Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1684

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1684 tal-31 ta’ Awwissu 2023 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim b’rabta mad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-Italja (notifikata bid-dokument C(2023) 5984) (It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2023/5984

ĠU L 217, 4.9.2023, p. 123–125 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 21/09/2023; Imħassar b' 32023R1799

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/1684/oj

4.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 217/123


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1684

tal-31 ta’ Awwissu 2023

dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim b’rabta mad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-Italja

(notifikata bid-dokument C(2023) 5984)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-deni tal-ħnieżer Afrikan huwa marda virali infettiva li taffettwa lill-annimali porċini miżmuma u selvaġġi u jista’ jkollha impatt sever fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernata u fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-annimali, u b’hekk tikkawża tfixkil fil-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi.

(2)

Fil-każ ta’ tifqigħat tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-annimali porċini miżmuma, hemm riskju serju li dik il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra tal-annimali porċini miżmuma.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż id-deni tal-ħnieżer Afrikan, kif ukoll ċerti miżuri li jridu jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta trid tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u jekk ikun meħtieġ aktar żoni ristretti madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom.

(4)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/594 (4) jistabbilixxi miżuri ta’ kontroll speċjali tal-mard rigward id-deni tal-ħnieżer Afrikan. B’mod partikolari, l-Artikolu 3(a) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi l-istabbiliment ta’ żona ristretta fil-każ ta’ tifqigħa tad-deni tal-ħnieżer Afrikan f’annimali porċini miżmuma, f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

(5)

L-Italja infurmat lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fit-territorju tagħha, wara li ġiet ikkonfermata tifqigħa ta’ dik il-marda f’annimali porċini miżmuma fir-reġjun tal-Lombardia fit-18 ta’ Awwissu 2023, u, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594, stabbiliet żona ristretta, li tinkludi żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, li fiha jiġu applikati l-miżuri ġenerali għall-kontroll tal-mard stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, sabiex jiġi evitat aktar tixrid ta’ dik il-marda.

(6)

Sabiex ikun evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn fil-kummerċ fl-Unjoni u biex tkun evitata l-impożizzjoni ta’ ostakli mhux ġustifikati fil-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni tiġi identifikata ż-żona ristretta, li tinkludi ż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza għad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-Italja b’kollaborazzjoni ma’ dak l-Istat Membru.

(7)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tad-deni tal-ħnieżer Afrikan, huwa importanti li l-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni japplikaw malajr kemm jista’ jkun.

(8)

Konsegwentement, sakemm il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jagħti l-opinjoni tiegħu, iż-żona ristretta fl-Italja jenħtieġ li tiġi stabbilita minnufih u tiġi elenkata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u tiġi ffissata d-durata ta’ dak iż-żonar.

(9)

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Italja għandha tiżgura li:

(a)

żona ristretta li tinkludi żona ta’ protezzjoni u żona ta’ sorveljanza tiġi stabbilita minnufih mill-Italja f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu;

(b)

iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza msemmija fil-paragrafu (a) jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-18 ta’ Novembru 2023.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/594 tas-16 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard għad-deni tal-ħnieżer Afrikan u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605 (ĠU L 79, 17.3.2023, p. 65).


ANNESS

Żoni stabbiliti bħala ż-żoni ristretti fl-Italja kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Żona ta’ protezzjoni: il-Muniċipalitajiet kollha tal-Provinċja ta’ Pavia, fir-Reġjun tal-Lombardia li jinsabu f’żewġ ċrieki b’radjus ta’ 10 km, li ċ-ċentru tagħhom jinsab fi:

Latitudni 44,992703; Lonġitudni 9,116519

Latitudni 45,124925, Lonġitudni 8,993081

Latitudni 45,121351; Lonġitudni 9,009241

28.11.2023

Żona ta’ sorveljanza: il-Muniċipalitajiet kollha tal-Provinċja ta’ Pavia, fir-Reġjun tal-Lombardia, li mhumiex diġà inklużi fiż-żoni ristretti I u II kif elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/594 u l-Muniċipalitajiet ta’ Isola Sant’Antonio, Molino dei Torti, Alzano Scrivia u Guazzora, fil-Provinċja ta’ Alessandria, fir-Reġjun ta’ Piemonte

28.11.2023


Top