EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1830

Riżoluzzjoni (UE) 2023/1830 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021, Taqsima V — Il-Qorti tal-Awdituri

ĠU L 242, 29.9.2023, p. 111–122 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1830/oj

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/111


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1830 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021, Taqsima V — Il-Qorti tal-Awdituri

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021, Taqsima V — Il-Qorti tal-Awdituri,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0081/2023),

A.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”) hija l-awditur estern tal-Unjoni, fdata, permezz ta’ ħidma ta’ awditjar indipendenti, professjonali u li tħalli impatt, biex tivvaluta l-ekonomija, l-effettività, l-effiċjenza, il-legalità u r-regolarità tal-azzjoni tal-Unjoni sabiex ittejjeb l-obbligu ta’ rendikont, it-trasparenza u l-ġestjoni finanzjarja, u b’hekk ittejjeb il-fiduċja taċ-ċittadini u tirrispondi b’mod effettiv għall-isfidi attwali u futuri li qed tiffaċċja l-Unjoni;

B.

billi, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 287 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), mill-għeluq tas-sena finanzjarja 1987, il-Qorti kellha l-kontijiet tad-dħul u tal-infiq tagħha awditjati minn awditur estern indipendenti kull sena u, mir-rapport dwar is-sena finanzjarja 1992, ir-rapporti tal-awditur estern ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

C.

billi l-obbligu ta’ rendikont tal-ġestjoni fil-konfront tal-awtoritajiet baġitarji huwa pprovdut permezz tar-rapport annwali tal-attività tas-Segretarju Ġenerali tal-Qorti, li l-għan tiegħu, f’konformità mal-Artikolu 74(9) tar-Regolament Finanzjarju, huwa li jipprovdi informazzjoni dwar il-ġestjoni tar-riżorsi, inklużi s-sistemi, u dwar l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll intern tal-Qorti;

D.

billi fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza, l-awtorità ta’ kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont, u billi jiġi implimentat il-kunċett ta’ bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

E.

billi, meta tiffunzjona b’mod trasparenti u indipendenti, il-Qorti tikkontribwixxi għas-sorveljanza demokratika, għad-dibattitu pubbliku u għas-sodezza tal-ġestjoni finanzjarja tal-Unjoni;

F.

billi l-Qorti ħadet il-pożizzjoni li skontha, sabiex tivvaluta l-governanza tal-Unjoni, l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza tagħha u l-kwalità u l-affidabbiltà tal-informazzjoni u tad-data rrapportati dwar l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, l-aħjar soluzzjoni tkun li l-Qorti tingħata l-mandat li tawditja l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-Unjoni stabbiliti mit-Trattati jew skonthom u l-istrutturi intergovernattivi kollha ta’ rilevanza ewlenija għall-funzjonament tal-Unjoni; billi l-Qorti għalhekk tilqa’ kwalunkwe inizjattiva li lill-Qorti tafdaha b’mandat usa’;

1.

Jinnota li l-baġit tal-Qorti jaqa’ taħt l-intestatura 7 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), “Amministrazzjoni pubblika Ewropea”, liema baġit kien jammonta għal total ta’ EUR 10,7 biljun fl-2021 (li jirrappreżentaw 5,9 % tal-infiq tal-Unjoni); jinnota li l-baġit tal-Qorti jirrappreżenta madwar 1,5 % tal-infiq totali tal-Unjoni fuq l-amministrazzjoni, inqas minn 0,1 % tal-infiq totali tal-Unjoni;

2.

Jinnota li l-Qorti ssemmi li l-ħidma tagħha mwettqa tul ħafna snin tindika li l-Intestatura 7 tal-QFP tikkonċerna nfiq kumplessiv b’riskju baxx;

3.

Huwa konxju mill-fatt li l-kontijiet annwali tal-Qorti jiġu awditjati minn awditur estern indipendenti sabiex jiġu applikati l-istess prinċipji ta’ trasparenza u obbligu ta’ rendikont li l-Qorti tapplika fil-konfront ta’ dawk soġġetti għall-awditjar tagħha; jinnota b’sodisfazzjon li l-awditur estern ma rrapporta l-ebda kwistjoni speċifika bbażata fuq l-awditu tiegħu tal-Qorti;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

4.

Jinnota li l-baġit finali tal-Qorti għall-2021 kien ta’ EUR 153 721 727, ekwivalenti għal żieda żgħira ta’ 0,97 % meta mqabbel mal-baġit ta’ EUR 152 237 000 fl-2020, l-aktar minħabba adattamenti fis-salarji;

5.

Josserva l-implimentazzjoni għolja tal-baġit ta’ 96,65 %, meta mqabbla ma’ 95,70 % fl-2020, u li l-pagamenti kienu jirrappreżentaw 94,45 % tal-impenji totali, meta mqabbla ma’ 94,12 % fl-2020; jissottolinja li ż-żmien medju għall-pagamenti fl-2021 kien ta’ 10,7 ijiem u s-sehem tal-fatturi elettroniċi kien 19 %, meta mqabbel ma’ 11 % fl-2020;

6.

Jirrimarka li l-approprjazzjonijiet riportati għall-2021 ammontaw għal EUR 8 242 668 li rrappreżentaw 5,55 % tal-impenji totali, imqabbla ma’ EUR 8 565 175 u 5,88 % fl-2020; josserva li r-riport awtomatiku tal-approprjazzjonijiet mill-2020 għall-2021 wasslu għal rata ta’ utilizzazzjoni ta’ 91,70 % fl-2021, meta mqabbla ma’ 92,24 % fl-2020;

7.

Jinnota li fl-2021, il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt fuq l-attività tal-Qorti, u b’riżultat ta’ dan, tnaqqas l-użu ta’ approprjazzjonijiet għal ċerti linji baġitarji, filwaqt li għal oħrajn il-kriżi tas-saħħa rrikjediet nefqa addizzjonali; jinnota li, skont dan, matul l-2021, il-Qorti għamlet 30 trasferiment baġitarju li jirrappreżentaw total ta’ EUR 4 397 588 bl-objettiv li jiġu riallokati fondi għall-finanzjament ta’ ħtiġijiet speċifiċi;

8.

Josserva li n-nefqa addizzjonali fl-2021 meta mqabbla mal-2020 kienet relatata mas-sistemazzjoni tal-bini (+ 294,55 %), mas-sigurtà (+ 167,55 %), mal-IT (+ 12,34 %) u mat-tagħmir u l-installazzjoni tekniċi (+ 31,85 %), filwaqt li kien hemm iffrankar fuq tnaqqis ta’ nfiq għall-missjonijiet (– 48,83 %), għall-pubblikazzjonijiet (– 41,29 %), għas-servizz konġunt tal-interpretazzjoni u tal-konferenzi (– 61,54 %) u għas-servizz legali (– 75 %); jisħaq li r-rata ta’ użu għall-approprjazzjonijiet tal-missjonijiet tal-persunal fl-2021 kienet ta’ 25,03 % tal-approprjazzjonijiet finali, meta mqabbla ma’ 23,94 % fl-2020, b’riżultat tal-pandemija tal-COVID-19 li ma ppermettietx l-ivvjaġġar tal-awdituri; ifakkar lill-Qorti biex tieħu kull miżura possibbli biex tiżgura li l-approprjazzjonijiet tal-missjonijiet jintużaw f’konformità stretta mal-prinċipji tal-ekonomija, tal-effiċjenza u tal-effettività;

Ġestjoni interna, prestazzjoni u kontroll intern

9.

Ifakkar fl-istrateġija tal-Qorti għall-perjodu mill-2021 sal-2025 u jissottolinja li l-Qorti żiedet l-isforzi tagħha biex tuża t-teknoloġija moderna u tekniki ġodda fl-awditjar bl-aħjar mod biex tipprovdi aktar informazzjoni u informazzjoni aħjar għall-proċess tal-obbligu ta’ rendikont; jilqa’ l-kapaċità tal-Qorti li twettaq ħidma tal-awditjar fuq il-post, minkejja r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-miżuri tas-saħħa pubblika li kellhom impatt qawwi fuq l-awditi fuq il-post tagħha, u ż-żieda fl-użu ta’ awditjar remot li ppermetta interazzjoni sinifikanti mal-partijiet ikkonċernati u twassil f’waqtu tar-riżultati; jirrimarka fuq l-interess tal-Parlament f’monitoraġġ effettiv u f’waqtu tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Qorti għall-perjodu mill-2021 sal-2025 sabiex tiġi ggarantita l-konsistenza mal-ogħla standards tat-trasparenza u tal-obbligu ta’ rendikont u biex jiġi pprovdut servizz ta’ awditjar pubbliku effettiv fl-Unjoni; jemmen li tali monitoraġġ jirrikjedi t-tfassil ta’ indikaturi ta’ prestazzjoni u d-definizzjoni ta’ stadji importanti u ta’ eżiti li jistgħu jitkejlu meta jiġu żviluppati l-pjanijiet ta’ azzjoni msemmija fl-istrateġija u t-twettiq tar-rapportar perjodiku tal-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-istrateġija, inkluż ir-rieżamijiet ta’ nofs it-terminu u bejn il-pari;

10.

Josserva li, fl-2021, twettqu total ta’ 1 156 jum ta’ awditjar fuq il-post, meta mqabbla ma’ 1 817 fl-2020 u 6 109 fl-2019; jirrimarka li l-volum tar-riżultati ewlenin baqa’ l-istess jew f’xi każijiet ittejjeb meta mqabbel mas-snin preċedenti, pereżempju l-Qorti ħarġet 256 rakkomandazzjoni fl-2021 meta mqabbla mal-189 fl-2020, ippreżentat 7 rapporti annwali fl-2021, li huwa l-istess ammont ippreżentat fl-2020, u ppreżentat 27 rapport speċjali meta mqabbla ma’ 26 fl-2020, filwaqt li l-opinjonijiet naqsu għal 2 fl-2021 minn 11 fl-2020 u r-rieżamijiet għal 5 fl-2021 minn 6 fl-2020;

11.

Jilqa’ l-proċess ta’ riflessjoni interna li tnieda biex jiġi identifikat it-titjib sabiex tinkiseb il-mira ta’ perjodu li ma jdumx iktar minn 13-il xahar għat-tħejjija u għall-abbozzar ta’ rapporti speċjali billi jiġi ddefinit aħjar jew jitnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni tal-awditjar, billi jiġi intensifikat il-monitoraġġ tal-progress tal-awditjar, billi jitnaqqas it-tul ta’ żmien għall-proċeduri ta’ rieżami intern mingħajr ma jiġi affettwat il-livell tal-kwalità, u billi jitqassru jew jitneħħew il-perjodi ta’ notifika u ta’ ċirkolazzjoni kull fejn possibbli;

12.

Josserva li, f’Lulju 2021, il-Qorti adottat il-pjan ta’ żvilupp tagħha għall-perjodu mill-2021 sal-2025 bl-għan li t-teknoloġija u d-data jintużaw aħjar fl-awditjar, liema pjan jiffoka fuq żieda fl-użu tad-data, u jistabbilixxi l-objettivi għal dak il-perjodu fir-rigward tal-użu tat-teknoloġija b’appoġġ għall-objettivi tal-awditjar tal-Qorti; jilqa’ l-ħolqien tat-tim tad-Data u t-Teknoloġija għall-Awditjar — DATA, magħmul minn esperti, xjenzati tad-data u awdituri tal-IT, li għandu l-għan li jappoġġa t-timijiet tal-awditjar u li jkun responsabbli biex imexxi d-diġitalizzazzjoni tax-xogħol tal-awditjar tal-Qorti; japprova l-isforzi sinifikanti li għamlet il-Qorti biex ittejjeb il-kapaċità tal-IT tagħha sabiex twettaq analitika tad-data avvanzata;

13.

Japprezza l-approċċ tal-Qorti li tibbaża l-istrateġija tagħha fuq l-analiżi tagħha tax-xejriet, il-valutazzjoni tagħha tar-riskji u l-prijoritajiet tal-partijiet ikkonċernati istituzzjonali u ta’ dawk soġġetti għall-awditjar tagħha; jemmen li d-djalogu bejn il-Qorti u l-Parlament biex jiġu identifikati suġġetti ta’ interess u prijoritajiet għandu jiġi ssimplifikat u kkoordinat biex jiġu ggarantiti l-konsistenza u l-kopertura adegwata tal-kwistjonijiet ewlenin miftiehma filwaqt li jiġu evitati d-duplikazzjoni jew li dawn il-kwistjonijiet jikkoinċidu; huwa konxju li l-Qorti tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma tagħha b’mod kompletament indipendenti, għalkemm tuża l-kontribut mill-Parlament, ipprovdut permezz tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati tal-Parlament; jemmen li l-programm ta’ ħidma tal-Qorti għandu jitfassal biex jipprovdi analiżi aktar effettiva speċifikament fir-rigward ta’ xi prijoritajiet identifikati sabiex jingħata aktar flessibbiltà rigward l-ammont ta’ xogħol importanti fuq il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) fil-futur; ifakkar li r-riżorsi tal-Qorti ma għandhomx jintużaw biex jimmultiplikaw ir-rapporti speċjali iżda biex jiffukaw aktar fuq it-tħejjija ta’ rapporti speċjali marbuta mas-sitwazzjoni u l-isfidi Ewropej attwali bħall-RRF, in-Next Generation EU (NGEU), il-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 u l-ġestjoni doganali;

14.

Jirrikonoxxi li l-Qorti wettqet analiżi tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u talbet żieda fl-għadd ta’ pożizzjonijiet tal-awditjar għall-2023, filwaqt li mliet l-20 pożizzjoni addizzjonali li rċeviet fit-tabella tal-persunal tal-2022 biex tiffoka fuq l-NGEU; jirrikonoxxi li l-NGEU se jwassal għal ammont ta’ xogħol addizzjonali għall-Qorti u li l-Qorti esprimiet l-intenzjoni tagħha li tiffoka, b’mod partikolari, fuq l-RRF; jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li d-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll baġitarju previsti mill-Kunsill fl-RRF ma jipprovdux biżżejjed prerogattivi ta’ awditjar għall-Qorti fir-rigward tal-infiq tal-Istati Membri;

15.

Jemmen li l-ħidma tal-Qorti għandha tipprovdi analiżi aktar effettiva tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni, peress li huma parti rilevanti mill-proċedura ta’ kwittanza; huwa tal-fehma li l-awditu tal-intestatura “Amministrazzjoni pubblika Ewropea”, filwaqt li jitqies bħala nefqa b’riskju baxx u s’issa ma rriżultax fi żball ogħla mil-livell limitu tal-materjalità, jipprovdi informazzjoni aktar rilevanti lill-awtorità ta’ kwittanza minn kif inhu l-każ bħalissa kieku jitwettaq b’approċċ differenti, li mhux neċessarjament ikun jinvolvi valutazzjoni separata kull sena għal kull istituzzjoni;

16.

Jirrikonoxxi li t-tibdil relatat mal-QFP li jmiss, l-RRF u l-NGEU jinvolvi l-finanzjament u l-użu tal-baġit tal-Unjoni, inklużi forom ġodda ta’ riżorsi proprji, b’bidla sinifikattiva mir-regoli ta’ eliġibbiltà bbażati fuq il-konformità għal aspetti bbażati fuq il-prestazzjoni għal ħafna oqsma ta’ politika; jifhem li l-Qorti se tinvolvi ruħha fi żvilupp kontinwu tal-approċċ u l-metodoloġija tal-awditjar tagħha biex tipprovdi aċċertamenti b’saħħithom anke f’dak ix-xenarju li qed jinbidel;

17.

Iħeġġeġ lill-Qorti ttejjeb il-kontribut tagħha fil-ġlieda kontra l-frodi fir-rigward tal-baġit tal-Unjoni, mhux biss billi tidentifika u tirrapporta d-dgħufijiet li jagħmlu l-programmi ffinanzjati mill-Unjoni suxxettibbli għall-frodi, iżda wkoll billi tqis id-dibattitu li għaddej bħalissa fost l-atturi li huma parti mill-arkitettura tal-Unjoni kontra l-frodi u billi tintensifika l-ħidma tal-awditjar f’kooperazzjoni mal-korpi responsabbli mid-detezzjoni tal-frodi, filwaqt li tivvaluta regolarment l-attivitajiet ta’ tali korpi u tipprovdi lill-awtorità ta’ kwittanza b’feedback li jkun rilevanti għall-analiżi tagħha;

18.

Ifaħħar l-istrateġija tal-Qorti li timpenja ruħha fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-kosteffettività biex tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-burokrazija; jirrimarka li r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti dwar iż-żieda fl-effiċjenza tal-proċeduri, l-użu tal-aħjar prattiki, it-titjib tal-koordinazzjoni, l-istabbiliment ta’ proċessi standard, il-prevenzjoni tal-gold plating, u s-simplifikazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, b’mod partikolari, iservu dak l-għan;

19.

Jenfasizza li, fl-2021, il-Qorti rrakkomandat li tiġi żviluppata kapaċità ta’ analiżi u koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni biex tikkoordina aħjar il-valutazzjonijiet tar-riskju u li jiġu żviluppati u miżmuma bażijiet tad-data tar-riskju madwar l-Unjoni għall-użu mill-Istati Membri; jenfasizza l-approvazzjoni importanti tal-Qorti tal-isforzi li saru sabiex jiġu segwiti kapaċitajiet effettivi ta’ estrazzjoni ta’ data biex titwettaq analiżi tad-data fil-livell tal-Unjoni u jiġu identifikati r-riskji rilevanti għall-Unjoni; japprova l-appoġġ tal-Qorti lill-Istati Membri biex itejbu l-effiċjenza u l-effettività tal-amministrazzjonijiet pubbliċi billi jidentifikaw ostakli regolatorji u amministrattivi u jtejbu l-qafas ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri; jistieden lill-Qorti tistabbilixxi r-rekwiżiti meħtieġa għall-ġbir, l-ipproċessar u l-ħżin faċli u interoperabbli tad-data meħtieġa għall-awditjar tal-użu mill-Istati Membri tal-infiq pubbliku;

20.

Jistieden lill-Qorti tkompli bl-isforzi tagħha biex tindirizza l-ittaggjar ekoloġiku fl-RRF u tivvaluta l-RRF f’termini tal-allinjament u l-kontribut tiegħu għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew fir-rigward tal-azzjoni klimatika u jinnota li tali sforzi reċentement kienu jinkludu t-tħejjija ta’ rapporti u opinjonijiet speċjali dwar il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” u dwar l-applikazzjoni tat-tassonomija tal-UE; jistieden lill-Qorti tinkludi kompiti speċifiċi biex tivvaluta l-kontribut u l-impatti tal-miri tad-diġitalizzazzjoni fl-RRF għall-istrateġija diġitali u t-trasformazzjoni diġitali tal-Unjoni; huwa mħasseb dwar il-fatt li sal-21 ta’ Frar 2023 il-Kummissjoni kienet għadha ma ddefinietx metodoloġija ċara għall-kwantifikazzjoni tal-impatt finanzjarju tan-nuqqas ta’ twettiq sodisfaċenti ta’ wieħed jew aktar mill-istadji importanti ta’ bażi tal-pagamenti;

Riżorsi umani, ugwaljanza u benesseri tal-persunal

21.

Jinnota li, fi tmiem l-2021, il-Qorti kellha 853 pożizzjoni, permanenti u temporanji (bħal fis-snin preċedenti) li minnhom 527 kienu f’awli tal-awditjar, inklużi 104 pożizzjoni fl-uffiċċji tal-membri, u li impjegat 92 aġent kuntrattwali u 25 espert nazzjonali sekondat addizzjonali, meta mqabbla ma’ 83 u 15 rispettivament fl-2020;

22.

Josserva li l-ekwivalenti għal full-time totali tal-Qorti fl-2021 kien ta’ 955, li minnhom 749 (li jikkorrispondu għal 79 %) kienu involuti fit-twettiq ta’ kompiti tal-awditjar;

23.

Jinnota li, fl-2021, tnedew azzjonijiet sinifikanti biex jiġu pprovduti riżorsi għall-awditjar tal-NGEU, b’mod partikolari sejħa interna għal espressjonijiet ta’ interess, imnedija f’Settembru 2021 u sejħa għal esperti nazzjonali sekondati, ippubblikata f’Ottubru 2021, u li s-selezzjoni għal-lista ta’ riżerva li minnha għandhom jiġu reklutati 20 pożizzjoni temporanja addizzjonali ġiet finalizzata u l-proċess biex fil-fatt jiġu reklutati dawk l-20 pożizzjoni temporanja addizzjonali mistenni li jiġi ffinalizzat għalkollox matul l-ewwel tliet xhur tal-2023;

24.

Josserva li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, ir-rata ta’ okkupazzjoni fil-Qorti kienet ta’ 97,3 % (23 mit-853 pożizzjoni tax-xogħol, permanenti u temporanji, fil-Qorti kienu vakanti u miftuħa għar-reklutaġġ) meta mqabbla ma’ 97,2 % fl-aħħar tal-2020; japprezza l-isforzi kontinwi biex jinżamm reklutaġġ intensiv, li fl-2021, irriżulta fir-reklutaġġ ta’ 80 impjegat ġdid, li kienu jinkludu 16-il uffiċjal, 21 aġent temporanju, 30 aġent kuntrattwali u 13-il espert nazzjonali sekondat;

25.

Jinnota li l-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-persunal jitfittex u huwa miksub sew, fejn 50,76 % tal-uffiċjali u 60,82 % tal-aġenti temporanji huma nisa, u qrib dawn il-livelli għall-persunal kuntrattwali (47,83 % nisa) u għall-esperti nazzjonali sekondati (48 %) nisa; japprezza s-sitwazzjoni pożittiva fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-ġeneri fost il-pożizzjonijiet maniġerjali, fejn minn 28 kariga bħala kap ta’ kabinett 13 huma okkupati minn nisa u minn 10 karigi bħala direttur 4 huma okkupati minn nisa, filwaqt li jinnota li, fir-rigward tal-maniġers prinċipali, il-bilanċ għadu ma ntlaħaqx fejn 18 minn 50 kariga huma okkupati minn nisa;

26.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fir-rigward tal-kulleġġ tal-membri tal-Qorti; jirrimarka li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija minquxa bħala wieħed mill-valuri ewlenin tal-Unjoni fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jenfasizza li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandu jkollha rwol mhux biss fil-politiki kollha tal-Unjoni, iżda wkoll fl-organizzazzjoni interna tal-istituzzjonijiet tagħha; iqis li huwa inaċċettabbli li fl-istorja tal-Qorti, minn 116-il membru, 16 biss kienu nisa; jirrikonoxxi, madankollu, li l-kulleġġ attwali huwa eqreb fil-kisba tal-bilanċ bejn il-ġeneri, peress li minn 27 membru, 10 huma nisa;

27.

Jifhem li huwa diffiċli li jinkiseb bilanċ bejn il-ġeneri peress li n-nomina hija responsabbiltà esklużiva tal-Istati Membri, u jinnota b’dispjaċir li 13-il Stat Membru qatt ma bagħtu mara għall-Qorti; madankollu jistieden lill-Qorti tanalizza l-kompożizzjoni kumplessiva tal-Qorti sabiex tinforma lill-Kunsill u lill-Istati Membri involuti ħalli l-bilanċ bejn il-ġeneri jitqies fid-deċiżjoni ta’ nomina; itenni t-talba tiegħu biex jintlaħaq bilanċ bejn il-ġeneri u jħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali jippreżentaw kandidati ta’ ġeneri differenti, bl-għan li jinkiseb livell qrib il-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-membri tal-Qorti;

28.

Jiddispjaċih li l-Kunsill ripetutament jipproċedi bin-nomina ta’ membri tal-Qorti li n-nomini tagħhom ikunu ġew irrifjutati mill-Parlament; jissottolinja li l-valutazzjoni tal-Parlament tal-adegwatezza tal-kandidati għall-Qorti għandha titqies vinkolanti;

29.

Jilqa’ l-adozzjoni, fl-2021, ta’ strateġija ġdida dwar id-diversità u l-inklużjoni u ta’ pjan ta’ azzjoni u politika dwar id-diversità u l-inklużjoni, it-tnejn li huma għall-perjodu mill-2021 sal-2025, josserva li l-politika l-ġdida tinkludi kriterju ta’ valutazzjoni tal-prestazzjoni għall-maniġers rigward il-kapaċità tagħhom li jikkultivaw ġestjoni inklużiva u li jippromwovu d-diversità u l-inklużjoni u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; ifaħħar il-ħatra għall-ewwel darba, fl-2021, ta’ membru tal-Qorti bħala ambaxxatur tad-diżabilità u l-organizzazzjoni taħt l-isponsorizzazzjoni tiegħu tal-ġimgħa ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-diżabilità biex tiġi promossa kultura inklużiva;

30.

Jilqa’ s-sett komprensiv ta’ indikaturi u miri ta’ prestazzjoni adottati sabiex jiġu mmonitorjati l-inizjattivi tad-diversità u tal-inklużjoni tal-Qorti u l-istħarriġ dwar opportunitajiet indaqs u dwar l-involviment tal-persunal; jinnota li dan tal-aħħar indika perċezzjoni pożittiva mill-maġġoranza tal-persunal fir-rigward tal-emanċipazzjoni, tal-appoġġ u tal-fiduċja;

31.

Jilqa’ l-iffirmar mill-Qorti, fl-14 ta’ Ottubru 2021, tal-Karta dwar id-Diversità Lëtzebuerg, test ta’ impenn nazzjonali ppreżentat lil kwalunkwe organizzazzjoni fil-Lussemburgu li tixtieq timpenja ruħha għall-promozzjoni u l-ġestjoni tad-diversità permezz ta’ azzjonijiet konkreti;

32.

Jinnota li għadu ma ntlaħaqx bilanċ ġeografiku fil-persunal tal-Qorti, li jirrifletti d-diffikultajiet tal-Qorti biex tattira lin-nies biex jaħdmu (u jgħixu) fil-Lussemburgu minħabba, fost affarijiet oħra, l-għoli tal-ħajja elevat; japprezza li l-Qorti bdiet tippromwovi sejħiet għal espressjonijiet ta’ interess fil-gazzetti diġitali u fis-siti tal-impjiegi fl-Istati Membri li mhumiex irrappreżentati biżżejjed fil-Qorti u permezz ta’ kuntatt mal-kabinetti rilevanti tal-Qorti għall-Istati Membri fil-mira; jinnota wkoll l-approċċ proattiv tal-Qorti biex tqajjem il-kwistjoni ta’ salarji mhux kompetittivi bl-għan li jinstabu soluzzjonijiet; iħeġġeġ lill-Qorti tilħaq lill-awtoritajiet nazzjonali permezz tar-rappreżentanzi permanenti tal-Istati Membri għall-Unjoni, tuża l-media soċjali b’mod aktar intensiv biex tirreklama l-proċeduri ta’ reklutaġġ tagħha u tipparteċipa f’fieri tal-karrieri u f’avvenimenti simili fi Stati Membri mhux rappreżentati biżżejjed biex tippromwovi lill-Qorti bħala impjegatur; japprova l-parteċipazzjoni tagħha fl-inizjattiva ta’ network tal-Akkademja Ewropea bħala għodda biex jiġi attirat it-talent lejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni bbażati fil-Lussemburgu permezz ta’ proġetti komuni mmirati lejn l-universitajiet;

33.

Jinnota li fl-2021 seba’ każijiet ta’ eżawriment ġew irrapportati lill-uffiċjal mediku tal-Qorti, numru li l-Qorti tqis li huwa għoli ħafna u li kien ir-riżultat tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien eċċezzjonali imposti matul il-pandemija tal-COVID-19; jinnota li l-Qorti wettqet stħarriġ biex tifhem kif il-pandemija tal-COVID-19 affettwat il-persunal u nediet kampanja ta’ komunikazzjoni bl-għan li tippromwovi bilanċ b’saħħtu bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; japprezza, fost il-ħafna inizjattivi, l-appoġġ psikoloġiku estiż għall-membri tal-persunal;

34.

Jilqa’ l-programm ta’ benesseri tal-Qorti “Lura l-uffiċċju”, li jinkorpora l-appoġġ mentali, fiżiku u soċjali u li huwa mfassal apposta għall-pekuljaritajiet tal-ħajja tax-xogħol ibrida, bl-għan li jiġi evitat l-eżawriment u tittejjeb ir-reżiljenza; japprezza l-approvazzjoni tal-Qorti tad-dritt għall-iskonnessjoni bl-introduzzjoni tal-“wisa’ tal-banda tal-konnessjoni” li barra minnha l-persunal mhuwiex mistenni li jaħdem jew ikun jista’ jintlaħaq ħlief f’każijiet ta’ emerġenza jew meta tali kuntatt ikun inftiehem qabel ma seħħ;

35.

Jinnota li l-politika tal-persunal tal-Qorti tinkludi mekkaniżmu kontra l-fastidju li jikkonsisti f’network ta’ appoġġ li jikkoordina l-konsulenti kunfidenzjali, l-uffiċjal mediku, is-superjuri ġerarkiċi diretti, is-servizz ta’ medjazzjoni u d-dipartiment tar-riżorsi umani; itenni t-talba tiegħu lill-Qorti biex tkompli taħdem fuq it-titjib tal-għodda għar-rapportar tal-ilmenti dwar fastidju u l-qafas etiku intern; huwa konxju li l-Qorti adottat l-aktar politika reċenti tagħha kontra l-fastidju fl-2017; iħeġġeġ lill-Qorti taġġorna dik il-politika, li r-reviżjoni tagħha tnediet fl-2021, bl-għan li ssir enfasi akbar fuq il-prevenzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-koordinazzjoni tad-diversi atturi involuti fl-għoti ta’ appoġġ u biex jiġi stabbilit approċċ aktar ċar ta’ proċedura ta’ rapportar u ta’ komunikazzjoni;

36.

Jinnota d-deċiżjoni dwar ix-xogħol ibridu li ġiet adottata f’Novembru 2021 u li l-kundizzjonijiet tax-xogħol jinkludu intervalli tax-xogħol u ħin flessibbli; josserva li t-telexogħol huwa soġġett għal limitu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol fix-xahar;

37.

Ifakkar fl-esperjenza miksuba mill-irregolaritajiet imwettqa minn Karel Pinxten, meta kien membru tal-Qorti, li fir-rigward tiegħu ma setgħet tittieħed l-ebda azzjoni biex jiġi rrimedjat b’mod komprensiv il-preġudizzju finanzjarju u reputazzjonali esperjenzati mill-Qorti u mill-Unjoni kollha kemm hi, peress li ma teżisti l-ebda bażi ġuridika biex jiġi rkuprat is-salarju tiegħu għal jiem ta’ assenza matul missjonijiet barra mit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu u għal assenzi mhux ġustifikati oħrajn; jisħaq li, kif indikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Settembru 2021 (1), ir-regoli interni vagi ħadmu favur l-imġiba ħażina tiegħu, li kienet permessa wkoll min-nuqqasijiet tal-kontrolli stabbiliti; jirrikonoxxi l-azzjonijiet li ħadet il-Qorti f’din il-kwistjoni, permezz ta’ kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi (OLAF), it-tneħħija tal-immunitajiet u t-twassil għal konklużjoni b’suċċess tal-proċedura skont l-Artikolu 286(6) tat-TFUE; jissottolinja li l-Qorti għandha tagħmel dak kollu li għandha s-setgħa li tagħmel biex tevita li jokkorru każijiet simili fil-futur u għal din ir-raġuni huwa impenjat li jappoġġa u jaħdem mal-Qorti hekk kif tagħmel l-arranġamenti meħtieġa għar-regoli interni tagħha; jinnota li l-Qorti għandha taġixxi bħala l-gwardjan tal-finanzi tal-Unjoni u li għandha tapplika l-ogħla standards etiċi b’mod partikolari fir-rigward tal-persuni li għandhom kariga għolja mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

38.

Jinnota li, sal-2020, l-istabbiliment ta’ reġistru tal-attendenza kien ikopri biss il-ftit laqgħat bi preżenza fiżika tal-kulleġġ tal-membri tal-Qorti, minkejja r-rekwiżiti espressi mill-Parlament; jinnota li bid-Deċiżjoni tal-Qorti Nru 21-2021, il-parteċipazzjoni tal-membri f’laqgħat oħra għandha tiġi rreġistrata wkoll fir-reġistru tal-attendenza u jtenni t-talba li saret kull sena sa mill-kwittanza tal-2017 li r-reġistru tal-attendenza jiġi estiż biex ikopri l-ġranet tax-xogħol, il-missjonijiet, il-perjodi ta’ liv u l-assenzi ġustifikati sabiex jirrappreżenta mmappjar preċiż tal-ħidma mwettqa mill-membri u bħala għodda għall-prevenzjoni proattiva ta’ każijiet potenzjali ta’ assenteiżmu; jirrimarka li l-membri tal-Qorti għandhom obbligu li jiddedikaw lilhom infushom bis-sħiħ għall-qadi tal-mandat tagħhom; jirrikonoxxi li r-reġistru tal-attendenza tal-membri għall-2021 sar disponibbli għall-membri tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament f’Jannar 2022; itenni t-talba tiegħu li jirċievi aġġornamenti annwali tar-reġistru tal-attendenza sabiex dan ikun jista’ jitqies matul il-proċedura ta’ kwittanza

39.

Jinnota b’sodisfazzjoni li, wara r-rakkomandazzjoni tal-Parlament, il-kodiċi ta’ kondotta emendat tal-Qorti għall-membri attwali u għall-ex membri tagħha, ippubblikat fit-2 ta’ Mejju 2022, jinkludi Artikolu 10(1) ġdid, li jistipula li “Il-Membri tal-Qorti għandhom jiddedikaw lilhom infushom għall-qadi tal-mandat tagħhom. Huma għandhom jirrisjedu fil-post fejn il-Qorti għandha s-sede tagħha”; iqis li din id-dispożizzjoni riveduta hija konformi mal-interpretazzjoni espressa mill-Parlament, mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u mal-istandards etiċi mistennija mill-Qorti; jinnota li bħalissa l-membri kollha tal-Qorti għandhom ir-residenza primarja tagħhom fil-Lussemburgu;

40.

Jinnota li l-gratifika ta’ insedjament għal membru tal-Qorti tingħata bil-kundizzjoni li l-membru tal-Qorti jipprovdi evidenza li kienet meħtieġa bidla fil-post tar-residenza sabiex jassumi d-dmirijiet tiegħu biex ikun jista’ jaderixxi mal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal; jifhem li l-ġestjoni tad-drittijiet finanzjarji kollha tal-persunal u tal-membri tal-Qorti, inkluża l-gratifika ta’ insedjament, ġiet iddelegata lill-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) tal-Kummissjoni, li jitlob u jivverifika l-validità tad-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa; jinnota li, fuq talba tal-Qorti, fl-2021, il-PMO wettaq kontroll ex post tal-gratifika ta’ insedjament u rrapporta r-riżultati lill-Qorti, filwaqt li indika li ma kienet seħħet l-ebda irregolarità fl-2021;

41.

Jinnota s-sett ta’ regoli u t-termini tal-użu adottati reċentement mill-Qorti biex jiġi rregolat l-użu privat tal-flotta tal-karozzi; jifhem li l-membri tal-Qorti issa huma obbligati jkopru l-kostijiet reali mġarrba għall-użu ta’ karozza mhux relatat ma’ missjoni u li jkopru vjaġġi oħra b’rabta mat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom meta ma jkunux koperti min-numru standard ta’ kilometri allokati għal dak it-tip ta’ użu; jinsab imħasseb li s-sistema l-ġdida introdotta b’dik id-deċiżjoni toħloq konfużjoni u ma turix l-effiċjenza amministrattiva allegata tagħha; itenni l-opinjoni tiegħu espressa fir-riżoluzzjonijiet ta’ kwittanza preċedenti li l-użu tal-flotta tal-karozzi għandu jkun limitat għat-twettiq tad-dmirijiet tal-membri; jinnota li jeżistu regoli differenti għall-użu ta’ karozzi uffiċjali fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni mingħajr ebda ġustifikazzjoni apparenti; jistieden lill-Kummissjoni tissuġġerixxi regoli komuni għall-użu ta’ karozzi uffiċjali għall-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni;

42.

Isostni li l-missjonijiet huma essenzjali fil-qadi tar-rwol tal-Qorti u biex il-membri tagħha jkunu jistgħu jaġixxu bħala ambaxxaturi tal-Qorti fil-pajjiżi ta’ oriġini rispettivi tagħhom; jilqa’ l-fatt li l-Qorti tippubblika informazzjoni dwar il-missjonijiet imwettqa mill-membri tagħha fuq is-sit web tagħha iżda jinsisti li l-fatt li l-informazzjoni dwar il-missjonijiet imwettqa fis-snin preċedenti ma tinżammx fuq is-sit web tagħha għal aktar minn żmien limitat imur kontra l-istandards ta’ trasparenza u obbligu ta’ rendikont mistennija mill-Qorti; bl-istess mod itenni t-talba tiegħu għat-trasparenza b’rabta mal-għanijiet u l-kostijiet tal-missjonijiet tal-Qorti u jitlob lill-Qorti tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-każijiet meta kontrolli ex ante u ex post ikunu individwaw irregolaritajiet; jirrifjuta l-valutazzjoni tal-Qorti u d-deċiżjoni li ma tingħaqadx mar-Reġistru tat-Trasparenza tal-Unjoni u jħeġġeġ lill-Qorti tirrifletti mill-ġdid dwar il-kwistjoni, filwaqt li jtenni t-talba qawwija tiegħu lill-Qorti biex tingħaqad mar-Reġistru tat-Trasparenza tal-Unjoni li mhu se joħloq l-ebda ostaklu għall-indipendenza sħiħa tal-Qorti;

43.

Jilqa’ d-deċiżjoni li jiġu ppubblikati l-missjonijiet tal-Membri lil hinn mis-sena attwali, iżda jfakkar fl-importanza li l-aġenda tal-membri tiġi ppubblikata wkoll fit-totalità tagħha, inklużi l-impenji pubbliċi u professjonali;

44.

Jistieden lill-Qorti tiżgura li r-regoli attwali jistgħu jevitaw kwalunkwe użu ħażin possibbli tal-ordnijiet ta’ missjoni li jistgħu jqajmu dubji dwar l-integrità, l-indipendenza u l-oġġettività tal-membri tagħha; jitlob b’mod partikolari li l-kompiti u r-responsabbiltajiet ta’ membru waqt missjoni jkunu speċifikati b’mod ċar sabiex tiġi evitata kwalunkwe forma ta’ mġiba ħażina potenzjali;

45.

Jiġbed l-attenzjoni tal-Qorti għar-rakkomandazzjoni tal-2021 tas-servizz tal-awditjar intern (IAS) tal-Qorti, biex jiġi żgurat li l-PMO jwettaq kontrolli effettivi fuq l-infiq tal-missjonijiet, b’mod partikolari billi japplika l-gwida tal-missjonijiet tal-Qorti b’mod korrett, u biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet il-ġodda dwar il-ġestjoni u l-użu tal-flotta tal-karozzi, ir-regoli dwar l-ispejjeż tar-rappreżentanza, ir-regoli dwar it-taħriġ professjonali u l-kodiċi ta’ kondotta għall-membri attwali u għall-ex membri tal-Qorti, b’mod partikolari billi tiġi pprovduta gwida ulterjuri lill-atturi kollha involuti;

46.

Josserva li, fl-2021, il-Qorti rreklutat 55 trainee, u li kollha rċevew allowance ta’ kull xahar, ħlief wieħed li ma kienx eliġibbli minħabba li dak it-trainee kien ipparteċipa fil-qafas ta’ programm Universitarju; jistieden lill-Qorti tieħu l-passi xierqa biex tiżgura li t-trainees kollha tagħha jirċievu remunerazzjoni deċenti;

Qafas etiku u trasparenza

47.

Jilqa’ l-proċess ta’ riforma li għaddej bħalissa li permezz tiegħu l-Qorti qed issegwi r-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-riżoluzzjonijiet ta’ kwittanza preċedenti, b’enfasi fuq xi aspetti tal-ġestjoni finanzjarja, it-trasparenza u l-imġiba etika;

48.

Jemmen li r-rwol u l-importanza tal-Qorti, bħala l-awditur estern indipendenti tal-Unjoni u l-gwardjan tal-finanzi tagħha, jimponu sett ta’ kriterji ta’ valutazzjoni stretti ħafna fuq l-awtorità ta’ kwittanza u jimponu fuq il-Qorti l-impenn li tilħaq l-ogħla standards possibbli; jenfasizza f’dak ir-rigward, kif sar fir-riżoluzzjonijiet ta’ kwittanza preċedenti, li l-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar bħall-Qorti jkunu mistennija li jilħqu standards għoljin u, għalhekk, jeħtiġilhom jaġixxu bħala organizzazzjonijiet mudell u jispiraw fiduċja u kredibbiltà, u li t-tmexxija trid tistabbilixxi t-ton mill-azzjonijiet tagħha lejn tali kisba; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-elezzjoni mill-membri tagħha tal-president attwali tal-Qorti, li jagħti l-garanziji addizzjonali ta’ esperjenza notevoli fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni u fi kwistjonijiet relatati mal-awditjar tal-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji tal-Unjoni;

49.

Jinnota, fir-rigward tal-kumitat tal-etika tal-Qorti u l-proċedura għall-ħatra tiegħu, li l-proċeduri interni tal-Qorti jipprevedu li hija l-prerogattiva tal-president tal-Qorti li jipproponi kandidati lill-kulleġġ ta’ membri tal-Qorti; josserva li d-deċiżjoni tal-kulleġġ li jinnomina membri għall-kumitat tal-etika tittieħed b’maġġoranza; jenfasizza, barra minn hekk, li, skont l-Artikolu 285 tat-TFUE, il-membri tal-Qorti huma kompletament indipendenti u li l-kumitat tal-etika għalhekk irid ikun kompletament indipendenti wkoll; itenni t-talbiet tiegħu lill-Qorti biex terġa’ tikkunsidra r-regoli għall-ħatra u l-kompożizzjoni tal-kumitat tal-etika; jitlob għal darb’oħra lill-kumitat tal-etika tal-Qorti jirrapporta dwar is-sejbiet ewlenin tar-rapport tal-awditjar intern dwar l-etika, diġà mitlub b’rabta mal-kwittanzi għall-2020 u l-2019;

50.

Itenni li filwaqt li l-kodiċi ta’ kondotta emendat għall-membri attwali u għall-ex membri tal-Qorti jistabbilixxi b’mod espliċitu l-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni annwali tal-interessi, il-Qorti għandha ssaħħaħ is-sistema attwali biex tiżgura li l-membri tagħha jikkonformaw mal-ogħla standards ta’ kondotta etika u mal-valuri u l-prinċipji etiċi li jridu jiġu osservati, bħall-integrità, l-indipendenza, l-oġġettività, l-imġiba professjonali, id-dinjità, l-impenn u l-lealtà;

51.

Jinnota li l-istruttura ta’ appoġġ għal pariri etiċi tikkonsisti f’kumitat tal-etika, konsulenti tal-etika, portal ta’ trasparenza u tim ta’ taħriġ, fdati bl-iżvilupp ta’ programm ta’ taħriġ li jikkonsisti f’kors tal-etika, konferenzi u workshops u li jiffukaw fuq is-sensibilizzazzjoni u l-għoti ta’ taħriġ speċifiku għall-konsulenti kunfidenzjali dwar suġġetti relatati mal-fastidju; josserva li 131 parteċipant attendew is-sessjonijiet ta’ taħriġ iddedikati għall-etika, li huma obbligatorji għall-ġodda, kif ukoll dawk dwar opportunitajiet indaqs u kontra l-fastidju, li huma kkomplementati minn sessjonijiet iddedikati għall-maniġers, għall-konsulenti tal-etika u għall-konsulenti kunfidenzjali;

52.

Huwa konxju li, fl-2021, il-Qorti bdiet il-proċess tal-aġġornament tal-qafas etiku tagħha għall-persunal; jirrikonoxxi li l-evalwazzjoni tal-qafas etiku tal-Qorti twettqet minn konsulent estern li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, maħruġa fl-2022, kienu bbażati fuq stħarriġ tal-persunal, workshop mal-persunal, intervisti mal-maniġers u rieżami tad-dokumenti; jifhem li l-ewwel azzjoni wara l-analiżi hija li jiġu aġġornati l-linji gwida etiċi tal-Qorti, li għandhom jiġu segwiti minn aġġornament tar-regoli dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta;

53.

Jilqa’ l-aġġornament tal-kodiċi ta’ kondotta għall-membri attwali u għall-ex membri tal-Qorti li jsegwi l-osservazzjonijiet tal-Parlament fil-kwittanza preċedenti; jisħaq li, filwaqt li jibbaża fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament, il-kodiċi ta’ kondotta jintroduċi l-obbligu għall-membri li jirrisjedu fil-post fejn tinsab is-sede tal-Qorti, jirregola r-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-membri u l-persunal tal-Qorti, u jillimita l-possibbiltajiet għall-involviment tal-membri fil-politika; jilqa’ b’mod partikolari l-fatt li l-Artikolu 12(2) il-ġdid jipprojbixxi b’mod espliċitu lill-membri milli jkollhom karigi onorarji mhux imħallsa f’organizzazzjonijiet politiċi, biex b’hekk tiġi garantita l-indipendenza sħiħa tal-membri tagħha;

54.

Josserva li, fir-rigward tal-politika kontra l-frodi, fl-2021 l-IAS ikkonkluda li ma hemm l-ebda dokument li jikkonsolida l-politika tal-Qorti kontra l-frodi u li ma hemm l-ebda strateġija kontra l-frodi għall-Qorti kollha;

55.

Jirrimarka li, fir-rigward tal-kontrolli interni użati għall-prevenzjoni u d-detezzjoni ta’ frodi interni, l-IAS qies li huwa meħtieġ approċċ aktar strutturat fir-rigward tad-dokumentazzjoni tagħhom, ir-rabta tagħhom mal-valutazzjonijiet tar-riskju u r-riżorsi ddedikati għall-ġestjoni tar-riskju ta’ frodi u l-effettività tagħha; jistieden lill-Qorti taġixxi fuq ir-rakkomandazzjoni li saret mill-IAS u tipprovdi messaġġ aktar ċar dwar ir-rwol tal-Qorti fil-ġlieda kontra l-frodi;

56.

Jitlob li jintemm l-użu ta’ kumpaniji esterni li, skont il-klassifikazzjoni tal-Università ta’ Yale (2), għadhom qed joperaw fir-Russja;

Diġitalizzazzjoni, ċibersigurtà u protezzjoni tad-data

57.

Josserva li l-baġit totali tal-IT għall-2021 kien ta’ EUR 9 141 000 inklużi t-trasferimenti, meta mqabbel ma’ baġit tal-IT ta’ EUR 10 093 000 fl-2020 u ta’ EUR 8 085 000 fl-2019; jirrimarka li kemm fl-2020 kif ukoll fl-2021 iż-żidiet kienu ġustifikati, rispettivament għas-sostituzzjoni ta’ ħames snin tal-ħażna tal-IT tal-Qorti u għall-investimenti li saru biex il-Qorti tadatta għax-xogħol ibridu;

58.

Jaqbel li t-trasformazzjoni diġitali hija proċess trażversali fl-organizzazzjoni kollha kemm hi li mmaterjalizzat f’diversi inizjattivi fl-2021, inkluż l-iżvilupp ta’ teknoloġiji li jipprovdu esperjenza ibrida għall-utenti, titjib tas-sistema tal-ħżin tad-data tal-Qorti, il-migrazzjoni taċ-ċentru għall-irkupru f’każ ta’ diżastru u t-tisħiħ tas-sigurtà tas-sistemi tal-IT;

59.

Jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-Qorti, anke fl-2021, biex tadatta għall-kundizzjonijiet tax-xogħol dejjem jinbidlu, trawwem trasformazzjoni diġitali tal-awditjar u titjib tat-teknoloġija u tal-prattiki fl-organizzazzjoni kollha biex tkompli tipprovdi servizz tal-awditjar pubbliku effettiv fl-Unjoni; huwa konxju li aktar progress f’din id-direzzjoni jirrikjedi data aċċessibbli magħmula disponibbli fil-format meħtieġ mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jaħdmu lejn aktar interoperabbiltà;

60.

Jifhem li, anke fl-2021, fid-dawl tal-limitazzjonijiet imposti mill-pandemija tal-COVID-19, iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-awditjar twettaq fil-biċċa l-kbira tiegħu b’mod diġitali, filwaqt li kopra t-tħejjija tal-awditjar, il-ġbir tal-evidenza u l-proċeduri kontradittorji, u li l-missjonijiet lejn l-Istati Membri ġew sostitwiti b’telefonati bil-vidjo li kienu jinkludu interpretazzjoni remota fejn meħtieġ;

61.

Japprezza l-istadji importanti li kkaratterizzaw ix-xena diġitali tal-Qorti fl-2021, bħall-introduzzjoni ta’ proċess robotiku għas-servizzi tal-awtomatizzazzjoni, introdott biex inaqqas x-xogħol ripetittiv b’valur baxx għat-timijiet tal-awditjar, l-awtomatizzazzjoni tal-awditjar tal-aġenziji eżekuttivi, bħala parti mill-proċess regolari tal-awditjar, u l-implimentazzjoni ta’ sistema ġdida fjamanta ta’ ġestjoni tat-traduzzjoni bbażata fuq il-cloud;

62.

Jilqa’ l-implimentazzjoni kompluta tal-pjan taċ-ċibersigurtà għall-perjodu mill-2018 sal-2021 u l-adozzjoni ta’ pjan ġdid taċ-ċibersigurtà għat-tliet snin li ġejjin (2022-2024), li jipprevedi trasferiment gradwali lejn arkitettura ta’ fiduċja żero f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-Unjoni; jinnota li ma ġie individwat l-ebda attakk ċibernetiku rilevanti ta’ suċċess kontra l-Qorti fl-2021 u japprezza l-importanza tal-kooperazzjoni tal-Qorti mal-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE (CERT-UE); jistieden lill-Qorti żżomm livell għoli ta’ attenzjoni fuq it-theddid ċibernetiku u s-sigurtà tal-informazzjoni, speċjalment minħabba li l-għadd ta’ attakki ċibernetiċi serji żdied b’mod konsiderevoli f’dawn l-aħħar snin, u b’hekk l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni saru miri attraenti għal aggressuri potenzjali; iħeġġeġ lill-Qorti twettaq valutazzjonijiet tar-riskju regolari tal-infrastruttura tal-IT tagħha;

63.

Jinnota li, fl-2021, il-Qorti ospitat b’mod konġunt l-avveniment ta’ tnedija għax-Xahar iddedikat għaċ-Ċibersigurtà Ewropea u li l-uffiċjal tad-diversità u l-inklużjoni tal-Qorti kkoordina waħda mis-sessjonijiet ewlenin għall-avveniment ta’ tnedija dwar in-nisa fiċ-ċibersigurtà, li fih grupp divers ta’ nisa minn sfondi differenti kkondividew il-fehmiet tagħhom dwar il-motivazzjoni tan-nisa biex jissieħbu fil-qasam taċ-ċibersigurtà u tat-teknoloġija;

64.

Jinnota li, fl-2021, it-tisħiħ tal-linji baġitarji ġie deċiż għall-investiment f’tagħmir u f’servizzi relatati prinċipalment max-xogħol ibridu u mad-diġitalizzazzjoni, u li ntużaw ukoll approprjazzjonijiet addizzjonali biex jissaħħu l-kapaċitajiet tad-difiża ċibernetika tal-Qorti, biex isir investiment f’sistema ġdida ta’ ġestjoni tat-traduzzjoni u f’sistema ġdida ta’ ġestjoni tal-partijiet ikkonċernati, u biex tiġi implimentata s-soluzzjoni tal-firma elettronika tal-Unjoni;

65.

Jilqa’ d-deċiżjoni li jiġi implimentat software b’sors miftuħ mingħajr ħlas bħala komponent ewlieni tal-Qorti, bħal-Linux bħala s-sistema operattiva għal diversi servers tal-infrastruttura tal-IT, is-software b’sors miftuħ Belenios għal sistema ta’ votazzjoni sigrieta u s-software b’sors miftuħ Nagios għat-timijiet tal-operazzjonijiet tal-IT tal-Qorti; josserva li l-Qorti tuża s-software b’sors miftuħ NextCloud għall-iskambju ta’ dokumentazzjoni ma’ dawk soġġetti għall-awditjar fil-qafas tas-sistema ECAFiles li topera taħt l-ogħla standards ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni tad-data personali;

66.

Jilqa’ l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet dwar l-ipproċessar tad-data kull meta d-data tiġi pproċessata minn partijiet terzi u l-Qorti, bħala kontrollur, għandha tiżgura l-konformità mal-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u żżomm kontroll sħiħ fuq l-operazzjonijiet tal-ipproċessar; jinnota l-konsultazzjoni sistematika tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Qorti dwar kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar tad-data u mal-miżuri tekniċi u organizzattivi;

Bini u sigurtà

67.

Japprezza l-approċċ tal-Qorti li tikkonsulta lill-persunal u lir-rappreżentanti qabel ma tiddeċiedi dwar inizjattivi fil-qasam tar-rinnovazzjoni tal-bini; iħeġġeġ lill-Qorti tqis f’tali inizjattivi l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità kif ukoll l-aċċessibbiltà fiżika u diġitali;

68.

Jinnota li l-ħidma fuq ir-rinnovazzjoni tal-bini K2 miexja skont l-aġenda ppjanata, li l-ħames u r-raba’ sular tlestew fl-aħħar ta’ Diċembru 2021 u huma kompletament operattivi, u li l-ħidma fuq it-tieni u t-tielet sular tinsab ukoll fi stadju avvanzat kif ukoll is-sostituzzjoni tal-magni tat-tisħin, tal-arja kondizzjonata u tal-ventilazzjoni; josserva li, wara l-inċidenti tal-elementi tal-glazing li waqgħu fl-2019 mill-faċċata ta’ K1 u t-trasferiment ta’ baġit adegwat, il-kumitat amministrattiv tal-Qorti ddeċieda dwar l-installazzjoni ta’ films ta’ protezzjoni fuq l-elementi tal-glazing imwaħħlin, liema installazzjoni hija 90 % kompluta;

Ambjent u sostenibbiltà

69.

Jilqa’ l-pubblikazzjoni, fl-2021, tal-ewwel rapport dwar is-sostenibbiltà tal-Qorti, abbozzat f’konformità mal-istandards tal-Inizjattiva Globali tar-rapportar, li jsegwu l-istabbiliment tas-sostenibbiltà bħala kwistjoni trażversali fl-istrateġija tal-Qorti għall-perjodu mill-2021 sal-2025;

70.

Jistieden lill-Qorti tadotta pjan ta’ mobbiltà strutturat li jinkludi l-carpooling, l-ispazji ta’ parkeġġ għar-roti u ċ-ċarġers tal-batteriji elettriċi u tesplora l-possibbiltà li tikkalkula baġit tal-karbonju għall-kost tal-missjonijiet, sabiex il-mezzi tat-trasport jintgħażlu abbażi tal-impatt, kif ukoll tal-kostijiet; ifaħħar il-fatt li l-Qorti installat punti tal-iċċarġjar għall-karozzi elettriċi u ibridi fil-bini tagħha;

71.

Jisħaq li l-konsum totali tal-enerġija naqas b’24 % bejn l-2014 u l-2021, iżda żdied b’0,8 % bejn l-2020 u l-2021 minħabba konsum żejjed ikkawżat mill-użu fit-tul tas-sistemi ta’ ventilazzjoni fil-kuntest tal-miżuri preventivi relatati mal-pandemija tal-COVID-19; jistieden lill-Qorti tiżgura l-installazzjoni ta’ pannelli solari fuq il-bjut tal-bini tagħha;

72.

Huwa konxju tal-fatt li l-valutazzjoni annwali tal-2021 tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Qorti, li timmonitorja l-isforzi tagħha biex tnaqqas l-impronta tal-karbonju tagħha, tindika li l-emissjonijiet totali ammontaw għal 7 578 tCO2eq, meta mqabbla ma’ 10 699 tCO2eq fl-2014 (il-linja bażi) u jirrimarka li dan jikkostitwixxi tnaqqis ta’ GHG ta’ 3 121 tCO2eq matul dak il-perjodu;

73.

Jirrimarka li l-ġenerazzjoni tal-iskart tnaqqset b’62 % mill-2019 sal-2021, u bi 18,7 % mill-2020 sal-2021, li fl-2021 ir-rata ta’ riċiklaġġ laħqet 59 % u r-rata ta’ separazzjoni tal-iskart laħqet 82 %, u li s-sistema għall-ġbir tal-ilma tax-xita, b’kapaċità totali ta’ ħżin ta’ 95 m3 u li ntużat l-aktar għall-manutenzjoni tal-ġnien, ikkontribwiet għal tnaqqis fil-konsum kumplessiv tal-ilma;

74.

Jirrimarka li l-Qorti hija waħda mill-mexxeja tal-grupp tal-proġett dwar “It-tħejjija għal riskji futuri u l-kriżi klimatika: wasal iż-żmien biex l-awditjar jieħu perspettiva fit-tul?", kif ukoll membru ta’ Nispiraw Aktar Sostenibbiltà (IMS) b’sede l-Lussemburgu, network ta’ kumpaniji u organizzazzjonijiet stabbilit fil-Lussemburgu b’impenn lejn ir-responsabbiltà soċjali korporattiva;

75.

Japprezza l-progress li sar fit-tnaqqis tal-konsum tal-karti u jħeġġeġ lill-Qorti tkompli tibni fuq l-esperjenzi miksuba matul il-pandemija tal-COVID-19 biex jitnaqqas il-konsum tal-karti;

Kooperazzjoni interistituzzjonali

76.

Jemmen li l-missjoni tal-Qorti timponi intensifikazzjoni tal-koordinazzjoni mal-Parlament u mal-Kunsill, relazzjoni kostruttiva mal-Kummissjoni fir-rwol tagħha ta’ entità ewlenija awditjata u skambji aktar mill-qrib mal-Istati Membri, kemm mal-gvernijiet, b’mod partikolari fid-dawl tar-rwol essenzjali tagħhom fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif ukoll mal-parlamenti nazzjonali u ma’ istituzzjonijiet supremi tal-awditjar oħra;

77.

Jinnota l-iffirmar ta’ ftehim tripartitiku ġdid bejn il-Qorti, il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) f’Novembru 2021; jilqa’ l-fatt li l-ftehim jippermetti aċċess akbar għad-dokumenti awditjati tal-BEI u s-simplifikazzjoni mtejba tagħhom, iżda xorta waħda jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-ftehim ma joffrix is-soluzzjoni estensiva li talab il-Parlament; huwa konxju li l-Qorti ma għandhiex mandat biex tawditja operazzjonijiet li b’mod esklużiv jużaw il-fondi proprji tal-BEI; itenni li l-Qorti hija mistennija li jkollha aċċess sħiħ għall-informazzjoni kollha relatata mal-operazzjonijiet tal-BEI maħsuba esklużivament għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni; jaqbel mal-Qorti dwar l-opportunità għal atti legali futuri tal-Unjoni li jikkonferixxu mandat fuq il-BEI biex jimplimenta l-politiki tal-Unjoni sabiex jintegra mandat komprensiv u ċar li jagħti s-setgħa lill-Qorti, f’konformità mat-Trattati, tawditja l-aspetti tal-prestazzjoni tal-attivitajiet kollha mwettqa abbażi ta’ tali atti legali u biex ikollha aċċess sħiħ għal kwalunkwe dokument li tqis li jkun meħtieġ għal dak l-għan; jistieden lill-Kummissjoni tikseb l-opinjoni tal-Qorti qabel ma tipproponi tali atti legali;

78.

Jinnota l-iffirmar ta’ memorandum ta’ qbil bejn il-Qorti u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) fir-rigward ta’ awdituri tal-Qorti li jwettqu kompiti fuq perjodu qasir biex jappoġġaw il-ħidma tal-bord tal-awdituri tal-MES bħala esperti fis-suġġett;

79.

Jilqa’ l-iffirmar ta’ arranġament ta’ ħidma mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), li jipprovdi qafas strutturat għall-kooperazzjoni u jippermetti lill-Qorti tittrasferixxi l-każijiet direttament lill-UPPE; japprezza d-djalogu intensiv mal-OLAF li, fl-2021, irriżulta fil-ftuħ rapidu ta’ investigazzjonijiet f’sitt każijiet wara t-trażmissjoni mill-Qorti ta’ informazzjoni rilevanti; jisħaq fuq l-importanza ta’ kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn il-Qorti, l-UPPE, l-OLAF u l-Ombudsman Ewropew sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-investigazzjonijiet u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu diskussi oqsma ta’ interess reċiproku;

80.

Josserva li l-Qorti hija membru attiv tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (INTOSAI) u waħda mit-30 membru fundatur tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (EUROSAI), li hija l-fergħa reġjonali Ewropea tal-INTOSAI; jirrimarka li l-Qorti tikkoopera ma’ istituzzjonijiet supremi tal-awditjar oħra u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali tal-awditjar kemm b’mod bilaterali, mal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar tas-27 Stat Membru, kif ukoll b’mod multilaterali, fil-qafas tal-Kumitat ta’ Kuntatt tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Unjoni Ewropea, u li l-Qorti tappoġġa wkoll l-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali għall-adeżjoni fl-Unjoni; japprezza li l-Qorti hija waħda mill-25 membru tal-Forum Globali ta’ Tmexxija fl-Awditjar li l-għanijiet tiegħu huma li jtejjeb l-attivitajiet tal-awditjar tal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar membri, jindirizza kwistjonijiet globali u strateġiċi, u jikkontribwixxi għall-komunità tal-INTOSAI;

81.

Jinnota li l-Qorti trawwem kooperazzjoni interistituzzjonali, u li tuża ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz biex tottimizza l-użu tar-riżorsi u tiffranka filwaqt li tibbenefika mill-għarfien espert speċifiku tas-sħab; josserva li fost il-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz hemm wieħed mal-PMO li jkopri l-ġestjoni tal-pensjonijiet, tal-missjonijiet, tad-drittijiet finanzjarji u tal-pagi, wieħed dwar il-forniment ta’ servizzi tar-riżorsi umani, u oħrajn relatati mal-interpretazzjoni, it-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni; jirrimarka li, permezz ta’ xi emendi, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz jista’ jiġi estiż, u li dan kien il-każ fl-2021 għall-forniment ta’ servizzi ta’ approvazzjoni tas-sigurtà tar-riżorsi umani wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 41/2021 tal-Qorti tal-Awdituri dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (EUCI) (4);

82.

Japprezza li l-Qorti hija membru tal-Bridge Forum Dialogue, forum ibbażat fil-Lussemburgu li għandu l-għan li jistimula diskussjoni dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-Ewropa u li jlaqqa’ flimkien istituzzjonijiet u aġenziji supranazzjonali, istituzzjonijiet nazzjonali, is-soċjetà ċivili u d-dinja akkademika.

Komunikazzjoni

83.

Fl-2021, il-baġit assenjat għall-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u promozzjonali ammonta għal EUR 205 000, peress li EUR 70 000 mill-baġit inizjali ta’ EUR 275 000 ġew ittrasferiti għal linji baġitarji oħra matul is-sena; josserva r-rata ta’ konsum ta’ 73,9 % (EUR 151 562);

84.

Jilqa’ l-pubblikazzjoni, f’Lulju 2021, tal-Kompendju tal-awditjar dwar ir-rispons għall-COVID-19 mill-Kumitat ta’ Kuntatt tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi informazzjoni dwar l-impatt tal-pandemija u r-rispons għaliha fil-livell nazzjonali u supranazzjonali, u t-tnedija ta’ taqsima ġdida tal-COVID-19 fuq is-sit web tal-Kumitat ta’ Kuntatt biex tiġi ffaċilitata informazzjoni aktar f’waqtha u kontinwa dwar il-ħidma tal-awditjar rilevanti mwettqa mill-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar tal-Unjoni;

85.

Japprezza l-pubblikazzjoni, fl-2021, tal-pjan ta’ komunikazzjoni dwar id-diversità u l-inklużjoni, li fih informazzjoni dwar l-objettivi ta’ komunikazzjoni tal-Qorti, l-udjenza fil-mira, il-partijiet ikkonċernati, il-messaġġi, il-kanali u l-monitoraġġ;

86.

Iħeġġeġ lill-Qorti tinvolvi ruħha mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data bl-għan li tuża ż-żewġ pjattaformi tal-media soċjali b’sors miftuħ, EU Voice u EU Video, li tnedew bħala proġett pilota pubbliku biex jippromwovu l-użu ta’ networks soċjali mingħajr ħlas u b’sors miftuħ; ikompli jħeġġeġ lill-Qorti tuża alternattivi ta’ networks soċjali deċentralizzati flok pjattaformi online kbar ħafna, bħall-pjattaforma Mastodon;

87.

Itenni t-talba tiegħu lill-Qorti biex iżżid l-isforzi ta’ komunikazzjoni tagħha sabiex issaħħaħ ir-rabta tagħha maċ-ċittadini billi tapprova trasparenza akbar fl-operazzjonijiet tagħha, billi tintensifika l-użu tat-teknoloġiji diġitali u billi ssegwi strateġija ta’ komunikazzjoni li tippermetti l-perċezzjoni u l-fehim korretti tar-rwol tal-Qorti u tal-mod kif dan jaqbel mal-viżjoni tal-Unjoni u jtejjeb il-viżibbiltà tal-Qorti fid-diversi Stati Membri.

(1)  Is-Sentenza tal-Qorti (Seduta Plenarja) tat-30 ta’ Settembru 2021, Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri vs Karel Pinxten, C-130/19, ECLI:EU:C:2021:782.

(2)  https://som.yale.edu/story/2022/over-1000-companies-have-curtailed-operations-russia-some-remain

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(4)   ĠU L 256, 19.7.2021, p. 106.


Top