This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023BP1838
Resolution (EU) 2023/1838 of the European Parliament of 10 May 2023 with observations forming an integral part of the decision on discharge in respect of the implementation of the general budget of the European Union for the financial year 2021, Section IX – European Data Protection Supervisor
Riżoluzzjoni (UE) 2023/1838 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021, Taqsima IX — Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
Riżoluzzjoni (UE) 2023/1838 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021, Taqsima IX — Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
ĠU L 242, 29.9.2023, p. 158–164
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 242/158 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1838 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-10 ta’ Mejju 2023
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021, Taqsima IX — Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021, Taqsima IX — Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0070/2023), |
A. |
billi, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza, l-awtorità ta’ kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ aktar il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta’ titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta’ bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani; |
B. |
billi l-protezzjoni tad-data hija dritt fundamentali, protett mil-liġi Ewropea u minqux fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; |
C. |
billi l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-konformità mar-regoli relatati mal-protezzjoni tal-individwi, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali dwarhom, għandha tkun soġġetta għal kontroll minn awtorità indipendenti; |
D. |
billi r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jipprevedi l-istabbiliment ta’ awtorità indipendenti, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (“il-Kontrollur”), responsabbli mill-protezzjoni u l-garanzija tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u għall-privatezza, u inkarigat biex jiżgura li l-istituzzjonijiet u l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jħaddnu kultura b’saħħitha ta’ protezzjoni tad-data; |
E. |
billi l-Kontrollur iwettaq il-funzjonijiet tiegħu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtoritajiet għall-Protezzjoni tad-Data (DPAs) sħab bħala parti mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB), u jservi l-interess pubbliku filwaqt li jkun iggwidat mill-prinċipji tal-imparzjalità, l-integrità, it-trasparenza u l-pragmatiżmu; |
F. |
billi l-Kontrollur għandu jiddelega s-setgħat tal-Uffiċjal Awtorizzanti lid-Direttur f’konformità mal-karta tal-kompiti u r-responsabbiltajiet li jikkonċernaw il-baġit u l-amministrazzjoni tal-Kontrollur ipprovduti f’konformità mal-Artikolu 72(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), filwaqt li l-funzjoni tal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kontrollur għandha titwettaq mill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tal-1 ta’ Marzu 2017; |
1. |
Jinnota li l-baġit tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (il-”Kontrollur”) jaqa’ taħt l-intestatura 7 tal-QFP, “Amministrazzjoni pubblika Ewropea”, li kien jammonta għal total ta’ EUR 10,7 biljun fl-2021; jinnota li l-Kontrollur huwa istituzzjoni relattivament żgħira li l-baġit tagħha jirrappreżenta biss madwar 0,18 % tal-baġit amministrattiv totali; |
2. |
Jinnota li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (il-”Qorti”) fir-Rapport Annwali tagħha għas-sena finanzjarja 2021 żiedet il-kampjun tagħha ta’ tranżazzjonijiet taħt “Amministrazzjoni” minn 48 fl-2020 għal 60 fl-2021; |
3. |
Jinnota li l-Qorti ssemmi li l-ħidma tagħha fuq bosta snin tindika li b’mod ġenerali dan l-infiq huwa ta’ riskju baxx; jinnota, madankollu, li r-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2021 ma jipprovdi l-ebda informazzjoni rilevanti dwar il-Kontrollur u jistieden lill-Qorti tinkludi, fir-rapporti annwali li jmiss, data komprensiva dwar it-twettiq sħiħ tar-rekwiżiti kollha meħtieġa għal proċedura ta’ kwittanza konsistenti; |
4. |
Jinnota b’sodisfazzjon li fir-Rapport Annwali tiegħu għas-sena finanzjarja 2021, il-Qorti tinnota li ma identifikat l-ebda kwistjoni speċifika li tikkonċerna lill-Kontrollur; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
5. |
Jinnota li l-baġit għall-Kontrollur ikopri wkoll il-ħidma tas-Segretarjat indipendenti tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (il-“Bord”), fejn il-Kontrollur ikun membru u jipprovdi persunal lis-Segretarjat; |
6. |
Jilqa’ r-Rapport Annwali tal-2021 ippubblikat mill-Kontrollur; jinnota li fl-2020 il-Kontrollur laħaq jew qabeż il-miri stabbiliti fi tmienja minn disa’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs); |
7. |
Jinnota li l-baġit għall-Kontrollur kien ta’ EUR 19 463 193 għall-2021, li jirrappreżenta tnaqqis marġinali ta’ 0,07 % meta mqabbel mal-2020; madankollu, dan għandu jiġi vvalutat ukoll fl-isfond li l-baġit żdied b’16,3 % mill-2019 sal-2020, li jikkoinċidi mal-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 u maż-żieda relatata fl-ammont ta’ xogħol; |
8. |
Jinnota wkoll li r-rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit kienet ta’ 86 % għas-sena 2021, li tirrappreżenta żieda sinifikanti mill-2020 fejn ir-rata ta’ implimentazzjoni kienet ta’ 73 %; jirrikonoxxi li anke għall-2021, l-implimentazzjoni tal-baġit kienet affettwata ħafna mill-pandemija tal-COVID-19, li l-ewwel u qabel kollox illimitat severament avvenimenti fiżiċi, konferenzi u missjonijiet; |
9. |
Jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni fl-2021 kienet ta’ 89,60 % u ż-żmien medju għall-pagament kien ta’ 19,98-il jum; iħeġġeġ lill-Kontrollur inaqqas id-dewmien għall-pagamenti bl-użu ta’ soluzzjonijiet elettroniċi, li jikkontribwixxi biex l-awtoritajiet pubbliċi jsiru aktar trasparenti u sostenibbli; |
10. |
Jilqa’ l-fatt li l-Kontrollur, matul l-2021, kompla jimplimenta l-approċċ biex jintlaħaq livell ogħla ta’ effiċjenza amministrattiva bl-użu ta’ ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz u ikun hemm parteċipazzjoni f’kuntratti qafas interistituzzjonali kbar; |
Ġestjoni interna, prestazzjoni u kontroll intern
11. |
Jirrikonoxxi li l-2021 kienet ukoll sena ta’ sfida, mhux l-inqas minħabba l-pandemija tal-COVID-19, li ħolqot il-ħtieġa immedjata tas-salvagwardja tal-benesseri tal-persunal u fl-istess ħin ħolqot kompiti ġodda, inklużi l-istabbiliment taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE u l-monitoraġġ tal-Formoli tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri, tal-apps għat-traċċar tal-kuntatti, u teknoloġiji oħra użati għall-ġlieda kontra l-virus, u filwaqt li ġie żgurat li dawn kienu kompletament konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali; |
12. |
Jilqa’ l-fatt li l-Kontrollur ħoloq minnufih task force intern għall-COVID-19 biex jiġu mmonitorjati u vvalutati b’mod attiv it-tweġibiet tal-Unjoni għall-pandemija, ħaġa li ħolqot dubji u tħassib dwar il-protezzjoni tad-data personali u d-drittijiet tal-privatezza tal-individwi; jilqa’ wkoll il-fatt li l-Kontrollur nieda kompetizzjoni biex jiġu impjegati aktar esperti speċjalizzati dwar il-protezzjoni tad-data u adatta l-organizzazzjoni interna biex tirrifletti ż-żieda fl-ammont ta’ xogħol fuq il-protezzjoni tad-data; |
13. |
Jilqa’ l-fatt li l-Kontrollur, fit-tweġibiet tiegħu għar-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tas-sena l-oħra, isemmi li ddeċieda li jsaħħaħ il-kontrolli ex ante permezz ta’ listi ta’ kontroll xierqa u ddeċieda li jimpjega membru wieħed tal-persunal full-time għall-funzjoni ta’ Koordinatur tal-Kontroll Intern sabiex itejjeb il-proċeduri interni u jagħmel l-organizzazzjoni aktar effiċjenti mill-ewwel trimestru tal-2023; |
14. |
Jilqa’ l-fatt li l-Kontrollur involva ruħu f’eżerċizzju ta’ rieżami tal-Kontinwità tal-Operat u tal-Ġestjoni tal-Kriżijiet ma’ partijiet ikkonċernati interni u esterni rilevanti wara valutazzjoni interna tat-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19, kif imħeġġa wkoll mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tal-2020; jifhem li l-proċess għadu għaddej u jistenna li jibbenefika mit-tagħlimiet meħuda u l-miżuri possibbli meħuda bħala parti mill-proċedura ta’ kwittanza tal-2022; |
Riżorsi umani, ugwaljanza u benesseri tal-persunal
15. |
Jinnota li, fi tmiem l-2021, il-Kontrollur kellu 132 membru tal-persunal, li jirrappreżenta żieda żgħira mill-aħħar tal-2020 fejn kien hemm 124 membru tal-persunal u żieda sinifikanti mill-aħħar tal-2019, fejn kien hemm 107 membri tal-persunal; jinnota bi tħassib li l-għadd ta’ aġenti kuntrattwali żdied minn 37 fi tmiem l-2020 għal 49 fi tmiem l-2021, filwaqt li l-għadd ta’ uffiċjali naqas minn 72 għal 68 matul l-istess perjodu; iħeġġeġ lill-Kontrollur jipprovdi kuntratti permanenti lill-impjegati tiegħu biex jiggarantixxi l-kontinwità tal-operat u s-sigurtà tax-xogħol; jissottolinja li l-Kontrollur qed jiffaċċja sfidi biex jattira speċjalisti bl-għarfien espert meħtieġ f’oqsma speċifiċi u jħeġġeġ lill-Kontrollur jesplora modi kif tiżdied il-viżibbiltà tal-pożizzjonijiet vakanti tiegħu; |
16. |
Jieħu nota li l-Kontrollur kellu jittratta erba’ darbiet aktar konsultazzjonijiet leġiżlattivi meta mqabbel mal-2019, u jinnota li hemm biss membru wieħed ġdid tal-persunal biex jassorbi din iż-żieda fl-ammont ta’ xogħol; jinnota wkoll li s-settijiet ta’ data fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li l-Kontrollur huwa responsabbli għall-monitoraġġ tagħhom, qed jiżdiedu wkoll drastikament; |
17. |
Jinnota b’sodisfazzjon li fi tmiem l-2021, l-għadd ta’ nazzjonalitajiet tal-Unjoni rrappreżentati fost il-persunal kompla jiżdied għal 21 meta mqabbel ma’ 20 fi tmiem l-2020; jinnota wkoll li r-rappreżentanza ta’ aktar nazzjonalitajiet għenet biex jiġi żviluppat bilanċ ġeografiku aħjar fl-istituzzjoni; jistieden lill-Kontrollur ikompli jippromwovi wkoll opportunitajiet indaqs u bilanċ ġeografiku għall-pożizzjonijiet maniġerjali medji u superjuri; |
18. |
Jinnota li filwaqt li ż-żewġ pożizzjonijiet maniġerjali superjuri huma okkupati mill-irġiel, in-nisa jkopru 75 % (3 minn 4) tal-pożizzjonijiet ta’ maniġers medji; jinnota li fost il-kategoriji minn GFII sa GFIV, 38 minn 48 persuna, ekwivalenti għal kważi 80 %, kienu nisa; jinnota wkoll li n-nisa jkopru 63 % tal-forza tax-xogħol totali fl-2021, żieda minn 58 % fl-2020; |
19. |
Jilqa’ l-fatt li l-Kontrollur, fit-tweġibiet tiegħu għar-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tas-sena l-oħra, isemmi li l-persunal tar-riżorsi umani tal-Kontrollur regolarment isegwi t-taħriġ “Preġudizzju Inkonsapevoli fl-Għażla u fir-Reklutaġġ” sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni tajba tal-Istrateġija għall-Opportunitajiet Indaqs; |
20. |
Jinnota li r-rata ta’ okkupazzjoni fi tmiem l-2021 kienet ta’ 88 %, li hija pjuttost baxxa; jifhem fl-istess ħin li uħud mill-proċeduri ta’ selezzjoni kienu għadhom għaddejjin fi tmiem l-2021, filwaqt li xi pożizzjonijiet inżammu miftuħa b’antiċipazzjoni għal-lista tal-kandidati li jirnexxu fil-qasam tal-protezzjoni tad-data li ġiet ppubblikata fi tmiem l-ewwel semestru tal-2022; jinnota wkoll li l-ebda kariga maniġerjali superjuri jew medja ma kienet vakanti matul l-2021; |
21. |
Jilqa’ l-fatt li l-Kontrollur żgura l-benesseri mentali kemm tal-persunal tal-Kontrollur kif ukoll tal-Bord matul il-pandemija tal-COVID-19, inkluż, fost l-oħrajn, biex jingħata taħriġ kemm fuq bażi individwali kif ukoll bħala tim; |
22. |
Jilqa’ l-fatt li l-Kontrollur żviluppa s-sistema għal arranġamenti ta’ xogħol flessibbli, inkluż permezz tar-reġim tal-ħin flessibbli li jippermetti lill-persunal jiddeċiedi fuq bażi ta’ kuljum meta jibda u jispiċċa x-xogħol tiegħu bejn is-7.00 u t-20.30; jilqa’ wkoll li l-Kontrollur ħoloq ukoll sistema li biha l-persunal jista’ jakkumula s-sahra, li tista’ tiġi kkumpensata; |
23. |
Jinnota li r-regoli attwali jippermettu lill-membri tal-persunal jagħmlu telexogħol sa tlett ijiem fil-ġimgħa u bi qbil mas-superjur ġerarkiku dirett, u xi membri tal-persunal jistgħu jitħallew jaħdmu għal aktar minn 60 % bħala telexogħol; jilqa’ l-fatt li r-regoli tat-telexogħol jippermettu lill-persunal jaħdem barra mill-post tax-xogħol għal massimu ta’ 15-il jum fis-sena bil-possibbiltà li jżid 15-il jum oħra bl-approvazzjoni tal-awtorità tal-ħatra; iħeġġeġ lill-Kontrollur jippermetti t-telexogħol kull meta jkun possibbli jekk il-membri tal-persunal jitolbu dan; |
24. |
Jieħu nota li l-Kontrollur bħalissa qed jistabbilixxi grupp ta’ ħidma biex jiżviluppa approċċ strateġiku sabiex jiżgura li l-ammont ta’ xogħol ikun kondiviż u distribwit b’mod ugwali fost il-persunal, abbażi tar-riżultati tal-istħarriġiet dwar is-Sodisfazzjon tal-Persunal; jilqa’ l-fatt li matul l-2021 ma ġie rrapportat l-ebda każ ta’ eżawriment; jilqa’ wkoll il-fatt li l-għadd ta’ persuni fuq liv tal-mard u l-għadd ta’ jiem ta’ assenza minħabba liv tal-mard naqas fl-2021 meta mqabbel mal-2020; |
25. |
Jilqa’ l-fatt li fl-2021 ma ġie rrapportat l-ebda każ ta’ fastidju psikoloġiku jew sesswali u li l-Kontrollur jiżgura li se jibqa’ viġilanti biex jiżgura li ma jseħħ l-ebda każ bħal dan fil-futur; |
26. |
Jilqa’ l-fatt li l-Kontrollur u l-Bord jirreklutaw għadd relattivament kbir ta’ trainees meta mqabbel mad-daqs tal-istituzzjoni tagħhom; jilqa’ wkoll il-fatt li t-tmien trainees kollha reklutati f’Marzu 2021 u d-disa’ trainees reklutati f’Ottubru 2021 irċevew remunerazzjoni; |
Qafas etiku u trasparenza
27. |
Jinnota li l-Qafas Etiku tal-Kontrollur, li ġie aġġornat fl-2019, fost affarijiet oħra, jinkludi taħriġ obbligatorju ta’ introduzzjoni għal impjegati ġodda dwar il-fastidju, il-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess u oqsma etiċi oħra; jinnota li 25 persuna rċevew taħriġ dwar dawn l-oqsma matul l-2021 u li l-persunal kollu li qed jissieħeb fl-istituzzjoni jrid jiffirma Dikjarazzjoni ta’ Kunfidenzjalità u jeħtieġlu jiddikjara nuqqas ta’ kunflitti ta’ interess; jilqa’ wkoll il-fatt li matul l-2022 se tiżdied sessjoni dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta; |
28. |
Jitlob lill-Kontrollur jipprovdi informazzjoni dwar il-kodiċi ta’ kondotta għal karigi ta’ maniġment superjuri li ddeċieda li jibda jabbozza; |
29. |
Jilqa’ l-fatt li matul l-2021 ma kien hemm l-ebda investigazzjoni tal-OLAF li kienet tinvolvi membri tal-persunal mill-Kontrollur jew mill-Bord; jinnota li fl-2021 kien hemm każ wieħed tal-Ombudsman Ewropew li kien jinvolvi lill-Kontrollur, li kien magħluq bil-konklużjoni li kien ġie solvut u għalhekk ma ġiet indirizzata l-ebda rakkomandazzjoni lill-Kontrollur; jilqa’ wkoll il-fatt li ma kien hemm l-ebda każ ta’ kunflitti ta’ interess jew ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta fl-2021; |
30. |
Jinnota li bħalissa l-Kontrollur ma jużax ir-Reġistru tat-Trasparenza Interistituzzjonali iżda li l-Aġenda, il-laqgħat reġistrati u l-interventi tal-Kontrollur, inklużi l-laqgħat mar-rappreżentanti tal-interessi jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Kontrollur; jistieden lill-kontrollur jiffinalizza l-analiżi interna tiegħu tal-għażliet disponibbli u biex jingħaqad mal-Ftehim Interistituzzjonali dwar reġistru ta’ trasparenza obbligatorju; |
31. |
Jilqa’ s-segwitu li sar mill-Kontrollur dwar talba għall-aċċess għad-data ta’ ċittadin; jenfasizza, madankollu, li l-Kontrollur ħareġ deċiżjoni fil-każ qabel ma l-fatti kollha kienu ġew ivverifikati u stabbiliti, għalkemm il-proċedura ta’ lment kienet ilha għaddejja għal aktar minn sentejn u kienet għadha għaddejja fi tmiem l-2022; jistieden lill-Kontrollur jirrieżamina r-regoli ta’ proċedura tagħha biex jiġi żgurat rieżami effiċjenti u f’waqtu tal-ilmenti miċ-ċittadini filwaqt li titqies l-informazzjoni kollha rilevanti (3); |
32. |
Jinnota li fl-2021 ma kien hemm l-ebda każ ta’ membri tal-persunal li ħallew l-istituzzjoni sabiex jingħaqdu mas-settur privat u l-ebda każ li jinvolvi perjodi ta’ preklużjoni; jilqa’ l-fatt li ma kien hemm l-ebda każ ta’ eks MEPs, Kummissarji jew uffiċjali ta’ livell għoli (mill-AD14) li rċevew flus mill-baġit bħala konsulenti jew oħrajn; |
33. |
Jitlob li jintemm l-użu ta’ kumpaniji esterni li, skont il-klassifikazzjoni tal-Università ta’ Yale (4) , għadhom qed joperaw fir-Russja; |
Diġitalizzazzjoni, ċibersigurtà u protezzjoni tad-data
34. |
Jinnota li l-impenji baġitarji għas-sena 2021 kienu 20 % ogħla mill-2020 fir-rigward tal-proġetti u t-tagħmir tal-IT, inkluż it-tagħmir tal-vidjokonferenzi, u dan ippermetta li jsiru laqgħat ibridi fl-organizzazzjoni; |
35. |
Jirrikonoxxi li ħafna funzjonijiet ċentrali tal-IT, inkluż fil-qasam taċ-ċibersigurtà huma pprovduti mill-Parlament Ewropew bħala l-Fornitur ta’ Servizzi Korporattivi u s-CERT-EU (l-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters); jitlob lill-Kontrollur iżomm ħarsa ġenerali fuq id-data personali skambjata fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċibersigurtà; jilqa’ l-fatt li, madankollu, l-Kontrollur qed jieħu passi biex itejjeb l-effettività u s-sigurtà diġitali tiegħu, inkluż billi jipprovdi taħriġ regolari ta’ sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà għall-persunal kollu tiegħu, inkluż taħriġ ta’ introduzzjoni għal dawk ġodda; |
36. |
Japprezza l-fatt li l-Kontrollur ikompli jmexxi u juri l-użu ta’ għodod b’sors miftuħ għall-prevenzjoni tal-intrappolament tal-klijentela, għaż-żamma tal-kontroll fuq is-sistemi tekniċi, għall-għoti ta’ salvagwardji aktar b’saħħithom għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data tal-utent, u għaż-żieda fis-sigurtà u t-trasparenza għall-pubbliku, bħala alternattiva għal għodod proprjetarji; iħeġġeġ lill-Kontrollur jikkomunika dawn il-kunsiderazzjonijiet lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni; |
37. |
Jilqa’ l-inizjattiva l-ġdida TechSonar li għandha l-għan li timmonitorja xejriet teknoloġiċi emerġenti biex wieħed jifhem aħjar l-impatt potenzjali tagħhom fuq l-individwi u biex jiġi żgurat futur diġitali sostenibbli fejn il-protezzjoni tad-data personali tkun iggarantita; |
38. |
Ifakkar li l-volum ta’ xogħol tal-Kontrollur x’aktarx li jiżdied aktar minħabba x-xejra dejjem tikber tad-diġitalizzazzjoni fl-Unjoni, ir-reviżjoni tal-mandati tal-aġenziji u l-inizjattivi ppreżentati mill-Kummissjoni, speċjalment fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, b’mod partikolari l-opinjonijiet dwar il-mandat tal-Europol, dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u dak dwar is-Swieq Diġitali, dwar id-Direttiva NIS 2.0 u l-opinjonijiet konġunti dwar l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE; japprezza l-kontribut tal-Kontrollur għall-ħidma leġiżlattiva b’kooperazzjoni mal-Bord; jisħaq fuq l-importanza li r-riżorsi umani u finanzjarji jiġu adattati għall-volum ta’ xogħol dejjem jikber u li l-baġit tal-Kontrollur jiżdied b’mod korrispondenti; |
Binjiet
39. |
Jinnota li wara t-tluq tal-Ombudsman Ewropew fl-aħħar ta’ Ottubru 2021, il-Kontrollur u l-Bord saru l-uniċi li kienu qed jikru l-bini ta’ rue Montoyer 30 fi Brussell, li jinkrielhom mill-Parlament Ewropew; jinnota li tliet sulari tal-bini ġew sussegwentement rinnovati u aktar minn 100 Kontrullur u membri tal-persunal tal-Bord bidlu uffiċċji; jinnota wkoll li r-rinnovazzjoni kienet tinvolvi l-modernizzazzjoni u l-adattament tal-bini għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġodda wara l-pandemija tal-COVID-19, inkluża ż-żieda ta’ sistemi portabbli ta’ telekonferenzi; |
40. |
Jinnota li fir-rapport ta’ kwittanza tal-2020, il-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-Kontrollur iqis fi ħdan l-istrateġija ta’ bini tiegħu l-ħtiġijiet tal-persuni b’mobilità mnaqqsa jew b’diżabilità oħra; jinnota li fit-tweġibiet il-Kontrollur jirreferi għall-Ftehim Amministrattiv li huwa għandu mal-Parlament Ewropew; Iħeġġeġ, madankollu, lill-Kontrollur biex jagħti attenzjoni speċjali lil dan il-qasam fl-istrateġija tal-bini tiegħu; |
Ambjent u sostenibbiltà
41. |
Jilqa’ l-fatt li l-Kontrollur kompla l-ħidma tiegħu biex l-istituzzjoni tkun waħda mingħajr karti, inkluż billi jiżgura li ċ-ċiklu tal-ħlas għall-fatturi jiġi mmaniġġjat b’mod elettroniku, li l-proċessi ta’ selezzjoni u ta’ valutazzjoni fi ħdan ir-riżorsi umani jiġu mmaniġġjati mingħajr karti; |
42. |
Jilqa’ l-fatt li l-Kontrollur ikompli jħeġġeġ l-użu tat-trasport pubbliku billi jirrimborża 50 % tat-tariffi ta’ kull xahar/annwali għat-trasport pubbliku u jkompli jalloka biżżejjed spazju fil-faċilitajiet tal-garaxxijiet tiegħu sabiex il-membri tal-persunal jipparkjaw r-roti tagħhom; |
43. |
Jinnota li l-Kontrollur iddikjara li se jistħarreġ dwar il-pjanijiet għall-installazzjoni ta’ pannelli solari fuq il-bini mikri mill-Parlament Ewropew u jħeġġeġ lill-Kontrollur biex jaħdem favur l-installazzjoni ta’ dawn il-pannelli; |
Kooperazzjoni interistituzzjonali
44. |
Jilqa’ l-kooperazzjoni bejn il-Kontrollur fir-rwol superviżorju tiegħu u l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji l-oħra tal-Unjoni u speċjalment l-UPPE bħala korp li għadu kif ġie stabbilit; |
45. |
Jilqa’ l-fatt li l-Kontrollur qed jissorvelja mill-qrib l-evalwazzjoni tal-proġett tal-euro diġitali mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar kwistjonijiet bħad-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali; jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-Kontrollur ikollu riżorsi addizzjonali sabiex jissorvelja dan il-proġett; |
46. |
Jilqa’ l-inizjattiva proposta mill-Kontrollur biex jistabbilixxi grupp ta’ esperti ta’ appoġġ magħmul kemm mill-Bord kif ukoll minn esperti esterni biex jakkumpanjaw lill-Awtoritajiet Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Data fil-ħidma tagħhom dwar investigazzjonijiet u attivitajiet ta’ infurzar ta’ interess komuni sinifikanti; |
47. |
Jinnota li l-Kontrollur kellu djalogu mal-Europol dwar l-ipproċessar tiegħu ta’ settijiet ta’ data fuq skala kbira sabiex jiżgura li d-data tiġi pproċessata b’mod konformi; jinnota li, minn Settembru 2020, il-Kontrollur enfasizza diversi drabi t-tħassib serju tiegħu relatat mal-minimizzazzjoni tad-data u ż-żamma ta’ settijiet ta’ data li ma għandhomx klassifikazzjoni tas-suġġett tad-data; iħeġġeġ lill-Kontrollur ikompli d-djalogu sabiex jindirizza dawn il-problemi; |
48. |
Jinnota li l-Kontrollur ma kkonkluda l-ebda ftehim interistituzzjonali ġdid matul l-2021 iżda rreveda Ftehim Amministrattiv mal-Parlament Ewropew bil-ħsieb li joħloq uffiċċju tal-Kontrollur permanenti fil-bini tal-Parlament fi Strażburgu, li se jippermetti wkoll rabta aktar mill-qrib mal-Kunsill tal-Ewropa u se jiffaċilita spezzjonijiet regolari ta’ bażijiet tad-data tal-eu-LISA, li qed jipproċessaw data personali fuq skala kbira; |
49. |
Jirrikonoxxi ż-żewġ investigazzjonijiet rigward trasferimenti ta’ data personali lil pajjiżi mhux tal-UE/taż-ŻEE mnedija fil-qafas tal-Istrateġija Schrems II tal-Kontrollur; |
Kommunikazzjoni
50. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-Kontrollur, fl-2021, organizza diversi avvenimenti li servew ukoll biex ikabbru r-rwol tiegħu u biex il-pubbliku ġenerali jifhem il-missjoni tiegħu, inkluż il-Jum għall-Protezzjoni tad-Data, Jum l-Ewropa, il-konferenza tat-trainees u l-podcasts tal-Kontrollur, is-Summit tas-Soċjetà Ċivili tal-Kontrolluri, il-Kompjuters annwali, il-Konferenza dwar il-Protezzjoni tal-Privatezza u d-Data, l-Assemblea Globali tal-Privatezza u l-konferenza dwar il-Futur tal-Protezzjoni tad-Data; |
51. |
Japprezza l-fatt li l-Kontrollur ħejja fażi pilota pubblika ta’ żewġ pjattaformi tal-media soċjali, EU Voice u EU Video, li tnedew fl-2022 biex jippromwovu l-użu ta’ teknoloġiji deċentralizzati, b’xejn u b’sors miftuħ bħala alternattiva għan-networks soċjali; jifhem li dawn l-inizjattivi pilota jikkontribwixxu għall-istrateġija tal-Unjoni għad-data u s-sovranità diġitali li għandha l-għan li trawwem l-indipendenza tal-Unjoni fid-dinja diġitali; |
52. |
Jilqa’ l-isforzi tal-Kontrollur biex jimmonitorja, u jispjega lill-pubbliku ġenerali, l-iżviluppi emerġenti fit-teknoloġija u l-impatt potenzjali tagħhom fuq il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, permezz tar-rapporti TechDispatch u TechSonar; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ impjegati addizzjonali teknikament kwalifikati biex jiġi żgurat is-segwitu xieraq ta’ dawn il-kompiti; jinnota b’sodisfazzjon li l-inizjattiva TechDispatch ingħatat il-Premju tal-2021 għall-Protezzjoni tal-Privatezza u tad-Data Globali “Edukazzjoni u Sensibilizzazzjoni Pubblika”, fl-okkażjoni tat-43 Assemblea globali dwar il-Privatezza tal-2021; iħeġġeġ lill-Kontrollur iżid il-kapaċitajiet tiegħu fil-qasam tal-monitoraġġ tat-teknoloġija u jniedi kampanji ta’ informazzjoni dwar is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu. |
(1) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(2) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(3) Dan jirrigwarda l-każ tas-Sur van der Linde, ċittadin Netherlandiż; il-każ ġie rrappurtat fil-media. Kieku l-proċedura sħiħa setgħet tiġi ttrattata b’aktar ħeffa, kieku ċ-ċittadin seta’ jkun sodisfatt bl-eżitu tal-ilment imressaq quddiem l-EDPS (l-ilment intbagħat lill-EDPS fit-tieni nofs tal-2020).
(4) https://som.yale.edu/story/2022/over-1000-companies-have-curtailed-operations-russia-some-remain