EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1828

Riżoluzzjoni (UE) 2023/1828 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021, Taqsima IV — Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

ĠU L 242, 29.9.2023, p. 100–109 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1828/oj

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/100


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1828 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021, Taqsima IV — Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021, Taqsima IV — Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0073/2023),

A.

billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) hija l-istituzzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea, li għandha l-kompitu li tiżgura l-konformità mad-dritt tal-Unjoni billi tissorvelja l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tat-Trattati u tiżgura l-legalità tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni;

B.

billi l-QĠUE tgħin biex jiġu ppreżervati l-valuri tal-Unjoni u, permezz tal-ġurisprudenza tagħha, taħdem lejn il-bini tal-Ewropa;

C.

billi l-QĠUE tinkludi żewġ qrati: il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali;

D.

billi fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza, l-awtorità ta’ kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont, u billi jiġi implimentat il-kunċett ta’ bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u l-governanza tajba tar-riżorsi umani,

1.

Jinnota li l-baġit tal-QĠUE jaqa’ taħt l-intestatura 7 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), “Amministrazzjoni pubblika Ewropea”, li kien jammonta għal total ta’ EUR 10,7 biljun fl-2021 (li jirrappreżenta 5,9 % tal-infiq tal-UE); jinnota li l-baġit tal-QĠUE jirrappreżenta madwar 4,1 % tal-infiq totali tal-Unjoni fuq l-amministrazzjoni;

2.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri, fir-Rapport Annwali tagħha għas-sena finanzjarja 2021, żiedet il-kampjun ta’ tranżazzjonijiet tagħha taħt “Amministrazzjoni” minn 48 fl-2020 għal 60 fl-2021;

3.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri ssemmi li l-ħidma mwettqa matul ħafna snin tindika li l-intestatura 7 tal-QFP tikkonċerna nefqa ġenerali b’riskju baxx; jinnota, madankollu, li r-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2021 ma jipprovdi l-ebda informazzjoni rilevanti dwar il-QĠUE u jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tinkludi, fir-rapporti annwali li jmiss, data komprensiva dwar it-twettiq għalkollox tar-rekwiżiti kollha meħtieġa għal proċedura ta’ kwittanza konsistenti;

4.

Jinnota b’sodisfazzjon li fir-Rapport Annwali għas-sena finanzjarja 2021, il-Qorti tal-Awdituri ma identifikat l-ebda kwistjoni speċifika dwar il-QĠUE;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

5.

Jinnota li l-baġit ġenerali allokat għall-QĠUE għall-2021 kien ta’ madwar EUR 444 miljun, żieda minn EUR 436 miljun fl-2020 u EUR 429 miljun fl-2019;

6.

Josserva r-rata għolja ta’ implimentazzjoni tal-baġit fl-2021 (98,69 %) li hija konformi mal-implimentazzjoni baġitarja tas-sena preċedenti (98,19 %); jinnota li matul l-2021, il-QĠUE għamlet għaxar trasferimenti baġitarji skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Finanzjarju, li jirrappreżentaw total ta’ EUR 17,9-il miljun jew 4 % tal-approprjazzjonijiet għal dik is-sena finanzjarja;

7.

Ifaħħar lill-QĠUE talli kompliet ix-xejra ’l isfel fiż-żmien medju tal-pagamenti li kien ta’ 24,63 jum fl-2021, u jammonta għal tnaqqis ta’ madwar jum meta mqabbel mal-2020; japprezza l-fatt li ż-żmien medju għall-pagament tal-fatturi relatati mat-traduzzjoni esterna, li jirrappreżenta 75 % tal-għadd totali ta’ fatturi mħallsa u li għalihom il-limitu ta’ żmien kuntrattwali huwa ta’ 60 jum, kien ta’ 27,48 jum, filwaqt li l-perjodu medju għall-pagament ta’ fatturi oħra, li għalihom il-limitu ta’ żmien kuntrattwali għall-pagament huwa ta’ 30 jum, kien ta’ 18,92-il jum;

8.

Jirrimarka li fl-2021, il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt sinifikanti fuq l-attivitajiet kollha tal-QĠUE, kemm ġuriżdizzjonali kif ukoll amministrattiva, u li l-konsum tal-baġit f’diversi linji baġitarji tal-QĠUE kien affettwat minn dik il-kriżi; josserva li, għal ċerti linji tal-baġit, l-impatt nett kien tnaqqis fl-użu tal-approprjazzjonijiet, filwaqt li għal oħrajn dik il-kriżi kienet tirrikjedi nfiq addizzjonali; jinnota b’sodisfazzjon li, sabiex jittieħed vantaġġ mill-esperjenza miksuba mill-pandemija tal-COVID-19, il-QĠUE, fl-2021, wettqet rieżami tal-pjan ta’ emerġenza u ta’ kontinwità tal-operat tagħha;

9.

Josserva li, f’termini ta’ ċifri, l-infiq addizzjonali meħtieġ b’riżultat tal-pandemija tal-COVID-19 jista’ jiġi stmat għal EUR 1,7 miljun (l-ispejjeż addizzjonali kienu jinkludu x-xiri ta’ tagħmir u servizzi tal-IT minħabba l-użu ġeneralizzat tat-telexogħol għall-persunal u li ammonta għal EUR 0,9 miljun, ix-xiri ta’ diżinfettanti u tagħmir protettiv personali għall-membri u l-persunal tal-QĠUE li kien jeħtiġilhom jaħdmu fil-bini tal-QĠUE ammonta għal EUR 0,1 miljun, u żieda fl-ispejjeż tat-tisħin minħabba d-deċiżjoni li jkun hemm tibdil tal-arja aktar frekwenti fil-binjiet tal-QĠUE, li ammontat għal EUR 0,3 miljun); jinnota li l-iffrankar huwa stmat għal EUR 6 miljun (fuq linji baġitarji relatati mal-interpretazzjoni freelance, l-iffrankar hu stmat li kien EUR 1,1 miljun, l-iffrankar fuq taħriġ professjonali u missjonijiet hu stmat li kien ta’ EUR 1,1 miljun, l-iffrankar fuq tindif u l-kustodja tal-binjiet hu stmat li kien EUR 0,5 miljun, l-iffrankar fuq għamara, oġġetti ta’ konsum tal-uffiċċju u attivitajiet relatati mal-protokoll hu stmat li kien ta’ EUR 0,5 miljun, waqt li l-iffrankar relatat mat-tnaqqis tal-aġġustament tas-salarju għal 1,9 % hu stmat li kien ta’ EUR 1,2 miljun);

10.

Jindika li l-ammont nett tal-iffrankar jista’ jiġi stmat li kien ta’ EUR 4,3 miljun, u dan għamilha possibbli li jiġi ffinanzjat, bħala parti mit-trasferiment ta’ tlaqqit ta’ tmiem is-sena, pagament bil-quddiem relatat mal-binjiet bil-għan li jitnaqqas il-piż finanzjarju futur tal-QĠUE;

Ġestjoni interna, prestazzjoni u kontroll intern

11.

Jifhem li, fl-2021, il-miżuri mfassla biex jindirizzaw l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 ippermettew lill-QĠUE żżomm livell għoli ta’ prestazzjoni billi għamlet użu mit-tagħlimiet meħuda permezz tal-użu ta’ xogħol mill-bogħod, tekniki ta’ komunikazzjoni u sistema ta’ vidjokonferenzi li jippermettu seduti remoti quddiem iż-żewġ qrati; japprezza l-fatt li l-QĠUE ngħatat il-Premju tal-Ombudsman Ewropew għal Amministrazzjoni Tajba fil-kategorija Eċċellenza fl-Innovazzjoni/Trasformazzjoni;

12.

Jirrimarka li fl-2021 kien hemm żieda fl-għadd ta’ kawżi ġenerali mressqa quddiem iż-żewġ qrati (1 720 fl-2021 meta mqabbel ma’ 1 584 fl-2020) kif ukoll żieda fl-għadd ta’ kawżi magħluqa (1 723 fl-2021 meta mqabbel ma’ 1 540 fl-2020); jifhem li ż-żieda tikkonċerna primarjament il-Qorti tal-Ġustizzja u hija dovuta essenzjalment għaż-żieda sinifikanti fin-numru ta’ appelli kontra s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, marbuta maż-żieda fl-attivitajiet tal-Qorti Ġenerali, li l-kawża tagħha kienet ir-riforma tal-Qorti Ġenerali li tlestiet f’Settembru 2021; jinnota li 29 % tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali huma soġġetti għal appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

13.

Josserva żieda fid-durata medja tal-proċedimenti fl-2021 (17,2-il xahar meta mqabbla ma’ 15,4-il xahar fl-2020); jinnota li fil-Qorti tal-Ġustizzja d-durata medja tal-proċedimenti żdiedet għal 16,6-il xahar fl-2021 meta mqabbel ma’ 15,4-il xahar fl-2020 filwaqt li fil-Qorti Ġenerali ż-żieda kienet għal 17,3-il xahar meta mqabbla ma’ 15,4-il xahar fl-2020; jaqbel li ż-żieda fid-durata medja ġenerali tista’ tkun marbuta, tal-inqas parzjalment, mal-miżuri relatati mal-pandemija li ġew adottati biex jiffaċilitaw il-ħila tal-partijiet li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom billi tawhom xahar addizzjonali biex jippreżentaw is-sottomissjoni bil-miktub tagħhom, u l-inabbiltà tal-partijiet li jivvjaġġaw lejn is-sede tal-QĠUE fil-Lussemburgu, u b’hekk wasslu għal fażi orali itwal tal-proċedimenti;

14.

Jinnota li l-għadd ta’ kawżi pendenti quddiem iż-żewġ qrati baqa’ stabbli fl-2021 (2 541 kawża, 1 428 quddiem il-Qorti Ġenerali u 1 113 quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, meta mqabbel ma’ 2 542 fl-2020);

Riżorsi umani, ugwaljanza u benesseri tal-persunal

15.

Jinnota li fl-2021 kien hemm tiġdid parzjali sinifikanti tal-QĠUE bil-wasla ta’ disa’ mħallfin ġodda fil-Qorti tal-Ġustizzja u ħames imħallfin ġodda fil-Qorti Ġenerali;

16.

Josserva li minn Lulju 2022, il-Qorti Ġenerali għandha żewġ imħallfin għal kull Stat Membru, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja għad għandha imħallef wieħed għal kull Stat Membru; iħeġġeġ lill-QĠUE tkompli l-analiżi tagħha dwar kif tista’ tibbilanċja mill-ġdid l-ammont ta’ xogħol bejn iż-żewġ qrati;

17.

Isostni li n-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fil-kulleġġ tal-imħallfin jeħtieġ li jiġi indirizzat; jinsab konxju mill-fatt li l-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali jinħatru bi qbil komuni mal-gvernijiet tal-Istati Membri u li l-QĠUE ma għandha l-ebda sehem fl-għażla ta’ mħallfin jew ta’ avukati ġenerali, daqs kemm la l-Kunsill u lanqas il-Parlament ma għandhom rwol f’dan ir-rigward; japprezza l-fatt li, wara s-sejħa mill-Parlament fis-26 ta’ Marzu 2021, il-President tal-Qorti Ġenerali bagħat ittra lill-President tal-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri dwar l-iskadenza tat-termini tal-kariga ta’ 26 imħallef tal-Qorti Ġenerali biex jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri fil-Qorti Ġenerali, u fiha stieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri jqisu dak l-objettiv meta jinnominaw il-kandidati għas-sostituzzjoni parzjali tal-imħallfin, b’konsistenza mal-Premessa 11 tar-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1); iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Istati Membri jqisu l-ħtieġa ta’ bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw imħallfin ġodda;

18.

Jinnota li, fi tmiem l-2021, kien hemm 2 247 uffiċjal u membri oħra tal-persunal fil-QĠUE, meta mqabbel ma’ 2 239 fi tmiem l-2020, u josserva li d-distribuzzjoni tagħhom fil-kategoriji amministrattivi fl-2021 hija konsistenti mad-distribuzzjoni tas-snin preċedenti (fl-2021, il-persunal kien jikkonsisti f’59 % uffiċjali, 33 % aġenti temporanji u 8 % aġenti kuntrattwali, meta mqabbla ma’ 60 % uffiċjali, 32 % aġenti temporanji u 8 % aġenti kuntrattwali fl-2020); jinnota r-rata għolja ta’ okkupanza ta’ 97 % fl-2021; jinnota li d-distribuzzjoni tal-postijiet tax-xogħol skont is-settur tal-attività għadha simili għal dik tas-snin preċedenti: kważi 86 % tal-postijiet iddedikati għal attivitajiet ġuriżdizzjonali u lingwistiċi;

19.

Josserva li d-distribuzzjoni tal-ġeneru fost il-persunal u l-pożizzjonijiet maniġerjali fl-2021 kienet konformi mas-sena preċedenti; jinnota li fi tmiem l-2021, 60 % tal-persunal kienu nisa (1 355 membru tal-persunal) u jissottolinja li l-QĠUE qabżet il-medja għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tar-rappreżentanza tan-nisa f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà fi ħdan l-amministrazzjoni (in-nisa għandhom 54 % tal-karigi ta’ amministraturi u 40 % tal-karigi maniġerjali intermedji u superjuri);

20.

Jinnota b’apprezzament l-isforzi mill-QĠUE biex tikseb bilanċ ġeografiku, billi tħeġġeġ applikazzjonijiet minn Stati Membri sottorappreżentati, billi tippubblika l-avviżi ta’ postijiet vakanti tagħha fil-portal interistituzzjonali u billi tagħmel ħidma mill-qrib mas-servizz tas-selezzjoni u tar-reklutaġġ tal-persunal tal-Kummissjoni (EPSO) biex jiġu esplorati modi biex jittejjeb ir-reklutaġġ tal-persunal; jirrimarka li l-iżbilanċ għadu sinifikanti u jħeġġeġ lill-QĠUE tistinka favur rappreżentanza aktar uniformi tal-Istati Membri fost il-persunal tagħha, b’mod partikolari dawk tal-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni wara l-2004;

21.

Jinsab konxju tal-pekuljaritajiet tas-suq tax-xogħol fil-Lussemburgu u jilqa’ l-approċċ olistiku meħud fit-tfassil ta’ strateġija ġdida għall-ġestjoni tan-nies li tinkludi l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tax-xogħol: reklutaġġ, żvilupp tal-ħiliet, taħriġ inizjali u kontinwu, job shadowing u mentoraġġ, servizz ta’ gwida għall-karriera li ġie varat fl-2021, u opportunitajiet ta’ mobilità sat-tħejjija għall-irtirar; jemmen li r-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal b’impenn u b’talenti jirrikjedi ambjent tax-xogħol stimulanti u dinamiku u japprezza li l-kwistjonijiet assoċjati mad-diversità u l-inklużjoni jiġu integrati fl-istrateġiji applikati fl-amministrazzjoni tal-QĠUE;

22.

Jinnota b’sodisfazzjon li, fl-2021, l-attivitajiet tal-unità tat-taħriġ u l-iżvilupp tal-QĠUE, li tmexxi t-taqsima tal-opportunitajiet indaqs u d-diversità, inkludew inizjattivi speċifiċi relatati mal-opportunitajiet indaqs, id-diversità u l-inklużjoni, bħall-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti mis-settur tal-opportunitajiet indaqs u d-diversità fil-bosta gruppi ta’ ħidma interistituzzjonali f’dan il-qasam u, b’mod speċifiku, fil-grupp ta’ ħidma tal-EPSO dwar id-diversità fil-proċeduri ta’ reklutaġġ, attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni għall-persunal u għall-maniġers u t-tfassil mill-ġdid tal-programm ta’ induzzjoni għall-impjegati l-ġodda biex jiġu integrati l-aspetti tal-politika dwar id-diversità u l-inklużjoni;

23.

Jindika l-aspettattivi għoljin għall-eżitu tal-Grupp Interistituzzjonali ta’ Livell Għoli stabbilit fl-2020 biex jeżamina soluzzjonijiet li aktarx itejbu l-livell ta’ attraenza tal-Lussemburgu għall-persunal u jsib modi kif isaħħaħ l-attraenza tiegħu meta mqabbla ma’ bliet oħra li jospitaw il-kwartieri ġenerali ta’ istituzzjonijiet, korpi u organi oħra tal-Unjoni; jinsab konxju li, f’Ġunju 2021, ġie adottat rapport mill-Grupp Interistituzzjonali ta’ Livell Għoli li jidentifika azzjonijiet li jistgħu jittieħdu fl-oqsma rilevanti; josserva li, fost dawk l-azzjonijiet, ġie kkunsidrat il-forniment ta’ akkomodazzjoni temporanja; jitlob lill-QĠUE tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-azzjonijiet varati biex tiġi implimentata dik il-proposta;

24.

Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fl-għadd ta’ każijiet ta’ eżawriment fl-2021 (stima ta’ 34 każ) meta mqabbel mal-2020 (stima ta’ 27 każ); jilqa’ l-fatt li l-QĠUE użat aktar riżorsi biex tipprevjeni u ssegwi l-każijiet ta’ eżawriment billi żiedet in-numru ta’ sigħat tal-psikologu ta’ konsulenza tagħha, billi rreklutat infermier addizzjonali (erba’ b’kollox) u assistent b’responsabbiltà speċifika li jiżviluppa u jikkoordina azzjonijiet biex itejjeb il-benesseri tal-persunal u billi organizzat diversi sessjonijiet ta’ taħriġ għall-maniġers sabiex issaħħaħ il-ħiliet maniġerjali tagħhom u tgħinhom iqassmu l-volum ta’ xogħol b’mod tajjeb u jevitaw id-diskriminazzjoni; itenni l-appell tiegħu lill-QĠUE biex tkompli timmonitorja l-impatt tal-volum ta’ xogħol dejjem akbar fuq il-benesseri tal-persunal u jħeġġeġ l-użu ta’ stħarriġ dwar is-sodisfazzjon tal-persunal biex jinkiseb fehim aħjar tal-oriġini tal-problema u tal-impatt tal-miżuri adottati;

25.

Ifaħħar lill-QĠUE talli ħadet miżuri speċifiċi sabiex tiżgura l-benesseri fiżiċi u mentali tal-persunal minħabba l-kundizzjonijiet speċifiċi tax-xogħol mill-bogħod imposti minħabba l-pandemija tal-COVID-19 fl-2021; josserva li l-arranġamenti flessibbli tax-xogħol disponibbli fil-QĠUE jinkludu xogħol part-time, liv tal-ġenituri, liv tal-familja, ħin flessibbli u telexogħol, li tali għażliet huma aċċessibbli għall-kategoriji kollha ta’ persunal f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra u d-deċiżjonijiet interni applikabbli, u li l-aġġornamenti rilevanti huma kkomunikati kif xieraq lill-persunal permezz tal-intranet u bullettin intern; jenfasizza, madankollu, l-iżbilanċ li għadu jeżisti fost l-utenti ta’ dan it-tip ta’ arranġamenti ta’ xogħol favur il-membri nisa tal-persunal; mill-205 persuni li applikaw għal-liv tal-ġenituri, 163 kienu nisa u 42 biss kienu rġiel, waqt li minn 98 persuna li applikaw għal xogħol part-time, 87 kienu nisa u 11 biss kienu rġiel; itenni l-appell tiegħu lill-QĠUE biex tinvolvi ruħha f’komunikazzjoni interna effettiva orjentata lejn kjarifika aħjar tal-għażliet offruti lill-membri kollha tal-persunal;

26.

Jinnota li l-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-QĠUE fl-2021 waqt il-pandemija tal-COVID-19 u wara kienu b’mod ġenerali perċepiti b’mod pożittiv mill-persunal, u li l-QĠUE wettqet tliet stħarriġiet dwar il-persunal u l-maniġers fl-2020 u fl-2021, u qieset l-interess espress għal reġim permanenti fakultattiv ta’ xogħol mid-dar meta xejriet tax-xogħol ġew lura għan-normal; jilqa’ l-inizjattivi adottati biex jittejbu l-kundizzjonijiet għall-membri tal-persunal li jaħdmu mill-bogħod, bħall-pakkett għax-xogħol mid-dar (laptop, skrin, stazzjon għad-dokkjar, maws u tastiera, kuffji u siġġu ergonomiku) u l-appoġġ u l-assistenza tekniċi li jinkludu l-vidjokonferenzi, l-offerti ta’ taħriġ dwar modalitajiet u strateġiji ta’ xogħol mill-bogħod, it-tixrid ta’ prattiki tajbin u l-istabbiliment ta’ servizz telefoniku permezz tan-network sigur tal-QĠUE li pprevjena spejjeż addizzjonali tat-telekomunikazzjoni għall-persunal;

27.

Japprezza l-attenzjoni mogħtija lis-saħħa mentali tal-persunal matul il-perjodu ta’ lockdown fl-2021, id-diversi komunikazzjonijiet mibgħuta fuq bażi regolari lill-persunal, inkluż parir dwar kif wieħed għandu jittratta l-iżolament, kuntatti u informazzjoni dwar kif wieħed ifittex l-għajnuna u l-appoġġ, informazzjoni prattika dwar konsultazzjonijiet mediċi, l-aħjar prattiki li għandhom jiġu segwiti fil-każ ta’ xogħol mill-bogħod, vidjos informattivi mill-psikologu ta’ konsulenza dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja matul il-lockdown u l-possibbiltà ta’ sessjonijiet ta’ konsulenza mal-psikologu ta’ konsulenza;

28.

Josserva li fl-2021, il-QĠUE rreklutat 255 trainee, li minnhom 173 irċevew introjtu ta’ kull xahar; jiddeplora l-fatt li fl-2021, il-perċentwal ta’ trainees imħallsa kien 68 %, li juri tnaqqis meta mqabbel mas-sena ta’ qabel (72 % fl-2020); jilqa’ madankollu l-adozzjoni reċenti, fid-29 ta’ Novembru 2021, ta’ deċiżjoni emendatorja dwar it-traineeships li skontha l-QĠUE għandha tħallas lit-trainees kollha, ħlief dawk imħallsa minn sorsi oħra, u dawn huma wkoll intitolati li jirċievu, minbarra l-indennizz fiss tal-ivvjaġġar, għotja ta’ kull xahar simili għal dawk mogħtija minn istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni; jirrikonoxxi l-progress li sar mill-QĠUE għal tnaqqis fil-perċentwal ta’ traineeships mhux imħallsa, u jistieden lill-QĠUE tiżgura li t-trainees kollha jirċievu remunerazzjoni deċenti fil-livell tar-remunerazzjoni mħallsa minn istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni, ħlief għal trainees imħallsa minn sorsi oħra;

29.

Iħeġġeġ lill-QĠUE tkompli l-politika tagħha bl-għan li tiggwida u tinvolvi lill-maniġers fis-salvagwardja tal-benesseri tal-persunal kif ukoll tkompli tivvaluta l-impatt tal-volum ta’ xogħol dejjem akbar fuq il-benesseri tal-persunal sabiex tinftiehem aħjar l-oriġini tad-diffikultajiet u jiġu esplorati soluzzjonijiet possibbli; jilqa’ d-djalogu soċjali bejn l-amministrazzjoni u r-rappreżentanti tal-persunal u l-varar ta’ stħarriġ li għandu l-għan li jiġbor il-fehmiet tal-membri tal-persunal dwar ħafna suġġetti rilevanti, bħar-reġim tat-telexogħol u l-awtonomija fuq ix-xogħol;

Qafas tal-etika u trasparenza

30.

Jilqa’ l-adozzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta l-ġdid għall-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali li daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Ottubru 2021; jinnota b’sodisfazzjon li l-kodiċi jitfa’ attenzjoni speċifika fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri, li sfortunatament għadhom awtodikjarazzjonijiet, fuq l-aġġornament perjodiku tagħhom f’kull bidla fis-sitwazzjoni u tal-inqas kull tliet snin, u fuq il-pubblikazzjoni tagħhom fuq is-sit web tal-Curia, sa mill-aħħar tal-2021; jisħaq li d-dispożizzjonijiet il-ġodda huma mmirati speċifikament fuq il-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess, u jaqbel mal-QĠUE li l-approċċ strett huwa mfassal biex tissaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fl-indipendenza tal-ġudikatura tal-Unjoni;

31.

Japprezza l-konsolidazzjoni f’deċiżjoni waħda, adottata f’Marzu 2021, tar-regoli interni tal-QĠUE li jirregolaw l-ivvjaġġar, il-missjonijiet, il-karozzi tal-membri u l-użu tas-sewwieqa tal-membri, li qabel kienu stabbiliti f’diversi deċiżjonijiet komplementari; jemmen li dan se jagħmilha possibbli li tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni tar-regoli u se jipprevedi qafas aktar trasparenti; jilqa’ l-pubblikazzjoni, fi tmiem l-2021, tal-Kurrikuli tal-Membri, inklużi elementi addizzjonali bħal pożizzjonijiet jew titoli onorarji mogħtija kif ukoll sħubijiet fil-fondazzjonijiet;

32.

Jinnota l-livell adegwat ta’ trasparenza miksub mill-pubblikazzjoni annwali fuq is-sit web tal-Curia, mill-2018, tal-listi tal-attivitajiet esterni mwettqa mill-membri kemm tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-Qorti Ġenerali; jisħaq li l-membri huma mistennija jiddedikaw ruħhom għalkollox għat-twettiq ta’ dmirijiethom fil-QĠUE u li huma jistgħu iwettqu attivitajiet esterni biss li jkunu relatati mat-twettiq ta’ dmirijiethom u soġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel mogħtija biss meta tali attivitajiet ikunu kompatibbli mar-rekwiżiti tal-kodiċi ta’ kondotta u, b’mod partikolari, mal-obbligu li jkunu disponibbli għall-attivitajiet ġudizzjarji;

33.

Jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li l-kodiċi ta’ kondotta l-ġdid għall-membri tal-persunal, li kien mistenni li jitlesta sa tmiem l-2021, għadu fil-proċess ta’ adozzjoni, u għaldaqstant jistieden lill-QĠUE tikkompleta dak il-proċess malajr kemm jista’ jkun; jissottolinja l-importanza li l-persunal jiġi pprovdut b’terminu ta’ referenza aġġornat u komprensiv dwar ħafna suġġetti sensittivi bħal revolving doors, attivitajiet esterni u attivitajiet tax-xogħol wara li wieħed jitlaq mis-servizz, u jtenni t-talba tiegħu li l-awtorità ta’ kwittanza tinżamm infurmata kif xieraq dwar il-kontenut finali u l-adozzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta l-ġdid għall-persunal;

34.

Jirrimarka li l-konformità tal-persunal ma’ kwistjonijiet etiċi bħalissa qed tiġi segwita mill-QĠUE prinċipalment minn pakkett ta’ taħriġ obbligatorju għall-impjegati l-ġodda, li huwa aċċessibbli wkoll għal kollegi li ilhom fis-servizz, u mill-kontroll intern u mit-taħriġ finanzjarju (fl-2021 ġew organizzati total ta’ 14-il sessjoni); jinnota mill-ġdid l-għadd limitat ta’ membri tal-persunal li ħadu sehem f’dawk is-sessjonijiet (99 membru tal-persunal minn total ta’ aktar minn 2 000); jitlob lill-QĠUE tkompli tħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-persunal f’korsijiet ta’ taħriġ dwar kwistjonijiet etiċi, twettaq stħarriġ fost il-persunal biex tivverifika l-perċezzjoni tal-qafas etiku attwali u ttejjeb l-involviment tal-persunal; jilqa’ l-ħruġ ta’ linji gwida ad hoc dwar l-użu ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jinkludu kunsiderazzjonijiet relatati mad-dritt għall-iskonnessjoni u mal-protezzjoni tad-data personali u jistabbilixxi regoli għall-użu, iż-żamma u l-arkivjar;

35.

Jinnota li ġew sottomessi 96 talba minn membri tal-persunal li xtaqu jwettqu attività professjonali wara t-tluq mill-QĠUE, li dawn ġew approvati kollha, li ma ġie identifikat l-ebda ksur tal-perjodu ta’ preklużjoni, li r-regoli speċifiċi tal-kodiċi ta’ kondotta għar-referendaires dwar il-kunfidenzjalità u l-kunflitt ta’ interess japplikaw għal eks membri tal-persunal li jħallu tali pożizzjonijiet, u li ġew eżaminati u approvati żewġ dikjarazzjonijiet ta’ attività esterna matul il-liv minħabba raġunijiet personali;

36.

Jinnota li l-QĠUE aġġornat l-istrateġija tagħha kontra l-frodi bħala parti integrali mill-politika tagħha dwar il-ġestjoni tar-riskju u li r-reġistru tar-riskju huwa stabbilit kif xieraq u jinkludi riskji li huma relatati man-natura sensittiva tal-attività tal-QĠUE, bħad-divulgazzjoni mhux xierqa ta’ informazzjoni;

37.

Jitlob li jintemm l-użu ta’ kumpaniji esterni li, skont il-klassifikazzjoni tal-Università ta’ Yale (2), għadhom qed joperaw fir-Russja;

Diġitalizzazzjoni, ċibersigurtà u protezzjoni tad-data

38.

Jilqa’ l-isforzi tal-QĠUE li taċċellera u twessa’ d-diġitalizzazzjoni tal-attivitajiet u l-proċeduri tagħha, kemm fil-qasam ġudizzjarju kif ukoll f’dak amministrattiv; jifhem li l-għan huwa li jissaħħaħ l-għoti ta’ appoġġ dirett għall-attivitajiet ġudizzjarji u b’hekk jiġi indirizzat il-livell ta’ volum ta’ xogħol bla preċedent li ntlaħaq, b’mod partikolari fil-Qorti tal-Ġustizzja;

39.

Jilqa’ l-progress li sar, fl-2021, fl-iżvilupp tas-sistema integrata ta’ ġestjoni tal-kawżi (SIGA), u l-possibbiltajiet li din toffri għal ottimizzazzjoni u awtomatizzazzjoni akbar tad-diversi stadji fl-ipproċessar tal-kawżi;

40.

Jinnota l-livell għoli ta’ attakki ċibernetiċi li seħħew fl-2021 meta mqabbel mas-snin preċedenti u japprezza l-fatt li kollha ġew indirizzati mingħajr impatt sinifikattiv; ifaħħar ir-rwol attiv tal-QĠUE fl-appoġġ ta’ inizjattivi għat-tisħiħ taċ-ċibersigurtà fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi kollha tal-Unjoni bħala parti mill-bord ta’ tmexxija tas-CERT-UE u bħala membru tal-Kumitat Interistituzzjonali għat-Trasformazzjoni Diġitali (ICDT); jinsab konxju li l-QĠUE ġeddet il-programm tagħha ta’ sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà, li hi żviluppat kors ta’ taħriġ obbligatorju ta’ apprendiment elettroniku dwar iċ-ċibersigurtà għall-persunal tagħha, u li wettqet studju dwar “fiduċja żero” bħala parti mill-programm pluriennali ta’ trasformazzjoni diġitali filwaqt li bdiet il-ħidma, fl-2021, fuq id-disinn dettaljat tan-network il-ġdid li jinkorpora “arkitettura b’fiduċja żero”; iħeġġeġ ukoll lill-QĠUE twettaq valutazzjonijiet tar-riskju regolari dwar l-infrastruttura tal-IT tagħha u tiżgura awditi u testijiet regolari tad-difiżi ċibernetiċi tagħha;

41.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-QĠUE tuża sistemi ta’ hosting b’mod intern, ibbażati fuq teknoloġija b’sors miftuħ, bħala l-ewwel għażla biex tittratta u tipproċessa l-kontenut ġudizzjarju sensittiv tagħha u li, meta jintużaw soluzzjonijiet tal-cloud, il-QĠUE tfassal miżuri tekniċi speċjali u tinnegozja kuntratti b’rekwiżiti b’saħħithom ta’ protezzjoni tad-data u ta’ sigurtà, bl-awtorizzazzjoni, meta jkun meħtieġ, tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS); jifhem li approċċ bħal dan jippermetti lill-QĠUE żżomm il-kontroll tas-sistemi tekniċi tagħha, tipproteġi s-sjieda tal-ħżin ta’ data u tal-flussi ta’ data, u tevita d-dipendenza kritika fuq kwalunkwe sistema esterna, inklużi sistemi ta’ istituzzjonijiet oħra; jirrimarka li s-sjieda hija msaħħa permezz tal-politika fis-seħħ dwar id-drittjiet ta’ aċċess, permezz tal-ħatra ta’ uffiċjali bħala maniġers tas-servizzi responsabbli għall-infrastruttura tal-QĠUE, permezz tal-iżgurar ta’ monitoraġġ kostanti tal-operazzjonijiet u permezz tas-segregazzjoni tad-dmirijiet tat-timijiet tal-iżvilupp u tal-konsulenti u l-kuntratturi esterni;

42.

Jilqa’ l-fatt li qed jiġi kkunsidrat l-użu ta’ formati aktar newtrali ta’ dokumenti u ta’ skambju ta’ data biex jitrawmu għodod tal-uffiċċju “nonproprjetarji” u tissaħħaħ it-trasparenza; jinnota li, minn Jannar 2021, ir-rekord ċentrali tal-attivitajiet ta’ pproċessar jinsab online u huwa aċċessibbli b’mod dirett għall-pubbliku;

43.

Ifakkar li l-QĠUE, bħala parti mill-parteċipazzjoni tagħha fis-sottogruppi kollha tal-ICDT, fl-2021 ħadet f’idejha l-presidenza tal-Grupp dwar it-Teknoloġiji Emerġenti; jifhem li l-objettiv ewlieni ta’ dan il-grupp, maħluq f’Ottubru 2020, huwa li jibqa’ aġġornat dwar l-iżviluppi teknoloġiċi u li jippromwovi approċċ komuni għalihom fi ħdan l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni fl-oqsma tal-intelliġenza artifiċjali, tal-blockchain, tal-awtomatizzazzjoni tal-proċess robotiku u tal-computing kwantistiku; jinsab konxju li qed jitħejja programm interistituzzjonali komuni b’ħarsa ġenerali lejn l-investimenti, il-kompetenzi disponibbli, il-prodotti żviluppati diġà u l-possibbiltajiet għall-użu mill-ġdid, u li qed jitħejjew oqsma futuri ta’ kooperazzjoni u li hu mistenni li jinkludu taħriġ f’ħiliet ġodda, arkitettura komuni biex jiġu appoġġjati kollaborazzjonijiet futuri u l-istabbiliment ta’ ċentru interistituzzjonali tal-innovazzjoni;

44.

Isegwi r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fis-sistemi ġudizzjarji u jistieden lill-QĠUE tiżgura l-akbar rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jifhem li l-għan ewlieni tal-użu ta’ għodod tal-intelliġenza artifiċjali huwa li jiġu analizzati t-testi sabiex l-informazzjoni tiġi estratta b’mod awtomatiku u jitħaffef l-ipproċessar ta’ ċerti kompiti; jinnota l-impenn tal-QĠUE li tqis il-prinċipji tar-rispett għad-drittijiet fundamentali, in-nondiskriminazzjoni, is-sigurtà, it-trasparenza, in-newtralità u l-integrità intellettwali, kif ukoll il-kontroll tal-utenti, f’konformità mal-Karta Ewropea tal-Etika dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fis-sistemi ġudizzjarji u fl-ambjent tagħhom; ifakkar li, fi kwalunkwe każ, il-kompiti mwettqa bl-għajnuna tal-intelliġenza artifiċjali għandhom dejjem jiġu mmonitorjati u riżolti minn operatur uman u jkunu etiċi u juru rispett għad-drittijiet tal-bniedem, sa mill-fażi tat-tfassil tagħhom; itenni t-talba tiegħu li jiġi infurmat dwar il-modalità tal-użu possibbli tal-intelliġenza artifiċjali fit-twettiq tal-attivitajiet tal-QĠUE;

45.

Josserva li l-investigazzjoni li fetaħ l-EDPS fl-2020 dwar l-użu ta’ servizzi web ta’ partijiet terzi mill-QĠUE (bħal YouTube, Twitter, LinkedIn, Google Play u Apple), u l-obbligu li l-essenza ta’ ftehim ta’ kontrollur konġunt issir disponibbli, għadha pendenti; josserva, barra minn hekk, li l-EDPS fetaħ ukoll investigazzjoni dwar l-użu tas-servizzi tal-cloud mill-QĠUE pprovduti minn Amazon Web Services u minn Microsoft fi ħdan kuntratti ta’ akkwist tal-Cloud II u li deċiżjoni għadha pendenti; jilqa’ l-azzjonijiet ta’ segwitu meħuda mill-QĠUE biex tkun allinjata mar-rakkomandazzjonijiet tal-EDPS;

Binjiet u sigurtà

46.

Jilqa’ r-rapport dettaljat lill-awtorità tal-baġit dwar il-pjanijiet ta’ investiment għall-bini tal-QĠUE abbozzati f’konformità mal-Artikolu 266 tar-Regolament Finanzjarju; josserva li, sa minn Ġunju 2021, il-QĠUE kellha kuntratt għall-istabbiliment ta’ inventarju tal-assi arkitettoniċi tagħha u l-ispezzjoni sistematika tagħhom, li għalih fl-2021 ġew allokati EUR 140 000 u fl-2022 ġew allokati EUR 230 000;

47.

Jinnota li, fl-2021, il-QĠUE kompliet tippresjedi l-Grupp tas-Sigurtà Interistituzzjonali stabbilit fl-2014 fuq l-inizjattiva tal-QĠUE sabiex jiġu armonizzati l-approċċi, jiġu skambjati l-aħjar prattiki, ikun hemm kooperazzjoni f’każ ta’ theddida speċifika u biex jikkoordina fl-istabbiliment ta’ proċeduri għall-kontroll tal-aċċess għall-bini;

48.

Jinsab konxju li l-QĠUE ilha minn Ottubru 2019 tospita l-uffiċċju tal-Lussemburgu tal-EPSO fil-kumpless ta’ bini tagħha u tipprovdilu l-kmamar tal-laqgħat meħtieġa biex jiġu organizzati ċentri ta’ valutazzjoni għall-kandidati għal karigi fil-Lussemburgu, b’mod partikolari fil-qasam tat-traduzzjoni;

49.

Josserva li l-grupp ta’ ħidma interistituzzjonali dwar il-koordinazzjoni tal-bini fil-Lussemburgu (GICIL) kompla l-ħidma tiegħu fuq bażi aktar sporadika biex irawwem l-armonizzazzjoni tal-prattiki tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni stabbiliti fil-Lussemburgu; jinnota li l-GICIL jippromwovi l-iskambju ta’ prattika tajba fil-qasam tal-ġestjoni tal-binjiet u jiffaċilita l-kooperazzjoni interistituzzjonali fil-qasam tal-provvista tal-gass u tal-elettriku kif ukoll is-servizzi ta’ assistenza teknika fis-settur tal-bini li jiġġeneraw ekonomiji ta’ skala; jirrimarka li, fil-11 ta’ Ġunju 2021, saret sessjoni ta’ ħidma taħt il-patroċinju tiegħu dwar kunċetti ġodda għad-disinn tal-post tax-xogħol wara l-pandemija;

Ambjent u sostenibbiltà

50.

Jilqa’ l-adozzjoni ta’ politika ambjentali mill-QĠUE, disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tagħha, u jappoġġja r-reġistrazzjoni tal-QĠUE fis-sistema tal-EMAS (mill-2016), u l-parteċipazzjoni tagħha fid-diversi kumitati ambjentali interistituzzjonali li fihom jiġu skambjati prattiki ambjentali tajbin u jiġu pprovduti kontributi biex jiġu elaborati strateġiji ambjentali komuni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u għall-ksib ta’ sinerġiji finanzjarji, jiġifieri GIME (Groupe Interinstitutionnel de Management Environmental, it-tlaqqigħ ta’ koordinaturi tal-EMAS minn diversi istituzzjonijiet Ewropej li s-sedi tagħhom mhumiex biss fil-Lussemburgu), ECOnet (Network Ambjentali Interistituzzjonali magħmul minn koordinaturi tal-EMAS minn diversi istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-Lussemburgu li jikkollaboraw mal-Kulleġġ tas-Segretarji Ġenerali u l-Kapijiet ta’ Amministrazzjoni fil-Lussemburgu - CALux), u l-grupp ta’ ħidma interistituzzjonali dwar l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku li jopera fis-settur tax-xiri ekoloġiku;

51.

Jinnota b’sodisfazzjon li, fl-2021, il-QĠUE kisbet tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-elettriku, tal-ilma u tal-karti, tal-iskart tal-kantin u tal-uffiċċju u tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra; jinnota li l-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi f’żona totali ta’ 3 447 m2 pproduċiet 381 586 kWh u b’hekk ikkontribwixxiet biex tiġi żgurata provvista tal-enerġija sostenibbli; jinnota wkoll l-installazzjoni, matul l-2021, ta’ 32 funtana tal-ilma introdotti fis-servizz fl-2022 f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tas-saħħa tal-uffiċjali mediċi, u b’hekk jitnaqqas il-konsum ta’ fliexken tal-plastik li jintużaw darba biss;

52.

Jinsab konxju li t-tnaqqis qawwi ħafna fl-emissjonijiet tas-CO2 (tnaqqis minn 32 747 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 fl-2010 għal 11 181 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 fl-2020) huwa spjegat ukoll mir-rata baxxa ta’ okkupanza tal-bini u t-tnaqqis fl-ivvjaġġar marbut mal-pandemija tal-COVID-19; iħeġġeġ lill-QĠUE tillimita aktar il-konsum tal-karti tagħha u ssegwi l-għan li ssir istituzzjoni mingħajr karti;

53.

Jifhem li, f’konformità mal-Programm tal-EMAS għall-2022, il-QĠUE se tinkludi objettivi ambjentali mġedda biex tkompli tnaqqas l-impronta ambjentali tagħha; jilqa’ l-ħafna inizjattivi adottati mill-QĠUE biex jappoġġjaw il-mobilità sostenibbli tal-persunal tagħha u jżidu l-għarfien dwar il-kwistjoni, inkluża l-promozzjoni ta’ karozzi ibridi u elettriċi għall-membri tagħha, sussidju għat-trasport pubbliku transfruntier annwali, u abbonament mingħajr ħlas għas-servizz ta’ bicycle sharing stabbilit mill-Belt tal-Lussemburgu;

Kooperazzjoni interistituzzjonali

54.

Jilqa’ l-impenn tal-QĠUE li ssib approċċi kkoordinati biex jiġu indirizzati l-isfidi multipli ppreżentati mill-pandemija tal-COVID-19; jinnota li saru skambji dwar l-istrateġija għall-ġestjoni tal-kriżijiet, fi ħdan il-presidenza tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-laqgħat tal-Kulleġġ tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni Ewropea, u fil-laqgħat tal-CALux bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Lussemburgu;

55.

Jinnota l-ħafna ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz bejn il-QĠUE u l-Kummissjoni (mal-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali u l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet), mas-CERT-UE (fil-qasam taċ-ċibersigurtà) u mal-Parlament u mal-Kunsill (biex jinqasam il-piż finanzjarju relatat mas-servizz tal-għodda tal-ittestjar remot fil-qafas tal-akkreditazzjoni interistituzzjonali ta’ interpreti freelance) kif ukoll il-ftehim ta’ finanzjament annwali mas-servizzi ta’ traduzzjoni tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi l-oħra tal-Unjoni biex jiġu ffinanzjati diversi għodod tal-IT; jinsab konxju li, fil-qasam tat-traduzzjoni u tal-interpretazzjoni, il-kooperazzjoni kompliet fi ħdan il-qafas tal-Kumitat Interistituzzjonali għat-Traduzzjoni u l-Interpretazzjoni u fi ħdan il-Kumitat Eżekuttiv għall-Interpretazzjoni u l-Kumitat Eżekuttiv għat-Traduzzjoni tiegħu;

56.

Jinnota b’apprezzament li l-QĠUE tikkoopera wkoll mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), mal-EDPS u mal-Ombudsman Ewropew, u li jsiru skambji attivi mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għal skopijiet ta’ kondiviżjoni tal-għarfien, inkluża offerta ta’ taħriġ għall-Prosekuturi Delegati Ewropej biex jiffamiljarizzawhom mal-attivitajiet tal-QĠUE, f’konformità mal-memorandum ta’ qbil li qed jiġi nnegozjat bħalissa u li għandu l-għan li jibni kooperazzjoni aktar soda bejn il-QĠUE u l-UPPE;

57.

Jilqa’ l-prosegwiment tal-attivitajiet imwettqa min-Network Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea, li kkontribwixxa biex irawwem u jaġevola l-kooperazzjoni bejn il-QĠUE u l-qrati nazzjonali, b’mod partikolari fl-oqsma tar-riċerka legali, it-terminoloġija multilingwi u l-innovazzjoni teknoloġika;

Komunikazzjoni

58.

Itenni l-appell tiegħu lill-QĠUE biex iżżid l-isforzi ta’ komunikazzjoni tagħha ħalli ssaħħaħ ir-rabta maċ-ċittadini billi tapprova trasparenza akbar fl-operazzjonijiet tagħha, billi tintensifika l-użu tat-teknoloġiji diġitali u billi ssegwi strateġija ta’ komunikazzjoni li tippermetti li r-rwol tal-QĠUE u l-mod kif din tidħol fil-viżjoni tal-Unjoni jiġu pperċepiti u mifhuma b’mod korrett;

59.

Jinnota li, fl-2021, il-baġit għall-attivitajiet ta’ komunikazzjoni pubblika u ta’ promozzjoni kien ta’ EUR 510 500, li jkopri l-produzzjoni ta’ pubblikazzjonijiet interni u esterni (eż. rapporti annwali), materjali vidjo, materjali ta’ promozzjoni għall-viżitaturi, monitoraġġ tal-media u materjali speċifiċi għall-professjonisti tal-liġi jew tal-istampa u l-media;

60.

Josserva li, fl-2021, il-vidjokonferenzi ntużaw għal 131 seduta quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, u li 231 stqarrija għall-istampa ġew ippubblikati f’total ta’ 3 206 verżjoni lingwistika differenti fuq is-sit web tal-Curia, 601 bullettin kull ġimgħa jew kull ġimagħtejn ġew indirizzati lill-media u lill-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja biex jipprovdu informazzjoni diretta, iżidu l-għarfien dwar kawżi importanti u jispjegaw is-sentenzi meħuda, u ġew iċċirkolati 630 bullettin ta’ informazzjoni dwar kawżi mhux koperti mill-istqarrijiet għall-istampa;

61.

Jirrimarka li fl-2021, 6,1 miljun viżitatur żar is-sit web tal-Curia, u b’kollox il-paġni tas-sit ġew aċċessati 25,3 miljun darba; jenfasizza r-rwol dejjem akbar ta’ e-Curia bħala passarella għall-komunikazzjonijiet bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, minn naħa waħda, u l-partijiet u r-rappreżentanti tagħhom, min-naħa l-oħra; iħeġġeġ l-iżvilupp ulterjuri tal-funzjonalitajiet ta’ e-Curia;

62.

Jinnota li kważi 90 % tad-dokumenti proċedurali kollha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali fl-2021 ġew sottomessi bl-użu ta’ e-Curia; jenfasizza li r-rata ta’ użu ta’ e-Curia kienet ta’ 85 % quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u ta’ 93 % quddiem il-Qorti Ġenerali (meta mqabbla ma’ 79 % u 95 % rispettivament fl-2020); jissottolinja li n-numru ta’ kontijiet miftuħa quddiem iż-żewġ qrati kompla jikber minn 7 378 fl-aħħar tal-2020 għal 8 212-il kont sena wara; josserva li l-għadd ta’ kontijiet miftuħa mill-qrati nazzjonali kien ta’ 45 biss fl-aħħar tal-2019, li laħaq il-121 fl-aħħar tal-2020 u kompla jiżdied għal 223 sal-31 ta’ Diċembru 2021, u dan jindika l-fiduċja mifruxa tal-utenti fis-siwi u l-affidabbiltà ta’ e-Curia; jilqa’ l-fatt li l-introduzzjoni ta’ e-Curia fl-2011 kellha impatt konsiderevoli fuq l-ispejjeż tal-posta, li naqsu b’madwar 85 % matul il-perjodu 2011-2021;

63.

Jirrimarka l-preżenza dejjem akbar tal-QĠUE u tal-għadd ta’ segwaċi fuq il-pjattaformi ewlenin u fuq in-networks soċjali (Twitter u LinkedIn iżda anke fuq il-pjattaforma Mastodon) u t-tħejjija ta’ komunikazzjonijiet imfassla apposta għall-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja permezz ta’ Skedi Informattivi u l-Ġabra ta’ Ġurisprudenza ta’ Kull Xahar;

64.

Jilqa’ l-fatt li l-QĠUE tipparteċipa b’mod attiv fil-proġett EU Voice varat mill-EDPS għall-interazzjoni mal-pubbliku, u li għandha l-ħsieb li tippromwovi l-użu ta’ networks soċjali deċentralizzati, mingħajr ħlas u b’sors miftuħ bħala alternattiva għal dawk aċċettati konvenzjonalment;

65.

Itenni l-appell tiegħu lill-QĠUE biex ittejjeb it-trasparenza billi tadotta soluzzjonijiet innovattivi fil-komunikazzjoni mal-pubbliku; jilqa’ l-progress li sar fl-istreaming tal-għoti tas-sentenzi u tas-seduti, li, abbażi tal-ħidma teknika mwettqa fl-2021, daħal f’fażi pilota fil-bidu tal-2022 bl-ewwel seduti tal-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja li xxandru minn April 2022;

66.

Ifaħħar l-impenn tal-QĠUE għall-multilingwiżmu u jaqbel li l-indirizzar ta’ kull litigant u kull ċittadin fil-lingwa tiegħu stess huwa kemm kwistjoni ta’ salvagwardja tad-diversità kulturali u lingwistika tal-Unjoni kif ukoll kwistjoni ta’ effettività, aċċessibbiltà u leġittimità tas-sistema tal-ġustizzja tal-Unjoni;

67.

Jenfasizza l-importanza tal-ħidma tal-QĠUE li tindirizza kwistjonijiet li jqajmu dubji dwar l-idea essenzjali tal-proġett Ewropew u l-valuri u l-prinċipji sottostanti tiegħu; jissottolinja l-importanza tas-sentenzi tal-QĠUE, b’mod partikolari b’referenza għall-konformità mal-istat tad-dritt; jinsab konxju mill-konsegwenzi estensivi tad-deċiżjonijiet tiegħu;

68.

Jilqa’ l-inizjattiva tal-QĠUE li toffri programm virtwali għall-viżitaturi għaċ-ċittadini Ewropej; jinnota li bħalissa l-proġett pilota ġie estiż għall-istudenti kollha tal-iskola sekondarja fl-Unjoni u fil-futur għandu l-għan li jiddiversifika billi jiżviluppa programmi maħsuba għal tipi oħra ta’ udjenza; jilqa’ l-fatt li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-QĠUE kien involut mill-bidu tal-fażi pilota;

69.

Jappoġġja s-sejħa tas-soċjetà ċivili (3) biex is-seduti ta’ smigħ tal-QĠUE jixxandru b’mod dirett fuq is-sit web tagħha, peress li diġà hija l-prattika ta’ diversi qrati nazzjonali u internazzjonali, bħall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 341, 24.12.2015, p. 14).

(2)  https://som.yale.edu/story/2022/over-1000-companies-have-curtailed-operations-russia-some-remain

(3)  https://www.thegoodlobby.eu/a-letter-to-the-president-of-the-court-of-justice-of-the-european-union-to-live-stream-hearings/


Top