EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1848

Riżoluzzjoni (UE) 2023/1848 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC) għas-sena finanzjarja 2021

ĠU L 242, 29.9.2023, p. 202–206 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1848/oj

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/202


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1848 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC) għas-sena finanzjarja 2021

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC) għas-sena finanzjarja 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0129/2023),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tan-nefqa tagħha (1), il-baġit finali adottat tal-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2021 kien ta’ EUR 7 341 357, li jirrappreżenta żieda ta’ 1,49 % meta mqabbel mal-2020, li prinċipalment jirrappreżenta żieda fl-infiq relatat mal-persunal; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa derivat prinċipalment mill-baġit tal-Unjoni u mill-kontribuzzjonijiet ta’ pajjiżi terzi; billi d-dħul addizzjonali għall-baġit adottat tal-2021 ġie pprovdut minn kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi, riportati mis-snin preċedenti, u minn krediti ta’ operazzjonijiet amministrattivi;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“rapport tal-Qorti”), stqarret li l-Qorti kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b’apprezzament li l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-baġit, matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 99,97 % tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn tal-baġit finali adottat għas-sena, li tirrappreżenta żieda ta’ 0,89 % meta mqabbla mal-2020; jilqa’ l-fatt li r-rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit hija l-ogħla fl-aħħar ħames snin, u fi ħdan il-limitu minimu ta’ iktar minn 95 % stabbilit mill-Bord Maniġerjali; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena attwali kienet ta’ 69,33 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 8,19 % meta mqabbla mal-2020 iżda hija inqas mir-rati fl-2017 u fl-2019 minħabba r-riporti relatati mat-tnedija ta’ għadd kbir ta’ proġetti speċifiċi li kienu maħsuba li jiġu ffinalizzati fl-2022;

2.

Jinnota li għas-sena finanzjarja 2019 il-Qorti sabet li proċedura ta’ akkwist għal servizzi legali kienet irregolari u b’riżultat ta’ dan il-pagamenti sussegwenti li saru bbażati fuq dan il-kuntratt qafas huma irregolari, u li fl-2021, il-pagamenti assoċjati ammontaw għal EUR 4 444;

Prestazzjoni

3.

Jinnota li l-Aġenzija tuża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tivvaluta r-riżultati miksuba fir-rigward tal-objettivi tagħha, inkluż dwar il-ġestjoni tal-baġit, il-bilanċ bejn il-ġeneri u l-protezzjoni tad-data personali; jilqa’ l-fatt li wieħed minn dawk il-KPIs jistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-aċċess għad-dokumenti pproċessati ta’ 15-il jum ta’ xogħol; jinnota li l-KPIs dwar is-sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) huma fis-seħħ u jiddispjaċih li l-iffirmar ta’ kuntratt ta’ konsulenza dwar it-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) b’appoġġ għall-iżvilupp tal-“Istrateġija tal-ICT tal-BEREC 2022–2025” kellu jiġi pospost għall-2022 minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-kuntratt ta’ servizzi bħal dawn; japprezza l-fatt li l-KPIs ġew issodisfati u l-fatt li l-Aġenzija ġibdet l-attenzjoni għal miżuri li jistgħu jtejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-ħidma tal-Aġenzija; madankollu, jirrakkomanda li l-Aġenzija tieħu nota tal-KPIs li għadhom ma ntlaħqux jew li waqgħu lura;

4.

Jinnota li l-Aġenzija iffinalizzat żewġ studji għall-BEREC fl-2021, jiġifieri, l-“Istudju dwar l-imġiba tal-konsumatur lejn pjattaformi diġitali bħala mezz ta’ komunikazzjoni” u l-“Istudju dwar miżuri ta’ wara l-COVID biex jingħalaq id-distakk diġitali”, u parti minn wieħed dwar it-tnaqqis fl-impronta ambjentali tal-BEREC u l-Aġenzija bir-rapport finali tiegħu mistenni fl-2022, li għalih ġew iffirmati tliet kuntratti speċifiċi fl-2021;

Politika dwar il-persunal

5.

Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, 93,75 % tat-tabella tal-persunal kienet implimentata, bil-ħatra ta’ 15-il aġent temporanju minn total ta’ 16-il aġent temporanju awtorizzati skont il-baġit tal-Unjoni (l-istess għadd ta’ postijiet tax-xogħol awtorizzati bħal fl-2020); jinnota wkoll li, fl-2021, l-Aġenzija ħaddmet 21 aġent kuntrattwali, 9 esperti nazzjonali sekondati u 8 impjegati interim u konsulenti;

6.

Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fit-tmexxija tal-Aġenzija; jinnota d-distribuzzjoni tal-ġeneru fi ħdan il-membri tal-maniġment superjuri tal-Aġenzija, fejn 3 minn 4 (75 %) huma rġiel; jinnota wkoll id-distribuzzjoni tal-ġeneru fil-Bord Maniġerjali tal-Aġenzija, fejn 21 minn 28 huma rġiel (75 %); madankollu, jieħu nota tal-fatt li fi tmiem l-2021 inkiseb bilanċ bejn il-ġeneri b’mod ġenerali fi ħdan il-persunal, b’ 52 % nisa u 48 % rġiel; jistieden lill-Aġenzija tieħu miżuri konkreti biex ittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-ġerarkija mill-aktar fis possibbli u tirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza;

7.

Jinnota bi tħassib mis-segwitu għall-kwittanza tal-2020 li peress li ma nstabet l-ebda istituzzjoni jew korp tal-Unjoni li jikkondividu l-kapaċità ta’ koordinatur tal-kontroll intern, l-Aġenzija ddeċidiet li timpjega ħaddiem interim għal tliet xhur u nofs biex iwettaq dik il-funzjoni; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija ġiet innotifikata dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ttemm il-forniment ta’ servizzi kontabilistiċi u offriet il-possibbiltà lill-Aġenzija li tikkunsidra l-kondiviżjoni ta’ uffiċjal tal-kontabilità ma’ aġenzija oħra, u li l-Aġenzija tqis li l-internalizzazzjoni tal-kontabbiltà mhijiex fattibbli fuq terminu qasir; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward; jinsab imħasseb li fl-2022 ġie rreġistrat riskju relatat ta’ tnaqqis fl-effiċjenza, fil-kwalità tar-riżultati u tat-telf ta’ għarfien espert fir-reġistru tar-riskju tal-Aġenzija; jinnota li l-Aġenzija qed taħdem fuq miżuri ta’ mitigazzjoni; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

8.

Jinnota li, skont is-segwitu għall-osservazzjonijiet ta’ kwittanza tas-sena preċedenti, l-Aġenzija implimentat miżuri, bħal ftehim ġdid dwar il-kwartieri ġenerali mal-Istat Membru ospitanti biex jiġu estiżi l-benefiċċji għall-persunal tal-Aġenzija, biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet ħalli jiġu attirati u miżmuma l-professjonisti; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija organizzat mill-ġdid l-użu tal-kariga limitata tagħha fit-tabella tal-persunal sabiex tiżgura li jiġu żgurati l-kapaċitajiet obbligatorji minimi;

9.

Ifakkar fl-importanza li tiġi żviluppata politika tar-riżorsi umani (HR) fit-tul dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-għoti ta’ possibbiltajiet ta’ taħriġ speċifiku għall-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-persunal, it-telexogħol, id-dritt għall-iskonnessjoni, it-titjib tal-bilanċ ġeografiku biex ikun hemm rappreżentanza xierqa mill-Istati Membri kollha, u r-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà kif ukoll l-iżgurar li jiġu ttrattati b’mod ugwali u li l-opportunitajiet tagħhom jiġu promossi b’mod wiesa’;

10.

Ifakkar li n-nuqqasijiet proċedurali fil-proċeduri ta’ reklutaġġ jimminaw il-prinċipji tat-trasparenza u t-trattament ugwali; jitlob li l-Aġenzija ttejjeb il-proċedura tagħha dwar ir-reklutaġġ intern biex tiċċara l-proċessi ta’ evalwazzjoni u l-avviżi ta’ postijiet vakanti.

Akkwist

11.

Jirrimarka li l-Aġenzija ilha tuża mudell ta’ akkwist ċentralizzat mill-2019 u li minn Frar 2022 qed tuża wkoll l-għodda għall-ġestjoni tal-akkwist Pubbliku tal-Kummissjoni biex tissimplifika aktar il-proċessi tiegħu ta’ akkwist pubbliku;

12.

Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, fi proċedura waħda ta’ akkwist għas-servizzi tal-IT, l-Aġenzija talbet offerta minn kuntrattur mingħajr ma speċifikat minn qabel liema servizzi kienu meħtieġa, u dan ixekkel l-effettività, l-effiċjenza u l-ekonomija tal-operazzjonijiet, u li, barra minn hekk, hija ma wettqitx kontrolli ex ante fuq il-prezzijiet għall-kuntratti speċifiċi taħt il-kuntratt qafas sottostanti; jinnota t-tweġiba tal-Aġenzija li se ttejjeb id-dokumentazzjoni tal-passi kollha tal-proċess li jwassal għall-approvazzjoni tad-dikjarazzjoni tax-xogħol u li se tbiddel il-proċedura interna tagħha biex tinkludi dokumentazzjoni xierqa tal-kontrolli tal-prezzijiet kollha għal kuntratti speċifiċi futuri; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

13.

Ifakkar fl-importanza għall-proċedura kollha ta’ akkwist, biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn l-offerenti u jiġu akkwistati oġġetti u servizzi bl-aħjar prezz, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji ta’ trasparenza, proporzjonalità, trattament ugwali u nondiskriminazzjoni; jinnota bi tħassib l-osservazzjoni tal-Qorti li skontha, d-dgħufijiet tal-akkwist pubbliku qed jiżdiedu u jibqgħu l-akbar sors ta’ pagamenti irregolari għall-biċċa l-kbira tal-aġenziji.

Prevenzjoni u ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess u trasparenza

14.

Jinnota li l-Aġenzija tippubblika fuq is-sit web tagħha kważi s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess kollha tal-bord maniġerjali tagħha; jistieden lill-Aġenzija sabiex tirrapporta l-isforzi tat-trasparenza tagħha f’dak ir-rigward;

15.

Jinnota bi tħassib li l-Qorti sabet li l-kumitat tal-għażla fi proċedura ta’ reklutaġġ ma kienx stabbilixxa kif se jingħataw il-punti għal kull kriterju tal-għażla qabel ma eżamina l-applikazzjonijiet u li l-president tal-kumitat tal-għażla kien iddikjara kunflitt ta’ interess professjonali b’rabta ma’ żewġ kandidati li jaħdmu taħt is-superviżjoni tiegħu, u madankollu r-rapport ta’ evalwazzjoni finali ma ddeskrivix kif dan il-kunflitt ta’ interess kien ġie indirizzat; jinnota t-tweġiba tal-Aġenzija li qed tħejji mudelli interni ġodda għall-proċeduri tal-għażla u li adottat regoli interni dwar id-dokumentazzjoni tal-konformità mad-deċiżjoni tal-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg; jistieden lill-Aġenzija ttejjeb u tiżgura t-trasparenza u tiddokumenta kif xieraq waqt il-proċeduri tal-għażla, u tirrapporta kwalunkwe żviluppi f’dak ir-rigward lill-awtorità ta’ kwittanza;

16.

Jinnota li l-politika riveduta għall-ġestjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess ġiet adottata mill-bord maniġerjali fl-2019 biex tinkludi l-evalwazzjoni tal-kunflitti ta’ interess u l-miżuri ta’ mitigazzjoni imposti fil-każ ta’ kunflitt ta’ interess potenzjali jew ikkonfermat tal-membri tal-bord maniġerjali; jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli aktar sistematiċi dwar it-trasparenza, l-inkompatibbiltajiet, il-kunflitti ta’ interess, il-lobbjar illegali u r-revolving doors u jekk hemm bżonn li tiġi aġġornata l-politika tagħha ta’ kunflitt ta’ interess; jistieden lill-Aġenzija ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ kontroll intern tagħha, inkluż l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu intern kontra l-korruzzjoni;

Kontroll intern

17.

Jinnota li wara l-valutazzjoni sħiħa tar-riskju tas-servizz tal-awditjar intern (IAS) tal-Kummissjoni fl-Aġenzija biex jiġi stabbilit il-pjan strateġiku tal-awditjar intern tagħha għall-perjodu 2021–2023 fl-2020, l-IAS ma identifikax riskji kritiċi, u li, fil-bidu tal-2021, l-IAS għalaq ir-rakkomandazzjonijiet miftuħa kollha li jirriżultaw minn awditi preċedenti; jirrikonoxxi li minn Ottubru sa Diċembru 2021 koordinatur interim tal-kontroll intern wettaq valutazzjoni tal-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistema ta’ kontroll intern fl-Aġenzija, u b’hekk wera li l-ispejjeż relatati mal-kontrolli fl-Aġenzija huma konformi mal-benefiċċji; jinnota li l-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti tal-qafas ta’ kontroll intern ikkonkludiet li l-Aġenzija hija ġeneralment konformi kemm jista’ jkun mingħajr persunal impjegat speċifikament għall-kontrolli interni; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp fir-rigward tal-kontroll intern;

18.

Jinnota, li skont ir-rapport ta’ segwitu tal-Aġenzija għall-kummenti tal-awtorità ta’ kwittanza dwar il-kwittanza tal-2020, li l-Kummissjoni ttemm il-provvista ta’ servizzi ta’ kontabilità lill-Aġenzija fl-2023 u li l-Aġenzija bis-16-il kariga fit-tabella tal-persunal attwali tiegħu mhijiex kapaċi tinternalizza d-dmirijiet obbligatorji ta’ uffiċjal tal-kontabilità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Uffiċċju tal-BEREC jallokaw ir-riżorsi meħtieġa biex jiżguraw il-kontinwità f’dan il-qasam ewlieni u jirrappurtaw lura lill-awtorità ta’ kwittanza;

19.

Ifakkar fl-importanza li jissaħħu s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Aġenzija; jinsisti bil-qawwa fuq ir-rekwiżit ta’ sistemi effettivi ta’ ġestjoni u kontroll biex jiġu evitati każijiet potenzjali ta’ kunflitt ta’ interess, kontrolli ex ante jew ex post nieqsa, ġestjoni mhux adegwata tal-impenji baġitarji u legali, u n-nuqqas ta’ rapportar ta’ kwistjonijiet fir-reġistru tal-eċċezzjonijiet;

Diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika

20.

Jinnota li fit-2020 l-Aġenzija stabbiliet grupp ta’ networking ta’ esperti dwar is-sostenibbiltà; jinnota l-parteċipazzjoni tal-Aġenzija fil-proċedura ta’ akkwist interistituzzjonali għal “Konsulenza u ġestjoni ta’ kumpens għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra” tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), konkluża f’Ġunju 2022; jilqa’ l-fatt li l-pjan ta’ azzjoni pluriennali għall-ekoloġizzazzjoni għall-Aġenzija jinkludi impenn għal tnaqqis gradwali tas-CO2; jinnota wkoll li ġew proposti regoli ġodda biex jitnaqqsu l-ivvjaġġar u l-emissjonijiet relatati;

21.

Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija bdiet proġett ta’ sessjonijiet ta’ ħidma biex tiddefinixxi pjan direzzjonali strateġiku għall-proġetti diġitali futuri fuq il-post tax-xogħol dwar it-teknoloġiji u l-mod ta’ ħidma, u valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data u pjan għas-sigurtà tal-IT għas-servizzi tal-Microsoft Office u strateġiji possibbli dwar il-migrazzjoni tal-cloud; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta’ dawk il-proġetti; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija allokat għadd ta’ spejjeż operattivi marbuta mal-ispejjeż ta’ manutenzjoni għall-bażi tad-data tal-awtorizzazzjoni ġenerali u l-bażi tad-data dwar ir-riżorsi tan-numerazzjoni bi dritt ta’ użu extraterritorjali fl-Unjoni, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2);

22.

Jinnota li, skont is-segwitu għall-osservazzjonijiet ta’ kwittanza tal-2020, l-Aġenzija għadha ma bdietx tiżviluppa politika taċ-ċibersigurtà fir-rigward tar-regolamentazzjoni futura tas-sigurtà tal-informazzjoni fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u r-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3); jilqa’, madankollu, il-kollaborazzjoni tal-Aġenzija mas-CERT-UE (l-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni), u ma’ fornitur terz ta’ soluzzjonijiet tas-sigurtà tal-IT; jistieden lill-Aġenzija tħaffef l-iżvilupp tal-politika taċ-ċibersigurtà; jinnota, barra minn hekk, li l-grupp ta’ esperti tan-networking ta’ esperti tal-ICT ipproduċa rapport dwar “It-theddid għaċ-ċibersigurtà b’enfasi fuq l-attakki tal-phishing” bl-għan li jivvaluta l-prattiki taċ-ċibersigurtà adottati fost l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali;

23.

Iħeġġeġ lill-Aġenziji jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà); jissuġġerixxi li jiġu offruti regolarment programmi ta’ taħriġ aġġornati relatati maċ-ċibersigurtà għall-persunal kollu fl-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tiżviluppa l-politika tagħha fil-qasam taċ-ċibersigurtà aktar malajr, twassalha qabel il-31 ta’ Diċembru 2023 u tirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza;

24.

Ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija f’termini ta’operazzjoni u ġestjoni interni iżda anke sabiex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tkompli tkun proattiva f’dak ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali fir-rigward ta’ aġenziji oħra; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata;

Kontinwità tal-operat tul kriżi tal-COVID-19

25.

Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Aġenzija biex tappoġġja lill-gruppi ta’ ħidma tal-BEREC, inkluż fl-organizzazzjoni ta’ laqgħat u sessjonijiet ta’ ħidma; jinnota li fl-2021 kważi l-laqgħat kollha tal-gruppi ta’ ħidma tal-BEREC kienu virtwali; iħeġġeġ lill-Awtorità biex, fil-futur, tqiegħed fil-prattika t-tagħlimiet meħuda rigward il-metodi ta’ ħidma remoti u ibridi, sabiex torganizza aħjar il-laqgħat u l-eventi li jistgħu jsiru b’mod aktar effiċjenti b’mod remot pjuttost milli fiżikament; ifakkar li b’kollox saru 490 laqgħa virtwali tal-grupp ta’ ħidma fl-2021 u li matul dawk il-laqgħat attendew aktar minn 10 000 parteċipant;

26.

Jinnota l-istudju dwar il-miżuri ta’ wara l-COVID biex jingħalaq id-distakk diġitali li l-konklużjonijiet tiegħu ġew inklużi “fir-Rapport tal-BEREC dwar il-kriżi tal-COVID-19 — tagħlimiet meħuda fir-rigward tan-networks tal-komunikazzjoni għal soċjetà reżiljenti”;

27.

Jinnota, b’mod partikolari, il-ftehim dwar il-livell ta’ servizz mas-servizzi tal-Kummissjoni għall-użu tal-portal avvanzat biex issir laqgħa tal-għodda tal-IT tal-Kummissjoni; jinnota wkoll li l-grupp ta’ esperti tan-networking ta’ esperti tal-ICT ħadem biex jiffinalizza rapport dwar il-konferenza awdjoviżiva u s-soluzzjonijiet tal-laqgħat diġitali u ieħor dwar soluzzjonijiet ta’ uffiċċji intelliġenti;

Kummenti oħra

28.

Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Aġenzija biex tqajjem kuxjenza dwar il-missjoni tagħha stess u tal-BEREC fost iċ-ċittadini tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, u, b’mod partikolari, il-parteċipazzjoni tal-Aġenzija f’inizjattivi ta’ rappreżentanza tal-Unjoni; jinnota, barra minn hekk, is-sessjonijiet ta’ ħidma dwar l-identità viżiva l-ġdida tal-Aġenzija u tal-BEREC u dwar id-disinn u l-kontenut tas-sit web tal-BEREC; jinnota l-implimentazzjoni tal-attivitajiet previsti għall-Aġenzija fil-pjan annwali tal-komunikazzjoni tal-BEREC, inkluża l-organizzazzjoni ta’ eventi pubbliċi tal-BEREC u fora tal-partijiet ikkonċernati fil-Latvja; jistieden lill-Aġenzija tkompli taħdem biex iżżid il-viżibbiltà tal-Aġenzija, speċjalment fl-Istat Membru ospitanti;

29.

Jilqa’ s-sinerġiji stabbiliti tal-Aġenzija mal-EUIPO għal sistema ġdida ta’ ġestjoni tal-kontenut tas-sit web korporattiv, għall-operat tal-ICT tas-sit web korporattiv, u għall-migrazzjoni possibbli ta’ sistemi tal-ICT addizzjonali tal-Aġenzija għaċ-ċentri tad-data tal-EUIPO;

30.

Jistieden lill-Aġenzija tkompli tiżviluppa sinerġiji, pereżempju fir-rigward tal-HR, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà, u biex issaħħaħ il-kooperazzjoni, l-iskambji tal-prattiki tajba u d-diskussjonijiet rigward oqsma ta’ interess reċiproku ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni, bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza;

31.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 141, 29.3.2022, p. 146.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15).

(4)  Testi adottati, P9_TA(2023)0190.


Top