This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023BP1860
Resolution (EU) 2023/1860 of the European Parliament of 10 May 2023 with observations forming an integral part of the decision on discharge in respect of the implementation of the budget of the European Union Aviation Safety Agency (EASA) for the financial year 2021
Riżoluzzjoni (UE) 2023/1860 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) għas-sena finanzjarja 2021
Riżoluzzjoni (UE) 2023/1860 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) għas-sena finanzjarja 2021
ĠU L 242, 29.9.2023, p. 235–239
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 242/235 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1860 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-10 ta’ Mejju 2023
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) għas-sena finanzjarja 2021
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0098/2023), |
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2021 kien ta’ EUR 203 802 000, li jirrappreżenta żieda ta’ 11,34 % meta mqabbel mal-2020; billi EUR 38 900 000 tal-baġit tal-Aġenzija huwa ffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni u EUR 109 791 000 huwa dħul minn tariffi u imposti (2); |
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“rapport tal-Qorti”), tistqarr li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
1. |
Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-approprjazzjoni ta’ impenn tas-sena attwali ta’ 96,31 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 2,31 % meta mqabbla mal-2020; jinnota wkoll li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena attwali kienet ta’ 87,34 %, li turi tnaqqis ta’ 5,30 % meta mqabbla mal-2020; |
2. |
Jinnota li l-Aġenzija temmet is-sena b’surplus ta’ tariffi u imposti ta’ EUR 11,2-il miljun; jinnota li s-surplus ta’ “tariffi u imposti” jiżdied mas-surplus akkumulat, u għalhekk dan jiżdied minn EUR 60,9 miljun għal EUR 72,1 miljun; |
3. |
Jinnota li r-rata ta’ approprjazzjonijiet ikkanċellati relatati ma’ impenji riportati għall-2021 naqset għal 1,55 % (5,46 % fl-2020), taħt il-limitu massimu ta’ 5 % stabbilit mill-Kummissjoni; |
Prestazzjoni
4. |
Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija użat ċerti miżuri biex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u miżuri oħra biex ittejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha, permezz ta’ taħlita ta’ 130 objettiv u 60 indikatur ewlieni tal-prestazzjoni (KPIs) fi 11-il qasam ewlieni ta’ operazzjoni u 9 proġetti jew inizjattivi oħra ta’ natura orizzontali; jinnota li, minkejja l-effetti kontinwi tal-kriżi tal-COVID-19, l-Aġenzija kellha prestazzjoni tajba, b’rata ta’ implimentazzjoni ta’ 84 % tal-Programm ta’ Ħidma Annwali tagħha għall-2021 u 76 % tal-KPIs li mexjin skont l-iskeda tat-twettiq tagħhom; japprezza l-fatt li l-KPIs ġew issodisfati u l-fatt li l-Aġenzija ġibdet l-attenzjoni għal miżuri li jistgħu jtejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-ħidma tal-Aġenzija; madankollu, jirrakkomanda li l-Aġenzija tieħu nota tal-indikaturi li għadhom ma ntlaħqux jew li għadhom lura, speċjalment l-ipproċessar f’waqtu tar-rapporti tal-okkorrenzi u r-rata tal-għeluq tal-azzjoni korrettiva tas-sejbiet tal-awditi; |
5. |
Ifaħħar il-kisbiet ewlenin u l-progress tal-Aġenzija fl-2021 f’oqsma emerġenti marbuta mas-soluzzjonijiet ekoloġiċi u d-diġitalizzazzjoni; jinnota f’dan il-kuntest li l-Aġenzija żiedet l-isforzi tagħha għal avjazzjoni nadifa permezz tal-programm tal-avjazzjoni sostenibbli tal-EASA — 2021 b’diversi azzjonijiet bħall-użu ta’ Fjuwils tal-Avjazzjoni Sostenibbli (SAF), Avjazzjoni li taħdem bl-idroġenu u ibrida u t-tlestija tal-fażi pilota tal-Programm ta’ Tikkettar Ambjentali; jieħu nota tar-riżultati ulterjuri tal-Aġenzija mill-Programm dwar id-Droni tagħha bħall-pubblikazzjoni tal-ewwel pakkett regolatorju tal-U-Space, kif ukoll minn proġetti differenti rigward is-simplifikazzjoni tal-operazzjonijiet tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru permezz tal-unifikazzjoni tal-liċenzjar tal-Kontrolluri tat-Traffiku tal-Ajru (ATCO) u tat-tagħmir fuq l-art; ifaħħar l-approvazzjoni tar-ritorn fis-servizz ta’ verżjoni modifikata tal-Boeing 737 Max; jilqa’ l-isforzi addizzjonali tal-Aġenzija fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni meta fl-2021 ingħaqdet mal-programmi Orizzont Ewropa, Avjazzjoni Nadifa u SESAR; ifaħħar ukoll it-titjib kontinwu tas-sikurezza u l-impenn tal-Aġenzija biex tappoġġa l-innovazzjoni permezz tal-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni bi proġetti ewlenin fl-2021 bħall-adozzjoni ta’ opinjoni dwar l-operazzjonijiet f’kull tip ta’ temp; jinnota li l-Brexit wassal għal żieda sinifikanti fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-approvazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet fl-2021; |
6. |
Jappella biex jiġu pprovduti biżżejjed finanzjament u inċentivi għal aktar riċerka u żvilupp tal-Fjuwils tal-Avjazzjoni Sostenibbli biex isiru aktar effiċjenti u bi prezz raġonevoli u biex is-suq tagħhom jissaħħaħ u jinfetaħ; |
7. |
Jilqa’ l-isforzi kontinwi mill-Aġenzija biex teżamina oqsma għal aktar kooperazzjoni ma’ Aġenziji oħra tal-Unjoni fejn ikun fattibbli, filwaqt li tqis in-natura tal-attivitajiet, biex tnaqqas id-duplikazzjonijiet potenzjali; jilqa’ l-azzjonijiet konkreti li ttieħdu mal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent; jistieden lill-Aġenzija tkompli tiżviluppa s-sinerġiji tagħha, iżżid il-kooperazzjoni u tiskambja l-aħjar prattiki ma’ aġenziji Ewropej oħra bil-għan li ttejjeb l-effiċjenza (ir-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà, eċċ.); |
8. |
Jirrikonoxxi l-isforzi kontinwi min-naħa tal-Aġenzija biex issir aktar effiċjenti, filwaqt li tillibera r-riżorsi, inkluż tal-persunal ikkwalifikat; ifaħħar lill-Aġenzija f’dan il-kuntest talli għamlet użu mill-għarfien espert fl-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Avjazzjoni, permezz ta’ 26 ftehim ta’ sħubija u 2 kuntratti qafas ma’ Entitajiet Kwalifikati, u b’hekk iffaċilitat l-esternalizzazzjoni ta’ 63 000 siegħa ta’ xogħol fl-2021; |
9. |
Iħeġġeġ lill-Aġenzija tinvolvi ruħha, billi tuża kemm l-għarfien espert tagħha kif ukoll ir-riżorsi adegwati, fil-Proġett Pilota dwar “Korp Ewropew għall-istandards tal-fjuwil tal-ġettijiet u ċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza” skont il-baġit tal-Unjoni għall-2023; |
10. |
Ifaħħar l-isforzi tal-Aġenzija fl-appoġġ tal-integrazzjoni ta’ teknoloġiji, operazzjonijiet u mudelli kummerċjali ġodda fis-sistema Ewropea tal-avjazzjoni permezz tal-programm ta’ riċerka u innovazzjoni tagħha; |
11. |
Jilqa’ l-progress tal-Programm Militari (2020 — tmiem miftuħ) u jenfasizza r-rwol tal-Aġenzija fil-mobbiltà militari Ewropea; jitlob żieda rapida u sostanzjali tal-linja baġitarja tal-UE għall-mobbiltà militari biex tkun tista’ tirrispondi għall-isfidi fis-settur; |
12. |
Jappella għal aktar sinerġija bejn il-ħtiġijiet ċivili u militari skont il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari billi jiġu ssimplifikati l-proċessi u jiġu allinjati r-regoli; jisħaq fuq il-fatt li dan jista’ jipprovdi lok għall-Aġenzija biex tkompli tappoġġa l-istati u l-kompetittività tal-industrija, pereżempju permezz tat-tfassil komuni tar-regoli u ċ-ċertifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru tal-istat; |
Politika dwar il-persunal
13. |
Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, 92,94 % tat-tabella tal-persunal kienet ġiet implimentata, bil-ħatra ta’ 632 aġent temporanju minn 680 aġent temporanju awtorizzat mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma’ 680 pożizzjoni awtorizzata fl-2020); jinnota li, barra minn hekk, 91 aġent kuntrattwali u 18-il espert nazzjonali sekondat ħadmu għall-Aġenzija fl-2021; jinnota tnaqqis fil-livell tal-persunal tal-Aġenzija meta mqabbel mal-2019 minħabba l-implikazzjonijiet finanzjarji relatati mal-COVID-19 li wassal lill-Aġenzija biex tnaqqas l-investimenti relatati mal-persunal, filwaqt li ffavoriet il-mobbiltà interna u l-kondiviżjoni tar-riżorsi; jilqa’ l-miżuri rrappurtati tal-Aġenzija biex tipprevjeni rata għolja ta’ dawran tal-persunal, li fl-2021 kienet ta’ 0,84 %; |
14. |
Jinnota l-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-membri tal-maniġment superjuri tal-Aġenzija, fejn 3 minn 5 (60 %) huma rġiel; jinnota bi tħassib l-iżbilanċ bejn il-ġeneri fil-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija, fejn 63 minn 82 (77 %) huma rġiel; jieħu nota wkoll tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-persunal ġenerali tal-Aġenzija, fejn 643 minn 959 (67 %) huma rġiel; jistieden lill-Aġenzija tkompli bl-isforzi tagħha biex tilħaq il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell tal-persunal permezz ta’ azzjonijiet konkreti li jattiraw applikazzjonijiet minn nisa għal karigi offruti mill-Aġenzija; jinnota li l-Aġenzija qed timmonitorja kontinwament l-iżviluppi fil-bilanċ bejn il-ġeneri u li r-rappreżentanza tan-nisa f’pożizzjonijiet maniġerjali (minn dik ta’ Maniġer tat-Taqsima sa dik ta’ Direttur) żdiedet minn 16,9 % għal 21,25 % fl-2021 u li minn Jannar 2020, minn 4 Diretturi fl-Aġenzija, 2 huma nisa; |
15. |
Jinnota l-istima tal-Aġenzija fir-rigward taż-żieda imminenti fl-għadd ta’ persuni rtirati; jilqa’ f’dan il-kuntest l-istabbiliment ta’ programm ta’ ġestjoni tal-kompetenzi u ta’ ppjanar strateġiku tal-forza tax-xogħol li se jgħin lill-Aġenzija tivvaluta, fost l-oħrajn, fejn huma meħtieġa investimenti fir-riżorsi esterni; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza bl-eżitu ta’ dan il-programm; jinnota wkoll li l-Aġenzija adottat xenarju ta’ nofs it-terminu dwar il-persunal biex issaħħaħ l-oqsma ta’ kompetenza ewlenin u trawwem l-iżvilupp tal-persunal billi toffri opportunitajiet ta’ karriera professjonali internament f’diversi oqsma ta’ kompetenza lil madwar 80 membru tal-persunal matul l-2021; |
16. |
Ifakkar fl-importanza li tiġi żviluppata politika tar-riżorsi umani fit-tul dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-offerta ta’ possibbiltajiet ta’ taħriġ speċifiku għall-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-persunal, it-telexogħol, id-dritt għall-iskonnessjoni, it-titjib tal-bilanċ ġeografiku biex ikun hemm rappreżentanza xierqa mill-Istati Membri kollha, u r-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà, kif ukoll l-iżgurar li jiġu ttrattati b’mod ugwali u li l-opportunitajiet tagħhom jiġu promossi b’mod wiesa’; jinnota l-importanza li jiġu pprovduti opportunitajiet ta’ taħriġ differenti għall-persunal kollu tal-Aġenzija; jissuġġerixxi li l-istħarriġ dwar l-involviment tal-persunal għandu jsir kull sena minflok kull tliet snin; |
Akkwist
17. |
Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija mmaniġġjat u/jew ikkonkludiet 33 proċedura ta’ valur għoli u ta’ valur medju, 90 proċedura ta’ valur baxx u 48 kuntratt ta’ esperti, u 600 kuntratt speċifiku taħt kuntratti qafas; jilqa’ l-implimentazzjoni ta’ strateġija konsolidata ta’ akkwist għal servizzi tekniċi ta’ ġestjoni tal-faċilitajiet permezz tal-ġbir ta’ diversi tipi ta’ kuntratti bil-għan li ttejjeb il-ġestjoni tal-kuntratti u tiċċentralizza s-servizzi esternalizzati; |
18. |
Jinnota, fir-rigward tas-segwitu tal-osservazzjonijiet mill-awtorità ta’ kwittanza għall-2020, li l-Aġenzija ħadet miżuri biex ittejjeb il-prattiki tal-akkwist tagħha li għandhom l-għan li jimmassimizzaw il-kompetizzjoni ġusta u l-valur għall-flus, iżidu t-trasparenza, u jnaqqsu l-ħtieġa ta’ eċċezzjonijiet, inkluż permezz ta’ taħriġ ta’ sensibilizzazzjoni għall-atturi finanzjarji tagħha; jilqa’ l-progress tal-Aġenzija rigward is-soluzzjoni tal-fatturazzjoni elettronika; jistieden lill-Aġenzija tkompli bl-ottimizzazzjoni u l-modernizzazzjoni tas-soluzzjonijiet diġitali tagħha biex tkompli tissimplifika l-proċessi ta’ akkwist u tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-iżviluppi f’dan ir-rigward; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u trasparenza
19. |
Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi li għaddejjin bħalissa biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u l-protezzjoni tal-informaturi; jilqa’ l-fatt li fl-2021 ma kien hemm l-ebda każ reali ta’ kunflitt ta’ interess; jinnota wkoll li kwalunkwe każ potenzjali fl-Aġenzija jista’ jiġi indirizzat b’miżuri ta’ mitigazzjoni; jirrikonoxxi li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri tal-bord u tal-maniġment superjuri huma ppubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tipparteċipa fil-ftehim interistituzzjonali stabbilit dan l-aħħar dwar reġistru ta’ trasparenza obbligatorju għal rappreżentanti ta’ interess iffirmat mill-Kummissjoni, mill-Kunsill u mill-Parlament; |
20. |
Jinnota l-osservazzjoni li saret mill-Qorti tal-Awdituri rigward in-nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal dwar kunflitt ta’ interess potenzjali; jistieden lill-Aġenzija tlesti l-azzjoni korrettiva u tkopri r-riskju ta’ kunflitti ta’ interess; jinnota t-tweġiba tal-Aġenzija li tiddikjara li kienet saret evalwazzjoni bir-reqqa; |
21. |
Jinnota li l-Aġenzija aġġornat il-politika tagħha dwar il-ġestjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess billi adottat “Kodiċi ta’ Kondotta għall-persunal tal-EASA”, li jinkludi rekwiżit għall-membri tal-persunal kollha tal-Aġenzija biex jimlew dikjarazzjoni ta’ kunflitti ta’ interess, regoli dwar ir-rigali u l-ospitalità, u taħriġ obbligatorju dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta u l-annessi tiegħu għall-persunal kollu tal-Aġenzija; |
22. |
Ifakkar fl-importanza li jissaħħu s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Aġenzija; jinsisti bil-qawwa fuq ir-rekwiżit ta’ sistemi effettivi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll biex jiġu evitati każijiet potenzjali ta’ kunflitt ta’ interess, kontrolli ex ante/ex post nieqsa, ġestjoni mhux adegwata tal-impenji baġitarji u legali, u nuqqasijiet fir-rapportar ta’ kwistjonijiet fir-reġistru tal-eċċezzjonijiet; |
23. |
Jinnota li, minħabba n-natura teknika tagħha, l-Aġenzija tmexxi djalogi miftuħa mal-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-avjazzjoni, filwaqt li tqis il-fehmiet tagħhom meta tiddeċiedi dwar it-tfassil tar-regoli u l-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni; jinnota wkoll li l-workshops tekniċi kollha organizzati mill-Aġenzija mal-partijiet ikkonċernati tagħha fil-qasam tal-avjazzjoni huma riflessi fil-paġna tal-avvenimenti tas-sit web tal-Aġenzija; |
Kontroll intern
24. |
Jinnota li l-istandards ta’ kontroll intern tal-Aġenzija jinkludu qafas li jikkonsisti f’ħames komponenti ta’ kontroll intern, 17-il prinċipju u l-istandard internazzjonali tal-kwalità (ISO 9001:2015); jinnota wkoll li fl-2021 twettaq awditu ta’ sorveljanza li wassal għall-konklużjoni li s-sistema ta’ kontroll intern tal-Aġenzija tikkonforma bis-sħiħ mal-istandards ta’ ġestjoni tagħha; |
25. |
Jinnota li l-Aġenzija implimentat il-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet li rriżultaw mill-awditu tas-Servizz tal-Awditjar Intern dwar iċ-ċertifikazzjoni u l-livell ta’ involviment tal-organizzazzjonijiet fl-2021; jistieden lill-Aġenzija timplimenta l-azzjonijiet li fadal; |
26. |
Jinnota li, fl-2021, il-Kapaċità ta’ Awditjar Intern wettqet tliet aċċertamenti tal-awditu biex tivvaluta rispettivament jekk kienx hemm konformità mar-regolamenti rilevanti, jekk l-objettivi tal-proċess ġewx issodisfati u jekk ir-riskji ewlenin ġewx immitigati kif xieraq fi ħdan l-Aġenzija; jinnota li ngħataw xi rakkomandazzjonijiet biex jitjieb ulterjorment l-ambjent ta’ kontroll jew l-effiċjenza globali tal-proċessi; jistieden lill-Aġenzija tiffinalizza l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet li fadal b’rabta mal-awditi ta’ segwitu tal-2021; |
Diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika
27. |
Ifaħħar lill-Aġenzija għall-firxa wiesgħa ta’ miżuri bil-għan li jnaqqsu l-impronta ambjentali tagħha; jenfasizza, f’dan il-kuntest, it-teknoloġiji li jgħammru l-bini sostenibbli tal-Aġenzija u jgħinu biex jiġi ottimizzat l-użu tal-enerġija u l-konsum tal-ilma, l-inklużjoni tal-ġestjoni tal-enerġija bħala servizz fl-ispeċifikazzjonijiet tal-offerti, ix-xiri ta’ 100 % enerġija rinnovabbli u miżuri oħra li jinċentivaw l-użu tal-ferroviji jew tat-trasport pubbliku mill-persunal tagħha, kif ukoll it-tnaqqis tal-ivvjaġġar fuq xogħol; ifaħħar ukoll lill-Aġenzija għall-iskema ta’ kumpens tagħha fir-rigward tal-konsum tal-elettriku u l-ivvjaġġar fuq xogħol bil-ferrovija; |
28. |
Ifaħħar l-approvazzjoni ta’ diversi Sħubijiet Ewropej biex titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, inkluż dwar ir-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 bil-għan li titħaffef it-trasformazzjoni diġitali tal-ATM f’konformità mal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM; ifakkar, f’dak ir-rigward, fl-importanza tal-Ajru Uniku Ewropew 2+ biex jinkisbu l-armonizzazzjoni, l-interoperabbiltà u l-effiċjenza mtejba; |
29. |
Jinnota li l-Aġenzija kompliet il-programm ta’ trasformazzjoni korporattiva tagħha, “Destination: Future Proof (Destinazzjoni: Validi għall-Futur)” b’objettivi ewlenin marbuta mal-modernizzazzjoni tal-modi ta’ ħidma u s-simplifikazzjoni tal-proċessi ewlenin inklużi l-attivitajiet ewlenin bħat-tfassil tar-regoli, l-ajrunavigabbiltà inizjali u l-approvazzjonijiet tal-organizzazzjoni; ifaħħar, f’dan il-kuntest, il-progress li sar mill-Aġenzija biex tipprovdi lill-partijiet ikkonċernati esterni b’servizzi diġitali billi tħejji ruħha għal soluzzjonijiet ta’ implimentazzjoni għar-rappurtar tal-okkorrenzi (ECCAIRS2), l-aċċess għar-regoli tal-EASA (regoli elettroniċi), il-FlexTool għall-ġbir ta’ eżenzjonijiet u derogi, siti kollaborattivi u r-repożitorju ta’ Drones; jistieden lill-Aġenzija tkompli tibni l-pjattaforma tal-IT Diġitali Ewlenija tagħha f’konformità mal-pjan direzzjonali tad-diġitalizzazzjoni (CORAL) u tmur lil hinn mill-mira stabbilita (65 %) f’dan ir-rigward; jistieden lill-Aġenzija tistabbilixxi politika taċ-ċibersigurtà u timplimenta pjan direzzjonali għas-sigurtà tal-informazzjoni; |
30. |
Iħeġġeġ lill-Aġenzija taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà); jissottolinja l-importanza li jitwettqu valutazzjonijiet tar-riskju regolari dwar l-infrastruttura tal-IT tagħha u li jiġu żgurati awditi u testijiet regolari tad-difiżi ċibernetiċi tagħha; iħeġġeġ ukoll lill-Aġenzija toffri programmi ta’ taħriġ sistematiċi u aġġornati relatati maċ-ċibersigurtà lill-persunal kollu tagħha, inkluż lill-maniġment, peress li dan huwa element ewlieni għal qafas effettiv taċ-ċibersigurtà; |
Kontinwità tal-operat matul il-kriżi tal-COVID-19
31. |
Jinnota l-approċċ konservattiv tal-Aġenzija fit-tieni sena tal-pandemija rigward l-ippjanar tan-nefqa, inkluż tnaqqis fir-reklutaġġ estern; jinnota wkoll li l-ammont ta’ xogħol dejjem jiżdied ġie ġestit billi ġew stabbiliti metodi ta’ ħidma ġodda (eż. xogħol mill-bogħod u reġim ta’ xogħol ibridu kuljum) u bl-investiment f’inizjattivi ta’ effiċjenza u diġitalizzazzjoni biex titnaqqas il-pressjoni fuq ir-riżorsi eżistenti; iħeġġeġ lill-Aġenzija tqiegħed fil-prattika t-tagħlimiet rigward il-metodi ta’ ħidma remoti u ibridi, sabiex torganizza aħjar il-laqgħat li jistgħu jsiru b’mod aktar effiċjenti b’mod remot pjuttost milli wiċċ imb wiċċ; |
32. |
Jinnota li, minħabba l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, l-Aġenzija kkonċentrat fuq il-protezzjoni tal-pubbliku li jivvjaġġa u l-identifikazzjoni u l-mitigazzjoni tal-konsegwenzi tas-sikurezza; jilqa’ l-azzjonijiet tal-Aġenzija fl-ambitu tal-proġett Ritorn għal Operazzjonijiet Normali (RNO), meta ppubblikat Bullettini ta’ Informazzjoni dwar is-Sikurezza u materjal ta’ gwida, u azzjonijiet oħra li jipprovdu miżuri ta’ flessibbiltà u solliev regolatorju, li jindirizzaw ir-riskji tas-saħħa u dawk emerġenti u jibnu kooperazzjoni ma’ stati sħab; |
33. |
Jissuġġerixxi li l-Aġenzija timmonitorja kontinwament is-sikurezza tal-avjazzjoni, inkluża l-għeja tal-ekwipaġġ tal-kabina kif previst fir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li jistabbilixxi l-Aġenzija; |
Kummenti oħra
34. |
Ifaħħar lill-Aġenzija għas-suċċess tagħha fit-twettiq tal-“EASA light”, parti mis-sit web tagħha li toffri kontenut ħafif għal udjenza mhux speċjalizzata; iħeġġeġ lill-Aġenzija tiżviluppa dan is-servizz skont il-feedback dwar kemm jintuża; ifaħħar ukoll lill-Aġenzija għall-metrika mtejba tagħha rigward l-użu tal-“EASA Pro”, parti mis-sit web tagħha li toffri informazzjoni dettaljata għall-partijiet ikkonċernati professjonali; jilqa’ l-fatt li fl-2021 l-Aġenzija saħħet ir-rabtiet tagħha mal-akkademiċi bil-formazzjoni ta’ Kumitat Xjentifiku li jiġbor flimkien esperti li jistgħu jagħtu pariri dwar żviluppi f’oqsma rilevanti; |
35. |
Jisħaq li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jeħtiġilhom jirrispettaw ir-regolamentazzjoni finanzjarja u standards maniġerjali għoljin; |
36. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 141, 29.3.2022, p. 81.
(2) ĠU C 141, 29.3.2022, p. 80.
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).
(4) Testi adottati, P9_TA(2023)0190.