EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1834

Riżoluzzjoni (UE) 2023/1834 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021, Taqsima VII — Il-Kumitat tar-Reġjuni

ĠU L 242, 29.9.2023, p. 137–149 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1834/oj

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/137


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1834 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021, Taqsima VII — Il-Kumitat tar-Reġjuni

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021, Taqsima VII — Il-Kumitat tar-Reġjuni,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0080/2023),

A.

billi l-Kumitat tar-Reġjuni (il-”Kumitat”) huwa assemblea politika ta’ 329 membru eletti mir-reġjuni, mill-bliet, mill-irħula u mill-muniċipalitajiet tas-27 Stat Membru, li topera bħala korp konsultattiv għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bil-missjoni li tikkontribwixxi għat-tfassil tal-politika tal-Unjoni u għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet mill-perspettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u fl-istess ħin tikkontribwixxi biex l-Unjoni ssir aktar effettiva u eqreb taċ-ċittadini;

B.

billi l-konsultazzjoni tal-Kumitat mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill hija obbligatorja f’ċerti każijiet, filwaqt li l-Kumitat jista’ wkoll jadotta opinjonijiet fuq inizjattiva proprja tiegħu u jgawdi minn qasam wiesa’ għal riferiment, kif stabbilit fit-Trattati, li jippermettilu li jiġi kkonsultat mill-Parlament;

C.

billi l-attivitajiet tal-Kumitat huma definiti abbażi tal-istrateġija politika ġenerali tiegħu kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ Lulju 2020 dwar il-prijoritajiet tiegħu għall-2020-2025 (1), u billi l-Kumitat adotta tliet prijoritajiet politiċi għall-mandat tiegħu tal-2020-2025, akkumpanjati minn tliet kampanji ta’ komunikazzjoni: inressqu lill-Ewropa eqreb taċ-ċittadini, nibnu komunitajiet reġjonali u lokali reżiljenti, u nippromwovu tal-koeżjoni bħala valur fundamentali tal-UE;

D.

billi l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali jammontaw għal terz tan-nefqa pubblika, nofs l-investiment pubbliku u kwart tad-dħul mit-taxxa u, f’ħafna Stati Membri, għandhom kompetenzi f’oqsma ewlenin bħall-edukazzjoni, l-iżvilupp ekonomiku u l-koeżjoni, l-ambjent, il-protezzjoni soċjali, is-saħħa u s-servizzi ta’ interess ġenerali, għalhekk, il-koordinazzjoni tal-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej iżżid il-leġittimità tal-leġiżlazzjoni, ittejjeb is-sjieda u ssegwi b’mod aktar effettiv il-benefiċċju taċ-ċittadini;

E.

billi l-Kumitat isegwi l-għan politiku tiegħu li jsaħħaħ l-involviment tiegħu fiċ-ċiklu politiku u leġiżlattiv kollu tal-Unjoni filwaqt li r-rabta maċ-ċittadini tal-Unjoni jagħmilha aktar tanġibbli billi juża l-membri tal-Kumitat bħala multiplikaturi b’saħħithom fil-komunitajiet tagħhom u fl-assoċjazzjonijiet nazzjonali tagħhom tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

F.

billi l-Kumitat identifika disa’ inizjattivi ewlenin u ta segwitu għalihom fl-2021 biex jagħmel l-azzjoni tiegħu aktar strateġika u tħalli impatt: (1) Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, (2) Ir-rispons għall-COVID-19 marbut mas-saħħa, (3) Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, (4) Il-Patt CoR4Climate, (5) Il-futur tal-kooperazzjoni transfruntiera, (6) Il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, (7) Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, (8) Il-viżjoni fit-tul għaż-Żoni Rurali, u (9) Baġit Strateġiku tal-KtR — l-iżgurar ta’ sehem ġust mir-riżorsi għall-Kumitat;

G.

billi r-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li jirregola l-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni u l-finanzjament bejn l-2021 u l-2027, li daħal fis-seħħ f’Lulju 2021, jinkludi referenzi għall-prinċipju ta’ governanza tas-sħubija u f’diversi livelli, appoġġjati mill-Kumitat u mill-Parlament u li jinvolvu l-involviment tar-reġjuni;

H.

billi aktar minn erba’ mitt programm nazzjonali u reġjonali stabbiliti għat-twettiq tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 se jagħmlu disponibbli madwar EUR 380 biljun, fl-ambitu ta’ fondi differenti, biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali li qed jiffaċċjaw ir-reġjuni u l-bliet tal-Unjoni;

I.

billi, fit-13 ta’ Frar 2021, daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Unjoni, li jipprovdi l-bażi ġuridika għad-distribuzzjoni ta’ fondi u self sa EUR 672,5 biljun (fi prezzijiet tal-2018) lill-Istati Membri bejn l-2021 u l-2026 filwaqt li għandu l-għan li jappoġġja, fost affarijiet oħra, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u li jiġu indirizzati d-disparitajiet bejn ir-reġjuni tal-Unjoni;

J.

billi, bħala istituzzjoni tal-Unjoni skont it-tifsira tar-Regolament Finanzjarju, il-Kumitat huwa meħtieġ jadotta l-kontijiet annwali tiegħu stess, imħejjija f’konformità mar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (Regoli Kontabilistiċi tal-Unjoni Ewropea) u abbażi tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku, li fl-aħħar mill-aħħar huma kkonsolidati f’dawk tal-Unjoni;

K.

billi, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza, l-awtorità ta’ kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ aktar il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta’ titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta’ bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.

Jinnota li l-baġit tal-Kumitat jaqa’ taħt l-intestatura 7 tal-QFP, “Amministrazzjoni pubblika Ewropea”, li kien jammonta għal total ta’ EUR 10,7 biljun fl-2021 (li jirrappreżenta 5,9 % tal-infiq tal-UE);

2.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri (il-”Qorti”) fir-Rapport Annwali tagħha għas-sena finanzjarja 2021 żiedet il-kampjun tagħha ta’ tranżazzjonijiet taħt Amministrazzjoni minn 48 fl-2020 għal 60 fl-2021;

3.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri ssemmi li l-ħidma mwettqa matul ħafna snin tindika li l-intestatura 7 tal-QFP tikkonċerna nefqa ġenerali b’riskju baxx; jinnota, madankollu, li r-Rapport Annwali għas-sena finanzjarja 2021 ma jipprovdi l-ebda informazzjoni rilevanti dwar il-Kumitat u jistieden lill-Qorti tinkludi, fir-rapporti annwali tagħha li jmiss, data komprensiva dwar it-tlestija tar-rekwiżiti kollha meħtieġa għal proċedura ta’ kwittanza konsistenti;

4.

Jinnota b’sodisfazzjon li fir-Rapport Annwali għas-sena finanzjarja 2021, il-Qorti ma identifikat l-ebda kwistjoni speċifika dwar il-Kumitat;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

5.

Jinnota li l-baġit finali tal-Kumitat għall-2021 kien ta’ EUR 106 740 880, li jirrappreżenta żieda żgħira ta’ 5,15 % meta mqabbel ma’ EUR 101 508 480 fl-2020 u EUR 98 751 065 fl-2019; josserva li, kif espress fir-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tas-sena l-oħra, l-aktar linji baġitarja importanti kienu dawk għar-remunerazzjoni u għall-allowances, segwiti mill-kiri u mil-lokazzjoni tal-bini, tat-tagħmir tal-IT u tas-software, u mbagħad l-allowances, l-attendenza fil-laqgħat u n-nefqa assoċjata u s-servizzi ta’ interpretazzjoni;

6.

Josserva l-implimentazzjoni għolja tal-baġit ta’ 98,9 %, meta mqabbla ma’ 92,7 % fl-2020, eqreb lejn il-livelli ta’ qabel il-pandemija tal-2019 u l-2018 b’99,6 % u 99,3 % rispettivament, u jinnota li r-rata ta’ pagamenti fil-31 ta’ Diċembru 2021 kienet ta’ 85,1 %, u tjiebet minn 82,4 % fl-2020 iżda xorta kienet inqas minn 88,8 % u 91 % fl-2019 u fl-2018 rispettivament; jissottolinja li ż-żmien medju tal-ħlas fl-2021 kien ta’ 16,11-il jum, li kien jikkostitwixxi titjib meta mqabbel mal-2020 (17,21-il jum) u mal-2019 (17,23-il jum); jinnota li l-użu ta’ fatturi elettroniċi għadu mhux sodisfaċenti, li jammonta għal 32 % biss tal-fatturi kollha fl-2021, li jirrappreżenta żieda meta mqabbel ma’ 29 % fl-2020, iżda tnaqqis meta mqabbel ma’ 33 % fl-2019;

7.

Jinnota ż-żieda fil-pagamenti bejn l-2020 u l-2021, it-tnejn li huma s-snin tal-pandemija tal-COVID-19, li hija relatata ma’ żieda fil-livell ta’ attivitajiet imwettqa fl-2021, meta investiment addizzjonali fis-settur tal-IT ippermetta użu aktar estensiv tal-faċilitajiet ta’ vidjokonferenzi għal laqgħat virtwali u ibridi (meta mqabbla mal-2020), biex b’hekk ġew evitati l-kanċellazzjoni jew il-posponiment tal-avvenimenti minkejja l-fatt li r-restrizzjonijiet imposti bħala konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19 kienu għadhom fis-seħħ;

8.

Jirrimarka li surplus ta’ EUR 11 198 492 ġie riportat mill-2021 għall-2022, ftit inqas mill-2020 u ferm ogħla mill-2019 (meta ġew riportati EUR 11 708 078 u EUR 8 874 776 rispettivament); josserva li EUR 1,1 miljun ma kinux impenjati fl-aħħar tal-2021 u għalhekk ġew irritornati lill-baġit tal-Unjoni, li huwa konsiderevolment inqas mill-2020, fejn madwar EUR 7,4 miljun baqgħu mhux impenjati, u dan wassal biex iċ-ċifra attwali tkun eqreb lejn il-livelli ta’ qabel il-pandemija (fl-2019, EUR 0,4 miljun ma kinux impenjati); iħeġġeġ lill-Kumitat ikompli jtejjeb il-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-approprjazzjonijiet disponibbli;

9.

Jinnota li, fl-2021, il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt fuq l-attività tal-Kumitat, li jfisser li kien hemm tnaqqis fl-użu tal-approprjazzjonijiet għal ċerti linji baġitarji (allowances għal-laqgħat u għall-ivvjaġġar u għas-sussistenza, interpretazzjonijiet, missjonijiet u spejjeż operattivi tal-bini), filwaqt li għal oħrajn il-kriżi tas-saħħa kienet tirrikjedi nefqa addizzjonali (servizzi mediċi u proġetti tal-IT u tal-vidjokonferenzi); josserva li, għaldaqstant, l-iffrankar ġie stmat li jammonta għal aktar minn EUR 8 miljun, meta mqabbel mal-iffrankar ta’ EUR 11-il miljun fis-sena finanzjarja 2020;

10.

Jirrimarka li, sabiex jiġi ottimizzat l-użu tal-approprjazzjonijiet, il-Kumitat għamel trasferimenti baġitarji li jirrappreżentaw total ta’ EUR 8,7 miljun fl-2021 (8,2 %), meta mqabbla ma’ EUR 6,6 miljun fl-2020 (6,5 %), u li dawk it-trasferimenti kienu prinċipalment mill-oqsma li fihom sar iffrankar sostanzjali għall-oqsma li kienu jeħtieġu tisħiħ (IT, komunikazzjoni u għarfien espert estern); jissottolinja li tħejjew seba’ trasferimenti esterni ta’ approprjazzjonijiet mill-Kumitat u ġew approvati mill-awtorità baġitarja fl-2021; josserva li l-Kumitat ma kellux trasferiment speċifiku wieħed ta’ tlaqqit fi tmiem is-sena;

11.

Huwa konxju li l-proċeduri tal-offerti li jikkonċernaw il-Kumitat huma organizzati jew mis-servizzi proprji tiegħu jew f’isem il-Kumitat mis-servizzi konġunti kondiviżi mill-Kumitat u mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-”KESE”); josserva li fl-2021, meta mqabbel ma’ snin preċedenti, is-servizzi proprji tal-Kumitat ittrattaw għadd bla preċedent ta’ proċeduri miftuħa ta’ valur għoli, li rriżultaw fl-iffirmar ta’ għadd rekord ta’ kuntratti qafas pluriennali matul l-2021; jirrimarka li fl-istess perjodu ta’ żmien, minħabba l-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19, l-għadd ta’ proċeduri nnegozjati ta’ valur baxx u medju relatati mal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet jew avvenimenti baqa’ aktar baxx mis-soltu b’madwar nofs il-proċeduri previsti fil-programm ta’ ħidma tal-2021 kellhom jiġu kkanċellati; jinnota li l-proċeduri kkonċernati kienu relatati ma’ laqgħat ippjanati tal-kummissjonijiet u tal-gruppi politiċi li qalbu minn format ibridu għal format kompletament remot;

Ġestjoni interna, prestazzjoni u kontroll intern

12.

Jifhem li fl-2021, l-isfidi prinċipali għall-Kumitat kienu relatati mal-ħtieġa li jadatta bis-sħiħ għaċ-ċirkostanzi l-ġodda li rriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19, u li din is-sitwazzjoni inkludiet nuqqas mifrux ta’ riżorsi u l-ħtieġa li r-riżorsi tal-IT jiġu adattati biex jappoġġjaw il-proċess tad-diġitalizzazzjoni; jirrikonoxxi l-isforzi kollettivi tal-partijiet involuti kollha li ppermettew l-għoti ta’ appoġġ kontinwu għall-attivitajiet politiċi tal-Kumitat, filwaqt li jiżguraw li l-attivitajiet komplew isiru permezz ta’ laqgħat remoti u permezz ta’ pjattaformi ta’ komunikazzjoni bħal Agora u KIKLOS, filwaqt li jiggarantixxu s-saħħa u s-sikurezza tal-membri u l-persunal tal-Kumitat; jilqa’ t-twaqqif ta’ sensiela ta’ task forces fdati bl-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ servizzi trażversali, bħall-ħtieġa li jiġu ssimplifikati l-proċessi tal-Kumitat, għat-tisħiħ tal-ippjanar strateġiku u għad-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri tiegħu;

13.

Jinnota li l-Kumitat isegwi l-missjoni tiegħu permezz ta’ opinjonijiet, li jirreferu għal proposti leġiżlattivi magħmula mill-Kummissjoni (referenzi), u opinjonijiet fuq inizjattiva proprja, li jitolbu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jieħdu azzjoni, u li l-pożizzjonijiet tal-Kumitat jistgħu jiġu enfasizzati fir-riżoluzzjonijiet; josserva li, fl-2021, il-Kumitat adotta referenzi, opinjonijiet fuq inizjattiva proprja u opinjonijiet ibbażati fuq dokumenti u riżoluzzjonijiet tal-Unjoni għal total ta’ 69 dokument, meta mqabbla ma’ 56 u 55 adottati fl-2020 u fl-2019 rispettivament; jinnota li l-Kumitat ippubblika studji u rapporti dwar kwistjonijiet speċifiċi, bħat-tieni edizzjoni tar-rapport annwali tal-Barometru reġjonali u lokali tal-UE dwar l-istat tar-reġjuni u l-bliet tal-Unjoni, u wettaq sensibilizzazzjoni għal aktar minn miljun politiku reġjonali u lokali elett permezz tal-kampanja “Kunsilliera Reġjonali u Lokali tal-UE” tal-Kumitat, li kkoordinat networks bħan-network tar-RegHub 2.0 bħala parti mill-Pjattaforma Fit for Future għal regolamentazzjoni aħjar, u jinnota li, fl-2021 il-Kumitat organizza aktar minn 200 konferenza u avveniment filwaqt li jikkomunika l-ħidma tiegħu permezz ta’ kanali u għodod rilevanti;

14.

Josserva li, fl-2021, wara l-ewwel sena tal-mandat 2020-2025 tiegħu li kien affettwat ħafna mill-pandemija tal-COVID-19, il-Kumitat iltaqa’ sitt darbiet f’sessjoni plenarja (tlieta remoti u tlieta ibridi);

15.

Jinnota li, fl-2021, membri tal-Kumitat intervjenew fi 42 laqgħa tal-kumitati tal-Parlament (meta mqabbla ma’ 14 fl-2020 u 13 fl-2019), li l-Membri tal-Parlament intervjenew fi 58 plenarja jew laqgħat tal-kummissjonijiet tal-Kumitat (meta mqabbla ma’ 46 fl-2020 u 62 fl-2019) u li n-numru ta’ drabi li l-Kumitat ipparteċipa f’avvenimenti tal-Presidenza tal-Kunsill baqa’ sostanzjalment stabbli matul is-snin (20 fl-2021, 15 fl-2020 u 22 fl-2019);

16.

Jilqa’ l-analiżi tal-kosteffettività tal-ippjanar u tar-rapportar u tas-sistema tal-kontroll intern tal-Kumitat imwettqa fl-2021, li rrieżaminat l-ambjent amministrattiv kollu, bis-simplifikazzjoni tal-proċessi, filwaqt li tissimplifika, tiddiġitalizza u tgawdi mis-sinerġiji bejn l-istrumenti differenti permezz tal-konverġenza tal-proġetti; jinnota li, f’Marzu 2021, il-bureau tal-Kumitat approva n-nota kunċettwali għall-analiżi, fix-xhur ta’ wara l-adattament ta’ kull wieħed mill-istrumenti li bdew, u sa Diċembru 2021 l-analiżi tal-politika ta’ kontinwità tal-operat u tal-metodoloġija tal-ġestjoni tar-riskju tlestiet;

17.

Japprezza r-rieżami u s-simplifikazzjoni ta’ xi wħud mill-proċessi ta’ kontroll intern, bħall-ġestjoni tal-atturi finanzjarji li saru fl-2021; jirrimarka li anke l-mudell ta’ governanza tal-IT ġie ssimplifikat biex jiġu allokati aħjar ir-riżorsi limitati tal-IT;

18.

Jilqa’ l-miżuri adottati fl-2021 fil-kuntest tal-inizjattiva Going for IMPact!, bl-għan li tagħmel lill-Kumitat aktar kosteffettiv u żżid l-impatt politiku tiegħu; jinnota d-diversi proġetti, bħall-proġett ta’ konverġenza, li għandu l-għan li jissimplifika l-qafas amministrattiv, u b’hekk inaqqas id-duplikazzjoni u jtejjeb is-sinerġiji bejn strumenti differenti relatati mal-ippjanar u r-rapportar, il-ġestjoni tar-riskju, ir-rapportar tal-impatt u l-kontinwità tal-operat, u xi proċessi ta’ standards ta’ kontroll intern; jappoġġja l-ħafna (55) proġetti ta’ simplifikazzjoni ddefiniti u mnedija fil-livell tad-direttorati differenti tal-Kumitat, kważi nofshom lesti kompletament fl-2021 (26) u kwota kbira oħra (25) implimentati kważi nofshom;

19.

Japprezza li l-plenarja tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (il-”COFE”), magħmula minn 449 delegat, kienet tinkludi 18-il rappreżentant tal-Kumitat u 12-il politiku eletti lokalment u reġjonalment, b’kunsiderazzjoni li n-numru propost inizjalment kien ta’ erba’ rappreżentanti biss mill-Kumitat u li dan in-numru żdied wara proposta mill-Kumitat; jinnota li din il-parteċipazzjoni sinifikanti fil-kuntest tal-COFE ppermettiet lill-Kumitat jorganizza 6 avvenimenti ta’ livell għoli, 60 avveniment lokali, 63 avveniment fil- Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet u 7 avvenimenti għall-Programm għall-Politiċi Żgħażagħ Eletti, li laħqu aktar minn 10 000 ċittadin, politiċi lokali, u partijiet ikkonċernati; jissottolinja li fil-pjattaforma diġitali multilingwi tal-COFE, il-Kumitat ippreżenta 44 idea b’messaġġi ewlenin minn opinjonijiet adottati fil-kuntest tad-disa’ suġġetti prinċipali tal-COFE u li ħafna mill-fehmiet espressi f’dawk l-ideat jistgħu jinstabu fir-Rapport tal-COFE dwar l-eżitu finali; iħeġġeġ ukoll lill-Kumitat jassisti lill-membri tiegħu biex jipparteċipaw fi djalogi lokali maċ-ċittadini dwar kwistjonijiet Ewropej;

20.

Jenfasizza li fir-Rapport tiegħu dwar l-eżitu finali, il-plenarja tal-COFE fl-40 proposta tagħha, miżura 3, titlob li l-Kumitat jiġi riformat biex “jinkludi kanali adegwati ta’ djalogu għar-reġjuni kif ukoll għall-bliet u l-muniċipalitajiet, filwaqt li jingħata rwol imsaħħaħ fl-arkitettura istituzzjonali, jekk ikunu kkonċernati kwistjonijiet ta’ impatt territorjali”;

21.

Jilqa’ t-tnedija, f’Marzu 2021, tal-ġenerazzjoni l-ġdida tan-Network ta’ Ċentri Reġjonali tal-Kumitat (RegHub 2.0), parti mill-”istrumenti għal regolamentazzjoni aħjar” tal-Kumitat, li tgħodd aktar minn 50 membru u osservatur (awtoritajiet u korpi lokali u reġjonali minn 21 Stat Membru), inkarigati mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni fil-prattika u l-iżgurar li jitqiesu l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati reġjonali u lokali meta tali politiki jiġu evalwati fil-livell Ewropew; jinnota li r-RegHub 2.0 sar sottogrupp tal-pjattaforma Fit for Future (F4F) tal-Kummissjoni, grupp ta’ esperti ta’ livell għoli li jivvaluta l-politiki eżistenti tal-Unjoni u li joħroġ opinjonijiet dwar kif dawk il-politiki jiġu adatti aħjar għall-isfidi futuri, u li kkontribwixxa għal erba’ opinjonijiet tal-F4F fl-2021, li tlieta minnhom ġew abbozzati minn wieħed mir-rappreżentanti tal-Kumitat fi ħdan il-pjattaforma F4F;

22.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-Kumitat jopera diversi pjattaformi, networks u għodod bl-għan li jappoġġjaw iċ-ċiklu politiku, inklużi l-Alleanza għall-Koeżjoni, l-Alleanza tar-Reġjuni tal-Karozzi, ir-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali, ir-Reġjun Intraprenditorjali Ewropew, il-Pjattaforma għall-Iskambju tal-Għarfien, il-Pjattaforma tal-Broadband, il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali, il-Pjattaforma tal-Partijiet Ikkonċernati għal Tniġġis Żero, il-Pjattaforma dwar il-COVID, il-Grupp ta’ Kuntatt KtR-Renju Unit, in-Network għall-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà, il-Patt tas-Sindki, il-Pjattaforma tal-UE dwar it-Telf u l-Ħela tal-Ikel, il-Kapitali Ewropea tat-Turiżmu Intelliġenti, il-BijoReġjuni u l-European Organic Awards, u li jipparteċipa b’mod attiv ukoll f’networks stabbiliti minn istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni, bħall-pjattaforma F4F tal-Kummissjoni u l-Bliet u r-Reġjuni għall-Integrazzjoni tan-Network tal-Migranti;

23.

Josserva li, fl-2021, il-prijoritajiet politiċi tal-Kumitat għall-mandat 2020-2025 tiegħu kienu l-prinċipji gwida, u li dawk il-prijoritajiet kienu akkumpanjati minn tliet kampanji ta’ komunikazzjoni, waħda dwar it-tressiq tal-Ewropa eqreb lejn il-poplu tagħha u oħra dwar il-fehim u r-rispons għat-trasformazzjoni soċjetali miġjuba minn sfidi diġitali, ambjentali u demografiċi u t-tielet dwar il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali bħala valur fundamentali li jiżgura li l-Unjoni tkun għas-servizz tal-poplu tagħha; jirrimarka li, sabiex jiġu implimentati dawk il-prijoritajiet, inbnew relazzjonijiet ta’ ħidma b’saħħithom ma’ Membri tal-Parlament u mal-kumitati rilevanti tiegħu u mal-Kummissarji Ewropej u mas-servizzi tematiċi tal-Kummissjoni (DĠ);

24.

Josserva l-kontributi importanti pprovduti mill-Kumitat għall-abbozzar tar-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li stabbilixxa r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit u pprovda l-pedament legali għall-introduzzjoni ta’ programm ta’ EUR 5,4 biljun fil-perjodu 2021-2023 biex jgħin lir-reġjuni jittrattaw il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

25.

Jindika r-rwol ewlieni tal-Kumitati fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-missjonijiet fil-programm Orizzont Ewropa billi jħeġġeġ allinjament mill-qrib tal-EUR 1,5 biljun previsti għal dawk il-missjonijiet mat-EUR 30 biljun ipprovduti fl-ambitu tal-fondi strutturali għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ innovazzjoni reġjonali; jifhem li dawk il-missjonijiet jindirizzaw sfidi ta’ politika importanti u jistabbilixxu objettivi li għandhom jintlaħqu sal-2030, bħal li 150 reġjun u komunità jsiru reżiljenti għall-klima, li jistabbilixxu 100 belt newtrali għall-klima u intelliġenti u li joħolqu 100 laboratorju ħaj biex imexxu t-tranżizzjoni lejn ħamrija b’saħħitha; jilqa’ l-kooperazzjoni msaħħa stabbilita mir-rapporteur tal-Kumitat mad-DĠ tal-Kummissjoni u s-segwitu ppjanat għall-attivitajiet tal-missjoni, bħall-iżvilupp ta’ ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali u strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u proġetti pilota bħaċ-Ċentri taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u t-Tranżizzjoni Ekoloġika fil-kunċett ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti;

26.

Jilqa’ l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni strateġika fl-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, bħat-tnedija tal-kampanja dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali u oħrajn; jindika, bħala parti mill-attivitajiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali tal-Kumitat, il-kooperazzjoni msaħħa mad-DĠ għall-Ambjent tal-Kummissjoni, li tinkludi l-istabbiliment ta’ Pjattaforma tal-Partijiet Ikkonċernati għal Tniġġis Żero fl-2021;

27.

Jinnota li, f’Jannar 2021, il-Pjattaforma tal-Broadband tal-Kumitat ġiet imnedija mill-ġdid b’mod konġunt mal-Kummissjoni sabiex tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ewlenin tal-Unjoni dwar kwistjonijiet diġitali, inklużi ċ-Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali bħala parti mill-programm tal-Unjoni Ewropa Diġitali, fir-rigward speċifiku tal-finanzjament mill-Unjoni għal ċentri nazzjonali, reġjonali u lokali biex ikopru attivitajiet b’valur miżjud Ewropew ċar; huwa konxju li diversi opinjonijiet u pubblikazzjonijiet tal-Kumitat issottolinjaw aspetti reġjonali tal-prijorità ta’ “Ewropa Lesta għall-Era Diġitali” tal-Kummissjoni u li kellhom impatt sinifikanti fuq proposti leġiżlattivi, bħall-Att dwar is-Servizzi Diġitali (5) u l-Att dwar is-Swieq Diġitali (6), u l-Kumpass Diġitali għall-2030;

28.

Jinnota li l-adozzjoni tal-viżjoni fit-tul tal-Kummissjoni f’Ġunju 2021 għaż-żoni rurali tal-Unjoni tirriżulta f’involviment konsiderevoli tal-Kumitat fil-mekkaniżmu ta’ governanza, b’mod partikolari fir-rigward tal-Patti Rurali, u li l-viżjoni fit-tul hija konformi mal-aġenda rurali għall-Unjoni li l-Kumitat ilu jippromwovi mill-2016; jemmen li dik il-viżjoni fit-tul tipprovdi qafas komuni għaż-żoni rurali fl-Unjoni għall-involviment u l-kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali;

29.

Jemmen li l-inklużjoni tal-livell lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru, permezz ta’ kooperazzjoni regolari mal-grupp ta’ ħidma tal-Parlament Ewropew dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, se jipprovdi l-opportunità li tiġi kkunsidrata d-dimensjoni reġjonali u lokali fil-monitoraġġ tal-azzjonijiet ta’ implimentazzjoni;

Riżorsi umani, ugwaljanza u benesseri tal-persunal

30.

Jinnota l-organigramma l-ġdida tal-Kumitat li tiċċentralizza t-tnedija finanzjarja f’ġabra ta’ eċċellenza u tissimplifika l-mudell ta’ governanza tal-IT biex tippermetti allokazzjoni aħjar tar-riżorsi limitati tal-IT;

31.

Jinnota li, fl-2021, in-numru ta’ karigi fil-pjan ta’ stabbiliment kien jammonta għal 494, meta mqabbel ma’ 491 fl-2020, u l-ammont totali ta’ membri tal-persunal impjegati kien ta’ 606, meta mqabbla ma’ 601 fl-2020; jinnota r-rata għolja ta’ okkupazzjoni ta’ 98 % fl-2021, żieda meta mqabbla ma’ 96,3 % fl-2020 u li taqbeż il-mira stabbilita għall-2021-2022 ta’ mill-inqas 96 %;

32.

Jirrimarka li l-Kumitat jirrikorri għall-impjieg ta’ persunal temporanju u kuntrattwali għal sostituzzjonijiet fuq perjodu ta’ żmien medju u twil u għal proġetti speċifiċi, u li l-persunal temporanju u kuntrattwali fl-2021 kien jammonta għal 141 meta mqabbel ma’ 125 u 121 fl-2020 u fl-2019 rispettivament; jemmen li dik is-sitwazzjoni tinvolvi r-riskju ta’ telf konsiderevoli ta’ memorja, għarfien u kompetenza esperta istituzzjonali għall-Kumitat meta dawn il-kuntratti temporanji ta’ impjieg jintemmu; jistieden lill-Kumitat japprofondixxi aktar il-kooperazzjoni amministrattiva tiegħu mal-KESE permezz tal-arranġament ta’ servizzi konġunti biex jissaħħu l-effetti sinerġetiċi tar-raggruppament tal-persunal;

33.

Jistieden lill-Kumitat jesplora sinerġiji ma’ istituzzjonijiet oħra, kemm f’termini ta’ loġistika, servizzi diġitali, servizzi tas-sewwieqa u kompiti amministrattivi oħra, kif ukoll ċerti attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u komunikazzjoni, b’mod partikolari fl-Istati Membri fejn il-membri tal-Kumitat għandhom networks ta’ appoġġ varjati u jiddependu purament fuq il-persunal lokali tagħhom stess;

34.

Jinnota li l-proporzjon ġenerali tal-ġeneru fil-persunal tal-Kumitat fl-2021 kien ta’ 56,8 % ta’ nisa fil-persunal ġenerali, l-istess bħal fl-2020; jesprimi dispjaċir għall-iżbilanċ bejn il-ġeneri fil-maniġment superjuri fl-2021 bi 62,5 % ta’ dawn il-pożizzjonijiet okkupati minn irġiel u 37,5 % minn nisa; jesprimi, bl-istess mod, dispjaċir għall-iżbilanċ bejn il-ġeneri fil-maniġment intermedju, fejn il-proporzjon huwa ta’ 68,4 % irġiel u 31,6 % nisa; iħeġġeġ lil dawk responsabbli għar-reklutaġġ jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ biex l-avviżi ta’ postijiet battala jsiru aktar inklużivi u biex jinkoraġġixxu aktar nisa japplikaw għal pożizzjonijiet maniġerjali, inkluż billi jiżguraw rappreżentanza bbilanċjata fil-bordijiet tal-għażla u billi joffru possibbiltajiet ta’ taħriġ għall-persunal femminili li jixtieq iħejji għal karriera maniġerjali u jipproponi arranġamenti aktar flessibbli;

35.

Jilqa’ l-istrateġija dwar id-diversità u l-inklużjoni għall-perjodu 2022-2027 bi pjan ta’ azzjoni ta’ akkumpanjament u diskussa fil-kummissjoni tal-Kumitat għall-affarijiet finanzjarji u amministrattivi u fil-bureau tal-Kumitat f’Ġunju 2022; josserva li l-istrateġija tistabbilixxi l-mira għal perjodu qasir ta’ 40 % nisa fil-maniġment bl-għan ġenerali prinċipali ta’ 50 % ladarba jintlaħaq l-għan għal perjodu qasir ta’ żmien; itenni l-istedina tiegħu lill-Kumitat biex ikun aktar ambizzjuż fil-pjanijiet ta’ azzjoni annwali li jimplimentaw dik l-istrateġija;

36.

Japprezza li fost il-miżuri mistennija fl-istrateġija dwar id-diversità u l-inklużjoni hemm skema ta’ mentoraġġ għall-maniġers aspiranti nisa, workshops ta’ sensibilizzazzjoni għall-maniġers dwar diversi suġġetti relatati mal-opportunitajiet indaqs u l-monitoraġġ mill-qrib tal-istatistika biex l-adozzjoni ta’ miżuri korrettivi ssir f’waqtha; jitlob lill-Kumitat jirrapporta lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-pjan ta’ azzjoni li jakkumpanja l-istrateġija dwar id-diversità u l-inklużjoni bl-appoġġ tal-kumitat konġunt tal-Kumitat għad-diversità u l-inklużjoni; itenni l-appell lill-Kumitat biex ikompli bl-isforzi tiegħu biex jikseb bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli ġerarkiċi kollha;

37.

Jinnota li l-Kumitat jimpjega uffiċjali mill-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni ta’ wieħed; iħeġġeġ lill-Kumitat ikompli jieħu azzjoni biex jikseb distribuzzjoni ġeografika xierqa fost il-persunal kollu tiegħu, b’enfasi partikolari fuq il-livell ta’ maniġment; jilqa’ l-inizjattivi biex tiżdied il-viżibbiltà tal-postijiet tax-xogħol vakanti tiegħu, billi jippubblika l-avviżi tiegħu fuq is-sit web tiegħu sabiex iżid il-possibbiltajiet li japplikaw gradwati minn madwar l-Unjoni kollha, mingħajr ebda diskriminazzjoni ġeografika; jifhem li l-karigi maniġerjali superjuri kollha jiġu mħabbra għall-pubbliku, inkluż permezz ta’ kampanja estensiva ta’ pubbliċità fuq il-media soċjali biex tiġi żgurata sensibilizzazzjoni massima fl-Istati Membri kollha; japprezza l-użu tal-ambaxxaturi tal-persunal biex jiġġeneraw markar pożittiv tal-impjegatur u li, mill-2021, il-Kumitat żied il-preżenza tiegħu fuq il-media soċjali u fuq pjattaformi ta’ reklutaġġ ibbażati online biex jirreklama pożizzjonijiet vakanti rilevanti, l-aktar għal membri tal-persunal mhux permanenti jew esperti nazzjonali, minbarra mezzi ta’ komunikazzjoni aktar tradizzjonali;

38.

Jisħaq li l-Kumitat, bħall-istituzzjonijiet tal-Unjoni kollha, jeħtieġlu jiżgura li l-Istati Membri kollha jkunu rrappreżentati b’mod proporzjonali fil-persunal filwaqt li fl-istess ħin jeħtieġlu jirrispetta l-kompetenzi u l-merti tal-kandidati kollha; iħeġġeġ lill-Kumitat jieħu passi lejn il-kisba ta’ bilanċ ġeografiku ta’ ċittadini mill-Istati Membri kollha, li jirrifletti d-diversità tagħhom, kif indikat fl-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali;

39.

Jilqa’ l-attenzjoni kontinwa ddedikata għal kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-ġeneru, bħall-ħatra, fl-2021, fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali Kontra l-Omofobija, il-Bifobija, l-Intersessiżmu u t-Transfobija, tal-ewwel persuna ta’ kuntatt LGBTI+ biex tassisti lill-kollegi li jixtiequ jiddiskutu l-esperjenza personali tagħhom li jaħdmu fil-Kumitat jew li għandhom membri tal-familja LGBTI+; iħeġġeġ lill-Kumitat ikompli japprova inizjattivi minn isfel għal fuq li jikkontribwixxu biex il-Kumitat isir post tax-xogħol aktar inklużiv;

40.

Jilqa’ t-tnedija ta’ stħarriġ dwar is-sodisfazzjon tal-persunal, li għalaq fis-16 ta’ April 2021, li ffoka fuq is-sodisfazzjon tal-persunal fir-rigward tat-telexogħol u l-ambjent tax-xogħol li l-persunal jixtieq għall-perjodu ta’ wara l-pandemija, u jifhem li r-riżultati tiegħu tqiesu bl-adozzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ telexogħol saħansitra aktar flessibbli fl-2022;

41.

Jinnota kif xieraq l-impenn tal-Kumitat lejn il-modernizzazzjoni tal-qafas tar-riżorsi umani u jinnota li s-sistemi għat-telexogħol tjiebu u tħejja reġim ta’ ħidma ibridu ġdid li qed jiġi ttestjat fil-proġett pilota konġunt dwar il-post tax-xogħol diġitali tal-Kumitat u tal-KESE. jirrimarka li l-proġett għandu l-għan li jiddefinixxi u jaqsam l-aħjar prattiki ma’ għodod ta’ kollaborazzjoni diġitali u huwa bbażat fuq il-kunċetti, approvati wkoll mill-Parlament fir-riżoluzzjoni ta’ kwittanza preċedenti tiegħu, ta’ ġestjoni bbażata fuq ir-riżultati, xogħol diġitalizzat, telexogħol fuq l-istess livell tax-xogħol fl-uffiċċju, flessibbiltà abbażi ta’ sistema bbażata fuq il-fiduċja u d-dritt għall-iskonnessjoni;

42.

Jilqa’ l-fatt li l-proġett pilota l-ġdid dwar it-telexogħol joffri lill-persunal il-possibbiltà ta’ telexogħol għal jumejn jew tlieta fil-ġimgħa; jinnota li dan jinkludi wkoll il-kunċett ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jissottolinja l-kunċett tad-dritt għall-iskonnessjoni; josserva li, fil-qafas tal-azzjonijiet ta’ appoġġ għall-kriżi pandemika tal-COVID-19, il-Kumitat offra somma f’daqqa ta’ EUR 150-250 lill-persunal sabiex iħallas għal kwalunkwe kost addizzjonali, inkluż ix-xiri ta’ tagħmir ergonomiku;

43.

Jinnota li, fl-2021, il-Kumitat ħejja reġim ta’ xogħol ibridu u flessibbli ġdid flimkien mas-sħab soċjali, li għandu jiġi implimentat fl-2022; josserva li r-reġim il-ġdid jipprevedi firxa wiesgħa ta’ formuli ta’ part-time, part-time speċjali bi kreditu ta’ żmien f’nofstanhari u part-time imħallas soġġett għal proċedura ad hoc f’każijiet serji; jinnota li, fl-2021, ittieħdu 118-il deċiżjoni fir-rigward ta’ 58 membru tal-persunal li bbenefikaw minn reġim tax-xogħol flessibbli, li minnhom 46 kienu nisa; jirrimarka li l-liv tal-ġenituri u l-liv tal-familja huma possibbli wkoll u li 49 membru tal-persunal, li minnhom 36 kienu nisa, ibbenefikaw mil-liv tal-ġenituri fl-2021;

44.

Jinnota li, fl-2021, ġew irrapportati 14-il każ ta’ eżawriment (minn 554 membru tal-persunal, meta mqabbla ma’ 12-il każ possibbli ta’ eżawriment irrapportati fl-2020) u jirrikonoxxi s-segwitu personalizzat tal-Kumitat ta’ assenzi; itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kumitat biex iżomm l-enfasi fuq il-prevenzjoni primarja biex jitnaqqsu r-riskji psikosoċjali u l-eżawriment kif ukoll il-viżti mediċi annwali; japprezza, f’dan ir-rigward, li aktar taħriġ u korsijiet qed jimmiraw għall-benesseri fiżiku;

45.

Jinnota li, fis-26 ta’ April 2021, il-Kumitat adotta d-Deċiżjoni Nru 108/2021 dwar il-protezzjoni tad-dinjità fuq il-post tax-xogħol, il-ġestjoni tal-kunflitt u l-ġlieda kontra l-fastidju; jifhem li dik id-Deċiżjoni segwiet djalogu twil mal-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż in-network ta’ konsulenti kunfidenzjali u l-kumitat tal-persunal tal-Kumitat; japprezza li d-Deċiżjoni l-ġdida twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni, tiddeskrivi r-regoli ta’ kondotta u l-mekkaniżmi informali u formali possibbli għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, u hija mogħnija bi gwida prattika ddedikata li tipprovdi spjegazzjonijiet prattiċi addizzjonali; japprezza li, biex titqajjem kuxjenza dwar dik id-Deċiżjoni u l-implikazzjonijiet tagħha, ġew organizzati sessjonijiet ta’ informazzjoni għall-persunal u għall-maniġers minbarra l-korsijiet ta’ taħriġ intern ipprovduti regolarment dwar l-etika u l-integrità;

46.

Huwa konxju li r-Regolament tal-Kumitat Nru 3/2021 tat-2 ta’ Frar 2021 jipprevedi l-ħlas ta’ allowance għal-laqgħat remoti b’rata fissa għall-membri tal-Kumitat, għas-supplenti b’mandat xieraq u għall-esperti tar-rapporteurs u għall-kelliema mistiedna biex jattendu laqgħat remoti jew ibridi, bil-għan li jiġu kkumpensati l-ispejjeż ġenerali mġarrba waqt it-tħejjija u l-parteċipazzjoni f’dawn il-laqgħat; jifhem li r-Regolament jistabbilixxi, għall-2021 kollha, il-kriterji għall-ħlas u l-verifika, jikkwantifika l-allowance għal EUR 200 kuljum u jistipula li biex jikkwalifikaw għall-allowance, il-membri jeħtiġilhom jiffirmaw dikjarazzjoni ta’ parteċipazzjoni u jissottomettuha lis-servizz finanzjarju tal-membri, biex jippermettu lill-amministrazzjoni tivverifika l-attendenza tal-persuna inkwistjoni; jirrimarka, madankollu, li f’konformità mal-adozzjoni reċenti f’Mejju 2022 tad-Deċiżjoni Nru 15/2022 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri straordinarji matul il-pandemija tal-COVID-19, il-laqgħat tal-korpi tal-Kumitat bħalissa qed isiru kollha personalment;

47.

Josserva li l-Kumitat laqa’ total ta’ 58 trainee fl-2021, li minnhom intgħażlu 48 għal traineeship ta’ ħames xhur li matulu rċevew għotja ta’ kull xahar kif ukoll allowance għall-mobilità u rimborż tal-kostijiet tal-ivvjaġġar tagħhom, u 10 kienu viżitaturi għal studju għal żmien qasir għal perjodi iqsar ta’ traineeship ta’ bejn xahar u erba’ xhur, u tlieta rċevew introjtu ta’ kull xahar mill-gvern ta’ pajjiżhom; jilqa’ l-impenn tal-Kumitat li jipproponi arranġamenti ta’ telexogħol għat-trainees tiegħu wkoll;

48.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kumitat biex jintegra t-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19 fl-istrateġija ta’ ġestjoni interna tiegħu f’termini tal-kontinwità tal-operat u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet, il-kapaċità ta’ rispons tal-IT, ir-reżiljenza tal-organizzazzjoni, id-dmir ta’ diliġenza lejn il-persunal, il-komunikazzjoni effettiva u l-proċessi ta’ ħidma flessibbli, sabiex jiġi żviluppat stil ta’ ġestjoni orjentat lejn ir-riżultati li jista’ jinkoraġġixxi bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

Qafas etiku u trasparenza

49.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kumitat biex jerġa’ jikkunsidra l-parteċipazzjoni tiegħu fir-Reġistru ta’ Trasparenza stabbilit mill-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta’ Mejju 2021 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar reġistru ta’ trasparenza obbligatorju (7), li jippermetti l-involviment volontarju tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għajr l-istituzzjonijiet firmatarji, iżda ma jkoprix l-attivitajiet tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom; iżomm il-fehma tiegħu dwar il-validità limitata tal-Gwida Prattika tal-Kumitat dwar l-interazzjoni tal-persunal ma’ entitajiet esterni, li tmur lura għall-2018, u jafferma mill-ġdid l-importanza ta’ livell għoli ta’ trasparenza fir-rigward tal-laqgħat ta’ lobbjar li jistgħu jinfluwenzaw lill-Kumitat fir-rwol konsultattiv tiegħu għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jistieden lill-Kumitat jiffinalizza l-analiżi interna tiegħu tal-għażliet disponibbli u biex jingħaqad mar-Reġistru ta’ Trasparenza;

50.

Jilqa’ l-fatt li, wara r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament, il-Kumitat ġabar mill-membri u s-supplenti tiegħu d-dikjarazzjonijiet finanzjarji li fil-biċċa l-kbira kienu għadhom neqsin (f’Jannar 2021, 146 dikjarazzjoni finanzjarja kienu għadhom ma ġewx sottomessi minkejja l-obbligu li jagħmel dan skont il-kodiċi ta’ kondotta li daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Jannar 2020), li jfisser li f’Ottubru 2022, 32 dikjarazzjoni finanzjarja kienu għadhom nieqsa minn total ta’ 629 membru maħtur u supplenti; jinnota mit-32 dikjarazzjoni nieqsa, ħamsa kkonċernaw lil membri maħtura fl-2022 u li kienu għadhom ma pparteċipawx b’mod attiv fil-laqgħat tal-Kumitat, li s-27 li jifdal kienu jikkoċernaw supplenti, li 18 minnhom ġew maħtura fl-2022, 2 fl-2021 u 7 fl-2020, u li, minn dawn is-supplenti, persuna waħda biss ħadet sehem mill-bogħod f’attivitajiet tal-Kumitat (b’mod remot u fl-2021); iħeġġeġ lill-Kumitat isegwi kwalunkwe każ ta’ dikjarazzjoni finanzjarja nieqsa u jsegwi politika stretta biex jiġu infurzati l-obbligi ta’ trasparenza;

51.

Jinnota li bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida dwar ir-reġim ta’ taħriġ, it-taħriġ dwar l-etika sar obbligatorju aktar milli rrakkomandat, inklużi korsijiet ta’ aġġornament, li se jwittu t-triq għal parteċipazzjoni aktar qawwija tal-persunal f’inizjattivi dwar kwistjonijiet etiċi; josserva li, fl-2021, saru 14-il sessjoni ta’ taħriġ speċifikament dwar l-etika u l-integrità b’251 membru tal-persunal jieħdu sehem (60 % tal-maniġers u 57,30 % tal-persunal kollu, inklużi l-maniġers) u li ġew organizzati 34 sessjoni ta’ taħriġ li jkopru l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta, il-kunflitti ta’ interess u l-fastidju u 25 sessjoni dwar aspetti differenti tal-ġestjoni finanzjarja, li jqajmu wkoll kuxjenza dwar il-kunflitti ta’ interess;

52.

Josserva li, fl-2021, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) investiga żewġ każijiet li jinvolvu lill-Kumitat, l-ewwel każ ta’ ħlas possibbli ta’ allowances għall-ivvjaġġar bla bżonn u t-tieni allegazzjonijiet ta’ mġiba ħażina finanzjarja, fastidju u ġestjoni ħażina f’servizz konġunt tal-Kumitat u tal-KESE; jirrimarka li l-ewwel każ ingħalaq meta l-Kumitat talab ir-rimborż tal-allowance mħallsa għal raġunijiet etiċi, hekk kif ma ġiet identifikata l-ebda bażi ġuridika biex jiġi impost tali rimborż, u li t-tieni każ ġie miċħud mill-OLAF b’rakkomandazzjoni lill-Kumitat u lill-KESE biex iwettqu investigazzjoni interna dwar il-fastidju u l-ġestjoni ħażina; jitlob lill-Kumitat jirrapporta lill-Parlament dwar l-eżitu ta’ dik l-investigazzjoni li tnediet fl-2021;

53.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kumitat ma adottax strateġija kontra l-frodi; jistieden lill-Kumitat iniedi analiżi interna tar-riskju ta’ frodi u jikkoordina mas-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni bil-għan li tiġi adottata strateġija interna adegwata kontra l-frodi;

54.

Jitlob li jintemm l-użu ta’ kumpaniji esterni li, skont il-klassifikazzjoni tal-Università ta’ Yale (8), għadhom qed joperaw fir-Russja;

Diġitalizzazzjoni, ċibersigurtà u protezzjoni tad-data

55.

Jirrimarka li l-Kumitat nefaq EUR 6 112 846 fuq proġetti tal-IT u tagħmir tal-IT fl-2021, meta mqabbel ma’ EUR 6 392 372 u EUR 4 033 320 fl-2020 u fl-2019 rispettivament; jissottolinja li ż-żieda fil-baġit fl-2021 u fl-2020 kienet dovuta l-aktar għal approprjazzjonijiet mhux użati ttrasferiti minn linji baġitarji oħra;

56.

Huwa konxju li t-trasferimenti baġitarji, irrispettivament minn kemm huma effettivi u f’waqthom, ma jistgħux jissostitwixxu l-finanzjament strutturali tal-IT neċessarju għall-ippjanar u l-programmazzjoni sodi tar-riżorsi tal-IT; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ finanzjament, b’mod partikolari għas-servizzi tal-IT, peress li tali nuqqas ta’ finanzjament ifisser li ma jistax isir rieżami strutturat u, fejn meħtieġ, ma jistax isir investiment f’riżorsi tal-IT li min-natura tagħhom huma aktar fit-tul u li għandhom manutenzjoni tul il-ħajja kollha tagħhom; jinsab imħasseb, b’mod partikolari, minħabba li dan jista’ jdgħajjef iċ-ċibersigurtà u jipprevjeni l-attrazzjoni u ż-żamma tal-għarfien espert tal-IT meħtieġ fis-suq tax-xogħol;

57.

Jilqa’ l-fatt li l-Kumitat għamel progress sinifikanti lejn diġitalizzazzjoni sħiħa tal-proċessi ta’ ħidma, b’mod partikolari l-ġestjoni elettronika tad-dokumenti u l-flussi ta’ ħidma tal-approvazzjoni tagħhom, inkluż ħidma kontinwa għall-użu sħiħ tal-firem elettroniċi, ġestjoni tal-atturi finanzjarji, ġestjoni tar-riskju u ġestjoni tal-proċeduri tal-għażla jew tal-kumitati konġunti;

58.

Jinnota li, fl-2021, il-Kumitat wettaq diversi proġetti importanti biex ikompli jiddiġitalizza l-proċessi kummerċjali tiegħu u biex jiffaċilita l-ħidma politika tal-membri tal-Kumitat, irawwem il-multilingwiżmu, is-simplifikazzjoni u l-aġġornament tal-proċessi kummerċjali eżistenti; josserva li l-grupp tal-futur diġitali tal-Kumitat jiġbor flimkien lill-membri tal-Kumitat u lill-amministrazzjoni tal-Kumitat sabiex jiddiskuti u jagħti pariri dwar kwistjonijiet tal-IT u dawk diġitali u li l-ftehim il-ġdid ta’ kooperazzjoni amministrattiva mal-KESE, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2021, irawwem l-iskambji dwar prattiki diġitali tajbin biex imexxi ‘l quddiem is-servizzi tal-IT u diġitali tiegħu;

59.

Jinnota l-volum dejjem akbar ta’ theddid ċibernetiku għall-infrastruttura tal-IT u għall-kanali ta’ komunikazzjoni online tal-Kumitat, bħas-sit web estern tal-Kumitat; iħeġġeġ lill-Kumitat ikompli jagħti livell għoli ta’ attenzjoni lill-kwistjonijiet taċ-ċibersigurtà, isaħħaħ is-sistema tal-IT tiegħu u jiżgura kooperazzjoni mill-qrib mal-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-Istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE (CERT-UE) sabiex jippermetti l-identifikazzjoni bikrija tal-vulnerabbiltajiet u l-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-inċidenti u jżid is-sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà tal-membri u l-persunal tiegħu; iħeġġeġ ukoll lill-Kumitat iwettaq valutazzjonijiet tar-riskju regolari dwar l-infrastruttura tal-IT tagħha u jiżgura awditi u testijiet regolari tad-difiżi ċibernetiċi tagħha;

60.

Japprezza li l-Kumitat juża teknoloġija b’sors miftuħ u, fl-2021, l-għadd dejjem jikber ta’ libreriji u oqfsa b’sors miftuħ użati fis-sistemi ta’ informazzjoni tal-Kumitat u l-applikazzjonijiet il-ġodda għall-ipproċessar tal-emendi bbażati fuq teknoloġiji b’sors miftuħ;

61.

Jilqa’ l-fatt li l-maġġoranza tas-sistemi tekniċi huma ospitati internament u ġestiti minn persunal intern;

Bini u sigurtà

62.

Jinnota li, fl-10 ta’ Mejju 2021, l-awtorità baġitarja approvat it-teħid ta’ kontroll tal-kuntratt tal-kiri, minn Settembru 2021, mill-Kumitat u mill-KESE tal-eks bini tas-SEAE f’Belliard 100 (B100), li l-kostijiet tal-kiri tiegħu se jkunu koperti mill-iffrankar li sar bħala riżultat tal-kost aktar baxx tal-kiri tal-bini kollu ta’ Van Maerlant (VMA) meta mqabbel mal-kost tal-kiri tal-bini f’Belliard 68 (B68) u Trèves 74 (TRE74), li ġew ittrasferiti lill-Kummissjoni minn Settembru 2022;

63.

Jifhem li l-ispazju addizzjonali fil-bini B100 mhux se jikkumpensa bis-sħiħ għat-telf ta’ spazju li seħħ wara l-iskambju tal-bini B68 u TRE74 tal-Kumitat u tal-KESE għall-bini tal-VMA tal-Kummissjoni, liema telf jammonta għal madwar 5 000 m2 meta mqabbel mas-sitwazzjoni fil-bidu tal-2021; jirrikonoxxi li tali telf ma jistax jiġi kkumpensat kompletament minn miżuri alternattivi bħat-tisħiħ tad-densità tal-ispazju tal-uffiċċju ta’ bini ieħor u ż-żieda fit-telexogħol, iżda jagħti parir li ma jittiħdux impenji fit-tul dwar spazju ġdid għall-uffiċċji qabel ma jiġu esplorati bis-sħiħ tali miżuri;

64.

Josserva li, sabiex jiġi akkomodat il-persunal f’ambjent tax-xogħol u f’kundizzjonijiet xierqa, kienu meħtieġa modernizzazzjoni u rinnovazzjoni tal-uffiċċji fil-bini BvS (Rue Montoyer 92-102), REM (Rue Belliard 93) u VMA; jinnota li, fl-1 ta’ Diċembru 2021, l-offerta għax-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni ngħatat għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet fil-bini tal-VMA b’kost totali ta’ EUR 9 miljun; jinnota li l-parti prinċipali ta’ dak il-kost, madwar EUR 6 miljun, kienet diġà disponibbli fil-baġit inizjali tal-2021 approvat mill-awtorità baġitarja bħala talba “ta’ darba” għas-sena 2021 u li kien possibbli li jiġu ffrankati approprjazzjonijiet għal ammont ta’ EUR 3 miljun minn linji baġitarji oħra u li jintużaw għar-rinnovazzjoni tal-VMA;

Ambjent u sostenibbiltà

65.

Jilqa’ l-istudju li tnieda fl-2021 mill-Kummissjoni biex jiġu ddefiniti l-miri u x-xenarji għat-tnaqqis tas-CO2 u jiġu proposti miżuri f’diversi oqsma bl-għan li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jiġi implimentat aħjar fil-Kumitat;

66.

Jilqa’ l-kisbiet ambjentali pożittivi fl-2021, fir-rigward tal-konsum tal-elettriku, tal-ilma u tal-karti (tnaqqis rispettivament ta’ 2,1 %, 14,3 % u 55 %, rispettivament, meta mqabbel mal-2020); jinnota l-installazzjoni ta’ pannelli solari fi tnejn mill-binjiet tal-Kumitat u jifhem li qed issir analiżi ulterjuri bl-għan li tiġi estiża l-installazzjoni tal-pannelli solari, probabbli fl-2023;

67.

Jenfasizza li 75,8 % tal-persunal tal-Kumitat juża mezzi tat-trasport ekoloġiċi; iħeġġeġ lill-Kumitat jimplimenta politika dwar il-mobilità li tippromwovi l-użu ta’ modi ta’ vvjaġġar sostenibbli għall-ivvjaġġar, tinkludi l-car-pooling, l-ispazji għall-parkeġġ tar-roti u ċ-ċarġers tal-batteriji elettriċi, u tqis kontribut finanzjarju, jew għall-ispejjeż tat-trasport pubbliku jew għar-rinunzja tal-użu ta’ faċilitajiet tal-parkeġġ tal-karozzi;

Kooperazzjoni interistituzzjonali

68.

Huwa konxju tal-kooperazzjoni robusta mal-KESE, permezz tas-servizzi konġunti fejn madwar 460 membru tal-persunal (li minnhom madwar 170 membru tal-persunal jappartjenu għall-Kumitat) u aktar minn EUR 55 miljun fis-sena (li minnhom aktar minn EUR 24 miljun jiġu mill-Kumitat) jinġabru flimkien miż-żewġ kumitati; jilqa’ l-ftehim ta’ kooperazzjoni amministrattiva attwali bejn il-Kumitat u l-KESE, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2021 b’durata ta’ ħames snin; jemmen li l-ftehim ta’ kooperazzjoni amministrattiva attwali se jikkontribwixxi b’mod sostanzjali biex isaħħaħ il-governanza tal-kooperazzjoni u l-kontroll tal-mekkaniżmi u huwa espressjoni mġedda tar-rieda li r-riżorsi jiġu kondiviżi u jinħolqu strateġiji; jinnota li l-ftehim il-ġdid ta’ kooperazzjoni amministrattiva jinkludi l-ħolqien ta’ direttorat għall-innovazzjoni u t-teknoloġija tal-informazzjoni u, fi ħdan is-servizzi konġunti diġà eżistenti, l-istabbiliment ta’ unità ċentralizzata għall-akkwist pubbliku u għall-ġestjoni finanzjarja u grupp ta’ esperti dwar l-akkwist;

69.

Josserva li l-Kumitat jikkoopera wkoll mal-Kummissjoni (għal tariffa annwali) fl-amministrazzjoni tal-fajls tal-pensjoni u tat-tluq tal-persunal (l-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali) u tad-drittijiet individwali skont il-protokoll (id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani), taħriġ tal-persunal (id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani), ċentri għall-edukazzjoni bikrija tat-tfal u nurseries ta’ matul il-jum approvati (l-Uffiċċju għall-Infrastruttura u l-Loġistika), użu ta’ diversi pjattaformi tal-IT (is-sistema ta’ informazzjoni maniġerjali ABAC, inklużi s-sistema kontabilistika u l-assi tagħha, kif ukoll moduli ta’ kuntratti, NAP għall-kalkoli tas-salarji u s-sistema ta’ ġestjoni u informazzjoni għal kwistjonijiet tal-persunal SYSPER 2 (id-Direttorat Ġenerali għall-Baġit u d-Direttorat Ġenerali għall-Informatika), u pubblikazzjonijiet f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (mill-2020 inklużi fil-baġit tal-Kummissjoni);

70.

Josserva li l-Kumitat jorganizza laqgħat preparatorji u ta’ segwitu (l-hekk imsejħa laqgħat bilaterali) għar-rapporteurs tiegħu mal-Parlament, mal-Kummissjoni u mal-Kunsill dwar l-opinjonijiet tiegħu, u li jsiru skambji regolari bejn ir-rapporteurs tal-Kumitat u tal-Parlament dwar fajls paralleli; iħeġġeġ lill-Kumitat ikompli jsaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jipprovdi evidenza fil-prattika lill-istituzzjonijiet prinċipali tal-Unjoni bl-użu ta’ data, analiżijiet empiriċi u kumpilazzjonijiet tal-aħjar prattika;

71.

Japprezza l-involviment tal-membri tal-Kumitat fiċ-ċiklu politiku u leġiżlattiv kollu tal-politiki tal-Unjoni, jew permezz ta’ kontribut bikri fit-tfassil tal-aġenda politika tal-Kummissjoni, jew permezz ta’ segwitu akbar tal-opinjonijiet lill-koleġiżlaturi u fi sħubija mas-servizzi tal-Kummissjoni dwar it-tnedija u l-evalwazzjoni tal-politiki u l-leġiżlazzjoni; iħeġġeġ lill-Kumitat ikompli jippromwovi l-kisbiet tiegħu fiċ-ċiklu leġiżlattiv;

72.

Jifhem li l-Kumitat talab lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni involuti direttament fil-leġiżlazzjoni biex jagħtu aċċess lill-Kumitat għad-dokument b’erba’ kolonni għal fajls leġiżlattivi speċifiċi sabiex il-Kumitat ikun jista’ jaqdi r-rwol konsultattiv tiegħu mhux biss fil-bidu tal-proċess leġiżlattiv iżda wkoll fl-istadju tat-trilogi; jinnota li din it-talba għadha pendenti u li l-Kumitat qed jikkunsidra li jieħu azzjoni legali jekk l-aċċess ma jingħatax; jitlob li jinżamm infurmat dwar l-iżvilupp ta’ kwalunkwe djalogu f’dak ir-rigward;

73.

Huwa konxju mill-ħidma interistituzzjonali mwettqa fl-2021 mal-Parlament dwar il-proġett pilota “Nibnu l-Ewropa mal-Kunsilliera Lokali”, li jesprimi l-isforzi tal-Kumitat biex jagħti l-appoġġ tiegħu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li mhumiex rappreżentati uffiċjalment fil-Kumitat dwar kwistjonijiet relatati mal-opportunitajiet fir-rigward tal-Unjoni; jifhem li l-objettiv huwa li jkun hemm mill-inqas kunsillier wieħed responsabbli għall-affarijiet tal-Unjoni f’kull wieħed mill-120 000 kunsill reġjonali u lokali fl-Unjoni u li, sal-lum, in-Network Ewropew ta’ Kunsillieri Reġjonali u Lokali tal-UE għandu madwar 2 000 membru;

74.

Huwa konxju li l-Kumitat jorganizza s-sessjonijiet plenarji tiegħu fil-bini tal-Parlament u tal-Kummissjoni biex jikkumpensa għan-nuqqas ta’ kapaċità fil-kmamar tal-konferenzi tiegħu stess; jinnota li l-Kumitat jixtri wkoll servizzi ta’ interpretazzjoni mill-Kummissjoni (id-Direttorat Ġenerali tal-Interpretazzjoni) u mill-Parlament, minflok ma għandu s-servizz ta’ interpretazzjoni tiegħu stess;

75.

Itenni l-pożizzjoni li esprima fir-rakkomandazzjonijiet preċedenti dwar il-kwittanza dwar il-ħtieġa li jiġi implimentat bis-sħiħ il-ftehim ta’ kooperazzjoni ffirmat bejn il-Parlament, il-Kumitat u l-KESE fil-5 ta’ Frar 2014 skont liema ftehim total ta’ 60 traduttur, inklużi 24 mill-Kumitat, ġew ittrasferiti għall-Parlament bi skambju għall-aċċess għas-servizzi tas-Servizz Ewropew ta’ Riċerka Parlamentari; huwa konxju li l-Kumitat talab EUR 1,24 miljun addizzjonali fl-abbozz tal-baġit tiegħu għall-2023 għal-linja baġitarja 1 4 0 0 Persunal ieħor, minbarra l-baġit normali u bħala mod kif jiġi kkumpensat għall-effett żbilanċjat tal-implimentazzjoni ta’ dak il-ftehim ta’ kooperazzjoni, bil-għan li jiġu impjegati 19-il aġent kuntrattwali addizzjonali fl-2023.

76.

Jilqa’ l-kooperazzjoni dejjem akbar mal-Parlament, minkejja r-restrizzjonijiet imposti bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, permezz ta’ kooperazzjoni bilaterali fuq sett ta’ fajls ta’ prijorità magħżula li jiġu rieżaminati u aġġornati kull sena; jissottolinja li l-laqgħat regolari bejn il-Presidenti u l-Viċi Presidenti taż-żewġ istituzzjonijiet, u kooperazzjoni strutturata bejn ir-rapporteurs taż-żewġ istituzzjonijiet, kif ukoll bejn il-kummissjonijiet tal-Kumitat u l-kumitati tal-Parlament, żdiedu matul l-2021; iħeġġeġ lill-Kumitat ikompli jinvolvi ruħu f’kooperazzjoni mal-Parlament;

77.

Josserva li, fl-2021, il-Kumitat kompla bil-kooperazzjoni mill-qrib tiegħu mat-triju ta’ presidenzi tal-Kunsill u mal-presidenza tal-Kunsill ta’ dak iż-żmien u ħareġ erba’ opinjonijiet ibbażati fuq ir-referenzi li waslu mill-presidenza tal-Kunsill; jinnota li l-Kumitat żviluppa wkoll inizjattivi ta’ kooperazzjoni mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar fajls tematiċi ta’ prijorità billi ppreżenta opinjonijiet u dokumenti fil-gruppi ta’ ħidma rispettivi tal-Kunsill.

Komunikazzjoni

78.

Jinnota li, fl-2021, il-baġit assenjat għall-komunikazzjoni kien ta’ madwar EUR 2,1 miljun, li minnu madwar EUR 400 000 intużaw għall-avvenimenti, EUR 800 000 għall-media u EUR 900 000 għall-web, il-media soċjali u l-kontenut diġitali; japprezza l-fatt li l-Kumitat kejjel żidiet perċentwali b’żewġ ċifri fis-sensibilizzazzjoni tal-istampa u tal-media soċjali bejn l-2020 u l-2021, bis-saħħa ta’ riallokazzjoni interna tar-riżorsi, li wriet fis-sensibilizzazzjoni akbar tiegħu; jinnota li l-Kumitat x’aktarx ma jkunx jista’ jagħmel l-istess fis-snin ta’ wara minħabba restrizzjonijiet baġitarji aktar stretti;

79.

Josserva li l-prinċipji ewlenin tal-Kumitat għat-tisħiħ tar-rwol tiegħu u għall-komunikazzjoni aħjar tiegħu huma ċċentrati fuq involviment akbar matul l-istadji kollha tal-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni u fuq il-bini ta’ sħubiji aktar effettivi u ta’ fiduċja ma’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni;

80.

Jilqa’ l-istabbiliment ta’ sistema ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex jitkejlu u jiġu mmonitorjati l-effetti tal-komunikazzjoni tal-Kumitat, jiġu allinjati l-prijoritajiet ta’ komunikazzjoni mal-prijoritajiet politiċi u tingħata spinta lill-komunikazzjoni deċentralizzata permezz ta’ inizjattivi multipli, bħall-masterclasses diġitali għall-membri tiegħu, l-iżvilupp ta’ kunċett ta’ bullettin u l-istabbiliment ta’ networks biex jissaħħu r-relazzjonijiet ma’ membri u trainees preċedenti tal-Kumitat u oħrajn;

81.

Jinnota l-ħafna inizjattivi ta’ networking fl-2021, bħall-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Ukrajna li nieda inizjattiva bejn il-pari dwar it-trasparenza, il-Pjattaforma tal-Partijiet Ikkonċernati għal Tniġġis Żero mnedija b’mod konġunt mal-Kummissjoni biex tintegra l-aġenda ta’ tniġġis żero u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni dwar Tniġġis Żero, il-pjattaforma komuni tal-IT għall-iskema tal-Politiċi Żgħażagħ Eletti u l-pjattaforma diġitali bl-isem “Let’s get digital” biex jiffaċilitaw in-networking fost il-professjonisti tal-komunikazzjoni parteċipanti mill-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni;

82.

Jaqbel li l-web streaming tal-laqgħat statutorji tal-Kumitat bil-lingwi kollha tal-Unjoni ppromwova l-viżibbiltà ġenerali tal-Kumitat, u li l-Barometru reġjonali u lokali disponibbli permezz tal-portal tad-data miftuħa tal-Unjoni, data.europa.eu, iżid il-viżibbiltà fost l-ispeċjalisti;

83.

Iħeġġeġ lill-Kumitat ikompli l-pubblikazzjoni sistematika fil-bażi tad-data interistituzzjonali tal-istudji kollha tiegħu u jilqa’ l-possibbiltà, mistennija mill-2021 fil-kuntratti qafas għall-istudji u l-għarfien espert estern, li jinkludi viżwali u kontenut li jista’ jiġi kondiviż fuq il-media soċjali biex isaħħaħ il-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni ta’ prodotti finali;

84.

Jinnota li l-Kumitat bħalissa huwa preżenti fuq l-aktar pjattaformi proprjetarji popolari tal-media soċjali; iħeġġeġ lill-Kumitat juża alternattivi ta’ networks soċjali deċentralizzati flok pjattaformi online kbar ħafna, bħall-pjattaforma Mastodon; jikkondividi l-fehma tal-Kumitat li t-tisħiħ tal-użu ta’ pjattaformi alternattivi li jiffavorixxu aktar il-privatezza, minflok dawk mainstream predominanti, ikun qed jagħmel dikjarazzjoni f’termini ta’ protezzjoni tad-data u tas-sovranità diġitali;

85.

Iħeġġeġ lill-Kumitat biex jaħdem mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, bil-għan li juża ż-żewġ pjattaformi tal-media soċjali b’sors miftuħ, EU Voice u EU Video, li tnedew bħala proġett pilota pubbliku biex jippromwovi l-użu ta’ networks soċjali b’xejn u b’sors miftuħ;

86.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kumitat biex iżid l-isforzi ta’ komunikazzjoni tiegħu ħalli jsaħħaħ ir-rabta maċ-ċittadini billi japprova trasparenza akbar fl-operazzjonijiet tiegħu, billi jintensifika l-użu tat-teknoloġiji diġitali u billi jsegwi strateġija ta’ komunikazzjoni li tippermetti l-perċezzjoni u l-fehim korretti tar-rwol tal-Kumitat u tal-mod kif dan jidħol fil-viżjoni tal-Unjoni.

(1)  Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-prijoritajiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għall-2020-2025 — Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini permezz tal-villaġġi, il-bliet u r-reġjuni tagħha (ĠU C 324, 1.10.2020, p. 8).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2021 li jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (ĠU L 357, 8.10.2021, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1).

(7)   ĠU L 207, 11.6.2021, p. 1.

(8)  https://som.yale.edu/story/2022/over-1000-companies-have-curtailed-operations-russia-some-remain


Top