4), sabet li ċ-Ċentru ma jivvalutax b’mod komprensiv l-utilità u l-impatt tal-gwida tiegħu u jistieden liċ-Ċentru jikseb feedback regolari mill-partijiet ikkonċernati tiegħu biex jimla din il-lakuna;

32.

Jilqa’ l-fatt li ċ-Ċentru kompla jkollu livell għoli ta’ attenzjoni fil-media, fil-media soċjali u permezz tas-siti web tiegħu fl-2021 b’rabta mal-evoluzzjoni naturali tal-pandemija tal-COVID-19; jinnota li fl-2021 is-sit web taċ-Ċentru żaruh aktar minn 18-il miljun darba, u dan jirrappreżenta tnaqqis meta mqabbel mat-32 miljun fl-2020; jinnota li t-tim tal-istampa u tal-media taċ-Ċentru indirizza 963 talba tal-media, għall-kuntrarju tal-madwar 1 917 fis-sena ta’ qabel; jinnota li ċ-Ċentru osserva żieda ta’ 18 % fl-għadd ta’ segwaċi fuq Twitter u żieda ta’ 44 % fl-għadd ta’ sapporters u segwaċi fuq Facebook; iħeġġeġ liċ-Ċentru jkompli b’din ix-xejra u jikkunsidra l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost aġenziji oħra tal-Unjoni biex jimmassimizza t-tixrid tal-attivitajiet tagħhom fost il-pubbliku ġenerali;

33.

Jilqa’ l-impenn attiv taċ-Ċentru fl-Azzjoni Konġunta TERROR li tindirizza l-lakuni fl-istat tat-tħejjija fil-qasam tas-saħħa tal-Istati Membri u ssaħħaħ ir-rispons għall-attakki terroristiċi bijoloġiċi u kimiċi; jistieden liċ-Ċentru jkompli jżid l-impenn tiegħu biex jindirizza t-theddid għas-sigurtà;

34.

Jistieden liċ-Ċentru jkompli jiżviluppa s-sinerġiji tiegħu (pereżempju r-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà), il-kooperazzjoni tiegħu u l-iskambju tiegħu tal-prattiki tajba ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza;

35.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (5) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 141, 29.3.2022, p. 39.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1).

(3)  Ir-Rapport Speċjali Nru 05/2022 “Ċibersigurtà tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE: Il-livell ta’ tħejjija b’mod ġenerali mhuwiex proporzjonat mat-theddid”, p. 44.

(4)  Ir-Rapport Speċjali Nru 13/2022 “Moviment liberu fl-UE matul il-pandemija tal-COVID-19: Skrutinju limitat tal-kontrolli fil-fruntieri interni, u azzjonijiet mhux ikkoordinati li jitwettqu mill-Istati Membri”, p. 41.

(5)  Testi adottati, P9_TA(2023)0190.


Top