EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1814

Riżoluzzjoni (UE) 2023/1814 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021, Taqsima I — Il-Parlament Ewropew

ĠU L 242, 29.9.2023, p. 3–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1814/oj

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/3


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1814 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021, Taqsima I — Il-Parlament Ewropew

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021, Taqsima I — Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100, l-Artikolu 104(3) u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0086/2023),

A.

billi, fiċ-ċertifikazzjoni tiegħu tal-kontijiet finali, il-Parlament Ewropew (il-“Parlament”) l-uffiċjal tal-kontabbiltà ddikjara l-aċċertament raġonevoli tiegħu li l-kontijiet, fl-aspetti materjali kollha, jippreżentaw b’mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja, ir-riżultati tal-operazzjonijiet u l-fluss tal-flus tal-Parlament;

B.

billi, f’konformità mal-proċedura tas-soltu, intbagħtu 145 mistoqsija lill-amministrazzjoni tal-Parlament u t-tweġibiet bil-miktub waslu u ġew diskussi pubblikament mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament fl-1 ta’ Diċembru 2022, fil-preżenza tal-Viċi President responsabbli għall-baġit, is-Segretarju Ġenerali, id-direttur tal-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej (l-“Awtorità”) u l-awditur intern;

C.

billi dejjem hemm lok għal titjib f’termini ta’ kwalità, effiċjenza u effikaċja fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, l-iskrutinju huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li t-tmexxija politika u l-amministrazzjoni tal-Parlament jagħtu rendikont ta’ għemilhom liċ-ċittadini tal-Unjoni;

D.

billi l-fiduċja fl-integrità tal-Parlament u fl-istat tad-dritt hija tal-ogħla importanza għall-funzjonament tad-demokrazija Ewropea;

E.

billi l-integrità tal-Parlament hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-proċessi demokratiċi ma jiġux influwenzati minn interessi privati u esterni u li d-drittijiet taċ-ċittadini jiġu rispettati bis-sħiħ;

F.

billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 2021, il-Parlament iddikjara kemm kien importanti li jissaħħu t-trasparenza u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jiġi stabbilit korp tal-etika indipendenti tal-Unjoni;

G.

billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022, il-Parlament enfasizza suspetti ta’ korruzzjoni mill-Qatar u l-ħtieġa usa’ ta’ trasparenza u responsabbiltà fl-istituzzjonijiet Ewropej,

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja tal-Parlament

1.

Jinnota li l-approprjazzjonijiet finali tal-Parlament għall-2021 ammontaw għal EUR 2 063 521 135, jew 19,4 % tal-Intestatura 7 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (1) allokati għall-infiq amministrattiv għall-2021 tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fit-totalità tagħhom, u li jirrappreżentaw żieda ta’ 1,2 % meta mqabbla mal-baġit tal-2020 (EUR 2 038 745 000);

2.

Jinnota li d-dħul totali li tniżżel fil-kontijiet mill-31 ta’ Diċembru 2021 kien jammonta għal EUR 215 332 108 (meta mqabbel ma’ EUR 203 449 523 fl-2020), li jinkludi EUR 37 150 961 minn dħul assenjat (meta mqabbel ma’ EUR 33 567 305 fl-2020);

3.

Jenfasizza li ħames kapitoli kienu jirrappreżentaw 75,8 % tal-impenji totali: il-Kapitolu 1 0 (Membri tal-istituzzjoni), il-Kapitolu 1 2 (Uffiċjali u membri temporanji tal-persunal), il-Kapitolu 2 0 (Bini u kostijiet assoċjati), il-Kapitolu 2 1 (Proċessar ta’ data, tagħmir u proprjetà mobbli), u l-Kapitolu 4 2 (Nefqa relatata mal-assistenza parlamentari), li jindika livell għoli ta’ riġidità għall-parti l-kbira tan-nefqa tal-Parlament;

4.

Jinnota ċ-ċifri li abbażi tagħhom ingħalqu l-kontijiet tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2021, jiġifieri:

(a)

Approprjazzjonijiet disponibbli (EUR)

approprjazzjonijiet għall-2021:

2 063 521 135

riporti mhux awtomatiċi mis-sena finanzjarja 2020:

74 900 000

riporti awtomatiċi mis-sena finanzjarja 2020:

356 517 980

approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għal dħul assenjat għall-2021:

37 150 961

riporti li jikkorrispondu għal dħul assenjat mill-2020:

39 313 649

Total:

2 571 403 726

(b)

Użu ta’ approprjazzjonijiet fis-sena finanzjarja 2021 (EUR)

impenji:

2 435 954 496

pagamenti li saru:

2 077 518 430

approprjazzjonijiet riportati awtomatikament inklużi dawk li ġejjin minn dħul assenjat:

419 702 461

approprjazzjonijiet riportati mhux awtomatikament:

22 007 230

approprjazzjonijiet ikkanċellati:

52 175 603

(c)

Dħul tal-baġit (EUR)

riċevut fl-2021:

215 332 108

(d)

Karta tal-bilanċ totali fil-31 ta’ Diċembru 2021 (EUR)

1 720 527 780

5.

Jirrimarka li 98,5 % tal-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit tal-Parlament, li ammontaw għal EUR 2 033 160 247, ġew impenjati, b’rata ta’ kanċellazzjoni ta’ 0,6 %; jinnota b’sodisfazzjon li, bħal ma ġara fis-snin preċedenti, inkiseb livell għoli ħafna ta’ implimentazzjoni tal-baġit; jinnota li l-pagamenti ammontaw għal total ta’ EUR 1 649 796, u dan irriżulta f’rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ 81,1 % (EUR 1 590 035 012 u 81,5 % rispettivament fl-2020);

6.

Jinnota li tmintax-il trasferiment ġew approvati mill-Kumitat għall-Baġit tal-Parlament (“Trasferimenti C”), f’konformità mal-Artikoli 31 u 49 tar-Regolament Finanzjarju, fis-sena finanzjarja 2021, li jammontaw għal EUR 106 753 497 jew 5,2 % tal-approprjazzjonijiet finali; jinnota li l-President min-naħa tiegħu awtorizza tmien trasferimenti (“Trasferimenti P”) li jammontaw għal EUR 26 464 877 jew 1,3 % tal-baġit tal-2021;

7.

Josserva l-livell ogħla ta’ trasferimenti fl-2021 minħabba l-iffrankar baġitarju li jirriżulta mill-kriżi tal-COVID-19 meta mqabbel mas-snin ta’ qabel il-pandemija, meta l-ammont totali ta’ trasferimenti C u P ikkombinati laħaq il-5 % fl-2019, it-3,2 % fl-2018 u l-4,0 % fl-2017; ifakkar li l-attivitajiet normali tal-ivvjaġġar kienu possibbli biss matul partijiet tas-sena, u għalhekk il-linji baġitarji rilevanti tal-Parlament ma ntużawx bis-sħiħ u ġew riallokati għal skopijiet oħra;

8.

Josserva li l-aktar linji baġitarji mhux użati, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, li pprovdew għal trasferimenti baġitarji fl-2021 kienu spejjeż ordinarji tal-ivvjaġġar (EUR 20 041 000), spejjeż għal missjonijiet tal-persunal (EUR 18 460 000), organizzazzjoni u akkoljenza ta’ gruppi ta’ viżitaturi (EUR 16 517 980) u assistenza parlamentari (EUR 11 418 251); josserva li l-akbar entrati ta’ alimentazzjoni, jiġifieri li jikkontribwixxu aktar minn EUR 5 000 000, ammontaw għal total ta’ EUR 79 152 282 fit-trasferimenti C u P flimkien;

9.

Jinnota li l-bilanċ pożittiv iġġenerat mill-pandemija tal-COVID-19 kien, permezz ta’ trasferimenti baġitarji C u P fl-2021, prinċipalment allokat għall-finanzjament tal-politika tal-bini tal-Parlament, jiġifieri l-“pagamenti ta’ lokazzjoni” li ġew imsaħħa b’EUR 33 559 035 biex jitkompla l-investiment fil-proġett tal-binja Adenauer II filwaqt li l-“akkwist ta’ proprjetà immobbli” ġie msaħħaħ b’EUR 22 007 230, li jippermetti l-akkwist tal-binja Trèves II, li flimkien kienu jagħmlu 52,1 % tat-trasferimenti C fl-2021; jinnota li trasferimenti importanti oħra indirizzaw il-ħtiġijiet mhux antiċipati li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19, eż. miżuri tas-saħħa u l-prevenzjoni, tagħmir tekniku u nefqa fuq l-interpretazzjoni biex jiġu appoġġjati t-telexogħol u l-laqgħat ibridi; jinnota li trasferimenti ulterjuri kienu relatati mal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u ma’ investimenti f’diversi aspetti tas-servizzi tal-IT;

L-opinjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-2021 u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet

10.

Ifakkar li l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”) twettaq valutazzjoni speċifika tal-infiq amministrattiv bħala grupp ta’ politiki uniku għall-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni; jenfasizza li l-infiq amministrattiv jinkludi n-nefqa fir-riżorsi umani (is-salarji, l-indennizzi u l-pensjonijiet), li jirrappreżenta 68 % tat-total, u f’kategoriji oħra, bħall-bini, it-tagħmir, l-enerġija, il-komunikazzjonijiet u t-teknoloġija tal-informazzjoni;

11.

Jinnota li l-intestatura 7 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali “Amministrazzjoni pubblika Ewropea” tammonta għal EUR 10,7 biljun jew 5,9 % tal-baġit tal-Unjoni fl-2021, li minnhom il-Parlament jammonta għal EUR 2,1 biljun jew 19,4 %; jinnota li l-Qorti eżaminat kampjun ta’ 60 tranżazzjoni ta’ din l-intestatura tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sabet li 15 kien fihom żbalji (25 %), li minnhom il-Qorti kkwantifikat ħames żbalji u stmat, fuq dik il-bażi, li l-livell ta’ żball tal-infiq tal-Unjoni fuq l-amministrazzjoni fl-2021 huwa taħt il-limitu ta’ materjalità; itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Qorti li twessa’ l-kampjun tagħha ta’ tranżazzjonijiet eżaminati sabiex tiddetermina l-oriġini tas-sehem għoli ta’ tranżazzjonijiet li fihom l-iżbalji, għalkemm taħt il-livell limitu ta’ materjalità;

12.

Jinnota li r-rapport annwali tal-Qorti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit li jikkonċerna s-sena finanzjarja 2021 jippreżenta sejbiet speċifiċi dwar il-Parlament, jiġifieri żbalji f’żewġ pagamenti: (i) pagament żejjed minuri għas-servizzi tal-IT ikkawżat minn applikazzjoni skorretta ta’ termini kuntrattwali, u (ii) pagament wieħed mill-Parlament lil wieħed mill-gruppi politiċi tiegħu; jinsab imħasseb li r-regoli interni dwar l-akkwist adottati mil-linji gwida tal-Bureau u tal-Parlament dwar l-applikazzjoni tagħhom jippermettu l-użu ta’ proċeduri ta’ akkwist innegozjati għal kuntratti ta’ valur għoli, filwaqt li r-Regolament Finanzjarju jistipula l-użu ta’ proċeduri ta’ akkwist miftuħa jew ristretti; jinnota, barra minn hekk, is-sejba tal-Qorti li l-grupp politiku naqas milli jirrispetta bis-sħiħ dawk ir-regoli interni, minħabba, skont il-grupp ikkonċernat, id-diffikultà biex isib offerent li jista’ jissodisfa l-kriterji speċifiċi ħafna użati biex jingħata l-kuntratt; jenfasizza li l-Qorti preċedentement irrapportat nuqqasijiet fit-tranżazzjonijiet relatati mal-akkwist minn gruppi politiċi;

13.

Josserva li l-pożizzjoni tal-amministrazzjoni tal-Parlament hija li l-użu ta’ proċeduri ta’ akkwist innegozjati għal kuntratti ta’ valur għoli (i.e. kuntratti mogħtija fi proċeduri b’valur li jilħaq il-limiti msemmija fl-Artikolu 175(1) tar-Regolament Finanzjarju, japplika biss għal ġestjoni diretta, filwaqt li l-gruppi politiċi jimmaniġġjaw il-fondi allokati lilhom skont il-prinċipji ta’ ġestjoni indiretta b’applikazzjoni analoġika tal-Artikolu 62(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju; jilqa’, madankollu, li l-Parlament aċċetta r-rakkomandazzjoni tal-Qorti li tirrevedi l-linji gwida tagħha dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku mill-gruppi politiċi biex jiġu allinjati aħjar mar-Regolament Finanzjarju; jissuġġerixxi lill-amministrazzjoni tal-Parlament tqis l-ispeċifiċità teknika ta’ xi proċeduri ta’ akkwist li għalihom numru limitat biss ta’ offerenti b’għarfien espert għoli jistgħu jwieġbu; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jirrapporta lura lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit meta tali reviżjoni għandha titwettaq; jinnota l-impenn tal-amministrazzjoni tal-Parlament li tkompli tappoġġja l-gruppi politiċi biex l-approprjazzjonijiet jintużaw f’konformità mar-regoli applikabbli;

14.

Jinnota li, b’mod partikolari, il-Qorti eżaminat ukoll pagament ta’ EUR 74,9 miljun relatat max-xiri tal-binja Scholl f’Rue Wiertz, li x-xiri tiegħu kien iffinanzjat minn fondi li ma ntużawx matul il-kriżi tal-COVID-19 u ġew riportati mill-2020; jinnota li, meta kien qed ifittex l-offerti, il-Parlament uża kriterji għall-għoti li kellhom ponderazzjoni ta’ 50 % tal-punti kemm għall-prezz kif ukoll għall-kwalità tal-binja proposta; jinnota li l-Parlament irċieva żewġ offerti u ta l-kuntratt lill-offerent li kien qed jipproponi l-binja ta’ Scholl, ferm eqreb lejn is-sit prinċipali tal-Parlament iżda 30 % aktar għali għal kull metru kwadru mill-bini propost mill-offerent l-ieħor; jinnota li l-Qorti qieset li “l-kriterji għall-għoti tal-Parlament naqqsu b’mod sinifikanti l-importanza tal-prezz bħala bażi għad-deċiżjoni ta’ xiri, b’dan jagħmilha probabbli li ma kinitx tiġi aċċettata xi offerta oħra”; jenfasizza kemm hu importanti li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi għall-offerenti kollha sabiex tingħata l-assigurazzjoni li l-akkwist ikun regolari, u biex jiġi evitat ir-riskju potenzjali għar-reputazzjoni; josserva li x-xiri tal-binja Scholl jippermetti lill-Parlament isaħħaħ is-sigurtà tal-kumpless ċentrali tiegħu, iżomm konnessjoni diretta ma’ binjiet oħra tal-Parlament, u jippreserva l-investimenti li saru s’issa f’dik il-binja;

15.

Jinnota t-tweġiba mogħtija mill-Parlament għall-osservazzjoni tal-Qorti li l-kriterju tad-distanza kellu rwol ewlieni fil-kriterji ta’ kwalità (jiġifieri fattur ta’ ponderazzjoni ta’ 20/50 punt ta’ kwalità), u l-possibbiltà ta’ interkonnessjoni mal-binjiet ċentrali rċeviet fattur ta’ ponderazzjoni addizzjonali (4/50 punti ta’ kwalità), li wassal lill-Parlament biex iqis il-binja Scholl f’Rue Wiertz bħala l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża minkejja d-differenza sostanzjali fil-prezz; jinnota li l-Bureau analizza l-akkwist tal-binja Scholl f’paragun mat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ użufrutt u, f’dak is-sens, qies li se jiġi ffrankat ammont finanzjarju sinifikanti, jiġifieri l-pagamenti kuntrattwali li fadal (EUR 24 000 000) u l-investimenti li diġà saru mill-Parlament (EUR 15 300 000);

Ir-rapport annwali tal-awditur intern

16.

Jinnota li, fil-laqgħa bejn il-kumitat responsabbli u l-awditur intern li saret fl-1 ta’ Diċembru 2022, l-awditur intern ippreżenta r-rapport annwali tiegħu u ddeskriva l-awditi tal-assigurazzjoni u s-servizzi ta’ konsultazzjoni li wettaq, u rrapporta dwar l-eżitu tas-sitwazzjoni attwali, li fl-2021 kopriet is-suġġetti li ġejjin:

awditjar tal-indennizz tal-assistenza parlamentari (Direttorat Ġenerali għall-Finanzi (DĠ FINS));

tħejjija tal-awditjar tat-tieni fażi tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (DĠ FINS);

assenjament ta’ konsultazzjoni dwar l-istabbiliment ta’ pedamenti għall-qafas tal-governanza tad-data (Direttorat Ġenerali għall-Innovazzjoni u l-Appoġġ Teknoloġiku (DĠ ITEC));

awditjar tal-missjonijiet tal-persunal (Direttorat Ġenerali għall-Persunal, (DĠ PERS));

awditjar tal-proċess ta’ akkwist (Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika (DĠ INLO));

rieżami tal-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-Parlament;

segwitu tal-azzjonijiet miftuħa mir-rapporti tal-awditjar interni — fażijiet 1 u 2 tal-2021;

17.

Jilqa’ u jappoġġja l-azzjonijiet li ġejjin li l-awditur intern laħaq ftehim dwarhom mad-direttorati ġenerali responsabbli, b’riżultat tal-kompiti ta’ aċċertament:

fir-rigward tal-awditjar tal-indennizz tal-assistenza parlamentari, l-indirizzar tal-kwistjoni dwar ir-rispett għal-limiti massimi stabbiliti mill-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew fir-rigward tat-tariffi tal-aġent tal-ħlas; it-tnaqqis tad-dewmien fis-sottomissjoni mill-aġent tal-ħlas ta’ dikjarazzjonijiet tal-kontijiet għall-ammonti mħallsa mill-Parlament lilhom u fit-tlestija tal-kontrolli relatati fuqhom mid-DĠ FINS, u r-regolarizzazzjoni tal-akkumulazzjoni rikorrenti ta’ xogħol b’lura; il-kjarifika ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew u l-gwida interna assoċjata li ma jappoġġjawx b’mod konsistenti ġestjoni effiċjenti u effettiva tal-assistenza parlamentari minfuqa fuq l-assistenti parlamentari lokali;

fir-rigward tat-tieni fażi tal-awditjar tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, filwaqt li jilqa’ l-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Qbil, għall-bidu ta’ Jannar 2022, mill-awditur intern tal-Parlament u l-Awtorità, li jistabbilixxi l-modalitajiet għall-attivitajiet ta’ awditjar li l-awditur intern jista’ jagħżel li jwettaq, bħala parti mill-awditi tiegħu li jkopru l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Parlament, fuq is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li l-Awtorità tapplika għall-proċessi ta’ reġistrazzjoni, kontroll u, meta meħtieġ, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fuq il-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Ewropej;

fir-rigward tal-assenjazzjoni ta’ konsultazzjoni dwar il-qafas tal-governanza tad-data, li l-objettiv tagħha kien li tappoġġja lid-DĠ ITEC fl-isforzi tiegħu biex jiżviluppa kapaċitajiet li jippermettu lill-Parlament jiżgura li teżisti data ta’ kwalità għolja tul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tad-data, is-sitt rakkomandazzjonijiet speċifiċi mressqa jindirizzaw l-inklużjoni ta’ proġetti relatati mad-data fil-portafoll tal-Parlament għall-perjodu 2022-2024, l-istabbiliment ta’ inventarju tad-data istituzzjonali, il-ħolqien ta’ korrispondenti tad-data lokali, id-deżinjazzjoni ta’ korp inter-DĠ għal deċiżjonijiet relatati mad-data, is-sorveljanza minn korp, u l-eżami ta’ sinerġiji possibbli ma’ politiki eżistenti relatati mad-data u rekwiżiti oħra ta’ konformità;

18.

Jieħu nota tal-kompiti ta’ aċċertament li għadhom kif tlestew, u li bħalissa qed isegwu l-proċess ta’ komunikazzjoni previst mill-Karta tal-Awditur Intern;

fir-rigward tal-awditjar tal-missjonijiet tal-persunal, l-enfasi fuq l-evalwazzjoni tal-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi interni ta’ ġestjoni u kontroll fil-qasam tal-missjonijiet tal-kategoriji kollha tal-persunal inklużi l-assistenti parlamentari akkreditati (APAs), u dwar il-konformità tal-operat ta’ dawk is-sistemi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament tal-Persunal, mal-qafas regolatorju intern relatat, u mar-Regolament Finanzjarju;

fir-rigward tal-awditjar tal-proċess ta’ akkwist fid-DĠ INLO, l-enfasi fuq l-evalwazzjoni tal-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi interni ta’ ġestjoni u kontroll fil-qasam tal-akkwist, dwar il-konformità tal-proċeduri ta’ akkwist mal-leġiżlazzjoni applikabbli u mal-qafas regolatorju intern rilevanti, u dwar l-affidabbiltà tal-informazzjoni ta’ ġestjoni u tar-reġistrazzjoni;

fir-rigward tar-rieżami tal-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-Parlament, l-enfasi fuq ir-rieżami tal-maturità ta’ dak il-qafas, li rriżulta f’valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali u l-identifikazzjoni ta’ modi ’l quddiem biex jittejbu l-effiċjenza u l-effettività tiegħu;

19.

Jinnota li l-proċess ta’ segwitu tal-2021 irriżulta fl-għeluq ta’ 47 azzjoni mid-99 miftuħa u li għalihom id-dati ta’ skadenza miftiehma għall-implimentazzjoni kienu skadew; jenfasizza l-fatt li xi wħud mit-52 azzjoni li jifdal ġew irrakkomandati diversi snin ilu iżda għadhom ma ġewx implimentati u jenfasizza li 23 minnhom jindirizzaw riskju sinifikanti; jistenna li d-direttorati ġenerali differenti jiżguraw li l-azzjonijiet li fadal jingħalqu mingħajr aktar dewmien u li l-azzjonijiet miftiehma jiġu implimentati f’konformità mad-dati ta’ skadenza stabbiliti fir-rapport annwali tal-awditur intern; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza darbtejn fis-sena dwar l-istatus tal-azzjonijiet li jifdal;

20.

Jirrikonoxxi li, f’konformità mal-Artikolu 118(9) tar-Regolament Finanzjarju, “ir-rapporti u s-sejbiet tal-awditur intern, kif ukoll ir-rapport tal-istituzzjoni kkonċernata tal-Unjoni, għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku wara validazzjoni mill-awditur intern tal-azzjoni meħuda għall-implimentazzjoni tagħhom”; jinnota li fil-prattika r-rapporti u s-sejbiet huma aċċessibbli biss ladarba r-rakkomandazzjonijiet kollha jkunu ġew implimentati, li jfisser dewmien de facto ta’ diversi snin fl-aċċess għalihom, u li l-Membri, abbażi tal-ħtieġa ta’ tagħrif, jista’ jkollhom aċċess biss f’konformità mar-regoli tal-Bureau għall-aċċess għal dokumenti kunfidenzjali; jistieden lill-Bureau jiżgura li l-Membri jkollhom aċċess immedjat u sħiħ għar-rapport tal-awditu intern tal-anqas fid-dawl tal-proċedura ta’ kwittanza b’mod aktar rapidu; jistieden ukoll lill-Bureau jagħmel kull rapport tal-awditjar intern disponibbli għall-pubbliku sena wara l-finalizzazzjoni tiegħu, hekk kif l-awditur intern ikun ivvalida l-azzjonijiet meħuda biex tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni tas-sena preċedenti; ifakkar ukoll li l-validazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ma tirrikjedix l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet kollha; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jirrapporta spiss kemm jista’ jkun lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit dwar l-attivitajiet annwali tal-awditjar imwettqa;

21.

Jinnota l-bidla tal-kap tas-Servizz tal-Awditjar Intern mill-1 ta’ Marzu 2021; huwa mħasseb li t-tiġdid ta’ madwar nofs it-tim tal-awditjar u t-total ta’ 16-il xahar ta’ postijiet tax-xogħol vakanti lil hinn minn dak li kien ippjanat minħabba diffikultajiet fl-identifikazzjoni ta’ kandidati xierqa minkejja l-appoġġ kontinwu mill-amministrazzjoni tal-Parlament kellhom impatt negattiv fuq l-attività tal-awditjar, speċjalment fid-dominju tal-IT; jilqa’ l-miżuri meħuda mill-awditur intern biex jimla l-pożizzjoni li jifdal ta’ awditur speċjalizzat tas-sistemi tal-informazzjoni b’kandidat bi sfond rilevanti b’saħħtu u l-miżuri meħuda sadanittant f’termini ta’ bini tal-kapaċitajiet u taħriġ speċjalizzat addizzjonali; ifakkar lill-amministrazzjoni tal-Parlament dwar l-importanza tal-ippjanar għal postijiet tax-xogħol vakanti b’biżżejjed żmien ta’ tħejjija f’servizzi essenzjali bħall-unità tal-awditjar intern;

22.

Jilqa’ l-fatt li fl-2021 assessur estern iċċertifika li s-Servizz tal-Awditjar Intern “ġeneralment jikkonforma mal-Istandards u l-Kodiċi tal-Etika tal-Istitut tal-Awdituri Interni” li jikkorrispondi għall-ogħla livell ta’ konformità mal-Istandards Internazzjonali għall-Prattika Professjonali tal-Awditjar Intern, kif kien il-każ fl-2016;

Segwitu mill-amministrazzjoni tal-Parlament u mill-Bureau għar-riżoluzzjoni ta’ kwittanza preċedenti

23.

Jieħu nota tat-tweġibiet bil-miktub għar-riżoluzzjoni ta’ kwittanza għall-2020 mogħtija lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament fis-26 ta’ Settembru 2022, u tal-preżentazzjoni tas-Segretarju Ġenerali fil-25 ta’ Ottubru 2022 li tindirizza d-diversi mistoqsijiet u talbiet imqajma fir-riżoluzzjoni tal-Parlament, segwiti mill-iskambju ta’ fehmiet mal-Membri;

24.

Ifakkar li l-kompożizzjoni tal-Bureau hija l-President tal-Parlament Ewropew, l-14-il Viċi President u l-ħames Kwesturi (membri mingħajr vot) eletti demokratikament mill-Parlament; ifakkar li ladarba l-Plenarja tappella għal regoli jew miżuri differenti biex jiġu implimentati mill-Parlament, tali regoli jew miżuri proposti għandhom jiġu diskussi mill-Bureau, li jivvota wkoll fuqhom, skont l-Artikolu 25 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura u l-Artikoli 6 u 262 tar-Regolament Finanzjarju; jiddispjaċih li għadd sostanzjali ta’ talbiet konkreti adottati mill-Plenarja fir-riżoluzzjonijiet ta’ kwittanza mhux dejjem ikunu riflessi tajjeb fid-diskussjonijiet waqt il-laqgħat tal-Bureau minkejja l-fatt li kemm il-membri tal-Bureau kif ukoll is-Segretarju Ġenerali jkunu konxji mir-riżoluzzjonijiet ta’ kwittanza u jkollhom il-kapaċità li jressqu proposti skont l-Artikolu 25 imsemmi qabel; ifakkar fl-eżerċizzju ta’ skrutinju demokratiku li jitwettaq permezz tal-proċedura ta’ kwittanza u li għalih il-Parlament għandu jkun mudell għall-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni; jenfasizza li tul iż-żmien kollu tal-pandemija tal-COVID-19, id-deliberazzjonijiet tal-Bureau kellhom jiffukaw, fil-biċċa l-kbira, fuq il-protezzjoni tal-integrità tal-Membri u tal-persunal, filwaqt li tiġi żgurata l-kontinwità tal-operat;

25.

Ifakkar, fid-dawl tal-Artikolu 25 tar-Regoli ta’ Proċedura, li l-Bureau huwa responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet finanzjarji, organizzattivi u amministrattivi li jikkonċernaw l-organizzazzjoni interna tal-Parlament u l-Membri; jinsab imħasseb li d-deċiżjonijiet tal-Bureau spiss jonqsu milli jirrispettaw ir-rieda espressa mill-Plenarja fir-riżoluzzjonijiet ta’ kwittanza; itenni l-importanza tal-proċedura ta’ kwittanza kif stabbilita fir-Regolament Finanzjarju u fir-Regoli ta’ Proċedura u jitlob li r-riżoluzzjonijiet li jaffettwaw il-funzjonament tal-Parlament jitqiesu bir-reqqa u jiġu segwiti b’mod leġittimu u trasparenti; jinnota li l-aġendi u l-minuti tal-laqgħat tal-Bureau u d-deċiżjonijiet jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Parlament; itenni l-istedina tiegħu lis-Segretarju Ġenerali biex jagħmel ġabra konkreta ta’ proposti biex tkompli tittejjeb it-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bureau; jirrakkomanda li l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit għandu jiġi infurmat b’mod sistematiku kull meta proposta li tirriżulta minn riżoluzzjoni ta’ kwittanza tiġi diskussa mill-Bureau;

26.

Jilqa’ l-proposta mingħand is-Segretarju Ġenerali biex il-Bureau jingħata l-abbiltà li jiddibatti l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet importanti u jiddeċiedi dwarhom fil-laqgħa li jkun imiss tiegħu; jistieden lill-Bureau u lill-Kwesturi jimplimentaw dik il-prattika;

Miżuri relatati mal-pandemija tal-COVID-19

27.

Jinnota li l-2021 kienet ikkaratterizzata mill-isfidi li għaddejjin li rriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19, li rrikjedew li l-biċċa l-kbira tal-miżuri bla preċedent u straordinarji introdotti fl-2020 jinżammu, u fejn meħtieġ, jiġu adattati sabiex jiġi mminimizzat ir-riskju għall-Membri u għall-persunal, filwaqt li ġie żgurat li l-Parlament baqa’ f’pożizzjoni li jkompli bl-attivitajiet ewlenin tiegħu; jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 hija stmata li ġġenerat surplus baġitarju ġenerali ta’ EUR 95 804 765 u, fl-istess ħin, wasslet għall-ħtieġa li jissaħħu linji baġitarji oħra b’total ta’ EUR 26 230 480, li rriżulta f’iffrankar nett ta’ EUR 69 574 285;

28.

Jinnota, b’mod partikolari, li r-reġimi tat-telexogħol, il-votazzjoni mill-bogħod u l-laqgħat ibridi komplew jiġu applikati fuq skala kbira matul l-2021; jinnota li l-obbligu għall-maġġoranza tal-persunal, inklużi l-APAs, ta’ telexogħol sħiħ (100 %) tneħħa gradwalment minn Ġunju 2021 u li fis-16 ta’ Lulju 2021 is-Segretarju Ġenerali ddeċieda li jestendi l-ambitu tat-telexogħol eżistenti; jinnota li, f’Settembru 2021, tneħħew xi wħud mir-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-Parlament, eż. fuq delegazzjonijiet jew l-akkoljenza ta’ viżitaturi individwali, u li daħlu fis-seħħ regoli ġodda dwar it-telexogħol għall-persunal tal-Parlament;

29.

Jilqa’ l-konklużjonijiet tal-Qorti fir-Rapport Speċjali tagħha 18/2022 bit-titolu “Istituzzjonijiet tal-UE u COVID-19” li l-istituzzjonijiet awditjati, inkluż il-Parlament, urew ir-reżiljenza tagħhom quddiem il-pandemija tal-COVID-19 u li r-rispons tagħhom kien rapidu u flessibbli u bbenefikaw minn investimenti preċedenti fid-diġitalizzazzjoni; jenfasizza r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti, b’mod partikolari r-rieżami tal-pjanijiet għall-kontinwità tal-operat u l-valutazzjoni tal-adegwatezza ta’ modi ġodda ta’ ħidma fl-ambjent ta’ wara l-COVID-19;

30.

Jinnota li l-impatt tal-kontinwazzjoni tal-pandemija tal-COVID-19 fl-2021 wassal għal trasferimenti sostanzjali fil-baġit tal-Parlament, u li sar disponibbli surplus baġitarju f’oqsma bħall-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-organizzazzjoni u l-akkoljenza ta’ gruppi ta’ viżitaturi, l-operat taċ-ċentri tal-viżitaturi tal-Parlament, it-taħriġ personali, u konsum tal-enerġija aktar baxx; jinnota li, fl-istess ħin, il-pandemija ħolqot ħtiġijiet baġitarji addizzjonali f’oqsma oħra, b’mod partikolari s-saħħa u l-prevenzjoni, kif ukoll tagħmir tekniku u loġistika għal laqgħat u voti ibridi multilingwi; josserva li parti sostanzjali tal-iffrankar tal-aħħar snin ġiet trasferita għall-politika tal-bini;

31.

Jenfasizza lis-sena 2021 intlaqtet enomement mill-pandemija tal-COVID-19 u l-biċċa l-kbira tal-miżuri straordinarji introdotti fl-2020 kien meħtieġ li jibqgħu jinżammu u jiġu adattati; jinsab imħasseb li f’ċerti każijiet, xi wħud mill-miżuri li ġew introdotti biex jipprevjenu li l-pandemija tal-COVID-19 tkompli tinfirex irriżultaw f’kundizzjonijiet tax-xogħol modifikati f’servizzi speċifiċi, bħal fil-copy shops u fl-unitajiet tal-istampar fi ħdan il-Parlament, li kellhom impatt negattiv fuq xi membri tal-persunal, pereżempju l-persunal tal-copy shop fi Brussell kellhom jaħdmu f’iżolament għal perjodu ta’ żmien twil anke wara li tneħħew il-miżuri tas-sikurezza; jitlob lill-amministrazzjoni tal-Parlament tevalwa mill-ġdid b’mod proattiv il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’sitwazzjonijiet simili possibbli;

32.

Jenfasizza li, fl-2021, ġew imposti bosta sfidi fuq il-ħidma tal-Parlament, u dik ewlenija fosthom kienet l-inċertezza fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19; ifaħħar ir-rwol ewlieni tas-servizzi mediċi tal-Parlament fuq quddiem nett tar-rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u jirrikonoxxi l-ammont ta’ xogħol enormi involut, li kien jinkludi t-trattament, l-ittestjar u t-tilqim tal-persunal, l-għoti ta’ appoġġ psikoloġiku u l-għoti ta’ pariri dwar miżuri ta’ mitigazzjoni; jinnota li, b’mod eċċezzjonali, l-eżami mediku annwali tal-persunal kellu jiġi kkanċellat u l-persunal ġie mistieden jagħmel l-eżami mediku annwali tiegħu esternament, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk normalment offruti mill-Parlament, f’konformità mal-Artikolu 59(6) tar-Regolamenti tal-Persunal, u jilqa’ l-fatt li l-progressjoni tas-sitwazzjoni pandemika għamlitha possibbli li l-eżamijiet mediċi annwali tal-persunal jissoktaw; jilqa’ l-ħolqien, f’Ottubru 2021, tal-Unità għat-Tħejjija Medika u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet (MPCMU) magħmula minn persunal mis-servizzi mediċi fi Brussell u fil-Lussemburgu bl-objettiv li tissaħħaħ il-kapaċità ta’ rispons tal-Parlament għall-kriżijiet futuri;

33.

Jinnota li l-kost totali taċ-ċentri tal-ittestjar kien ta’ EUR 5 415 789 fi Brussell, EUR 302 288 fil-Lussemburgu u EUR 39 370 fi Strażburgu; jilqa’ l-fatt li l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika pprovdew il-vaċċini u l-materjal l-ieħor kollu mingħajr ħlas għall-kampanja ta’ tilqim tal-Parlament; jinnota li l-kost totali taċ-ċentru tat-tilqim fi Brussell fl-2021 kien ta’ EUR 230 502, inkluż tisħiħ minn sitt infermiera interim u l-adattament ta’ għodda tal-IT eżistenti għall-aspetti amministrattivi (EUR 45 655 u EUR 184 847 rispettivament); ifaħħar il-ħidma tas-servizz mediku, tal-persunal tal-laboratorju kkuntrattat u tal-voluntiera fiċ-ċentri tal-ittestjar u tat-tilqim tal-Parlament fi Brussell; jinnota li kemm fi Strażburgu kif ukoll fil-Lussemburgu, il-kampanji ta’ tilqim ġew organizzati mill-awtoritajiet nazzjonali, u għalhekk l-ebda kost ma ġie mġarrab mill-Parlament;

34.

Ifakkar li l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni tal-President tal-1 ta’ Ġunju 2021 dwar miżuri ta’ sigurtà biex jillimitaw it-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19 kien jipprevedi kontrolli tat-temperatura fuq kwalunkwe persuna li tidħol fil-bini tal-Parlament; jinnota li, għal dak il-għan, il-Parlament xtara mudelli differenti ta’ detetturi tat-temperatura tal-ġisem għal ammont totali ta’ EUR 595 459 (EUR 382 515 fl-2020 u EUR 212 944 fl-2021); josserva li 40 unità ta’ detezzjoni tat-temperatura mixtrija fl-2021 bħala parti mit-tagħmir u installati fid-detetturi tal-metall ma ntużawx mill-14 ta’ Marzu 2022 u li erba’ kameras issa qed jinżammu maħżuna; jenfasizza li matul is-sajf spiss kien il-każ li l-persuni ġew miċħuda l-aċċess minħabba t-temperatura għolja ta’ barra, li ma kellha xejn x’taqsam mad-deni għoli; ifakkar li ma ġiet introdotta l-ebda dispożizzjoni biex jiġi pprevenut li n-nies li kienu ġew miċħuda milli jidħlu sempliċement jippruvaw mill-ġdid ftit ħin wara; jinnota li l-Parlament la ttratta u lanqas ġabar data sensittiva fl-ambitu tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2); josserva li, mingħajr il-ħtieġa li tinħażen xi data sensittiva, ma hemm l-ebda informazzjoni dwar in-numru ta’ persuni li ġew miċħuda aċċess għall-bini tal-Parlament matul il-perjodu ta’ validità tal-miżura; jesprimi dispjaċir għall-konklużjoni li għalhekk mhuwiex possibbli li tiġi vvalutata l-effettività tal-kontrolli tat-temperatura tal-ġisem jew tax-xiri tat-tagħmir; ifakkar fil-prinċipju li jipprevedi li kwalunkwe użu ta’ flus pubbliċi għandu dejjem jippermetti li ssir verifika tar-regolarità tal-infiq u l-effettività tal-użu tiegħu;

35.

Jinnota li ma kienx meħtieġ tnaqqis fil-persunal tat-tindif fi Brussell peress li l-bini baqa’ miftuħ u li fi Strażburgu u fil-Lussemburgu l-ħtiġijiet akbar ta’ tindif ikkumpensaw għat-tnaqqis fl-attività u għalhekk, l-ebda telf ma ġie mġarrab mill-fornituri tat-tindif matul is-sena; jinnota li fi tmiem l-2021 u fil-bidu tal-2022, iż-żewġ kuntratturi tat-tindif fi Brussell nedew stħarriġ dwar is-sodisfazzjon fost l-impjegati tagħhom kif mitlub fir-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tal-2020; jinnota li l-impjegati mlew il-kwestjonarju b’mod anonimu u li t-tweġibiet waslu u ġew maħżuna fuq pjattaforma sigura; jissottolinja li għall-ewwel kuntrattur, l-analiżi tar-riżultati turi li aktar minn 90 % tal-persunal huma motivati biex jagħtu prestazzjoni tajba, jirċievu direzzjoni tajba mill-maniġment tagħhom u jħossuhom parti minn tim magħqud sewwa; jinnota li, mid-9 ta’ Novembru 2022, is-servizzi kollha tat-tindif fil-bini tal-Parlament fi Brussell huma pprovduti minn żewġ fornituri ġodda tas-servizzi; jilqa’ l-fatt li l-kuntrattur il-ġdid huwa soġġett għal obbligi aktar stretti li jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti; ifakkar fil-fatt li l-kuntrattur il-ġdid impenja ruħu li jieħu f’idejh l-impjegati kollha li kienu impjegati mill-kuntrattur preċedenti għal mill-anqas disa’ xhur u jitlob lill-Parlament jiżgura li dak l-impenn jiġi rispettat;

36.

Ifakkar fl-impatt negattiv tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-persunal tal-forniment tal-ikel tal-Parlament; jilqa’ l-miżuri ta’ solidarjetà implimentati minn April 2020 sa Diċembru 2021, jiġifieri l-forniment ta’ “ikliet għall-karità” u tariffa għall-kontinwità tal-operat fit-tliet postijiet tax-xogħol, li tal-anqas għenu biex jiġu ssalvagwardjati 37 impjieg għall-persunal tal-forniment tal-ikel; ifaħħar il-fatt li l-Parlament kien l-ewwel istituzzjoni tal-Unjoni li varat programm ta’ donazzjoni tal-ikel, u li matul il-kriżi tal-COVID-19, kienet l-unika istituzzjoni li ħadet azzjoni biex issalva l-impjiegi; jilqa’ l-fatt li nħolqu 20 impjieg ġdid mindu bdew mill-ġdid l-attivitajiet kollha tal-forniment tal-ikel f’Marzu 2022; jinnota li s-servizzi tal-forniment tal-ikel u tat-tindif jitwettqu minn fornituri esterni tas-servizzi minħabba n-natura speċifika tagħhom li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-internalizzazzjoni; jenfasizza li l-internalizzazzjoni ta’ servizzi essenzjali bħall-forniment tal-ikel u t-tindif tkun teħtieġ ir-reklutaġġ massiv ta’ impjegati u twassal għal żieda sinifikanti fil-kostijiet; huwa, għalhekk, tal-fehma li l-internalizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi m’għandhiex tiġi kkunsidrata mill-korpi governattivi;

Interpreti

37.

Ifakkar li fl-ambitu tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, il-Membri għandhom id-dritt li jitkellmu bil-lingwa uffiċjali tal-għażla tagħhom, riflessjoni tad-diversità kulturali u lingwistika Ewropea li tagħmel ukoll lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni aktar aċċessibbli u trasparenti għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni; jilqa’ l-ħidma li saret mill-uffiċjali tal-Parlament u mill-interpreti freelance matul il-pandemija li tagħmel dan id-dritt possibbli u żżomm lill-Parlament jiffunzjona bħala d-dar tad-demokrazija Ewropea; jisħaq li l-kwalità tal-interpretazzjoni pprovduta għandha impatt dirett fuq il-messaġġ li jintbagħat liċ-ċittadini tal-Unjoni;

38.

Jinnota li l-amministrazzjoni tal-Parlament introduċiet salvagwardji bħal limitazzjoni fuq is-sigħat ta’ interpretazzjoni ta’ kull ġimgħa minħabba l-isforz addizzjonali meħtieġ biex jiġu interpretati l-kelliema mill-bogħod u li l-interpreti kienu għal perjodu twil ta’ żmien barra mill-kamra tal-laqgħat (jiġifieri kmamar akkoppjati, ċentri fl-Istati Membri, eċċ.); jilqa’ l-fatt li diversi azzjonijiet approvati mill-Bureau fl-2020 u fl-2021, li jvarjaw mit-tisħiħ tal-infrastruttura teknika sal-interpretazzjoni mill-bogħod, ippermettew li l-kapaċitajiet ta’ interpretazzjoni jiżdiedu gradwalment għal 70 % tal-kapaċità ta’ qabel il-COVID-19 minn Novembru 2020 sa April 2021, u għal 90 % f’Jannar 2022;

39.

Jinsab imħasseb dwar il-problemi ta’ smigħ irrapportati li rriżultaw mill-interpretazzjoni mill-bogħod għal perjodi twal ta’ ħin b’sistemi akustiċi ta’ kwalità baxxa; huwa allarmat li 63,5 % tar-rispondenti (127 minn 200) irrapportaw problemi ta’ smigħ fi stħarriġ dwar l-interpretazzjoni simultanja mill-bogħod imwettaq mid-delegazzjoni tal-Interpreti tal-Persunal fil-bidu tal-2021 u 54 % tar-rispondenti (702 minn 1 602) semmew fi stħarriġ li sar fost l-interpreti tal-persunal u dawk freelance f’Mejju 2022 li l-ħidma taħt il-kundizzjonijiet imposti b’riżultat tal-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt fuq is-saħħa u l-benesseri tagħhom; jenfasizza l-fatt li l-kwistjonijiet tas-saħħa rrappurtati mill-interpreti qed jingħataw segwitu mis-Servizzi mediċi tal-Parlament u l-fatt li l-amministrazzjoni varat azzjonijiet immirati biex ittejjeb il-kwalità tal-akustika; ifakkar fid-dmir ta’ diliġenza li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom lejn l-impjegati tagħhom, li jrid jitqies meta jkunu qed jiġu implimentati miżuri preventivi;

40.

Jinnota d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-2 ta’ Ġunju 2022 li tippermetti eċċezzjonijiet għall-interventi mill-bogħod f’laqgħat tal-kumitati u josserva li l-istruttura teknika u l-konformità tal-interventi mill-bogħod huma l-isfidi prinċipali li hemm bżonn jintgħelbu biex tinkiseb akustika ta’ kwalità tajba fil-laqgħat ibridi tal-Parlament; jilqa’ l-fatt li, fost miżuri oħra u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, aktar minn 1 700 mikrofonu professjonali ta’ kwalità għolja u 1 342 headset tqassmu lill-Membri, kif ukoll li l-Kwesturi ħarġu l-avviżi 50/2020 u 12/2021 b’linji gwida għall-kelliema mill-bogħod; josserva li l-amministrazzjoni tal-Parlament qed toffri wkoll, fuq bażi pilota, mikrofoni ta’ kwalità għolja lill-kelliema esterni li se jintervjenu mill-bogħod, bħall-petizzjonanti; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-isforzi u l-baġit allokat se jkunu kollha għalxejn jekk jibqgħu permessi l-interventi mill-bogħod mill-Membri u minn kelliema oħra mingħajr it-tagħmir xieraq; jilqa’ l-kampanja biex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-kwalità akustika għall-interventi mill-bogħod u jappella għal aktar kontrolli tekniċi qabel kull intervent;

41.

Jinnota li s-servizzi tal-pjattaforma Interactio nkisbu fl-2021 permezz ta’ kuntratt qafas disponibbli li bħalissa ma jirreferix għall-istandard ISO dwar l-interpretazzjoni tal-konferenzi; jinnota li s-Segretarju Ġenerali jiddikjara fit-tweġibiet bil-miktub tiegħu lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament li l-pjattaforma Interactio tissodisfa r-rekwiżiti tal-kwalità tas-sound tal-ISO;

42.

Josserva li l-interpreti tal-Parlament għamlu strajk minn Ġunju sa Ottubru 2022 bl-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, primarjament kwalità tas-sound aħjar u limitazzjoni fuq in-numru u d-durata tas-sigħat ta’ interpretazzjoni ta’ kelliema mill-bogħod kif saru matul il-pandemija tal-COVID-19; jesprimi dispjaċir għall-fatt li, waqt l-istrajk tal-interpreti, l-amministrazzjoni tal-Parlament irrikorriet għas-servizzi ta’ interpretazzjoni esterni, għall-kost totali ta’ EUR 47 324, peress li din id-deċiżjoni pperikolat l-istandard tal-kwalità tal-Parlament għall-interpretazzjoni, u aktar importanti minn hekk xekklet id-dritt tal-istrajkjar tal-ħaddiema; jenfasizza li ġeneralment ma għandhomx jiġu pprovduti servizzi esterni ta’ interpretazzjoni mill-bogħod fil-laqgħat ewlenin tal-korpi parlamentari; jilqa’ l-arranġamenti ta’ ħidma interim għal-laqgħat b’parteċipazzjoni mill-bogħod miftiehma bejn it-trade union, ir-rappreżentanti tal-interpreti u l-amministrazzjoni tal-Parlament fis-17 ta’ Ottubru 2022 u jinnota li se jsiru negozjati dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-interpreti biex jirriflettu fuq il-metodi ta’ ħidma ta’ wara l-pandemija tal-Parlament; jenfasizza li d-DĠ LINC għandu jippjana l-ħtiġijiet ta’ kapaċità ta’ interpretazzjoni futuri tiegħu u jfittex li jirrekluta interpreti ġodda b’mod li jkun f’waqtu;

Persunal, assistenti parlamentari akkreditati (APAs) u assistenti lokali, trainees

Persunal

43.

Jinnota li 877 minn 6 621 kariga (13,2 %) kienu vakanti fi tmiem l-2021; jirrikonoxxi d-diffikultajiet ġenerali li jiltaqgħu magħhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluż il-Parlament, biex jattiraw u jżommu t-talent, li għandu impatt fuq id-diversità u d-distribuzzjoni ġeografika tal-forza tax-xogħol; jinnota li, fl-2021, tmexxew żewġ stħarriġiet mid-DĠ PERS biex jinstabu r-raġunijiet prinċipali għala n-nies japplikazzjoni għal impjieg fil-Parlament u li r-riżultati indikaw is-salarji, iżda wkoll is-sinifikat tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol flessibbli; jinnota l-opinjoni tal-amministrazzjoni tal-Parlament dwar id-dewmien tal-kompetizzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) iżda jfakkar fil-proċess ta’ trasformazzjoni attwali li għandu l-għan li jqassar id-durata tal-kompetizzjonijiet, li jagħmilhom aktar effiċjenti u li jkunu mmirati aħjar lejn profili speċjalizzati filwaqt li tinżamm l-oġġettività u l-ugwaljanza tat-trattament fil-qalba tal-proċess; jinnota li, fl-2021, il-Parlament beda jmexxi kompetizzjonijiet interni u jinsab imħasseb dwar il-proċeduri ta’ reklutaġġ rapidi li jistgħu jwasslu għal diskriminazzjoni bejn il-kategoriji professjonali;

44.

Jitlob li ssir riflessjoni profonda dwar il-modi l-ġodda ta’ ħidma li jistgħu jirrikonċiljaw il-ħtiġijiet tal-amministrazzjoni tal-Parlament (inklużi l-koeżjoni tat-tim, il-komunikazzjoni interna, u r-reklutaġġ ta’ parteċipanti ġodda), filwaqt li jitqiesu l-aspettattivi u s-sodisfazzjon tal-persunal tiegħu, li jkollhom impatt pożittiv fuq il-prestazzjoni tagħhom kif ukoll fuq l-attraenza tal-Parlament bħala impjegatur; jenfasizza f’dan il-kuntest l-importanza ta’ djalogu soċjali ġenwin mar-rappreżentanti tal-persunal dwar punti kruċjali bħal ambjent tax-xogħol flessibbli, saħħa u benesseri u opportunitajiet ta’ taħriġ u karriera; jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-ħtieġa li jiġu rieżaminati r-regoli dwar il-fastidju fir-rigward ta’ dawn il-forom ġodda ta’ xogħol; josserva li l-preżenza fiżika hija ta’ importanza għall-interazzjoni effiċjenti tal-atturi kollha fil-proċessi parlamentari; jissuġġerixxi li jiġi stabbilit kumitat konġunt li jassisti lid-DĠ PERS fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni effettiva u tal-konformità ta’ linji gwida ċari dwar it-telexogħol u d-dritt għall-iskonnessjoni li jistgħu jiġu adattati għall-ħtiġijiet tas-servizzi differenti; jenfasizza li, fid-dawl li jkollna regoli uniformi li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal, il-Parlament għandu jallinja r-regoli tat-telexogħol ma’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni li introduċew il-possibbiltà tat-telexogħol barra mit-tliet postijiet tax-xogħol, li jżid ukoll l-attraenza tal-Parlament bħala impjegatur;

45.

Ifakkar fil-livelli serjament inadegwati ta’ persunal fis-segretarjati tal-kumitati tal-Parlament fi tmiem l-2020 minħabba, fost l-oħrajn, iż-żieda fl-ammont ta’ xogħol, il-metodi ta’ ħidma applikati b’riżultat tal-pandemija tal-COVID-19 u l-ħolqien ta’ kumitati temporanji ġodda; jilqa’ l-fatt li wara l-adozzjoni tal-baġit tal-2022, inħolqu 66 kariga ġdida fl-organigramma (12 għad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Esterni (DĠ EXPO) u 54 kariga għad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni (DĠ IPOL)), fit-tabella tal-persunal bil-ħsieb li jissaħħaħ malajr l-appoġġ għall-kumitati parlamentari; jinsab imħasseb li, bħalissa, iż-żieda netta tal-persunal (inklużi l-karigi fl-organigramma u l-aġenti kuntrattwali) hija ppjanata li tinkludi biss tmien membri addizzjonali tal-persunal, minkejja l-fatt li l-għadd ta’ aġenti kuntrattwali naqas bi 23 bejn Jannar u Novembru 2022; ifakkar lis-Segretarju Ġenerali dwar l-impenn għal tisħiħ reali tal-kapaċità tar-riżorsi umani fid-DĠ EXPO u fid-DĠ IPOL, inkluż livell adegwat ta’ aġenti kuntrattwali; jindika li r-riżorsi kollha disponibbli fil-kumitati, fid-dipartimenti ta’ politika, fis-servizzi orizzontali u ta’ appoġġ għandhom jiġu assenjati għall-implimentazzjoni tas-setgħat u tal-proċeduri leġiżlattivi, baġitarji u ta’ kontroll tal-Parlament; jitlob għalhekk li r-riżorsi disponibbli jitqassmu skont il-livell ta’ attività tal-kumitati f’dawn l-oqsma u mhux biss skont in-numru ta’ rapporti leġiżlattivi;

46.

Jinsab imħasseb dwar id-deċiżjoni tal-Bureau tal-21 ta’ Novembru 2022, ibbażata fuq il-proposta tas-Segretarju Ġenerali dwar Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni Ġenerali, li jagħtu effett lill-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal; jinsisti fuq l-importanza li jinkiseb bilanċ ġeografiku ġust fost il-persunal tal-Parlament dment li l-miżuri jkunu “xierqa”, kif meħtieġ mill-Artikolu 27, u jisħaq li l-kompetizzjonijiet iridu jirrispettaw il-prinċipji fundamentali minquxa fir-Regolamenti tal-Persunal u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bħall-prinċipji tal-ugwaljanza, tan-nondiskriminazzjoni u tal-proporzjonalità; ifakkar ukoll li l-Artikolu 27 jiddikjara li “dawk il-miżuri xierqa jridu jkunu ġustifikati u qatt ma għandhom jirriżultaw fi kriterji ta’ reklutaġġ għajr dawk imsejsa fuq il-mertu”; jappella għar-riferiment immedjat tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni Ġenerali lis-servizz legali tal-Parlament għal valutazzjoni tal-konformità;

47.

Jinnota l-“proġett tal-Istrateġija tal-Aġenti Kuntrattwali II” li għandu l-għan li jappoġġja lid-direttorati ġenerali fil-valutazzjoni ta’ jekk ikunx aktar ta’ vantaġġ għall-Parlament jekk jiġu internalizzati l-funzjonijiet imwettqa minn fornituri tas-servizzi esterni; jinnota li d-DĠ PERS ipprovda appoġġ għat-tnedija ta’ proċeduri ta’ internalizzazzjoni lid-DĠ INLO, lid-DĠ ITEC u lid-Direttorat Ġenerali għas-Sigurtà u l-Protezzjoni (DĠ SAFE); itenni li r-reklutaġġ ta’ aġenti kuntrattwali huwa miżura aċċettabbli meta jkun iġġustifikat, iżda jsostni li l-kompiti ewlenin għandu jitwettqu minn persunal permanenti;

48.

Josserva diffikultajiet partikolari biex jinstabu kandidati li lesti jaħdmu għall-Parlament fil-Lussemburgu, l-aktar minħabba l-għoli tal-ħajja u l-prezz tal-akkomodazzjoni li qed jiżdied filwaqt li jkollhom salarju li huwa adattat għall-kundizzjonijiet tal-għajxien fi Brussell; jitlob lill-amministrazzjoni tal-Parlament tressaq talba lill-Kummissjoni biex tindirizza l-problema serja u li ilha għaddejja tal-indiċjar tas-salarji fil-Lussemburgu billi tadotta att delegat biex tikkoreġi d-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal;

49.

Jinnota l-importanza tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-għarfien biex jiġi evitat it-telf ta’ għarfien fl-amministrazzjoni tal-Parlament; jirrikonoxxi li l-mobilità tista’ tgħin lill-membri tal-persunal jiksbu ħiliet ġodda iżda jemmen ukoll li l-amministrazzjoni tal-Parlament għandha timmotiva u takkumpanja lill-membri tal-persunal biex jiċċaqilqu b’mod volontarju bejn servizzi differenti sabiex l-iskema ta’ mobilità obbligatorja tkun l-aħħar alternattiva, peress li f’xi każijiet dan l-obbligu jista’ jwassal biex il-membri tal-persunal jitilqu mill-Parlament; jindika li politika obbligatorja dwar il-mobilità tista’ tkun partikolarment ta’ sfida għall-membri tal-persunal li jaħdmu fid-DĠ IPOL minħabba l-għarfien espert speċifiku miġbur; jitlob reviżjoni sħiħa tal-politika dwar il-mobilità filwaqt li jitqiesu l-fehmiet u l-esperjenza tar-rappreżentanti tal-persunal;

50.

Ifakkar li fit-13 ta’ Jannar 2020, il-Bureau approva miri ġodda u aktar ambizzjużi għall-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli ta’ maniġment superjuri u dak intermedju tal-amministrazzjoni tal-Parlament li għandhom jintlaħqu sal-2024, jiġifieri li n-nisa jokkupaw 50 % tal-postijiet ta’ kap ta’ unità, 50 % tal-postijiet ta’ direttur u 40 % ta’ postijiet ta’ direttur ġenerali; ifakkar li, sussegwentement, fis-6 ta’ Lulju 2020, il-Bureau żviluppa u approva pjan ta’ azzjoni dwar il-ġeneru għas-snin 2021–2022 immirat biex jaġevola l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miri, kif ukoll biex jintegra l-perspettiva tal-ġeneri b’mod komprensiv fl-attivitajiet kollha tal-Parlament; jilqa’ l-fatt li 42,7 % tal-kapijiet ta’ unità u 50 % tad-diretturi huma nisa, filwaqt li n-nisa li jokkupaw pożizzjonijiet ta’ direttur ġenerali żdiedu minn 15,4 % għal 28 % mill-2021 ’il hawn; jinnota li, fl-2021, il-Parlament irrekluta 536 mara (50,3 %) u 530 raġel (49,7 %) fil-kategoriji kollha ta’ persunal ikkombinati; jinnota d-diffikultajiet biex jinkiseb bilanċ sodisfaċenti bejn il-ġeneri f’xi servizzi speċifiċi, bħad-DĠ SAFE b’81 % rġiel u 19 % nisa; jitlob lill-amministrazzjoni twettaq valutazzjoni tal-pjan direzzjonali 2021-2022 ibbażata fuq l-indikaturi ta’ monitoraġġ tal-progress magħżula fil-kuntest tal-kwittanza li jmiss;

51.

Jilqa’ l-pjan direzzjonali dwar id-diversità adottat mill-Bureau f’Novembru 2021 li jistabbilixxi miri fil-qasam tal-opportunitajiet indaqs, bħall-konsolidazzjoni tar-rwol u tal-mandat tal-Grupp ta’ Aċċess u Inklużjoni biex jissaħħu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Parlament dwar id-diżabilità u t-twettiq ta’ proposti konkreti; jilqa’ l-fatt li l-Parlament huwa l-ewwel istituzzjoni li torganizza proċeduri ta’ selezzjoni (Azzjonijiet Pożittivi) għal trainees u aġenti kuntrattwali b’diżabilità;

52.

Ifakkar li, skont l-Artikolu 9 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kumitat tal-Persunal jirrappreżenta l-interessi tal-persunal vis-à-vis l-istituzzjoni tagħhom u jżomm kuntatt kontinwu magħhom; jindika li d-deċiżjonijiet meħuda mill-korpi ta’ tmexxija tal-Parlament spiss ikollhom impatt sinifikanti fuq il-persunal u għalhekk, itenni li huwa essenzjali li jinstemgħu r-rappreżentanti tal-persunal meta jiġu diskussi kwistjonijiet ġenerali li jaffettwaw il-politika tal-persunal tal-Parlament;

53.

Ifakkar fir-rakkomandazzjoni tal-Parlament lill-Kummissjoni fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018“biex tagħmel rieżami tal-proċedura amministrattiva tagħha għall-ħatra ta’ uffiċjali għolja bl-objettiv li jiġi żgurat bis-sħiħ li jiġi żgurat għalkollox li jintgħażlu l-aħjar kandidati f’qafas ta’ trasparenza massima u opportunitajiet indaqs, u b’hekk anke tkun ta’ eżempju għall-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra”; ifakkar li l-proċedura tal-ħatra tas-Segretarju Ġenerali kienet proċess trasparenti, fejn il-kandidati ġew ittrattati b’mod ġust u ekwu filwaqt li kienu konformi mar-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà kollha meħtieġa; jenfasizza li d-deċiżjoni li ttieħdet dwar is-selezzjoni tal-kandidat magħżul twettqet b’maġġoranza kbira tal-Bureau;

Assistenti Parlamentari Akkreditati (APAs)

54.

Itenni l-opinjoni tiegħu li r-relazzjoni ta’ ħidma partikolari bejn il-Membri u l-APAs tista’ tinkludi sitwazzjoni li fihom iż-żewġ partijiet jiddeċiedu li jitterminaw il-kuntratt bi ftehim reċiproku qabel dak antiċipat iżda mingħajr telf ta’ fiduċja; iħeġġeġ lill-Bureau jikkonsulta mas-servizz legali tal-Parlament u mad-DĠ PERS dwar il-fattibbiltà tal-kuntratt li għandu jiġi tterminat bi ftehim reċiproku qabel id-data ta’ skadenza tiegħu u jinforma lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit dwar l-eżitu;

55.

Itenni li l-APAs li jakkumpanjaw lill-Membri għas-sessjonijiet parzjali fi Strażburgu għandha tinħarġilhom ordni ta’ missjoni u jiġu rimborżati f’konformità mar-regoli applikabbli;

56.

Itenni t-talba insistenti tiegħu biex l-APAs jirċievu l-istess indennizz tas-sussistenza bħall-uffiċjali u persunal statutorju ieħor għall-missjonijiet tagħhom ħalli jattendu s-sessjonijiet parzjali fi Strażburgu, filwaqt li jitqies li l-pakkett tal-indennizzi parlamentari jibqa’ kif inhu; huwa tal-fehma li s-sitwazzjoni attwali, aggravata miż-żieda akkumulata fil-prezzijiet matul l-aħħar ftit snin, tpoġġi lill-APAs f’sitwazzjoni finanzjarja aktar diffiċli minħabba li jridu jivvjaġġaw lejn Strażburgu biex iwettqu x-xogħol tagħhom eżattament bl-istess mod bħall-uffiċjali tal-Parlament u persunal statutorju ieħor; ma jistax jifhem dan it-trattament inugwali fir-rigward tal-missjonijiet fi Strażburgu fid-dawl tal-fatt li l-ispejjeż imġarrba mill-APAs li jwettqu missjonijiet barra mit-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament jiġu rimborżati, mutatis mutandis, f’konformità mar-regoli applikabbli għall-missjonijiet tal-uffiċjali; jenfasizza li l-allinjament tal-indennizz tas-sussistenza ta’ kuljum ma’ dak tal-persunal statutorju jġib fi tmiemha wkoll l-eżistenza mhux ġustifikata ta’ tliet ammonti differenti ta’ indennizzi biex wieħed jagħżel minnhom; itenni, għalhekk, it-talba tiegħu lill-Bureau biex jimmodifika d-deċiżjoni tiegħu tat-2 ta’ Ottubru 2017 bl-għan li jimplimenta dan l-allinjament;

57.

Jinnota li r-regoli adottati mill-Bureau u l-Konferenza tal-Presidenti bħalissa jipprojbixxu lill-APAs milli jakkumpanjaw lill-Membri f’delegazzjonijiet uffiċjali tal-Parlament u f’missjonijiet tal-kumitati; jindika li l-appoġġ tekniku li l-APAs jipprovdu matul il-missjonijiet huwa ta’ importanza ewlenija għall-Membri parteċipanti; jinsab imħasseb li din is-sitwazzjoni fil-prattika twassal biex il-Membri jiffinanzjaw l-ivvjaġġar tal-APAs bl-allowance għall-ispejjeż ġenerali (GEA) u tobbliga lill-APAs jużaw il-liv annwali tagħhom; iħeġġeġ lill-Bureau u lill-Konferenza tal-Presidenti jbiddlu r-regoli attwali biex jippermettu lill-APAs — taħt ċerti kundizzjonijiet li għad iridu jiġu ddeterminati u filwaqt li jżommu f’moħħhom il-limiti loġistiċi tal-missjonijiet — jakkumpanjaw lill-Membri f’delegazzjonijiet u f’missjonijiet uffiċjali tal-Parlament, kif imtenni minn diversi riżoluzzjonijiet ta’ kwittanza;

58.

Jilqa’ l-fatt li l-aħħar reviżjoni li wettaq il-Bureau tar-regoli għall-gruppi tal-viżitaturi introduċiet il-possibbiltà li l-Membri jaħtru professjonisti biex jieħdu r-responsabbiltà finanzjarja, li wasslet għal tnaqqis ta’ 28 % fl-għadd ta’ APAs li jaġixxu ta’ kapijiet tal-gruppi tal-viżitaturi; jinsisti, għalhekk, mal-Bureau li l-APAs ma jiġux maħtura kapijiet ta’ gruppi peress li dan il-livell ta’ responsabbiltà finanzjarja jista’ jikkomprometti l-proċeduri xierqa tal-awditjar jew inkella jitlob is-separazzjoni tar-rwoli ta’ kap ta’ grupp u tal-persuna li jkollha r-responsabbiltà finanzjarja, li tħalli biss membru tal-grupp sponsorjat jew professjonist, bħall-aġenti tal-pagamenti jew l-aġenziji tal-ivvjaġġar, biex jerfa’ r-responsabbiltà finanzjarja;

59.

Ifakkar li l-Membri jistgħu joffru traineeship liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, dment li jiżguraw li t-trainees jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-viża tal-pajjiż tal-ħatra; jinnota li l-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi li jiġu l-Belġju għal traineeship fi Brussell li jdum għaddej aktar minn 90 jum, ikollhom japplikaw għal awtorizzazzjoni minn qabel mis-servizz pubbliku reġjonali kompetenti, jiġifieri mill-Brussels Economy and Employment; jinsab allarmat li s-servizz kompetenti tal-Parlament qabel ma’ dan tal-aħħar li l-uffiċċju tal-Membru rilevanti jressaq id-dossier tal-kandidat, li fil-prattika jfisser li APA mill-uffiċċju tal-Membru huwa meħtieġ jipprovdi d-data personali tiegħu stess lill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jaġixxi ta’ punt ta’ kuntatt għall-awtoritajiet pubbliċi fir-rigward tal-applikazzjoni għal viża tat-trainee minn pajjiż terz; ifakkar li l-Parlament ma jistax ipoġġi lill-APAs f’sitwazzjoni li tista’ tkun ta’ detriment għad-drittijiet tagħhom bħala persunal statutorju u jistieden lill-amministrazzjoni tal-Parlament issib soluzzjoni differenti li mhix se tipperikola l-privatezza u s-sigurtà legali tal-APAs jew tkun ta’ riskju għas-sigurtà tal-Parlament;

60.

Jistieden lill-amministrazzjoni tal-Parlament tiskeda korsijiet ta’ taħriġ għall-APAs skont l-ammont ta’ xogħol tagħhom, li jkun marbut direttament mal-kalendarju parlamentari u mal-preżenza ġenerali tal-Membri fil-Parlament, sabiex il-qadi ta’ dmirijiethom jiġi rrikonċiljat mat-taħriġ professjonali li huma intitolati għalih skont l-Artikolu 11 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tat-Titolu VII ta’ Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Impjegati Oħra tal-Unjoni Ewropea;

Apprendisti

61.

Jinnota l-programm ta’ reklutaġġ u ta’ żvilupp ta’ Schuman li ġie varat għall-ewwel darba mill-amministrazzjoni tal-Parlament matul il-perjodu ta’ traineeship ta’ Marzu 2021; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-amministrazzjoni tal-Parlament naqset milli tikkonsulta lill-Kumitat tal-Persunal dwar din l-inizjattiva fi stadju bikri u jinnota l-opinjoni negattiva espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Ottubru 2021, li tqajjem dubji dwar l-oġġettività u l-ekwità ta’ dan il-programm; jinsab konxju tad-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom l-amministrazzjoni tal-Parlament fir-reklutaġġ u ż-żamma tat-talent għall-istituzzjoni, b’mod partikolari l-professjonisti żgħażagħ; jinsisti fuq ir-reklutaġġ li huwa bbażat fuq il-prinċipji essenzjali tat-trasparenza, l-oġġettività u l-ekwità tas-servizz pubbliku tal-Unjoni; jisħaq li l-proċeduri ta’ reklutaġġ iridu jkunu bbażati fuq il-mertu, kompetittivi, ġusti u trasparenti, u jistieden lis-Segretarju Ġenerali jinvolvi kemm lill-Kumitat tal-Persunal kif ukoll lill-Kumitat tal-APAs f’reviżjoni ta’ dan il-programm biex jinstab ftehim dwar il-mudell li għandu jiġi segwit fil-futur;

62.

Jinnota li t-tnaqqis għat-trainees fil-canteens tal-Parlament, li jammonta għal EUR 1, huwa bbażat fuq skontijiet preċedenti li min-naħa tagħhom huma bbażati fuq il-kuntratti ffirmati u l-prezzijiet ta’ dak iż-żmien; jemmen li dan it-tnaqqis bħalissa huwa purament simboliku u insuffiċjenti u jistieden, għalhekk, lill-amministrazzjoni tal-Parlament tqis jistax jiddaħħal aġġornament awtomatiku abbażi tal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-ikel;

Trasparenza u etika

63.

Jisħaq li t-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont u l-integrità huma prinċipji etiċi essenzjali fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u b’mod partikolari l-Parlament bħala d-dar tad-demokrazija Ewropea; ifakkar li regoli etiċi dgħajfa u n-nuqqas ta’ infurzar tagħhom għandhom il-potenzjal li jikkompromettu l-integrità tal-istituzzjoni u li l-imġiba mhux etika trid tiġi prevenuta, ippersegwitata u kkundannata minħabba li tagħmel ħsara sinifikanti lill-kredibbiltà u l-leġittimità tal-Parlament u tal-Unjoni kollha kemm hi u tikkostitwixxi theddida serja għad-demokrazija u l-fiduċja tal-pubbliku; ifakkar fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar is-suspetti ta’ korruzzjoni mill-Qatar u l-ħtieġa usa’ ta’ trasparenza u obbligu ta’ rendikont fl-istituzzjonijiet Ewropej; ifakkar fil-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali 13/2019 tagħha dwar l-oqfsa etiċi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta’ Settembru 2021 dwar it-tisħiħ tat-trasparenza u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jappellaw għall-ħolqien ta’ korp tal-etika indipendenti u interistituzzjonali b’rwol preventiv, ta’ konformità u konsultattiv; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffinalizza u tippreżenta l-proposta tagħha li tistabbilixxi dak ir-rwol; ifakkar fil-ħtieġa li jitwaqqaf korp tal-Etika tal-Unjoni bħal dan sa tmiem il-mandat attwali;

64.

Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-fiduċja fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni billi jissaħħu t-trasparenza, l-etika u l-imġiba tajba fil-Parlament; jitlob li l-qafas etiku tal-Parlament jinbidel għalkollox billi jiġu integrati t-tagħlimiet meħuda, tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli ta’ kontroll attwali u tali regoli jiġu msaħħa biex jiġi żgurat li jkun hemm deterrenti aktar b’saħħithom biex jiġu indirizzati b’mod effettiv it-theddidiet u l-interferenzi attwali u futuri, kemm jekk jaffettwaw lill-Membri u kemm jekk lill-persunal; jisħaq li l-attivitajiet illegali ffinanzjati minn lobbjar imħallas jikkostitwixxu attakk profond fuq id-demokrazija u għandhom jintlaqgħu b’tolleranza żero u b’viġilanza mill-akbar; jappella, b’mod partikolari, għal reviżjoni tar-Regoli ta’ Proċedura u tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri, kif ukoll għall-aġġornament u r-riforma urġenti tal-Kumitat Konsultattiv attwali tal-Parlament Ewropew dwar il-Kondotta tal-Membri tal-Parlament bil-parteċipazzjoni ta’ esperti indipendenti, magħżula abbażi tal-kompetenza, l-esperjenza, l-indipendenza u l-kwalitajiet professjonali tagħhom, sabiex isir aktar viżibbli u prominenti, biex ir-rwol tiegħu jiġi konsolidat u biex is-setgħat tiegħu jissaħħu sabiex jiġi żgurat li l-Membri jaġixxu mingħajr ebda influwenza indebita mir-rappreżentanti tal-gruppi ta’ interess permezz tar-regolamentazzjoni stretta tal-attivitajiet imħallsa matul il-mandat, ir-rigali jew l-istediniet għall-ivvjaġġar, l-aspettattivi futuri ta’ impjieg, u tal-użu indebitu ta’ informazzjoni jew kuntatti; jirrakkomanda li l-Membri, l-APAs u l-membri tal-persunal jiġu mħarrġa fit-trasparenza u kontra l-korruzzjoni;

65.

Jenfasizza, f’dan ir-rigward,l il-ħtieġa ta’ regoli aktar stretti, trasparenza msaħħa, u monitoraġġ dwar l-introjtu sekondarju tal-Membri sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess; jitlob li jiġi rivedut il-Kodiċi ta’ Kondotta biex jitqies dan it-tħassib partikolari;

66.

Jenfasizza l-ksur reċenti tat-trasparenza u l-korruzzjoni b’rabta mal-NGOs Fight Impunity (Niġġieldu l-Impunità) u No Peace Without Justice (Mhemmx Paċi mingħajr Ġustizzja) u jiddispjaċih li s-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) organizza konferenza ta’ jumejn f’Ġunju 2022 flimkien ma’ dawk l-organizzazzjonijiet, minkejja l-fatt li ma kinux irreġistrati fir-Reġistru tat-Trasparenza;

67.

Ifakkar li skont ir-Regoli tal-Parlament dwar is-Seduti ta’ Smigħ Pubbliċi adottati mill-Bureau (3), ir-rappreżentanti tal-gruppi ta’ interess jistgħu jiġu mistiedna biss bħala kelliema waqt l-avvenimenti tal-Parlament, inklużi l-laqgħat tal-kumitati, jekk ikunu rreġistrati fir-Reġistru tat-Trasparenza u li s-segretarjat tal-kumitat jew il-korp governattiv tal-Parlament li jkunu qed jorganizzaw seduta ta’ smigħ ikunu responsabbli biex jiżguraw il-konformità ma’ dan l-obbligu; jitlob li jsiru kontrolli obbligatorji tat-trasparenza mill-amministrazzjoni u kontrolli korrispondenti mis-segretarjati tal-kumitati;

68.

Iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tistabbilixxi l-mezzi biex issaħħaħ ir-regoli u l-istrumenti interni għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess, bħas-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni (EDES) u l-Forum tal-Akkwisti Pubbliċi (PPF), b’mod partikolari fir-rigward tal-avvenimenti u l-istudji kkummissjonati mill-korpi tal-Parlament, u tagħmel ir-reġistrazzjoni fir-Reġistru tat-Trasparenza obbligatorja għall-entitajiet esterni li jipparteċipaw fi kwalunkwe forma;

69.

Jenfasizza li r-regoli ta’ aċċess għall-bini tal-Parlament għall-partijiet ikkonċernati jeħtieġ li jiġu riveduti; jirrakkomanda li jintużaw soluzzjonijiet diġitali biex jiġi integrat u traċċat in-numru ta’ identifikazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fir-Reġistru tat-Trasparenza fl-attivitajiet kollha tal-Parlament li jinvolvu entitajiet esterni, bħal li jintalab in-numru tar-reġistrazzjoni għall-akkreditazzjoni tal-viżitaturi u għall-organizzazzjoni tal-avvenimenti;

70.

Jinnota li l-kwalità tal-entrati fir-Reġistru tat-Trasparenza ttejbet matul dawn l-aħħar snin u jfaħħar ir-rwol tas-segretarjat konġunt f’dak it-titjib, minkejja r-riżorsi limitati; jiddispjaċih, madankollu, li l-kwalità ġenerali tal-entrati għadha mhix sodisfaċenti; jitlob li jiġu pprovduti r-riżorsi kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li r-regoli interni relatati mar-Reġistru tat-Trasparenza jiġu infurzati b’mod effettiv, inkluż, fejn xieraq, bl-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet adegwati; jitlob li r-Reġistru tat-Trasparenza li għandu jkun tassew obbligatorju jissaħħaħ u li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Reġistru tat-Trasparenza jitwessa’ biex jinkludi rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi;

71.

Ifakkar kemm hu importanti li tiġi żgurata u promossa fil-livell tal-Unjoni rappreżentanza trasparenti u etika tal-gruppi ta’ interess u li ġie stabbilit reġistru tat-trasparenza sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu miftuħa u trasparenti fid-djalogu tagħhom mar-rappreżentanti tal-gruppi ta’ interess u mas-soċjetà ċivili; ifakkar fl-obbligi tat-trasparenza li jirriżultaw fl-ambitu tal-Artikolu 11 tar-Regoli ta’ Proċedura u jistieden lill-Parlament jinkoraġġixxi b’mod attiv lill-Membri u lill-persunal biex ma jorganizzaw l-ebda laqgħa ma’ organizzazzjonijiet li mhumiex irreġistrati fir-Reġistru tat-Trasparenza u biex ma jipparteċipaw fl-ebda attività ta’ lobbying ma’ tali organizzazzjonijiet; ifakkar li l-informazzjoni u l-avviżi ta’ tfakkira dwar l-obbligu li l-laqgħat mar-rappreżentanti tal-gruppi ta’ interess jiġu ppubblikati għandhom jintbagħtu lill-Membri kollha f’intervalli regolari; jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament jirrevedi r-Regoli ta’ Proċedura biex l-obbligu li l-laqgħat mar-rappreżentanti tal-gruppi ta’ interess jiġu ppubblikati jiġi estiż għall-Membri kollha li jkunu qed jaħdmu fuq rapporti, opinjonijiet jew riżoluzzjonijiet; jilqa’ l-fatt li l-infrastruttura tal-Parlament biex il-Membri jkunu jistgħu jippubblikaw il-laqgħat skedati mar-rappreżentanti tal-gruppi ta’ interess ġiet aġġornata u issa hija marbuta kemm mar-Reġistru tat-Trasparenza kif ukoll mal-Osservatorju Leġiżlattiv; jistieden lis-servizzi tal-Parlament jespandu l-infrastruttura fuq is-sit web tal-Parlament biex jippermettu lill-APAs u lill-konsulenti tal-politika jippubblikaw b’mod volontarju l-laqgħat tagħhom mar-rappreżentanti tal-gruppi ta’ interess; jistieden lis-servizzi parlamentari joħolqu repożitorju online faċli għall-utent biex l-informazzjoni dwar il-laqgħat ta’ lobbying tkun tista’ tiġi ppubblikata f’format ta’ data miftuħa;

72.

Jistieden lill-amministrazzjoni tqis it-talbiet insistenti tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fir-rigward tat-trasparenza u l-etika f’konformità mal-pjan ta’ azzjoni “It-Tisħiħ tal-Integrità, l-Indipendenza u r-Responsabbiltà — L-Ewwel Passi”, approvat mill-Bureau fit-8 ta’ Frar 2023, u mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Parlament; jistieden lill-amministrazzjoni tal-Parlament biex tqis bl-istess mod l-osservazjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet futuri tal-Ombudsman fil-każ SI/1/2023/MIK dwar il-proċess ta’ riforma biex tkompli ttejjeb il-qafas tal-etika u tat-trasparenza tal-Parlament; iħeġġeġ lill-Parlament jimplimenta malajr it-talbiet kollha li saru fir-Riżoluzzjonijiet tal-Parlament inkluż it-tisħiħ tal-mekkaniżmi interni ta’ kontroll u monitoraġġ, kif ukoll l-allinjament tar-regoli interni dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta mal-istandards tad-direttiva tal-UE;

73.

Ifakkar b’mod partikolari fil-ħtieġa li jiġu implimentati mingħajr dewmien il-15-il miżura kollha biex titrażżan il-korruzzjoni u jissaħħu l-integrità, ir-responsabbiltà u t-trasparenza adottati fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar suspetti ta’ korruzzjoni mill-Qatar u l-ħtieġa usa’ ta’ trasparenza u responsabbiltà fl-istituzzjonijiet Ewropej, kif ukoll it-talbiet ċari li saru fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Frar 2023 dwar is-segwitu mogħti lill-miżuri mitluba mill-Parlament biex tissaħħaħ l-integrità tal-istituzzjonijiet Ewropej;

74.

Jinnota li l-linji gwida attwali rigward il-ftehim interistituzzjonali tal-2021 biex il-partijiet ikkonċernati jiġu rreġistrati mhumiex biżżejjed; jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir verifika minn qabel bir-reqqa fi ħdan ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tat-trasparenza biex jiġu żvelati s-sorsi kollha ta’ finanzjament; jinnota li l-finanzjament mill-fondi tal-Unjoni jrid ikun traċċabbli mir-riċevitur dirett sal-benefiċjarju finali meta l-fondi jiġu mgħoddija f’katina; jitlob li jiġu riveduti l-linji gwida għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tat-trasparenza biex jiġu żvelati l-fondi kollha li jidħlu u li joħorġu, inkluż it-trasferiment ta’ fondi minn NGO waħda u parti interessata waħda għall-oħra;

75.

Josserva li f’xi każijiet, il-ħidma tal-NGOs u ta’ partijiet ikkonċernati tintuża biex tiffinanzja attivitajiet illegali u biex tinfluwenza t-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Parlament f’isem partijiet terzi; jirrimarka li tali każijiet ġew identifikati minħabba l-miżuri ta’ kontroll u sigurtà fis-seħħ, għalkemm m’hemm l-ebda skop sinifikanti għal titjib;

76.

Itenni li l-aċċess tar-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-programmi ta’ finanzjament tagħhom irid jiġi vverifikat minn qabel u ċċekkjat għall-inklużjoni possibbli fis-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni (EDES);

77.

Jitlob projbizzjoni fuq gruppi ta’ ħbiberija ma’ pajjiżi terzi meta tkun diġà teżisti delegazzjoni uffiċjali tal-Parlament; ifakkar li r-Regola 35 tar-Regoli ta’ Proċedura jrid jiġi rrispettat sabiex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni mal-attivitajiet uffiċjali tal-Parlament ma’ pajjiżi terzi; jirrakkomanda li l-Parlament jippermetti, fuq bażi ta’ kull każ għalih, gruppi ta’ ħbiberija għall-attivitajiet relatati ma’ ċerti sottoreġjuni, jew xi minoranzi lokali ppersegwitati li għalihom ma teżistix delegazzjoni uffiċjali;

78.

Jinnota li l-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kondotta tal-Membri tal-Parlament investiga żewġ każijiet ta’ allegat ksur tal-Kodiċi ta’ Kondotta fl-2021, u f’wieħed minnhom il-President iddeċieda li jimponi penali fil-forma ta’ twissija fuq il-Membri kkonċernati f’Lulju 2021; jinnota li l-amministrazzjoni tal-Parlament ivverifikat każ wieħed ta’ kunflitt ta’ interess possibbli fl-ambitu tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew minħabba r-reklutaġġ ta’ qarib tal-familja identifikat fl-2021, li min-naħa tiegħu eventwalment wassal għall-bidu fl-2022 ta’ proċedura ta’ rkupru tan-nefqa fuq l-assistenza parlamentari użata ħażin;

79.

Jirrimarka li minkejja l-fatt li f’dawn l-aħħar ħdax-il sena ġew irreġistrati mill-anqas 25 każ ta’ ksur tal-Kodiċi ta’ Kondotta mill-Membri, il-Presidenti tal-Parlament qatt ma imponew sanzjoni finanzjarja fuq xi Membru; jistieden lill-President tikkunsidra li timponi sanzjonijiet finanzjarji meta jkun ġie ppruvat li l-Membri jkunu kisru l-Kodiċi ta’ Kondotta biex tiżgura li s-sanzjonijiet fil-fatt ikollhom effett deterrenti;

80.

Jinnota li fl-2021 l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) investiga 18-il każ u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) investiga tliet każijiet li kienu jinvolvu lill-Parlament dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet finanzjarji u soċjali tal-Membri u l-finanzjament ta’ strutturi politiċi; jinnota li, minn 18-il investigazzjoni tal-OLAF, erbgħa wasslu għal rapport b’rakkomandazzjonijiet finanzjarji, wieħed wassal għal rapport finali b’rakkomandazzjonijiet dixxiplinari, ħamsa wasslu għal deċiżjoni li jiġi miċħud il-każ, u tmienja għadhom għaddejjin fl-2022; jinnota wkoll li l-OLAF investiga ħames każijiet li jinvolvu l-persunal tal-Parlament, li minnhom tnejn ingħalqu fl-2021 mingħajr ebda rakkomandazzjoni u tlieta ma ġewx konklużi; jinnota li l-ebda waħda mill-investigazzjonijiet tal-UPPE ma ġiet konkluża fl-2021; jistaqsi lill-amministrazzjoni jekk ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-OLAF ġewx implimentati bis-sħiħ u jekk l-ammonti f’riskju ġewx irkuprati (b’mod partikolari l-EUR 1 837 000 li nstabu li tħallsu b’mod irregolari), u jitlobha wkoll tipprovdi sommarju, mingħajr ebda data sensittiva, tat-tipoloġija tal-każijiet investigati sabiex ikunu jistgħu jinsiltu konklużjonijiet u jsir titjib;

81.

Jinnota l-fatt li l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), bħalissa, fl-ebda ċirkostanza ma għandu aċċess għall-uffiċċji, il-kompjuters u l-kontijiet tal-posta elettronika tal-Membri, anke meta jkun qed jinvestiga każijiet marbuta mal-Membri abbażi ta’ suspett sostanzjat; jissottolinja l-ħtieġa li jkun hemm proċedura adegwata għall-għoti ta’ aċċess lill-OLAF f’każijiet ta’ suspetti sostanzjati kontra Membri individwali; jistieden lill-Bureau jistabbilixxi tali proċedura kif ukoll jirrikonoxxi u jiżgura l-kompetenza tal-OLAF billi jinvestiga ksur possibbli tal-Kodiċi ta’ Kondotta mill-Membri;

82.

Itenni li l-Artikolu 4 tal-Kodiċi ta’ Kondotta jipprevedi li d-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-Membri għandhom jiġu pprovduti b’mod dettaljat sabiex ikun jista’ jinstab kwalunkwe kunflitt ta’ interess potenzjali mal-attività parlamentari; jiddispjaċih li, madankollu, ħafna dikjarazzjonijiet jinkludu biss deskrizzjonijiet tal-impjieg vagi jew ġeneriċi u, għalhekk, itenni l-istedina tiegħu lill-Bureau biex jirrevedi l-format tad-dikjarazzjonijiet biex jirrikjedi aktar dettall; jitlob lill-President tagħti struzzjonijiet lis-servizzi biex sistematikament iwettqu kontrolli bir-reqqa tad-dikjarazzjonijiet;

83.

Jinnota li, mill-459 Membru tat-8 leġiżlatura li ma reġgħux ġew eletti fl-2019, il-Parlament irċieva notifika waħda biss ta’ impjieg wara l-mandat; jinnota li, fl-2021, mill-203 uffiċjali li telqu mis-servizz, 54 talbu permess għal attività wara li telqu mis-servizz; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Bureau (4) li jistabbilixxi regoli aktar b’saħħithom biex jirregola r-revolving doors għall-eks Membri u l-uffiċjali, billi jintroduċi perjodu ta’ preklużjoni għall-eks Membri li ma għandhomx jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ lobbying jew ta’ rappreżentanza mal-Parlament, għal perjodu ta’ sitt xhur wara t-tmiem tal-mandat tagħhom; jilqa’ wkoll id-deċiżjoni li jiġu ċċarati r-regoli dwar l-aċċess għall-bini tal-Parlament, is-sostituzzjoni tal-badges ta’ aċċess permanenti tal-eks Membri b’dawk ta’ aċċess ta’ kuljum, u l-iżgurar li l-eks Membri u l-persunal tal-Parlament li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ lobbying jiġu identifikati b’badge speċifika; jistieden lill-Parlament jiżgura li dawn ir-regoli l-ġodda jkunu effettivi, immonitorjati mill-qrib u infurzati; jemmen li m’għandha titħallas l-ebda Allowance għall-Ispejjeż Ġenerali lil ex Membri u jappella għalhekk li jitħassar l-Artikolu 42(4) tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri;

84.

Iqis li l-votazzjonijiet b’sejħa tal-ismijiet (RCV) huma strument ewlieni għat-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni; jitlob li jiddaħlu votazzjonijiet b’RCV awtomatiċi għal kwalunkwe votazzjoni finali ħlief għall-votazzjonijiet sigrieti, u li jiżdied l-għadd ta’ votazzjonijiet b’RCV li grupp politiku jkollu l-possibbiltà li jitlob għal kull sessjoni parzjali fl-Artikolu 190(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, jew li l-fajls leġiżlattivi jiġu eżentati minn dik il-limitazzjoni;

85.

Jinnota l-proġett li għaddej biex ir-rekords tal-votazzjoni fil-plenarja jsiru disponibbli fi spazju ddedikat li fih l-utenti jkollhom aċċess għal dokumenti ċari u faċli għall-qarrej u jemmen li l-Parlament għandu jagħmel aktar u joħloq sit web koerenti li jgħaqqad l-għadd kollu ta’ siti web interkonnessi relatati mal-ħidma leġiżlattiva, jiġifieri l-Osservatorju Leġiżlattiv, il-profili tal-Membri, is-sit web tal-plenarja, eċċ. minħabba raġunijiet ta’ trasparenza u skrutinju pubbliku; jistieden lis-servizzi tal-Parlament jagħmlu disponibbli l-emendi kollha u r-rekords kollha tal-votazzjonijiet b’RCV fil-livell tal-kumitat u jinkluduhom fit-tqassim il-ġdid;

86.

Jinnota li l-Ombudsman indirizza 16-il każ li kkonċernaw lill-Parlament fl-2021, li minnhom saru u ġew applikati żewġ rakkomandazzjonijiet rispettivament mill-Awtorità, li ntalbet iżżid it-trasparenza fuq is-sit web tagħha, u l-amministrazzjoni tal-Parlament, li ntalbet tinforma aħjar lill-applikanti għal traineeships dwar il-possibbiltà li tintalab assistenza speċjali;

87.

Jistieden lill-Bureau jirrevedi l-Kodiċi ta’ Kondotta billi jinkludi restrizzjonijiet fuq il-Membri li jimpjegaw mhux biss membri tal-familja diretti, iżda wkoll indiretti;

Fastidju u żvelar ta’ informazzjoni protetta

88.

Jinnota li fl-2021 ingħata bidu għal sitt każijiet ta’ fastidju kontra Membri u li erba’ każijiet kienu pendenti mill-2020; jinnota li ma nstab l-ebda fastidju fl-erba’ każijiet magħluqa fl-2021; jinnota li fl-2021 kien hemm ilment wieħed ġdid ta’ fastidju li kien ġej minn membru tal-persunal u jinnota li kien hemm każ wieħed li għadu għaddej u tliet każijiet magħluqa; jiddispjaċih li l-investigazzjoni ta’ wħud mill-każijiet ta’ fastidju estendew għal aktar minn sena, u dan ikkawża ħsara bla bżonn lill-Membri, lill-persunal u lill-APAs); ifakkar lill-amministrazzjoni tal-Parlament li għandha responsabbiltà legali li tinvestiga każijiet miġjuba quddiemha bir-rigorożità, il-ħeffa u d-diskrezzjoni dovuti; jistieden lill-Bureau jippreskrivi limiti ta’ żmien biex jindirizza lmenti ta’ fastidju;

89.

Jisħaq li l-Kodiċi ta’ Mġiba Xierqa għall-Membri tal-Parlament Ewropew jistipula li, fl-eżerċizzju tal-mandat tagħhom, il-Membri jaġixxu fil-konfront ta’ kull min jaħdem fil-Parlament Ewropew b’dinjità, korteżija u rispett u mingħajr preġudizzju jew diskriminazzjoni; jilqa’ l-politika ta’ tolleranza żero tal-Parlament dwar il-fastidju u l-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni mwettqa; jinsab imħasseb, madankollu, li fit-28 ta’ Ottubru 2022, 245 Membru biss li kienu qed jattendu (36,3 %) kienu lestew it-taħriġ dwar ir-rispett u d-dinjità fuq il-post tax-xogħol; ifakkar li l-Parlament talab f’diversi okkażjonijiet l-implimentazzjoni ta’ korsijiet ta’ taħriġ obbligatorji kontra l-fastidju għall-Membri kollha u jissuġġerixxi li dan jiġi estiż għall-persunal, inklużi persuni fi rwoli maniġerjali fid-direttorati ġenerali u l-gruppi politiċi differenti; jilqa’ d-dibattitu ta’ orjentazzjoni dwar il-politiki kontra l-fastidju li sar waqt il-laqgħa tal-Bureau tal-21 ta’ Novembru 2022 u jitlob li l-Bureau jesprimi pożizzjoni finali dwar is-suġġett; jisħaq fuq l-importanza ta’ intervent bikri, flimkien ma’ azzjonijiet ta’ taħriġ u ta’ sensibilizzazzjoni u jinnota l-inizjattiva meħuda mill-amministrazzjoni biex tistabbilixxi medjaturi interni bħala pass lejn riżoluzzjoni bikrija tal-kunflitti, li għandhom jinkludu l-għoti ta’ informazzjoni liż-żewġ partijiet dwar id-drittijiet tagħhom;

90.

Jinnota li l-“kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fuq il-post tax-xogħol” huwa magħmul minn tliet membri maħtura mill-Awtorità tal-Ħatra (inkluż il-president), żewġ membri tal-Kumitat tal-Persunal u konsulent espert wieħed mis-servizz mediku; jinnota li l-“Kumitat konsultattiv li jittratta lmenti ta’ fastidju li jikkonċernaw il-Membri” huwa magħmul minn tliet Kwesturi (inkluż il-president), il-president tal-ewwel kumitat, żewġ membri tal-kumitat APA, membru wieħed tal-kumitat tal-persunal (unikament għal każijiet li jikkonċernaw membru tal-persunal), u żewġ konsulenti esperti, jiġifieri mis-servizz legali u dak mediku rispettivament; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ esperti indipendenti dwar kwistjonijiet ta’ fastidju fiż-żewġ kumitati, kif ukoll in-nuqqas tas-servizz legali fl-ewwel każ; ifakkar li l-president tal-kumitat imsemmi l-aħħar għandu l-vot deċiżiv u jinsab imħasseb dwar il-fatt li wieħed ikun Membru jista’ jwassal għal kunflitti ta’ interess; jistieden lill-Bureau jirrieżamina l-kompożizzjoni taż-żewġ kumitati konsultattivi sabiex jinkludu l-għarfien espert indipendenti pertinenti, jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess u jiġi stipulat taħriġ obbligatorju dwar il-prevenzjoni tal-fastidju u l-opportunitajiet indaqs għall-membri kollha tagħhom; jirrakkomanda rieżami sħiħ tal-funzjonament tal-kumitati konsultattivi bl-assistenza ta’ speċjalisti dwar il-prevenzjoni tal-fastidju magħżula għall-kompetenza, l-esperjenza, l-indipendenza u l-kwalitajiet professjonali tagħhom, sabiex il-Parlament ikun mgħammar b’regoli ta’ proċedura ċari, effettivi u robusti filwaqt li jiġu żgurati żmien ta’ rispons adegwati u s-salvagwardji proċedurali meħtieġa, informazzjoni, konsulenza u miżuri ta’ protezzjoni għall-partijiet kollha kif xieraq;

91.

Jinnota li kien hemm każ wieħed ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta fl-2021 u li l-informatur kien ikkuntattja lill-OLAF qabel ma indirizza l-punt ta’ kuntatt; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jiċċara d-data kontradittorja pprovduta dwar l-għadd ta’ każijiet ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta rrappurtati fl-2021 u fl-2022 rispettivament; ifakkar lill-amministrazzjoni dwar id-dmir tagħha li tirrapporta minnufih każijiet allegati ta’ frodi lill-OLAF; jinnota li l-amministrazzjoni tal-Parlament irċeviet għadd ta’ allegazzjonijiet anonimi ta’ frodi u ta’ mġiba ħażina li ġew segwiti kollha kemm internament kif ukoll mill-OLAF, u jistieden lill-amministrazzjoni tal-Parlament tipprovdi sommarju tan-natura tal-każijiet possibli miftuħa u tal-miżuri meħuda mill-amministrazzjoni;

92.

Ifakkar li l-Parlament għandu punt ta’ kuntatt għall-informaturi fi ħdan il-kabinett tas-Segretarju Ġenerali li jistgħu jiġu rrapportati lilu irregolaritajiet u li jipprovdi pariri u jiffaċilita l-applikazzjoni tal-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni rilevanti; jistieden lill-amministrazzjoni tniedi b’urġenza kampanja ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-eżistenza ta’ dan il-punt ta’ kuntatt; jistieden lill-Bureau jirrikjedi verifiki u taħriġ rilevanti għall-punti ta’ kuntatt għall-informaturi;

93.

Itenni li l-APAs huma f’pożizzjoni partikolarment vulnerabbli meta wieħed jiġi għar-rappurtar ta’ frodi u t-talba ta’ protezzjoni tal-informatur minħabba s-sitwazzjoni partikolari ta’ impjieg tal-persuna; jistieden, għalhekk, lis-Segretarju Ġenerali jadatta bis-sħiħ ir-regoli interni dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta adottati fl-4 ta’ Diċembru 2015 u li jinsabu fir-Regolamenti tal-Persunal biex jallinjahom mad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), kif ukoll jipprovdi lill-APAs u lill-persunal bi protezzjoni msaħħa, inkluż billi jistabbilixxi kanali siguri għar-rapportar, fuq l-istess linji tal-vittmi ta’ fastidju, b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri proviżorji matul l-investigazzjoni amministrattiva, il-miżuri ta’ protezzjoni xierqa l-oħra kollha u l-assistenza biex tittieħed azzjoni legali għad-danni mġarrba; jitlob lill-Parlament joħloq sensibilizzazzjoni, fejn possibbli, fost il-persunal parlamentari dwar il-protezzjonijiet tal-informaturi disponibbli għalihom; jappella wkoll għal taħriġ obbligatorju dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta għall-Membri tal-PE u għal kwalunkwe superjur, kemm fi ħdan l-amministrazzjoni kif ukoll fi ħdan il-gruppi politiċi, li jirċievi rapporti potenzjali ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta (6);

Komunikazzjoni u kooperazzjoni interistituzzjonali

Komunikazzjoni

94.

Jenfasizza l-importanza tal-istrateġija ta’ komunikazzjoni tiegħu biex jagħmel djalogu maċ-ċittadini tal-Unjoni permezz ta’ serje varjata ta’ proġetti u attivitajiet b’diversi kanali minkejja l-isfidi ffaċċjati fl-2021; jinnota tkabbir medju fir-rata ta’ impenn ta’ 69 % fuq il-kanali tal-media soċjali tal-Parlament bejn l-2020 u l-2021 u tkabbir medju ta’ 11 % fl-għadd ta’ segwaċi fl-2021; jinnota li, wara deċiżjoni tal-President f’Ġunju 2021, il-faċilitajiet tal-viżitaturi reġgħu nfetħu parzjalment u setgħu jilqgħu total ta’ 337 984 viżitatur sa tmiem is-sena u impenji baġitarji ta’ EUR 15 982 020 għall-2021; jinnota li x-xogħlijiet taċ-Ċentru tal-Viżitaturi Zweig komplew kif ippjanat fl-2021 u ġie inawgurat f’Novembru 2022, u f’dan ir-rigward jitlob li jiġi kkunsidrat l-ammont ta’ ħin li l-gruppi ta’ viżitaturi jinvestu fiċ-ċaqliq mill-bini Zweig għall-bini Spaak, inklużi kontrolli ta’ sigurtà u identifikazzjoni, li jistgħu jnaqqsu l-għadd ta’ gruppi li jistgħu jiġu riċevuti fuq bażi ta’ kuljum; jinnota li Dar l-Istorja Ewropea, il-Parlamentarium u l-Europa Experiences baqgħu magħluqa jew operaw b’kapaċità mnaqqsa għal partijiet mill-2021; jilqa’ l-fatt li l-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ fl-aħħar seta’ jsir fl-2021 f’format ibridu u li kellu suċċess bil-parteċipazzjoni ta’ 10 000 żagħżugħ u żagħżugħa, għalkemm jiddispjaċih għal ċertu nuqqas ta’ tħejjija għall-kontrolli tas-sigurtà li dewmu l-aċċess għall-bini tal-Parlament; jinnota l-ewwel edizzjonijiet tal-LUX — Premju tal-udjenza, b’6 000 votant, u l-Premju Daphne Caruana Galizia għall-ġurnaliżmu, li attira aktar minn 200 applikazzjoni minn madwar l-Unjoni;

95.

Jinnota li erba’ uffiċċji ta’ kollegament tal-Parlament Ewropew (EPLOs) f’Madrid, Ruma, Bratislava u Zagreb kienu mgħammra b’faċilitajiet ta’ VoxBox fl-2021 bħala parti minn proġett pilota u li huwa ppjanat li jiġi installat tagħmir awdjoviżiv ħafif u faċli għall-utent f’14 mill-24 EPLOs magħżula sal-aħħar ta’ Ġunju 2022; ifakkar li l-Parlament aġġorna wkoll il-faċilitajiet awdjoviżivi fl-EPLOs fil-kuntest ta’ sessjonijiet plenarji mill-bogħod; jistenna reviżjoni tal-istrateġija ta’ komunikazzjoni tal-EPLOs sabiex l-investiment li jsir verament jgħin biex jintlaħqu ċ-ċittadini tal-Unjoni u jistieden lill-EPLOs jipprovdu avviż f’waqtu lill-Membri tal-kostitwenzi tagħhom tal-kalendarju tal-attivitajiet sabiex jiżguraw koordinazzjoni u preżenza aħjar tal-Membri;

96.

Jissottolinja li l-ammont ta’ xogħol fl-EPLOs jidher li żied b’mod drammatiku billi żdiedu kompiti permanenti ġodda, u jappella lill-Parlament biex jiżgura li l-EPLOs ikollhom biżżejjed riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji biex iwettqu l-missjonijiet tagħhom;

97.

Jinnota li, f’Mejju 2018, il-Bureau approva aġġornament tal-Punt ta’ Informazzjoni preċedenti fi Brussell u li ċ-Ċentru ta’ Informazzjoni l-ġdid għandu l-għan li jattira lill-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili, lill-multiplikaturi, lis-sħab u lill-gruppi ta’ interess speċjalizzati; jinnota li ċ-Ċentru ta’ Informazzjoni kellu kost totali ta’ madwar EUR 8 400 000 li jinkludi madwar EUR 6,6 miljun għal xogħlijiet ta’ rinnovament u EUR 1,8 miljun għal attivitajiet ta’ komunikazzjoni, u li laqa’ 20 000 viżitatur minn meta fetaħ il-bibien tiegħu f’nofs Lulju 2022; jiddispjaċih, madankollu, għall-fatt li l-Membri mhumiex konxji ta’ dawk il-faċilitajiet u jappella għal kampanja ta’ informazzjoni aħjar biex dawn jirreklamaw l-attivitajiet u l-użi possibbli tagħhom;

98.

Jilqa’ l-programm ambizzjuż “Europa Experience” li għandu l-għan li jġib lill-Unjoni qrib iċ-ċittadini tagħha; jilqa’ l-fatt li l-għadd globali ta’ viżitaturi fiċ-ċentri ta’ Europa Experience żdied bi ftit minn 124 352 fl-2020 għal 135 835 fl-2021, minkejja l-isfidi li rriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19; jinnota bl-istess mod li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fl-2020 u fl-2021 ipprovokaw dewmien fil-proċeduri tal-kuntratti tal-bini (jiġifieri f’Dublin, fi Praga, f’Madrid, f’Bucharest, f’Liżbona, fi Bratislava, f’Riga u f’Vilnius) mingħajr impatt negattiv fuq il-pagamenti tal-kera peress li dawn jiġu skattati mit-tlestija tax-xogħol tal-adattament; jinnota li fl-2021 kien hemm sitt faċilitajiet ta’ viżitaturi deċentralizzati operazzjonali (Berlin, Copenhagen, Helsinki, Ljubljana, Tallinn u l-Parlamentarium Simone Veil fi Strażburgu); barra minn hekk, id-Direttorat għall-Komunikazzjoni tal-Parlament nieda l-implimentazzjoni ta’ ħames wirjiet ġodda fuq skala kbira (Pariġi, Ruma, Stokkolma, Praga u Varsavja), u temm id-disinn ta’ tliet proġetti ġodda oħra (Vjenna, Dublin u l-Lussemburgu) filwaqt li d-DĠ INLO mexxa serje ta’ studji ta’ fattibbiltà f’seba’ bliet kapitali oħra; jinnota li l-maġġoranza tal-faċilitajiet tal-Europa Experience se jkunu miftuħa għall-pubbliku fl-2024 iżda jifhem id-dipendenza ta’ dan il-proġett mill-prospetti f’suq tal-proprjetà immobbli li qed jinbidel malajr;

99.

Jinnota li l-kunċerti tal-mużika klassika matul l-ikla ta’ nofsinhar fil-Ġnien taċ-Ċittadini kienu maħsuba biex jappoġġjaw lill-mużiċisti klassiċi matul il-kriżi tal-COVID-19 u biex juru l-valur li l-Parlament jagħti lill-wirt mużikali Ewropew; jinnota li fl-2021 saru 40 kunċert b’4 106 persuni li għalihom attendew, b’baġit ta’ EUR 51 925; jappoġġja bis-sħiħ din l-inizjattiva matul il-pandemija straordinarja tal-COVID-19 fl-2020 u l-2021, iżda jqiegħed f’dubju l-użu ta’ flus tal-kontribwenti mill-Parlament biex jirrinnova l-Ġnien u d-dar taċ-Ċittadini, spazju pubbliku li jappartjeni lill-Istat Belġjan;

Multilingwiżmu

100.

Ifakkar li l-Unjoni, u għalhekk il-Parlament ukoll, hija legalment impenjata li tipprovdi informazzjoni u komunikazzjoni aċċessibbli skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità; jistieden, għalhekk, lill-amministrazzjoni tal-Parlament tiżviluppa inizjattivi speċifiċi biex tiżgura aktar aċċessibbiltà u aċċessibbiltà aħjar għad-dokumenti u d-dibattiti tiegħu, b’enfasi partikolari fuq id-dibattitu dwar l-Istat tal-Unjoni, kif ukoll id-dibattiti plenarji “Din hija l-Ewropa”, filwaqt li tibni fuq eżempji bħall-interpretazzjoni fis-Sinjal Internazzjonali tal-qari ta’ kull ġimgħa tal-kulleġġ tal-Kummissjoni; itenni t-talba li ilu jagħmel lis-Segretarju Ġenerali biex janalizza l-fattibbiltà tal-interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali internazzjonali għad-dibattiti plenarji kollha u biex jimplimenta din it-talba mingħajr dewmien; jemmen, barra minn hekk, li t-trażmissjoni mill-ġdid tas-sessjonijiet plenarji fil-lingwi tas-sinjali użati f’kull Stat Membru żżid il-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità fil-proċess demokratiku tal-Unjoni; jinnota li d-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni qed jiżviluppa għodda li tista’ awtomatikament tittraskrivi u tittraduċi d-dibattiti multilingwi parlamentari f’ħin reali, sabiex iċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess ugwali għall-informazzjoni fil-lingwa tagħhom; jitlob aġġornament dwar il-proġett u analiżi dwar l-implimentazzjoni u l-kost totali tiegħu;

Kooperazzjoni internazzjonali

101.

Jinnota li l-preżenza tal-uffiċjali tal-Parlament fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni jew f’korpi oħra għandha l-għan li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet interparlamentari mal-organizzazzjonijiet internazzjonali; itenni, madankollu, it-tħassib rigward id-deċiżjoni tal-Bureau tal-11 ta’ Frar 2019 dwar l-appoġġ parlamentari lill-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ASEAN f’Jakarta, id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Unjoni Afrikana f’Addis Ababa u d-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għan-Nazzjonijiet Uniti fi New York; jinnota li l-ebda persunal ma ġie stazzjonat fl-2020, filwaqt li żewġ uffiċjali ġew issekondati fi New York u wieħed f’Addis Ababa fl-2022; ifakkar lill-amministrazzjoni tal-Parlament dwar l-impenn tagħha li tistabbilixxi indikaturi li jistgħu jitkejlu biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni annwali tagħhom; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-amministrazzjoni tal-Parlament stabbiliet unità responsabbli mir-relazzjonijiet mal-ASEAN u pproponiet l-istazzjonament tal-biċċa l-kbira tal-persunal tiegħu f’Jakarta, filwaqt li għaż-żewġ destinazzjonijiet l-oħra l-amministrazzjoni sempliċement għażlet membri anzjani tal-persunal; itenni l-appell tiegħu għal proċessi ta’ ħatra trasparenti tal-persunal involut u biex il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament jinżamm infurmat;

102.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li fl-2021 tmien Membri ddeċidew, fuq inizjattiva tagħhom stess, li josservaw l-elezzjonijiet f’pajjiżi terzi fejn il-Parlament kien iddeċieda li ma jibgħatx delegazzjoni ta’ osservazzjoni elettorali jew fejn ma kienx ġie mistieden; jinnota li fit-tmien każijiet kollha l-Membri kienu qed jiksru d-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u li la setgħu jintgħażlu u lanqas ma ntgħażlu biex jipparteċipaw f’delegazzjoni uffiċjali ta’ Osservazzjoni Elettorali sal-aħħar tal-2021; jitlob li l-Membri involuti f’missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali mhux uffiċjali jiġu sanzjonati għat-tul tal-mandat;

Diġitalizzazzjoni u ċibersigurtà

103.

Jilqa’ l-fatt li l-Portal tal-Firma Diġitali (DiSP) jippermetti lill-Membri jiffirmaw id-dokumenti b’mod diġitali, u li dan itejjeb l-effiċjenza, it-traċċabbiltà u t-trasparenza tal-proċeduri, u jiddispjaċih għall-fatt li, b’kuntrast mad-DiSP, l-iffirmar tal-emendi tal-plenarja bl-id u l-fatt li jintbagħtu fil-forma skennjata għadhom proċedura skaduta u oneruża; jistieden lill-Bureau jieħu l-passi meħtieġa biex jintroduċi l-possibbiltà li l-Membri jiffirmaw l-emendi tal-plenarja b’mod diġitali fil-futur; jappella għall-estensjoni tad-DiSP għad-dokumenti ffirmati kollha;

104.

Jinnota d-deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2021 li jiġi sospiż l-HERMES, software għall-ġestjoni u l-arkivjar tad-dokumenti, minħabba serje ta’ nuqqasijiet, l-aktar il-fatt li kien impossibbli li jiġi adattat għall-flussi tax-xogħol tal-Parlament u kwistjonijiet tekniċi ewlenin oħra; jinnota li l-partijiet back-end u front-end tas-sistema HERMES sal-lum kellhom kost estern ta’ EUR 7 500 000 u kost intern ta’ EUR 1 700 000 li ammonta għal total ta’ madwar EUR 9 200 000 rapportati bħala assi taħt kostruzzjoni; jinnota li l-parti back-end tas-sistema HERMES għadha tintuża bħala sistema għall-ġestjoni tad-dokumenti u tar-rekords, kif ukoll għal applikazzjonijiet oħra;

105.

Jinnota li, fl-2021, il-kost ġenerali tas-soluzzjonijiet tekniċi biex ikunu jistgħu jsiru sessjonijiet ta’ votazzjoni mill-bogħod ammonta għal EUR 1 275 500, inkluża estensjoni tal-applikazzjonijiet għall-plenarja (EUR 120 000), l-iżvilupp tal-applikazzjoni EPvote (EUR 233 500), l-appoġġ tal-IT lill-Membri (EUR 529 200), biex tintuża s-sistema tal-votazzjoni elettronika (EUR 250 000) u servizzi ad hoc biex jippermettu l-parteċipazzjoni tal-Membri mill-EPLOs (EUR 142 800); jieħu nota tal-importanza tas-sistemi tal-IT kollha li jiżguraw il-funzjonament mill-bogħod xieraq tal-Parlament; jirrimarka, madankollu, li l-innovazzjonijiet kollha implimentati se jirrikjedu investiment għall-manutenzjoni tagħhom fid-dawl tal-użi futuri;

106.

Jinnota li, ta’ spiss, il-Virtual Desktop Infrastructure (VDI) tal-Parlament ma tkunx disponibbli fis-sigħat intensivi tal-login filgħodu; jistieden lis-servizzi jiżguraw li l-VDI jkollha biżżejjed kapaċità biex tippermetti login ħafif anke fis-sigħat l-aktar intensivi;

107.

Jilqa’ l-investiment tal-Parlament fit-tisħiħ taċ-ċibersigurtà tiegħu, li jinkludi l-ħolqien ta’ Direttorat dedikat fid-DĠ ITEC u żieda sinifikanti fir-riżorsi relatati li jkollhom l-għan li jżidu l-protezzjoni tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-Parlament fid-dawl ta’ theddid dejjem akbar u attakki ta’ ransomware; iħeġġeġ lill-Parlament ikompli bl-isforzi tiegħu u jżid l-investimenti tiegħu fiċ-ċibersigurtà; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu żgurati r-reklutaġġ u ż-żamma ta’ persunal bi kwalifiki għoljin f’dan is-settur strateġiku ħafna; jissuġġerixxi li jiġi offrut taħriġ relatat maċ-ċibersigurtà aġġornat regolarment għall-persunal kollu tal-Parlament; jilqa’ l-espansjoni tal-firxa ta’ servizzi diġitali pprovduti permezz tal-e-Portal, li twassal għal żieda ta’ 67 % fl-għadd ta’ tranżazzjonijiet, li hija żieda sinifikanti meta mqabbla mal-2020, u għall-kisba ta’ rata ta’ użu ta’ 85 % tal-e-Portal mill-Membri għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza tagħhom; ifaħħar il-miżuri speċifiċi meħuda biex jiġu ffaċilitati l-proċeduri amministrattivi u titnaqqas il-burokrazija fir-rigward tas-servizzi għall-Membri, inkluża d-diġitalizzazzjoni akbar tal-e-Portal;

108.

Jinnota li r-riorganizzazzjoni tad-DĠ SAFE pprevediet il-ħolqien tad-Direttorat il-ġdid għat-Teknoloġija tas-Sigurtà u l-Informazzjoni li għandu l-għan li jiżgura l-protezzjoni tal-kategoriji kollha ta’ informazzjoni ttrattati mill-Parlament; josserva li meta nħolqot l-unità speċifika responsabbli għall-inġinerija tas-sigurtà, il-pożizzjoni ta’ kap ta’ unità ma kinitx tidher bħala tali fl-organigramma tal-Parlament; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jirrimedja din is-sitwazzjoni fil-pront sabiex jipprovdi lid-direttorat ewlieni l-ġdid bir-riżorsi meħtieġa ħalli jwettaq ir-responsabbiltajiet tiegħu;

Politika tal-bini, loġistika u sigurtà

Politika tal-bini

109.

Jinnota li huwa intenzjonat li “l-Istrateġija dwar il-Bini tal-Parlament lil hinn mill-2019” tipprovdi qafas għal deċiżjonijiet futuri u tikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni tal-portafoll tal-proprjetà immobbli tal-Parlament filwaqt li tadatta l-faċilitajiet għall-evoluzzjoni tax-xejriet tal-laqgħat, tkun fil-livell lokali u eqreb lejn iċ-ċittadini permezz tal-faċilitajiet tal-Europa Experience, ittejjeb is-sigurtà għall-bini tal-Parlament, u tikseb l-interkonnessjoni tal-binjiet ċentrali; jinnota li l-amministrazzjoni tal-Parlament bħalissa qed taħdem fuq approċċ komprensiv biex tiddefinixxi l-politika tal-bini fit-tul tal-Parlament filwaqt li tqis l-impatt tal-kriżi tal-enerġija, il-prezz tal-materja prima li qed jogħla, l-obbligi ambjentali u l-metodi ta’ ħidma ġodda introdotti fil-Parlament; jistieden lill-amministrazzjoni tal-Parlament tirrifletti fuq il-ħtieġa li fil-futur jinkiseb jew jinbnew binjiet ġodda; jinnota l-adozzjoni fit-8 ta’ Marzu 2021 ta’ strateġija integrata għall-ġestjoni tal-faċilitajiet li tiffoka fuq il-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-portafoll tal-bini tal-Parlament;

110.

Jesprimi tħassib dwar il-problemi strutturali fil-binja Trèves I; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li l-binja tiġi mmodernizzata biex tilħaq in-normi enerġetiċi u ambjentali l-aktar reċenti; jissottolinja l-ħtieġa ta’ miżuri urġenti biex jiġu rimedjati s-sistema instabbli tat-tisħin, in-nuqqas ta’ arja kundizzjonata u t-toilets għall-persuni b’mobilità mnaqqsa, l-iżolazzjoni akustika ħażina, kif ukoll il-problema tad-drenaġġ;

111.

Jinnota x-xiri tal-binja Trèves II approvat mill-Bureau fit-18 ta’ Ottubru 2021; din inxtrat bl-intenzjoni li jkun hemm interkonnettività tal-binjiet ċentrali tal-Parlament fi Brussell u jinnota li se tkun għad-dispożizzjoni tal-Parlament mill-1 ta’ Jannar 2025 ’il quddiem; iwissi li ċ-ċertifikat tal-prestazzjoni enerġetika jindika konsum annwali tal-enerġija primarja ekwivalenti għall-klassi E, u jinnota li l-aħħar rinnovazzjoni tal-bini tmur lura għas-sena 2000; jistieden lill-Bureau japprova r-rinnovazzjonijiet meħtieġa biex tittejjeb il-prestazzjoni enerġetika tal-bini f’konformità mar-regolamenti applikabbli dwar l-effiċjenza enerġetika peress li l-bini jintuża mill-Parlament;

112.

Jinnota l-kompetizzjoni arkitettonika dwar id-disinn tat-tiġdid tal-binja Spaak li għaliha l-kompetituri ppreżentaw il-proposti tagħhom f’Jannar 2021, il-ġurija analizzat il-15-il proposta u kklassifikat il-ħames kandidati li rnexxew fi Frar 2021, u l-Bureau approva l-ħames kandidati li rnexxew proposti mill-ġurija fil-laqgħa tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2022; huwa tal-fehma li jridu jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-bini jiġi rinnovat minħabba l-kundizzjoni tiegħu li qed tiddeterjora sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u l-benesseri tal-persunal mingħajr implikazzjonijiet baġitarji mhux raġonevoli; jitlob, għalhekk, li tingħata informazzjoni xierqa u li ssir konsultazzjoni mal-kumitati rilevanti tal-Parlament dwar il-passi li jmiss li għandhom jittieħdu fil-pjanijiet ta’ rinnovazzjoni, kif ukoll pjanijiet rigward ix-xiri ta’ binjiet ġodda;

113.

Jieħu nota tad-deċiżjoni unanima tal-Bureau tat-23 ta’ Ottubru 2019 li japprova l-ħolqien ta’ IDEA Lab bil-għan li jiġu ttestjati soluzzjonijiet ġodda u innovattivi fil-kuntest tal-uffiċċji u l-ġestjoni tal-faċilitajiet; jinnota li d-deċiżjoni tal-Bureau ma kienet ibbażata fuq l-ebda stima speċifika tal-kostijiet u jilqa’ t-tħabbira tas-segretarju Ġenerali l-ġdid li kull proposta għal deċiżjoni se tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni finanzjarja tal-kostijiet stmati, u li n-nefqa għandha titqies b’mod trasparenti; jilqa’ l-ħolqien ta’ laboratorju permanenti għall-innovazzjoni bl-istabbiliment ta’ linja tal-baġit separata iżda jqis li l-kostijiet jeħtieġ li jibqgħu raġonevoli u ġustifikabbli; jinnota li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-kunċett arkitettoniku innovattiv, inklużi t-tagħmir tekniku u l-kostijiet tal-installazzjoni, kellhom kost ta’ EUR 2 000/m2 flimkien max-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni “standard”, li huma mistennija li jibbenifikaw xogħol ta’ rinnovazzjoni aktar tard fil-każ ta’ introduzzjoni fuq skala akbar; jinnota li sal-lum ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-kunċett arkitettoniku jammontaw għal EUR 663 265 filwaqt li t-tagħmir tal-IT sewa EUR 108 104;

114.

Jirrimarka li l-IDEA Lab suppost ikun għad-dispożizzjoni tal-Membri; jitlob li l-Membri jiġu infurmati f’dan ir-rigward dwar l-innovazzjonijiet u s-soluzzjonijiet ittestjati li għandhom jiġu introdotti fil-futur u dawk li mhumiex segwiti aktar u r-raġunijiet għaliex dawk l-innovazzjonijiet u s-soluzzjonijiet ma ġewx segwiti; jesprimi dubji dwar ir-raġuni wara l-għażla tal-fornituri u ta’ xi wħud mill-innovazzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu ttestjati u jiddispjaċih għall-fatt li xi wħud mill-innovazzjonijiet ikunu għaljin wisq biex jespandu minkejja l-interess dwarhom; huwa tal-fehma li waħda mill-prijoritajiet tal-IDEA Lab għandha tkun soluzzjoni arkitettonika innovattiva biex isir użu aħjar mill-ispazju okkupat mid-doċċi mhux użati fl-uffiċċji tal-Membri; jistieden lill-grupp ta’ ħidma tal-Bureau dwar il-binjiet u lill-amministrazzjoni tal-Parlament biex jiżgura trasparenza akbar rigward il-baġit għal IDEA Lab u jippreżenta regolarment lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit il-lista ta’ soluzzjonijiet innovattivi, il-kost tagħhom u l-feedback li ġġeneraw, kif ukoll l-iffrankar potenzjali jekk jiġu implimentati;

115.

Jinnota li fl-2021 l-għadd totali ta’ serqiet irrapportati fl-uffiċċji tal-Membri u fl-uffiċċji tal-persunal kien ta’ 83, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 58,2 % meta mqabbel mal-2020, b’valur totali ta’ oġġetti misruqa li ammonta għal EUR 190 791; jilqa’ l-fatt li s-servizzi responsabbli tal-Parlament identifikaw l-awtur ta’ żewġ serqiet importanti, waħda relatata ma’ 101 kompjuter ibridu u 26 iPad u l-oħra relatata ma’ 15-il kompjuter ibridu, u li l-każ huwa pendenti quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani;

116.

Jilqa’ l-fatt li l-crèche ta’ Wayenberg ġie ċċertifikat mill-awtorità nazzjonali tal-Belġju (ONE — Office de la Naissance et de l’Enfance) fi tmiem l-2021; jiddispjaċih għall-kwistjonijiet li nqalgħu mal-fornitur tas-servizz fl-2021, inkluż l-għeluq ta’ taqsimiet u bidliet suċċessivi f’daqqa fil-protokoll intern tal-COVID-19, u jilqa’ t-tranżizzjoni pożittiva għal fornitur ġdid mill-1 ta’ Frar 2022, kif ukoll il-miżura għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-kuntratt il-ġdid;

117.

Jinnota li l-Parti tal-Lvant tal-binja Adenauer fil-Lussemburgu tlestiet fl-2020 u r-rilokazzjoni fuq skala kbira tal-uffiċċji mill-binja Schuman intemmet fl-2022; jinnota li x-xogħlijiet biex tinbena l-Parti tal-Punent bdew fl-2020 u li l-ispazji għall-uffiċċji huma kważi kollha allokati għall-persunal tal-parlament; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li l-akbar u l-aktar investiment għali tal-Parlament f’dawn l-aħħar snin għadu ma ntużax biżżejjed minħabba rata baxxa ħafna ta’ okkupanza tal-bini;

Canteens

118.

Jinnota bi tħassib id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tat-22 ta’ Marzu 2021 li l-Kumitat ta’ Sorveljanza għall-Canteens, il-Kafetteriji u l-Ħanut tal-Persunal (CORECA) jiġi abolit abbażi tal-fatt li minn Ottubru 2020 l-attivitajiet kollha fis-settur fil-bini tal-Parlament operaw taħt kuntratti ta’ konċessjoni, li jiffunzjonaw mingħajr ebda involviment dirett mill-baġit tal-Parlament; jemmen, madankollu, li CORECA kien punt ta’ kuntatt utli bejn is-servizzi kompetenti tal-Parlament u l-Kumitat tal-Persunal dwar l-offerta tal-ikel u s-servizzi tal-catering, u li kien ikun utli, pereżempju, li l-persunal jiġi involut u jagħti feedback dwar l-adattament reċenti tal-offerta tal-ikel f’diversi postijiet; jistieden, għalhekk, lis-Segretarju Ġenerali jerġa’ jistabbilixxi l-CORECA jew punt ta’ kuntatt simili biex jinvolvi rappreżentanti tal-persunal;

119.

Jinnota li l-canteen tal-Parlament fis-sular -1 tal-binja Spinelli, minbarra d-deterjorament fil-kwalità tal-ikel li joffri, spiss ikun iffullat fil-ħinijiet l-aktar intensivi, u dan jirriżulta fi kjuwijiet twal u ħinijiet ta’ stennija twal; jiddispjaċih ukoll li l-Astrid Lulling Lounge naqqas l-offerta tiegħu u li huwa disponibbli biss platt sħun ta’ kuljum; jistieden lill-Bureau jirrifletti dwar il-ħtieġa ta’ għażla tal-ikel aktar varjata u l-possibbiltà li jiġu imposti xi restrizzjonijiet ta’ aċċess għall-canteens fil-binjiet ewlenin tal-Parlament;

120.

Ifakkar li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratti ta’ konċessjoni jipprevedu l-obbligu li tiġi offruta soluzzjoni biex jiġu rispettati l-intolleranzi tal-ikel fuq talba minn qabel; jirrimarka li l-maġġoranza l-kbira tal-klijenti ma huma xejn konxji li tali kundizzjonalità teżisti u, fi kwalunkwe każ, dan bl-ebda mod ma huwa suffiċjenti għas-servizz ipprovdut fil-Parlament; jappella għal aktar komunikazzjoni u informazzjoni diretta dwar l-ispeċifikazzjonijiet tal-allerġeni fl-ikliet proposti; itenni t-talba tiegħu li mill-inqas għażla waħda ta’ ikel frisk mingħajr glutina tkun disponibbli kuljum fil-canteens u fil-kafetteriji tal-Parlament, kif ukoll għażliet li b’mod ċar iqisu restrizzjonijiet oħra tad-dieta;

Sigurtà

121.

Jinnota t-tħejjija matul l-2021 tal-internalizzazzjoni tas-servizzi ta’ sigurtà ġenerali fil-Lussemburgu bl-organizzazzjoni u s-segwitu tal-proċeduri kollha ta’ reklutaġġ u taħriġ ta’ introduzzjoni għal 115-il aġent; jinnota li l-internalizzazzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2022; jinsab imħasseb li l-offerta ta’ pożizzjonijiet fil-grupp ta’ funzjoni I u s-salarju assoċjat jagħmluha diffiċli li jiġi attirat u reklutat persunal speċjalizzat mill-Istati Membri kollha fil-qasam tas-sigurtà; itenni li huwa partikolarment imħasseb dwar is-sitwazzjoni fil-Lussemburgu; fejn dan is-salarju huwa aktar baxx mill-paga minima interprofessjonali, u dan iġiegħel lill-Parlament jirrikorri għal allowance kumpensatorju; itenni, għalhekk, li l-Parlament għandu jgħaddi lill-Kummissjoni l-urġenza estrema li jinħoloq koeffiċjent ta’ korrezzjoni għal-Lussemburgu;

122.

Jenfasizza l-proġett tas-Sistema Integrata għall-Kontroll tal-Aċċess Fiżiku (iPACS) li għandu l-għan li jipprovdi lill-Parlament b’sistema robusta, effiċjenti u innovattiva għall-kontroll tal-aċċess fiżiku; jinnota d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġett li seħħ fl-2020 minħabba esklużjoni possibbli skont l-Artikolu 136(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju tal-kuntrattur magħżul; jinnota b’sodisfazzjon il-kooperazzjoni bejn DĠ SAFE u DĠ INLO li tippermetti t-tkomplija tal-ħidma teknika kollha minn Ġunju 2021 u l-integrazzjoni tal-bini kollu tal-Parlament fis-sistema; jilqa’ d-distribuzzjoni ta’ badges ta’ aċċess siguri ħafna u li ma jistgħux jiġu dduplikati għall-Membri, l-APAs u l-fornituri esterni kollha;

123.

Jiddispjaċih li s-sistema ta’ evakwazzjoni fil-binjiet tal-Parlament hija fil-biċċa l-kbira bbażata fuq voluntiera tas-sigurtà, u jissottolinja d-diffikultajiet fir-reklutaġġ tagħhom f’binjiet fejn hemm persunal amministrattiv inqas preżenti u filwaqt li jitqies li l-voluntiera jistgħu jkunu wkoll fuq modalità ta’ telexogħol; jisħaq fuq l-importanza tal-fatt li ma nserrħux fuq voluntiera mħarrġa li kapaċi jiggwidaw u jgħinu lin-nies preżenti fil-bini tal-Parlament matul simulazzjonijiet ta’ evakwazzjoni u emerġenzi reali;

124.

Jistieden lis-servizzi tas-sigurtà li jikkontrollaw l-aċċess għall-binjiet tal-Parlament isibu soluzzjoni raġonevoli għall-fotografi esterni li jaħdmu fil-bini tal-Parlament kuljum u li jkollhom iġorru ammont kbir ta’ tagħmir professjonali u jgħadduh mill-postijiet ta’ kontroll tas-sigurtà kull darba, pereżempju billi jippermettulhom jużaw l-aċċess speċifiku għall-istampa;

125.

Jirrimarka li fi tmiem il-ġimgħa, l-aċċess għall-binjiet tal-Parlament jeħtieġ li l-attendenza tiġi ffirmata f’reġistru stampat u, abbażi tal-problemi tal-passat b’dan il-metodu, jirrakkomanda bil-qawwa li tiġi stabbilita sistema aktar affidabbli u effettiva;

Impronta ambjentali tal-operazzjonijiet tal-Parlament u mobilità

126.

Jinnota l-analiżi tal-lakuni tal-prestazzjoni ambjentali attwali tal-Parlament imwettqa mill-Unità EMAS fl-14 ta’ Diċembru 2021; jistieden lill-amministrazzjoni tal-Parlament tirrapporta dwar l-attivitajiet li għandhom l-għan li jagħlqu l-lakuni biex jintlaħqu l-miri kollha fil-ħin magħżula mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Bureau dwar il-Bini, it-Trasport u l-Parlament Ekoloġiku;

127.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-emissjonijiet fl-2021 huma inqas minn dawk fl-2019, b’2 501 tunnellata ta’ CO2; jilqa’ l-fatt li diversi prattiki żviluppati jew estiżi fl-2020 u l-2021 biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operat u li kienu ta’ benefiċċju għall-prestazzjoni ambjentali tal-Parlament aktarx li se jinżammu fil-futur, b’mod partikolari miżuri relatati mad-diġitalizzazzjoni u t-telexogħol; dan għen biex jitnaqqas il-konsum tal-karta (11,8 kg/FTE fl-2021 meta mqabbel ma’ 28,1 kg/FTE fl-2019), it-trasport ta’ dokumentazzjoni bejn it-tliet postijiet tax-xogħol (49 tunnellata ta’ CO2 meta mqabbel ma’ 72 tunnellata fl-2019) u l-emissjonijiet tas-CO2 kkawżati mill-ivvjaġġar lejn ix-xogħol u lura u mill-ivvjaġġar inġenerali;

128.

Ifakkar li t-trasport ta’ persuni jirrappreżenta madwar żewġ terzi tal-impronta tal-karbonju tal-Parlament; jinnota li l-emissjonijiet tas-CO2 mill-vjaġġi minħabba xogħol lejn Strasburgu kull xahar fl-2021 ammontaw għal madwar 490 tunnellata ta’ CO2, inkluż l-ivvjaġġar tal-persunal u tal-APAs, u t-trasport ta’ dokumenti u ta’ tagħmir; jissottolinja, madankollu, l-isforzi tal-Parlament biex inaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 permezz ta’ ferroviji mikrija u l-“inizjattiva mingħajr karti” biex jgħinu fit-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju;

129.

Jinnota li fl-2021 saru 15-il sessjoni plenarja, li minnhom 14 saru f’format ibridu (ħamsa fi Brussell, sebgħa fi Strażburgu u żewġ sessjonijiet parzjali fi Brussell), filwaqt li saret sessjoni parzjali fi Brussell fil-format standard; jinnota li fl-2021 il-kost tal-ferroviji mikrija ta’ Thalys biex isiru vjaġġi lejn Strażburgu kien ta’ EUR 2 227 207 u l-kost tal-missjonijiet kien ta’ EUR 9 578 266, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li l-interpreti esterni ħadmu mill-bogħod, u dan naqqas il-kost totali meta mqabbel mas-snin ta’ qabel il-pandemija; jinnota li l-ferroviji mikrija ta’ Thalys ġew ikkanċellati minn Jannar sa Mejju 2021 filwaqt li għal Ġunju u Lulju 2021 ġiet stabbilita ferrovija waħda biss, u dan irriżulta f’iffrankar totali ta’ EUR 1 659 845 għas-sena 2021; jinnota li l-infiq fuq il-missjonijiet tal-persunal lejn Strażburgu fl-2021 tnaqqas bi EUR 18 248 274 meta mqabbel mal-infiq totali fl-2018;

130.

Jinnota li s-sospensjoni tas-sessjonijiet parzjali ta’ Strażburgu kkontribwiet għal iffrankar totali ta’ EUR 26 260 608 skont is-Segretarjat tal-Parlament, filwaqt li naqqset ukoll b’mod sinifikanti l-impronta tal-karbonju tal-Parlament; jenfasizza li l-Qorti stmat li “jekk jintemm it-trasferiment minn Strażburgu lejn Brussell jistgħu jiġu ffrankati annwalment, EUR 114-il miljun, flimkien ma’ ffrankar ta’ darba ta’ EUR 616-il miljun f’każ ta’ suċċess fiċ-ċessjoni tal-binjiet fi Strażburgu, jew spiża ta’ darba ta’ EUR 40 miljun jekk dan ma jseħħx”;

131.

Jinnota li l-kost totali tal-enerġija u tat-tisħin fl-2021 kien ta’ EUR 13 157 982 (EUR 2 259 496 fil-Lussemburgu, EUR 3 102 010 fi Strażburgu u EUR 7 796 476 fi Brussell), filwaqt li l-kostijiet annwali stmati tal-enerġija u tat-tisħin tal-bini tal-Parlament għall-2022 jammontaw għal EUR 41 020 327 u l-approprjazzjonijiet baġitarji għall-2023 għal dan il-għan jammontaw għal EUR 42 150 000; huwa mħasseb dwar il-fatt li l-kriżi attwali tal-enerġija se twassal għal aktar żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija fil-futur u li l-baġit tal-Parlament għalhekk se jkun affettwat ħafna, biex b’hekk se jkunu essenzjali miżuri proporzjonati u effettivi tal-iffrankar tal-enerġija;

132.

Jilqa’ l-installazzjoni ta’ pannelli solari fotovoltajċi fil-binjiet Spinelli, Montoyer 70, Brandt u Antall fi Brussell; jilqa’ wkoll id-deċiżjoni li jitnieda studju ġdid dwar il-produzzjoni tal-elettriku fuq il-post fi Strażburgu sabiex tiġi aġġornata d-data u jiġu esplorati soluzzjonijiet ġodda; iħeġġeġ ukoll lill-Bureau jiddeċiedi li jinstalla pannelli fotovoltajċi kemm jista’ jkun possibbli u utli abbażi tar-riżultati tal-istudju;

Miżuri tal-iffrankar tal-enerġija

133.

Jirrikonoxxi li, skont l-eżempju tal-miżuri meħuda f’ħafna Stati Membri u f’istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni, id-deċiżjoni meħuda mill-Bureau li s-sistema tat-tisħin tintefa u li l-bini jitħalla jinżel bil-mod għal temperatura minima mill-Ħamis filgħaxija sat-Tnejn filgħodu u matul il-perjodi ta’ vaganzi tirriżulta f’iffrankar sinifikanti stmat għal aktar minn EUR 2,5 miljun b’kollox; jistieden, madankollu, lill-Parlament jiggarantixxi temperatura adegwata fil-binjiet tal-Parlament mit-Tnejn sal-Ġimgħa bħala jiem ta’ xogħol regolari; jifhem il-ħtieġa li jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u jenfasizza li l-miżuri tal-iffrankar tat-tisħin jeħtieġ li jibqgħu kompatibbli mal-benesseri tal-persunal;

134.

Ifakkar li soluzzjonijiet effiċjenti ta’ tidwil huma fattur essenzjali għas-sostenibbiltà tal-binjiet; jilqa’ l-fatt li s-sostituzzjoni tat-tidwil eżistenti bi dwal LED b’konsum baxx ta’ enerġija tiġi evalwata kull meta jkun possibbli u fattibbli fil-binjiet tal-Parlament; jinnota li l-uffiċċji f’dawk il-binjiet tal-Parlament fi Brussell li huma mikrija jew li qed jistennew deċiżjoni dwar il-futur tagħhom mhumiex mgħammra b’detetturi tal-moviment u li jidher li d-detetturi tal-moviment f’diversi uffiċċji fil-binja Spinelli ma jaħdmux kif suppost; jilqa’ l-fatt li, fi Strażburgu, l-uffiċċji kollha huma mgħammra b’detetturi tal-moviment, u li, fil-Lussemburgu, il-bini Adenauer il-ġdid huwa mgħammar b’tifi awtomatiku bbażat fuq in-nuqqas ta’ moviment; jistieden lill-Parlament jiżgura li jiġu installati detetturi tal-moviment li jiffunzjonaw sew fi Brussell malajr kemm jista’ jkun kull fejn ikun fattibbli biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija; jifhem il-ħtieġa li jitnaqqas il-konsum tal-elettriku iżda jitlob li l-miżuri tal-iffrankar tad-dawl ikunu kompatibbli mal-benesseri tal-persunal;

Mobilità

135.

Jifhem li n-negozju ewlieni tal-karozzi tas-servizz huwa t-trasport tal-Membri, inkluż il-vjaġġ bejn Brussell u Strażburgu; jirrimarka, madankollu, il-fatt li bħala medja 15 % tas-sits disponibbli fil-flotta tas-servizz kienu okkupati għal dak il-vjaġġ fl-2021; itenni l-appell tiegħu lill-amministrazzjoni tal-Parlament biex twessa’ l-grupp ta’ utenti filwaqt li tiżgura li jkunu ggarantiti s-sits tal-Membri, jiġifieri tippermetti li l-persunal tal-Parlament jivvjaġġa mingħajr ma jkun preżenti Membru, filwaqt li tagħti aġġornamenti regolari dwar l-għadd ta’ sits disponibbli, tistabbilixxi lista ta’ riżerva u skadenzi koerenti biex jiġi kkonfermat il-vjaġġ;

136.

Jilqa’ l-fatt li s-sit ta’ Brussell għandu 138 spazju ta’ parkeġġ riżervati għall-vetturi elettriċi, kull wieħed bi stazzjon tal-iċċarġjar, flimkien ma’ 12-il unità għall-vannijiet tal-konsenja tal-Parlament; jinnota li wara l-aħħar permess ambjentali, maħruġ mill-awtoritajiet lokali f’April 2021 għall-binja Spinelli, hija meħtieġa sistema ta’ bexxiexa għal dan il-parkeġġ kbir tal-karozzi ta’ taħt l-art mgħammar bi stazzjonijiet tal-iċċarġjar, u din se tiġi installata fl-2022, li se tippermetti l-installazzjoni ta’ 20 stazzjon addizzjonali tal-iċċarġjar; jistieden lid-DĠ INLO jfassal u jimplimenta skeda għall-istazzjonijiet tal-iċċarġjar biex jiġi evitat li vetturi individwali jimblukkaw postijiet individwali għal perjodi twal ta’ żmien; iħeġġeġ lill-Parlament ikompli b’espansjoni ambizzjuża tal-infrastruttura tal-iċċarġjar elettriku għat-tipi kollha ta’ vetturi;

137.

Jinnota l-ħolqien fl-2021 ta’ żoni ġodda għall-parkeġġ tar-roti fil-binjiet Scholl u Adenauer; jistieden lill-amministrazzjoni tivvaluta l-ħtiġijiet attwali tal-persunal f’termini ta’ spazji għall-parkeġġ tar-roti ġewwa u barra mill-binjiet tal-Parlament u, jekk ikun meħtieġ, iżżid in-numru ta’ spazji disponibbli;

138.

Jilqa’ l-possibbiltà li l-persunal jikri roti standard u elettriċi matul is-sessjonijiet part-time fi Strażburgu; jiddispjaċih li r-roti fil-prattika jiġu bbukkjati kollha kemm huma aktar minn ġimgħa qabel; jistieden lill-Parlament jeżamina l-possibbiltà li joffri aktar roti tal-kiri fi Strażburgu biex jissodisfa d-domanda tal-Membri u tal-persunal u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-mobilità sostenibbli;

Finanzi u amministrazzjoni

139.

Jirrimarka li d-deċiżjonijiet baġitarji, amministrattivi u relatati mal-persunal meħuda mill-korpi governattivi tal-Parlament għandhom impatt trażversali fuq l-amministrazzjoni, u b’hekk jaffettwaw il-fażi ta’ implimentazzjoni, pereżempju, servizzi għajr dawk inizjalment previsti; jistieden għalhekk lis-Segretarju Ġenerali jinkludi valutazzjoni tal-impatt realistika fuq il-baġit, l-amministrazzjoni u l-persunal tal-Parlament fil-proposti futuri tiegħu qabel id-diskussjoni fil-korpi governattivi tal-Parlament;

140.

Jitlob li jintemm l-użu ta’ kumpaniji esterni li, skont il-klassifikazzjoni tal-Università ta’ Yale (7), għadhom qed joperaw fir-Russja;

141.

Jinnota li l-aħħar reviżjoni tar-regoli li jirregolaw l-akkoljenza ta’ gruppi ta’ viżitaturi mit-18 ta’ Jannar 2021 ma tinkludix riflessjoni dwar ċirkostanzi possibbli ta’ force majeure fir-rigward tal-kanċellazzjonijiet taż-żjarat; jistieden lill-Bureau jikkunsidra li jaċċetta strajk nazzjonali bħala ċirkostanza ta’ force majeure meta jikkanċella żjara organizzata ta’ grupp, peress li spiss ikun il-każ li l-ġranet tal-istrajk nazzjonali jitħabbru fi stadju ħafna aktar tard u wara li jkunu nxtraw il-biljetti u jkun estremament ikkumplikat li tiġi kkanċellata żjara fi grupp fl-aħħar minuta u li jkunu jistgħu jiġu rkuprati l-ispejjeż finanzjarji kollha mġarrba waqt li tkun qed tiġi organizzata ż-żjara;

JSIS

142.

Jistieden lill-Bureau jiżgura li r-reġim komuni tal-assigurazzjoni tal-mard (JSIS) jipprovdi spjegazzjoni koerenti u individwali għar-rifjut ta’ talba għal rimborż; jinnota li l-kultura ta’ rifjut ta’ talba għal rimborż f’format pdf mingħajr il-possibbiltà li d-deċiżjoni tiġi kkontestata personalment timponi ċerti diffikultajiet fuq l-applikanti li japplikaw għal rimborż; jistieden lill-Bureau jqis li jintroduċi l-possibbiltà li t-tobba lokali inkarigati mit-trattament ta’ applikant jitkellmu mal-unità jew mal-grupp ta’ esperti tal-JSIS responsabbli biex jispjegaw it-trattament u l-benefiċċji mediċi; jesprimi wkoll ix-xewqa tiegħu li tittejjeb il-faċilità tal-użu tal-applikazzjoni sabiex tippermetti segwitu aktar rapidu u aktar dirett għal talbiet individwali; jitlob li l-korpi rilevanti fi ħdan il-JSIS iqisu debitament u regolarment l-iżviluppi mediċi reċenti u l-kisbiet tal-għarfien meta jaġġornaw il-lista ta’ trattamenti u mediċini eliġibbli;

Vjaġġi u spejjeż tal-Membri

143.

Ifakkar fir-rakkomandazzjoni tal-Qorti li l-Parlament għandu jimplimenta l-bidliet meħtieġa biex jiżgura li jħallas biss l-indennizzi tas-sussistenza ta’ kuljum lill-Membri li jikkwalifikaw għalihom, ħaġa li ġiet aċċettata mill-Parlament; ifakkar li l-proġett għall-awtomatizzazzjoni tar-reġistru tal-attendenza ċentrali u tal-plenarja bit-teknoloġija bijometrika ġie deċiż mill-Bureau f’Ġunju 2019, li l-amministrazzjoni tal-Parlament f’Marzu 2021 integrat fil-proġett l-ewwel lott ta’ rakkomandazzjonijiet sottomessi mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u li issa qed tistenna r-rakkomandazzjonijiet finali tiegħu; huwa tal-fehma li l-użu ta’ teknoloġija ġdida huwa pass essenzjali lejn id-diġitalizzazzjoni tal-proċessi finanzjarji li għandha l-għan li żżid l-effiċjenza amministrattiva u tħaffef il-pagamenti ta’ intitolamenti relatati, u jitlob għalhekk li l-awtomatizzazzjoni tar-reġistru tal-attendenza titwettaq permezz ta’ soluzzjoni effiċjenti u effettiva bil-garanziji kollha meħtieġa fir-rigward tal-protezzjoni tad-data;

144.

Ifakkar li fl-2019, il-Parlament nieda proġett biex tiġi awtomatizzata r-reġistrazzjoni tal-attendenza permezz tat-teknoloġija bijometrika fir-reġistru ċentrali tal-attendenza u ffirma kuntratt għal dan il-proġett fi tmiem l-2020; jisħaq li l-ipproċessar fuq skala kbira ta’ data bijometrika għandu jiġi evitat; jitlob, għal darb’oħra, lill-Bureau jiżviluppa soluzzjoni alternattiva li ma tinvolvix l-ipproċessar ta’ data bijometrika u jiżgura li l-indennizz tas-sussistenza ta’ kuljum jirċevuh biss dawk il-Membri li fil-fatt huma intitolati għalih; jiddispjaċih li dan il-proġett għadu qed jiġi segwit minkejja l-opinjoni negattiva tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fl-aħħar ta’ Marzu 2021 u mtennija fir-Rapport Annwali tiegħu tal-2021, fejn ġie ddikjarat li l-Parlament għandu jikkunsidra alternattivi anqas intrużivi fir-rigward tal-protezzjoni tad-data;

145.

Jilqa’ t-tħabbira mill-President tal-21 ta’ Novembru 2022 dwar il-ħolqien ta’ grupp ta’ ħidma ad hoc tal-Bureau biex iwettaq reviżjoni radikali tal-IMMS sabiex id-dispożizzjonijiet jiġu adattati għall-iżviluppi leġiżlattivi reċenti, il-prattiki l-ġodda tal-Membri u r-rakkomandazzjonijiet mill-awditur intern, filwaqt li jiġu żgurati l-konsistenza u ċ-ċertezza legali; jirrakkomanda bil-qawwa li ssir konsultazzjoni komprensiva tal-Membri u tas-servizzi rilevanti tal-amministrazzjoni qabel it-tmiem tal-mandat attwali biex dan il-grupp ta’ ħidma jiġi pprovdut b’informazzjoni diretta minn Membri u uffiċjali b’esperjenza dwar l-applikazzjoni prattika tar-regoli li jirregolaw il-Parlament u l-kapaċità tal-identifikazzjoni tal-inkonsistenzi bħar-regoli li jikkonċernaw l-iskeda ta’ żmien u l-bliet għall-ftuħ tar-reġistru tal-attendenza tal-Membri b’relazzjoni mas-sessjonijiet plenarji, il-missjonijiet u attivitajiet parlamentari oħra;

146.

Jiddeplora l-fatt li ma hemm l-ebda sistema fis-seħħ biex jiġi żgurat li l-Membri jkunu jistgħu jkomplu jwettqu d-dmirijiet ewlenin tagħhom, prinċipalment meta jitkellmu fid-dibattiti u jivvotaw, meta jkunu temporanjament assenti għal raġuni ġustifikata, bħal liv tal-ġenituri, liv minħabba mard fit-tul jew liv għall-persuni li jindukraw; iqis li dan huwa problematiku peress li jista’ jkollu impatt negattiv fuq ir-rappreżentanza taċ-ċittadini fil-Parlament u b’mod partikolari l-Membri żgħażagħ, b’mod partikolari n-nisa; jieħu nota tal-bidliet fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament fl-20 ta’ Diċembru 2020 li jippermettu l-votazzjoni mill-bogħod iżda biss bil-kundizzjoni li l-President tistabbilixxi ċirkostanzi straordinarji; itenni t-talba tiegħu, adottata fil-livell tal-Plenarja f’diversi okkażjonijiet, lill-Bureau biex iniedi reviżjoni tar-Regoli ta’ Proċedura sabiex il-Membri jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dmirijiethom tagħhom matul assenzi ġustifikati, u b’hekk jikkapitalizzaw fuq l-isforz kbir u l-investiment finanzjarju li għamel il-Parlament f’soluzzjonijiet tekniċi biex jippermetti l-votazzjoni mill-bogħod;

147.

Ifakkar li fir-riżoluzzjonijiet ta’ kwittanza preċedenti, il-Parlament talab riforma tal-GEA) biex in-nefqa ta’ din is-somma f’daqqa ssir aktar trasparenti u responsabbli; jinnota t-tħabbira fil-laqgħa tal-Bureau tas-7 ta’ Marzu 2022 dwar l-istabbiliment ta’ grupp ta’ ħidma ad hoc tal-Bureau dwar il-GEA, li ngħata l-kompitu li jevalwa l-operat tad-deċiżjoni tal-Bureau tat-2 ta’ Lulju 2018, billi jistabbilixxi lista ta’ spejjeż li jistgħu jitħallsu mill-GEA abbażi tal-esperjenza miksuba matul id-disa’ leġiżlatura parlamentari; josserva li l-Bureau, fil-laqgħa tiegħu tas-17 ta’ Ottubru 2022, adotta sett ta’ emendi għall-IMMS li bihom iċċara r-regoli applikabbli għall-intitolament u l-użu tal-GEA u miżuri mmirati biex tiżdied it-trasparenza u tiġi pprovduta aktar ċertezza legali rigward l-intitolament għall-allowance; jenfasizza li l-Grupp ta’ Ħidma ad hoc intalab iqis kif xieraq l-aspetti tat-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont u l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi disponibbli għall-Membri, filwaqt li jqis il-prinċipju tal-libertà u l-indipendenza tal-mandat parlamentari u l-objettiv li jiġi evitat il-ħolqien ta’ piżijiet amministrattivi bla bżonn għall-Membri, l-uffiċċji tagħhom u s-servizzi tal-Parlament; jenfasizza li l-Membri huma liberi li jiddokumentaw l-użu tagħhom tal-fondi fl-ambitu tal-GEA, fid-dettall jew skont it-tip ta’ kost, waħedhom jew bl-appoġġ ta’ awditur estern, u li din l-informazzjoni tiġi ppubblikata kompletament jew parzjalment fuq il-paġna online tagħhom fuq is-sit web tal-Parlament f’konformità mal-Artikolu 11, il-paragrafi 4 u 5, tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew; jilqa’ l-fatt li lista simplifikata ta’ tipi ta’ kostijiet hija integrata fl-IMMS u li ġiet adottata wkoll emenda li tiċċara l-possibbiltà għall-Membri li jużaw il-GEA f’każ ta’ eżawriment ta’ allowances oħra;

148.

Ifakkar li skont l-Artikolu 11(4) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Parlament diġà jipprovdi lill-Membri bil-possibbiltà li jippubblikaw awditu volontarju jew konferma tal-ispejjeż tagħhom u jiddispjaċih li matul is-sena kalendarja 2021 ġew ippreżentati biss 18-il dikjarazzjoni volontarja dwar l-użu tal-GEA; jistieden lis-servizzi tal-Parlament jibagħtu tfakkira annwali lill-Membri dwar din il-possibbiltà;

149.

Ifakkar li l-Ombudsman Ewropew (l-“Ombudsman”), fil-każ 1651/2018/THH, irrakkomandat li jingħata aċċess pubbliku għal proposta mill-grupp ta’ ħidma ad hoc tal-Bureau dwar ir-reviżjoni tal-lista ta’ spejjeż li jistgħu jitħallsu mill-GEA; jiddispjaċih li l-Parlament irrifjuta r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman u jħeġġeġ lill-amministrazzjoni tal-Parlament terġa’ tikkunsidra l-għoti ta’ aċċess lill-pubbliku għad-dokumenti inkwistjoni;

150.

Jinnota li l-ispejjeż ordinarji tal-ivvjaġġar fl-2021 ammontaw għal EUR 40 338 767; jissuġġerixxi rieżami tal-politika tal-ipprezzar applikata mill-aġenzija tal-ivvjaġġar sabiex tiġi kkonċiljata l-flessibbiltà meħtieġa mill-Parlament u għażliet inqas għaljin; jirrimarka li xi drabi l-proposti tal-ivvjaġġar offruti mill-aġenzija tal-ivvjaġġar lill-Membri ma jkunux faċli ħafna għall-qarrej u jieħdu wisq żmien biex jaslu, filwaqt li dan tal-aħħar għandu impatt fuq il-prezz tal-għażliet offruti jew saħansitra fuq id-disponibbiltà tal-għażliet tal-ivvjaġġar; jappella lill-amministrazzjoni tal-Parlament biex twettaq stħarriġ ta’ sodisfazzjon dwar is-servizzi offruti, indirizzat lill-Membri kollha, mhux biss lill-klijenti frekwenti, biex issir taf liema problemi setgħu impedew lil xi wħud minnhom milli jagħmlu prenotazzjoni mal-aġenzija tal-ivvjaġġar; jirrimarka li l-ordnijiet ta’ missjoni għall-membri tal-persunal spiss jaslu qrib wisq id-data tal-ivvjaġġar, anke jekk il-missjoni tiġi miftiehma ħafna qabel, u li dan ukoll iħalli impatt negattiv fuq l-offerti disponibbli, u jitlob lill-amministrazzjoni tfittex titjib għal din is-sitwazzjoni;

151.

Jinnota li, fl-2021, meta ġiet ikkuntattjata fil-kuntest ta’ missjoni tad-Delegazzjoni tal-Parlament għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Amerika Ċentrali (DCAM), l-aġenzija tal-ivvjaġġar ma setgħetx tipprovdi kwotazzjoni għal titjiriet lejn u minn Kuba minħabba li, bħala kumpanija proprjetà tal-Istati Uniti, għandha tirrispetta l-embargo tal-Istati Uniti kontra Kuba; jinnota li l-aġenzija tal-ivvjaġġar kellha testernalizza t-tfittxija għat-titjiriet imsemmija hawn fuq lil aġenzija oħra, u dan wassal għal dewmien fil-proċess; ifakkar li l-korpi tal-Parlament huma obbligati jużaw kwotazzjoni mill-aġenzija tal-ivvjaġġar tiegħu sabiex jistabbilixxu dikjarazzjoni finanzjarja għall-missjonijiet, li jista’ jiġi affettwat b’mod negattiv minn restrizzjonijiet li jikkonċernaw Kuba u pajjiżi oħra li fuqhom l-Istati Uniti imponiet sanzjonijiet; jitlob li din il-kwistjoni titqies kif xieraq fl-offerta li jmiss għall-għażla ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar ġdida;

152.

Jistieden lid-DĠ FINS jistabbilixxi metodoloġija ċara ta’ responsabbiltà, li tkun konformi mal-istandards tal-istat tad-dritt, bejn il-membri, l-aġenti tal-ħlas, l-assistenti, u l-fornituri tas-servizzi, li tiggarantixxi f’każ ta’ żbalji jew użi ħżiena relatati ma’ pagamenti jew tranżazzjonijiet finanzjarji oħra, li l-parti li tkun wettqet l-iżball jew l-użu ħażin biss tinżamm responsabbli u tagħti kont ta’għemilha; jisħaq li s-sanzjonijiet għandhom jiġu attribwiti biss lill-parti li tkun wettqet l-iżball u li tkun responsabbli għall-użu ħażin tal-fondi;

153.

Jinsab imħasseb ħafna dwar il-firxa tas-setgħat diskrezzjonali tal-persunal responsabbli tad-DĠ FINS fl-evalwazzjoni tat-talbiet tal-membri, inkluż meta jintgħażlu l-kuntratti ta’ impjieg jew ta’ fornitur ta’ servizzi għal aktar verifika ex post; jinnota n-nuqqas ta’ mekkaniżmi u proċeduri formali ta’ responsabbiltà biex jiġi żgurat proċess ġust fil-proċedimenti mad-DĠ FINS, li jżid ir-riskju ta’ diskriminazzjoni u trattament mhux ugwali; ifakkar lid-DĠ FINS biex japplika standards trasparenti, ċari u mhux diskriminatorji, inkluż meta jwettaq kontrolli fuq it-twettiq tal-kompiti mwettqa mill-assistenti lokali;

Fond ta’ Pensjoni Volontarja

154.

Jinsab imħasseb li d-defiċit attwarju tal-Fond ta’ Pensjoni Volontarja (VPF) fil-31 ta’ Diċembru 2021 kien jammonta għal EUR 379 miljun (meta mqabbel ma’ EUR 371,3 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2020); jinsab imħasseb li l-eżawriment sħiħ huwa mistenni sa mhux aktar tard mill-aħħar tal-2024 jew l-2025 u li sadanittant il-VPF ikompli jbigħ l-assi sabiex jissodisfa l-obbligi tal-pensjoni tiegħu, li probabbilment ifisser li l-kapital li jifdal qed jitnaqqas; ifakkar fid-deċiżjoni tal-Bureau tal-10 ta’ Diċembru 2018 li żżid l-età tal-irtirar minn 63 għal 65 sena u tintroduċi imposta ta’ 5 % fuq il-pagamenti tal-pensjoni għall-pensjonanti futuri bil-għan li tittejjeb is-sostenibbiltà tal-VPF; jinnota li fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Settembru 2021 fil-Kawżi Magħquda T-720/19 sa T-725/19, Richard Ashworth et vs Il-Parlament (8), il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-drittijiet diġà akkwistati ma kinux affettwati mid-deċiżjoni kkontestata tal-Bureau tal-10 ta’ Diċembru 2018 u kkonfermat il-kompetenza tal-Bureau li jadotta deċiżjonijiet li jkollhom l-għan li jtejbu s-sostenibbiltà tal-fond dment li dawn jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità; jinnota li tressaq appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra s-sentenza tagħha tal-15 ta’ Settembru 2021 u li sadattant il-Bureau tal-Parlament jinsab fil-proċess li jeżamina l-implikazzjonijiet għal proposti futuri għal għażliet biex tittejjeb is-sostenibbiltà tal-fond filwaqt li titnaqqas ir-responsabbiltà tal-Parlament; iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali, għalhekk, jipproponi aktar miżuri fattibbli lill-Bureau dwar l-aġġustament tal-modalitajiet tal-fond;

155.

Jistieden lill-Bureau jgħin biex jiġu ċċarati l-intitolamenti tal-Membri u l-ex Membri li jirċievu diversi pensjonijiet minħabba pożizzjonijiet fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jenfasizza l-każ tal-ex Kummissarji u jitlob informazzjoni dwar jekk il-pagamenti tal-Fond ta’ Pensjoni Volontarja jistgħux jiġu żborżati b’żieda mal-intitolamenti li jirriżultaw mid-drittijiet tal-pensjoni tagħhom bħala tal-Kummissarji u jekk il-kandidati għall-Kummissarju kinux obbligati jiżvelaw din l-informazzjoni; jitlob lill-Parlament jiċċara jekk it-tnaqqis reċiproku u parzjali tal-pensjonijiet huwiex possibbli;

156.

Jistieden lill-Bureau jipprovdi lill-awtorità ta’ kwittanza bi projezzjoni dettaljata tal-istima tal-ispejjeż għall-fond għas-snin li ġejjin; u biex jagħti segwitu sabiex tinstab soluzzjoni fattibbli, legali u ġusta minħabba l-urġenza tal-kwistjoni; jitlob lill-amministrazzjoni u lill-Bureau jiggarantixxu li l-ebda flus tal-kontribwenti ma jintużaw għal kwalunkwe salvataġġ futur;

157.

Jirrikonoxxi li l-Parlament mhuwiex involut fil-ġestjoni tal-portafoll iżda jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-artikli ppubblikati fl-istampa dwar l-investimenti magħmula mill-VPF u r-riskju potenzjali għar-reputazzjoni tal-istituzzjoni; jissottolinja li l-investimenti għandhom ikunu allinjati u koerenti mal-għanijiet u l-objettivi stabbiliti mill-politiki tal-Unjoni; jistieden lill-bord konsultattiv tal-fond jirrevedi l-investimenti kollha li għaddejjin bħalissa li mhumiex konformi mal-valuri u l-għanijiet tal-Unjoni;

Rapport annwali dwar il-kuntratti mogħtija

158.

Ifakkar li r-Regolament Finanzjarju jispeċifika l-informazzjoni li trid tiġi fornuta lill-awtorità baġitarja, kif ukoll lill-pubbliku, dwar l-għoti ta’ kuntratti mill-istituzzjoni; jinnota li r-Regolament Finanzjarju jirrikjedi l-pubblikazzjoni tal-kuntratti mogħtija ta’ valur ogħla minn EUR 15 000, valur li jikkorrispondi għal-limitu minimu li jekk jinqabeż jiskatta l-obbligu tal-proċedura kompetittiva ta’ offerti; jinnota li minn total ta’ 221 kuntratt mogħtija fl-2021, 80 kienu bbażati fuq proċeduri miftuħa jew ristretti, b’valur ta’ EUR 761,1 miljun, u 135 kienu bbażati fuq proċeduri negozjati, b’valur totali ta’ EUR 253,5 miljun; jinnota li l-għadd totali ta’ kuntratti mogħtija bi proċeduri negozjati naqas f’termini ta’ valur bħala perċentwal tal-valur totali ta’ kuntratti mogħtija, minn 31 % fl-2020 għal 2 % fl-2021, iżda żdied f’termini ta’ volum, minn EUR 179,1 miljun fl-2020 għal EUR 253,5 miljun fl-2021;

159.

Jinnota li l-kuntratti mogħtija fl-2020 u fl-2021 jistgħu jinqasmu kif ġej skont it-tip, inklużi l-kuntratti ta’ bini:

Tip ta’ kuntratt

2021

2020

Għadd

Perċentwal (%)

Għadd

Perċentwal (%)

Servizzi

Provvisti

Xogħlijiet

Bini

176

27

10

8

79,6

12

4,5

3,6

161

21

13

3

81,3

10,6

6,6

1,5

Total

221

100

225

100

Tip ta’ kuntratt

2021

2020

Valur (f’EUR)

Perċentwal (%)

Valur (f’EUR)

Perċentwal (%)

Servizzi

Provvisti

Xogħlijiet

Bini

634 689 038

136 777 513

76 247 759

168 302 638

62

13

8

17

457 940 293

14 143 825

28 291 234

86 812 000

77

3

5

15

Total

1 016 016 948

100

587 187 352

100

(Rapport annwali dwar il-kuntratti mogħtija mill-Parlament Ewropew, 2021, p. 7)

160.

Jinnota t-tqassim tal-kuntratti mogħtija fl-2021 u fl-2020 skont it-tip ta’ proċedura użata kif ġej, f’termini ta’ għadd u ta’ valur:

Tip ta’ proċedura

2021

2020

Għadd

Perċentwal (%)

Għadd

Perċentwal (%)

Miftuħa

Ristretta

Negozjata

Lista CEI

Eċċezzjonali

Sħubija għall-innovazzjoni

DPS

OP Aċċellerat

78

2

135

2

2

0

1

0

35

1

61

1

1

0

0

0

57

3

135

1

1

1

0

0

29

2

68

0

0

1

0

0

Total

221

100

198

100

161.

Jilqa’ l-fatt li fl-1 ta’ Ġunju 2021, il-Parlament stabbilixxa Grupp ta’ Ħidma dwar l-Akkwist Pubbliku Soċjalment Responsabbli li jinvolvi lid-direttorati ġenerali kollha u li ngħata l-kompitu li jiżviluppa prinċipji u gwidi prattiċi għal implimentazzjoni akbar tal-elementi soċjali fl-akkwist tal-Parlament; jinnota li l-grupp ta’ ħidma qabel dwar l-ewwel approċċ preliminari għall-akkwist soċjali fi tmiem l-2021 u dan l-approċċ qed jiġi implimentat f’fażi ta’ ttestjar matul l-2022; jilqa’ l-fatt li l-Parlament żviluppa taħriġ dwar akkwist pubbliku sostenibbli/soċjalment responsabbli għall-persunal tiegħu u li servizz ta’ helpdesk ikun disponibbli għas-servizzi tal-Parlament;

Gruppi politiċi (linja baġitarja 4 0 0)

162.

Jinnota li, fl-2021, l-approprjazzjonijiet imdaħħla taħt il-partita baġitarja 4 0 0, attribwita lill-gruppi politiċi u l-Membri mhux affiljati, intużaw kif ġej (9):

Grupp

2021

2020

Approprjazzjonijiet annwali

Riżorsi proprji u approprjazzjonijiet riportati

Infiq

Rata ta’ utilizzazzjoni tal-approprjazzjonijiet annwali (%)

Ammonti riportati għall-perjodu li jmiss

Approprjazzjonijiet annwali

Riżorsi proprji u approprjazzjonijiet riportati

Infiq

Rata ta’ utilizzazzjoni tal-approprjazzjonijiet annwali (%)

Ammonti riportati għall-perjodu li jmiss

Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE)

16 750

10 229

13 646

81,47

12 562

17 239

4 448

11 489

66,65

10 198

Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D)

13 584

9 829

12 295

90,51

10 188

13 609

5 734

9 533

70,05

9 809

Renew Europe (dik li kienet l-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa (ALDE))

9 192

6 948

6 997

76,12

6 894

9 230

3 847

4 063

44,02

6 922

Grupp tal-Ħodor/Alleanza Ħielsa Ewropea (Ħodor/AĦE)

6 927

4 891

6 126

88,43

5 196

6 381

2 376

4 054

63,53

4 703

Grupp Identità u Demokrazija (ID)

6 874

4 762

5 940

86,42

5 155

7 121

1 616

3 976

55,84

4 761

Grupp tal-Konservattivi u r-Riformisti Ewropej (ECR)

6 005

3 982

6 269

104,39

3 718

5 851

2 272

4 145

70,85

3 978

The Left — Xellug Magħqud Ewropew/Xellug Aħdar Nordiku (GUE/NGL)

3 806

2 266

4 036

106,05

2 036

3 790

1 536

3 060

80,72

2 266

Membri mhux affiljati

1 862

1 041

595

31,94

861

1 726

738

429

24,82

1 041

Total

65 000

43 948

55 904

86,01

46 611

64 947

22 568

40 749

62,74

43 678

163.

Jilqa’ l-fatt li awdituri esterni indipendenti għall-gruppi politiċi ħarġu biss opinjonijiet mhux kwalifikati għas-sena finanzjarja 2021;

164.

Ifakkar li dawn l-approprjazzjonijiet huma maħsuba biex ikopru attivitajiet b’rabta mal-attivitajiet politiċi tal-Unjoni, u li l-gruppi politiċi huma responsabbli lejn il-Parlament għall-użu tagħhom; huwa mħasseb ħafna li dawn l-approprjazzjonijiet jistgħu jintużaw biex iwasslu messaġġi li jmorru kontra d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jew il-valuri tal-Unjoni; ifakkar b’mod partikolari li l-Parlament jikkundanna r-reviżjoniżmu storiku u jappella għal kultura komuni ta’ tifkira li tiċħad ir-reati tar-reġimi totalitarji u awtoritarji tal-passat; jistieden lill-amministrazzjoni tal-Parlament tiskrutinizza bir-reqqa, anke b’mod retroattiv, kwalunkwe pubblikazzjoni ffinanzjata minn gruppi politiċi li ma tikkonformax ma’ dawk il-valuri;

Partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej

165.

Jinnota l-ħatra tad-direttur il-ġdid tal-Awtorità għall-perjodu li jibda mill-1 ta’ Settembru 2021 sal-31 ta’ Awwissu 2026;

166.

Ifakkar fir-rwol ewlieni ta’ demokrazija Ewropea vivaċi u reżiljenti sostnuta mill-pluraliżmu tal-partiti politiċi fil-livell tal-Unjoni; jenfasizza għalhekk li għandhom jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi, u l-konformità għandha tiġi kkontrollata b’rispett sħiħ tad-drittijiet proċedurali; jilqa’ f’dan il-kuntest il-ħidma essenzjali tal-Awtorità li b’mod indipendenti u b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament tikkontrolla l-konformità tal-partiti u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mal-qafas legali, tipprovdi trasparenza liċ-ċittadini, u tikkontribwixxi għall-integrità tal-elezzjonijiet tal-Parlament; iħeġġeġ lill-awtorità baġitarja tiżgura li l-Awtorità tkun mgħammra bir-riżorsi meħtieġa, b’mod partikolari r-riżorsi umani u tal-IT, inklużi esperti taċ-ċibersigurtà, biex tkompli twettaq il-mandat eżistenti tagħha, inkluż fid-dawl tat-theddid ta’ ndħil barrani, speċjalment biex jiġu protetti l-valuri tal-Unjoni, biex jiġu kkumbattuti abbużi tad-data personali għal skopijiet elettorali u biex tiġi identifikata l-oriġini tad-donazzjonijiet, kif ukoll kwalunkwe kompitu ġdid li jingħata mil-leġiżlatur; jissottolinja f’dan il-kuntest li s-sena 2024 tal-elezzjonijiet Ewropej se tkun kruċjali għall-integrità finanzjarja u funzjonali tad-demokrazija Ewropea u se toħloq żieda sinifikanti ta’ xogħol għall-Awtorità;

167.

Jinnota f’dan ir-rigward li riżorsi addizzjonali għall-integrità demokratika għandhom jiġu investiti mill-Unjoni Ewropea fl-intier tagħha; ifakkar li l-Awtorità hija korp indipendenti tal-Unjoni u konsegwentement l-approprjazzjonijiet u l-pożizzjonijiet tagħha għandhom ikunu distinti b’mod trasparenti minn dawk tal-Parlament; itenni, għalhekk, ir-rakkomandazzjoni tiegħu li tinħoloq taqsima separata għall-Awtorità fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, kif espress fir-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2023;

168.

Jilqa’ s-segwitu mwettaq mill-Awtorità għas-suġġerimenti tal-Ombudsman għal titjib li nħareġ f’Jannar 2021 fil-kuntest tal-każ 1094/2020/DL tagħha, jiġifieri t-titjib tas-sit web li jippermetti żieda fl-ammont ta’ informazzjoni offruta lill-utenti, il-link għas-sit web tal-Parlament, u l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar ir-Reġistru tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej;

169.

Jinnota li fl-2021 l-approprjazzjonijiet imdaħħla taħt il-linja baġitarja 4 0 2 intużaw kif ġej (10):

Partit (2021)

Taqsira

Riżorsi proprji

Kontribuzzjoni finali tal-PE (1)

Dħul totali

Kontribuzzjoni tal-PE bħala % tan-nefqa rimborżabbli (massimu 90 %)

Bilanċ pożittiv mid-dħul (trasferiment għar-riżerva jew telf)

Partit Popolari Ewropew

PPE

1 283 598

7 737 916

9 021 514

90

788 064

Partit tas-Soċjalisti Ewropej

PSE

977 280

6 217 037

7 194 317

90

645 859

Partit tal-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa

ALDE

734 661

4 504 780

5 239 441

90

857 838

Partit Ewropew tal-Ħodor

EGP

560 006

3 597 971

4 157 977

90

854 803

Partit tax-Xellug Ewropew

EL

245 367

1 557 308

1 802 675

90

87 074

Partit Demokratiku Ewropew

PDE

112 014

652 921

764 935

90

120 482

Alleanza Ħielsa Ewropea

EFA

119 583

812 993

932 576

90

103 910

Partit tal-Konservattivi u Riformisti Ewropej

Partit ECR

483 292

1 432 428

1 915 720

78

Moviment Politiku Kristjan Ewropew

ECPM

98 679

708 660

807 339

90

3 178

Partit Identità u Demokrazija

Partit ID

119 545

573 595

693 140

90

Total

 

4 734 025

27 795 609

32 529 634

 

3 461 208

170.

Jinnota li fl-2021 l-approprjazzjonijiet imdaħħla taħt il-linja baġitarja 4 0 3 intużaw kif ġej (11):

Fondazzjoni (2021)

Taqsira

Affiljata mal-partit

Riżorsi proprji

Għotja finali tal-PE

Dħul totali

Għotja tal-PE bħala % tal-kostijiet eliġibbli (massimu 95 %)

Bilanċ pożittiv mid-dħul (trasferiment għar-riżerva jew telf)

Ċentru għall-Istudji Ewropej Wilfried Martens

WMCES

PPE

480 822

4 450 779

4 931 601

95,00

161 217

Fondazzjoni għal Studji Progressivi Ewropej

FEPS

PSE

354 391

4 897 963

5 252 354

95,00

48 172

Forum Liberali Ewropew

ELF

ALDE

369 813

2 651 252

3 021 065

95,00

221 975

Fondazzjoni Ħadra Ewropea

GEF

EGP

146 351

2 156 106

2 302 456

95,00

20 419

Inbiddlu l-Ewropa

TE

EL

77 546

1 218 962

1 296 508

94,83

10 340

Istitut tad-Demokratiċi Ewropej

IED

PDE

27 763

504 172

531 935

95,00

854

Fondazzjoni Coppieters

Coppieters

EFA

86 417

520 773

607 190

95,00

45 208

Direzzjoni Ġdida — Fondazzjoni għar-Riforma Ewropea

ND

Partit ECR

258 096

1 519 566

1 777 662

95,00

Sallux

SALLUX

ECPM

23 013

366 409

389 422

95,00

3 728

Fondazzjoni tal-Assoċjazzjoni għall-Identità u d-Demokrazija

Fondazzjoni ID

Partit ID

12 778

660 075

672 853

95,00

Total

 

 

1 836 990

18 946 056

20 783 046

 

511 913


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sa 2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).

(2)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(3)  Regoli dwar Seduti ta’ Smigħ Pubbliċi, Deċiżjoni tal-Bureau tat-18 ta’ Ġunju 2003.

(4)  Laqgħa tal-Bureau tat-13 ta’ Marzu 2023 (PE-9/BUR/PV/2023-03) u d-deċiżjoni tal-Bureau 17/04/2023 PE 422.534/BUR).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

(6)  Din l-emenda hija bbażata fuq rakkomandazzjoni minn Transparency International.

(7)  https://som.yale.edu/story/2022/over-1000-companies-have-curtailed-operations-russia-some-remain

(8)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2021, Richard Ashworth et vs Il-Parlament Ewropew, T-720/19 sa T-725/19, ECLI:EU:T:2021:580.

(9)  L-ammonti kollha qed jiġu espressi f’eluf ta’ EUR.

(10)  L-ammonti kollha huma f’eluf ta’ EUR.

(11)  L-ammonti kollha huma f’eluf ta’ EUR.


Top