EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1866

Riżoluzzjoni (UE) 2023/1866 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) għas-sena finanzjarja 2021

ĠU L 242, 29.9.2023, p. 253–257 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1866/oj

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/253


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1866 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) għas-sena finanzjarja 2021

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0110/2023),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tan-nefqa tagħha (1), il-baġit finali tal-Awtorità Bankarja Ewropea (“l-Awtorità”) għas-sena finanzjarja 2021 kien ta’ EUR 49 132 610; billi l-Awtorità hija ffinanzjata primarjament minn kontribuzzjoni mill-Unjoni (EUR 18 506 940), u minn kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-Istati Membri u minn osservaturi (EUR 30 625 670);

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2021 (“ir-rapport tal-Qorti”), tiddikjara li ngħatat aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena kurrenti ta’ 98,51 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 0,66 % meta mqabbla mal-2020; jinnota wkoll li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena kurrenti kienet ta’ 83,99 % li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 6,37 % meta mqabbla mal-2020;

Prestazzjoni

2.

Jinnota li l-Awtorità għadha tuża ċerti miżuri bħala indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u miżuri oħra biex ittejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha; jinnota li l-Awtorità wettqet 91 % tal-programm ta’ ħidma tagħha, li kien jinkludi 21 % tal-kompiti addizzjonali mhux inizjalment previsti fl-ippjanar;

3.

Jilqa’ l-fatt li fl-2021 l-Awtorità kompliet tiżviluppa s-sinerġiji tagħha mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, billi pprovdiet persunal tal-kontabbiltà, u mal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, permezz ta’ funzjoni kondiviża tas-sigurtà tal-informatika; jinnota wkoll li l-Awtorità tipparteċipa f’ħafna proċeduri interistituzzjonali, bir-riżultat li fl-2021, 90 % tal-143 kuntratt qafas ġew akkwistati minn entitajiet oħra tal-UE;

4.

Huwa konxju li l-Awtorità kompliet timmonitorja l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju Basel III u ddeċidiet li tagħmel l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ Basel III obbligatorju minn Diċembru 2021; jinnota li hija wettqet l-eżerċizzju biennali tagħha ta’ test tal-istress madwar l-Unjoni kollha, li kien kruċjali fil-valutazzjoni tar-reżiljenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji għall-iżviluppi avversi tas-suq, li kien partikolarment rilevanti fl-2021 fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19;

5.

Jissottolinja li l-Awtorità ffinalizzat il-linji gwida tagħha dwar ir-riżolvibbiltà; jisħaq li dawk il-linji gwida jirrappreżentaw pass sinifikanti fl-ikkomplementar tal-qafas ġuridiku tal-Unjoni fil-qasam tar-riżoluzzjoni abbażi ta’ standards internazzjonali u ingranaġġ fuq l-aħjar prattiki tal-Unjoni;

6.

Jilqa’ l-fatt li fl-2021, l-Awtorità għaddiet minn bidliet organizzattivi sinifikattivi biex tirrifletti l-prijoritajiet ta’ trasferiment tal-mandat u tal-programm ta’ ħidma tagħha, b’raggruppament ġdid tal-kompiti u tal-attivitajiet fl-unitajiet u d-dipartimenti ewlenin; jinnota li b’mod partikolari, ir-riorganizzazzjoni rat il-ħolqien ta’ unitajiet ġodda biex jirriflettu l-importanza dejjem akbar ta’ suġġetti bħall-finanzi diġitali, l-ambjent, is-soċjetà u l-governanza, ir-rapportar u t-trasparenza, u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus;

Politika dwar il-persunal

7.

Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, 94,44 % tat-tabella tal-persunal kienet ġiet eżegwita, bil-ħatra ta’ 153 aġent temporanju minn 162 post tax-xogħol ta’ aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma’ 145 post awtorizzati fl-2020); jinnota li, barra minn hekk, fl-2021 l-Awtorità impjegat 49 aġent kuntrattwali (50 post awtorizzat) u 20 espert nazzjonali sekondat (19-il post awtorizzat flimkien ma’ 7 esperti nazzjonali sekondati mingħajr kost); jinnota li d-dawran tal-impjegati fost l-aġenti temporanji, l-aġenti kuntrattwali u l-esperti nazzjonali sekondati żdied bi ftit għal 12 % minħabba għadd ta’ esperti nazzjonali sekondati li waslu fi tmiem is-sekondar tagħhom (9 % fl-2020);

8.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-Awtorità impjegat membri tal-persunal ta’ 28 nazzjonalità differenti, li 48,4 % minnhom huma nisa u 51,6 % huma rġiel; huwa konxju li minn Ġunju 2022 fil-livell ta’ maniġment superjuri n-nisa kienu jammontaw għal 42,9 %; jilqa’ dan it-titjib fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-livell tal-maniġment superjuri; jilqa’ l-introduzzjoni ta’ rwoli ġodda ta’ mexxejja tat-tim biex jgħinu fit-tħejjija tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ mexxejja u jinnota li 41,7 % ta’ dawn ir-rwoli huma okkupati minn nisa;

9.

Huwa konxju li l-Awtorità stabbiliet politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u sesswali; jinnota li l-persunal u l-maniġers wettqu taħriġ dwar il-prevenzjoni tal-fastidju sesswali u psikoloġiku u li fl-2021 ġew maħtura erba’ konsulenti kunfidenzjali ġodda; jinnota wkoll li l-konsulenti kunfidenzjali kellhom żewġ sessjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni għall-persunal fl-2021 dwar ir-rwol tagħhom u l-politika tal-Awtorità dwar il-prevenzjoni tal-fastidju; jinnota li wara l-investigazzjoni ta’ każ wieħed ta’ fastidju minn membru tal-persunal fl-2020, il-każ ġie magħluq fl-2021 mingħajr evidenza li tappoġġja l-allegazzjoni wara valutazzjoni indipendenti;

Akkwist

10.

Jirrikonoxxi li, fl-2021, l-Awtorità lestiet tliet proċeduri ta’ akkwist ogħla mis-soll stabbilit fid-Direttiva u erba’ sejħiet għal offerti fil-forma ta’ proċeduri nnegozjati ta’ aktar minn EUR 15 000; jinnota wkoll li l-Awtorità żiedet il-kooperazzjoni tagħha dwar l-akkwist mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-oħra u mal-aġenziji tal-Unjoni li jinsabu fi Franza;

11.

Jinsab imħasseb dwar l-osservazzjoni tal-Qorti li l-Awtorità fittxet li tikseb aċċess għad-data dwar id-dejn u s-suq kapitali tal-banek u kkonkludiet li s-servizzi li kienet tirrikjedi setgħu jiġu pprovduti biss minn żewġ operaturi ekonomiċi speċifiċi; jinnota li l-Awtorità għalhekk nediet żewġ proċeduri nnegozjati separati, għal kuntratti li jiswew EUR 100 000 u EUR 43 800, mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt f’konformità mal-punt 11.1(b)(ii) u (iii) tal-Anness I għar-Regolament Finanzjarju; jinnota bi tħassib li fiż-żewġ każijiet, l-Awtorità naqset milli ssegwi l-passi proċedurali kollha meħtieġa mill-punt 16 tal-Anness I għar-Regolament Finanzjarju, bħal li tibgħat stedina għal sejħa għall-offerti u li tfassal speċifikazzjonijiet tal-offerti; jistieden lill-Awtorità tiżgura li l-proċeduri kollha ta’ akkwist isegwu l-passi proċedurali stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, inklużi dawk meta s-servizzi li qed jiġu akkwistati jistgħu jiġu pprovduti biss minn operatur ekonomiku uniku;

12.

Jilqa’ l-fatt li l-Awtorità adottat u implimentat bis-sħiħ il-proċeduri tal-akkwist elettroniku; jinnota li qed topera bis-sħiħ bis-sett ta’ software magħmul disponibbli mill-Kummissjoni: e-Notices, e-Tendering, e-Submission, MyWorkplace, u PPMT (Għodda għall-Ġestjoni tal-Akkwist Pubbliku); ifaħħar il-fatt li t-tim tal-akkwist għandu proċessi ta’ ħidma kompletament mingħajr karti u juża software b’Firem Kwalifikati Avvanzati u b’Firem Elettroniċi Kwalifikati biex jikseb approvazzjonijiet u firem kemm minn kontropartijiet interni kif ukoll esterni fl-akkwist u f’dokumenti kuntrattwali;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u trasparenza

13.

Jissottolinja li skont ir-Regoli ta’ Proċedura tal-bord tas-superviżuri, il-membri tal-bord tas-superviżuri li għandhom kunflitt ta’ interess ma jistgħux jieħdu sehem fid-diskussjonijiet tal-bord tas-superviżuri jew jivvutaw dwar il-kwistjoni msemmija; jinnota, madankollu, li sa Ġunju 2022, membru seta’ jibqa’ preżenti fil-laqgħa jekk ħadd ma joġġezzjona; jinsab imħasseb li dan ħoloq riskju għall-indipendenza tal-bord tas-superviżuri; jinsisti li l-Awtorità tieħu l-passi meħtieġa biex tevita kwalunkwe suspett ta’ kunflitt ta’ interess, u jilqa’ l-passi meħuda mill-Awtorità biex issaħħaħ l-indipendenza tal-membri tal-bord tas-superviżuri, tal-bord maniġerjali u ta’ ċerti kumitati tal-bord tas-superviżuri billi tiżgura li l-membri b’kunflitt ta’ interess ma jattendux diskussjonijiet jew votazzjonijiet fuq punti tal-aġenda li jkollhom kunflitt dwarhom;

14.

Jinnota bi tħassib li fir-Rapport Speċjali Nru 13/2021 tal-Qorti “L-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fis-settur bankarju huma frammentati u l-implimentazzjoni mhijiex suffiċjenti”, il-Qorti kkonkludiet li l-persunal tal-Awtorità wettaq investigazzjonijiet bir-reqqa ta’ ksur potenzjali tad-dritt tal-Unjoni, iżda l-Qorti sabet evidenza bil-miktub ta’ tentattivi ta’ lobbjar tal-membri tal-bord matul il-perjodu meta l-bord kien qed jiddelibera fuq rakkomandazzjoni potenzjali; jinnota wkoll li, fl-aħħar mill-aħħar, il-bord tas-superviżuri ċaħad l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Awtorità biex issaħħaħ ir-regoli ħalli tiġi ggarantita l-indipendenza tal-membri tal-bord matul id-deliberazzjonijiet tagħhom u tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-azzjonijiet meħuda dwar din il-kwistjoni;

15.

Jinnota li l-Awtorità tiddivulga l-laqgħat kollha tal-persunal mal-partijiet ikkonċernati esterni tas-settur privat u tagħmel dan kull ħmistax għall-President (skont l-Artikolu 49a tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2)) u dan jiġi applikat bl-istess mod għad-Direttur Eżekuttiv (billi l-Artikolu 52a jirrikjedi li l-laqgħat tad-Direttur Eżekuttiv isiru pubbliċi iżda ma jispeċifikax kemm għandhom isiru malajr wara li jkunu seħħew); jinnota li fil-laqgħat ta’ persunal ieħor mal-partijiet ikkonċernati tas-settur privat, id-divulgazzjoni ssir fuq bażi trimestrali;

16.

Ifakkar li l-Awtorità għandha politika dwar il-kunflitti ta’ interess għall-persunal u politika speċifika għall-membri tal-bord tas-superviżuri u l-bord maniġerjali; jinnota li ż-żewġ politiki jirrikjedu li kull sena jiġi ddikjarat kwalunkwe interess li joħloq kunflitt fir-rigward tal-attivitajiet kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ azzjoni tal-Awtorità u li jkunu twettqu matul is-sentejn preċedenti (fir-rigward tal-bordijiet) jew il-ħames snin preċedenti (għall-persunal kollu); jilqa’ l-fatt li ż-żewġ politiki jimponu l-obbligu li jiġu ddikjarati sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess mhux koperti mid-dikjarazzjonijiet annwali, billi sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess mhux indirizzati jistgħu jikkompromettu l-infurzar ta’ standards etiċi għoljin;

17.

Jirrikonoxxi li fid-29 ta’ Settembru 2020, l-Ombudsman Ewropew fetaħ investigazzjoni dwar ir-rifjut mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol li tagħti aċċess pubbliku għar-riżultati tal-votazzjoni u r-raġunament relatat dwar id-deċiżjoni tal-bord tas-superviżuri tagħha dwar abbozz ta’ standard tekniku regolatorju dwar prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni; jissottolinja li l-Awtorità tadotta wkoll tali standards tekniċi abbażi tal-istess proċeduri bħall-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol; jinnota li fid-29 ta’ Mejju 2021, il-bord tas-superviżuri tal-Awtorità ddeċieda li jadotta emendi għar-regoli ta’ proċedura tiegħu stess biex jipprevedi l-inklużjoni ta’ kwalunkwe vot dwar l-adozzjoni ta’ abbozzi ta’ standards regolatorji jew ta’ implimentazzjoni fir-rekord tal-laqgħat tal-bord tas-superviżuri;

18.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli sistematiċi dwar it-trasparenza, l-inkompatibbiltajiet, il-kunflitti ta’ interess, il-lobbjar illegali u r-revolving doors; jistieden lill-Awtorità ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ kontroll intern tagħha, inkluż l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu intern kontra l-korruzzjoni;

Kontroll intern

19.

Jinnota bi tħassib li l-Qorti sabet dgħufijiet fil-kontroll intern li jaffettwaw il-proċeduri ta’ reklutaġġ, inkluż li fi proċedura waħda l-Awtorità ma stabbilietx l-għadd minimu ta’ punti li l-kandidati kellhom jiksbu sabiex jiġu inklużi fil-lista mqassra qabel ma jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet tagħhom, li mmina l-prinċipji tat-trasparenza u tat-trattament ugwali; iħeġġeġ lill-Awtorità tikkoreġi dan in-nuqqas u ttejjeb il-proċeduri ta’ reklutaġġ tagħha;

20.

Huwa daqstant imħasseb li fi proċedura oħra l-għażla kienet ġiet stabbilita minn serje ta’ emails minflok minn deċiżjoni ta’ nomina waħda, u għalhekk ma kien hemm l-ebda rekord tal-awditjar komplut għan-nomini kollha; jirrikonoxxi, madankollu, li wara l-awditu, l-Awtorità pprovdiet dokumentazzjoni biex turi li kienet biddlet il-proċessi tagħha;

21.

Jilqa’ t-tisħiħ tal-unità legali f’Jannar 2021 li jespandi l-ambitu tagħha biex tkopri l-kwistjonijiet legali u ta’ konformità kollha, inklużi l-etika, il-protezzjoni tad-data, il-ġlieda kontra l-frodi, il-ġestjoni tar-riskju, l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta u l-aċċess għad-dokumenti flimkien mal-appoġġ tradizzjonali tagħha għax-xogħol ta’ politika; jinnota wkoll li fl-2021, twettqet valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi u ġie stabbilit pjan ta’ implimentazzjoni; jistieden lill-Awtorità żżomm lill-awtorità ta’ kwittanza infurmata dwar is-segwitu għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet biex jittaffew aktar ir-riskji ta’ frodi;

22.

Jinnota li r-rapport dwar l-Awtovalutazzjoni tal-Qafas ta’ Kontroll Intern għas-sena 2020 ġie approvat mid-Direttur Eżekuttiv f’Diċembru 2021; jinnota wkoll li fl-2021, l-Awtorità tat kuntratt lil Deloitte għal appoġġ u pariri dwar it-tisħiħ tal-kompatibbiltà tal-programm attwali tal-Awtorità għall-ġestjoni tar-riskju mal-Qafas tal-Ġestjoni tar-Riskju tal-Intrapriżi ta’ COSO; jinnota wkoll li s-Servizz tal-Awditjar Intern wettaq valutazzjoni tar-riskju fil-fond tal-Awtorità fl-2021, li rriżultat fi Pjan Strateġiku tal-Awditjar Intern li jkopri l-perjodu mill-2022 sal-2024; jistieden lill-Awtorità żżomm lill-awtorità ta’ kwittanza infurmata dwar ir-riżultat ta’ dawn il-valutazzjonijiet esterni u l-progress li sar u l-implimentazzjoni tal-qafas ta’ kontroll intern;

Diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika

23.

Jinnota li l-implimentazzjoni ta’ pjattaforma ta’ kollaborazzjoni naqqset l-iskambji ta’ emails u ħolqot proċessi li huma aktar effiċjenti; huwa konxju wkoll dwar l-implimentazzjoni ta’ għodda ta’ reklutaġġ elettroniku fl-2022, l-awtomatizzazzjoni tal-Ġabra Unika Interattiva tar-Regoli u l-użu ta’ għodod tal-fluss tax-xogħol elettroniku fil-qasam tal-finanzi u r-riżorsi umani huma inizjattivi oħra li għaddejjin;

24.

Jinnota bi tħassib li fl-2021, l-Awtorità kienet waħda minn eluf ta’ organizzazzjonijiet li kienu suġġetti ta’ attakk ċibernetiku ta’ attur statali li esplora l-vulnerabbiltà jum żero f’Microsoft Exchange; jirrikonoxxi r-reazzjoni tal-Awtorità, li waqfet il-ksur, reġgħet għamlet is-servizz sikur u rrestawratu bis-sħiħ; iħeġġeġ lill-Awtorità taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u mal-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni (CERT-UE), biex twettaq valutazzjonijiet tar-riskju regolari tal-infrastruttura tal-informatika tagħha u tiżgura li jsiru awditi u testijiet regolari tad-difiżi ċibernetiċi tagħha; jissuġġerixxi li jiġu offruti programmi ta’ taħriġ relatati maċ-ċibersigurtà, aġġornati b’mod regolari, għall-persunal kollu, inkluż il-maniġment, fi ħdan l-Awtorità;

25.

Ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Awtorità f’termini ta’ operazzjoni u ġestjoni interni iżda wkoll sabiex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Awtorità tkompli tkun proattiva f’dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata;

26.

Jissottolinja li l-Awtorità stabbiliet indikaturi ambjentali ewlenin b’objettivi konkreti biex turi l-effiċjenza u l-effettività tas-sistema ta’ ġestjoni ambjentali tagħha; jilqa’ l-fatt li fl-2021, l-Awtorità lestiet stadji importanti ewlenin fil-vjaġġ tagħha lejn iċ-ċertifikazzjoni tal-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS), li nkisbet f’Awwissu 2022;

27.

Jinnota b’apprezzament mis-segwitu għall-kwittanza tal-2020 li l-Awtorità ilha mill-2021 takkwista l-elettriku kollu minn sorsi solari u eoliċi; huwa konxju mill-għan tal-Awtorità li tnaqqas il-laqgħat fil-bini tagħha b’50 % u li tnaqqas bl-istess mod il-missjonijiet tal-persunal biex tnaqqas l-impronta tal-karbonju tagħha;

Kontinwità tal-operat matul il-kriżi tal-COVID-19

28.

Jinnota li matul il-perjodu tal-COVID-19, l-Awtorità appoġġjat it-telexogħol permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ miżuri (taħriġ differenti dwar il-ħiliet ta’ awtoġestjoni, sessjonijiet ta’ mindfulness, attivitajiet għall-benesseri u s-sens ta’ appartenenza, ir-rispett tad-dritt għall-iskonnessjoni, il-kontribuzzjoni finanzjarja fl-uffiċċji domestiċi, l-iżvilupp ta’ għodod kollaborattivi/network soċjali sabiex kulħadd ikun jista’ jinstema’ u jżomm ruħu infurmat, stħarriġ fost il-persunal, eċċ.), li kkontribwew għall-iżvilupp tal-awtonomija tal-persunal, biex tiżdied il-produttività għal ċertu tip ta’ xogħol, jittejbu l-ħiliet teknoloġiċi, titfassal aktar il-komunikazzjoni interna, jitnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar, eċċ.; iħeġġeġ lill-Awtorità biex, fil-futur, tqiegħed fil-prattika t-tagħlimiet rigward il-metodi ta’ ħidma remoti u ibridi, sabiex torganizza aħjar liema laqgħat u kompiti jistgħu jsiru b’mod aktar effiċjenti b’mod remot pjuttost milli fiżikament; ifakkar li l-Awtorità kisbet riżultati favorevoli f’termini tal-parteċipazzjoni f’eventi ibridi;

Kummenti oħra

29.

Jistieden lill-Awtorità tkompli tiżviluppa s-sinerġiji tagħha (pereżempju r-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-informatika u s-sigurtà) u ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha, l-iskambju tal-prattiki tajba u d-diskussjonijiet tagħha rigward oqsma ta’ interess reċiproku ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza;

30.

Jirreferi, rigward kumment oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 112, 8.3.2022, p. 28.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(3)  Testi adottati, P9_TA(2023)0190.


Top