Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0828

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/828 tat-2 ta’ Frar 2023 li jikkoreġi r-Regolament Delegat (UE) 2020/2015 fir-rigward tal-eżenzjoni marbuta mal-kapaċità ta’ sopravivenza għall-qabdiet ta’ lingwata komuni minn bastimenti b’tul ta’ inqas minn 12-il metru u li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ bid-diriġenti, fl-Ilmijiet tal-Punent, fid-diviżjoni 7e tal-ICES, għall-2023

C/2023/699

ĠU L 104, 19.4.2023, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/828/oj

19.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 104/23


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/828

tat-2 ta’ Frar 2023

li jikkoreġi r-Regolament Delegat (UE) 2020/2015 fir-rigward tal-eżenzjoni marbuta mal-kapaċità ta’ sopravivenza għall-qabdiet ta’ lingwata komuni minn bastimenti b’tul ta’ inqas minn 12-il metru u li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ bid-diriġenti, fl-Ilmijiet tal-Punent, fid-diviżjoni 7e tal-ICES, għall-2023

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/1139 u (UE) 2018/973, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007 u (KE) Nru 1300/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2015 (2) jipprovdi dettalji dwar kif għandu jiġi implimentat l-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd demersali fl-Ilmijiet tal-Punent għall-perjodu 2021-2023.

(2)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/2015 ġie emendat l-aħħar permezz tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2290 (3).

(3)

Fil-25 ta’ Ottubru 2022, Franza infurmat lill-Kummissjoni bi żball introdott fir-Regolament Delegat (UE) 2020/2015 bir-Regolament Delegat (UE) 2022/2290. Dan jikkonċerna eżenzjoni ġdida marbuta mal-kapaċità ta’ sopravivenza għal-lingwata komuni (Solea solea) li tkun iżgħar mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni (MCRS) li tinqabad fid-diviżjoni 7e tal-ICES minn bastimenti b’tul ta’ inqas minn 12-il metru u li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ bid-diriġenti (OTB), b’daqs tal-malja tal-manka ta’ aktar minn 80 mm. L-iżball huwa li ma ġiex inkluż id-daqs tal-malja tal-manka ta’ 80 mm u li ma huwiex iddefinit limitu ta’ daqs.

(4)

Franza talbet lill-Kummissjoni tikkoreġi dak l-iżball, sabiex l-eżenzjoni kkonċernata tkun tinkludi daqs tal-malja ekwivalenti għal 80 mm. Franza spjegat li l-bastimenti li jeħtieġu din l-eżenzjoni jużaw meded ta’ daqsijiet tal-malji li jinkludu t-80 mm. Il-konfużjoni tirriżulta minn differenza ta’ abbozzar bejn il-parti prinċipali tar-rakkomandazzjoni konġunta li fuqha huwa bbażat l-att delegat, u l-anness tiegħu. Filwaqt li l-anness tar-rakkomandazzjoni konġunta kien jinkludi b’mod espliċitu d-daqs tal-malja ta’ 80 mm sa 99 mm, sfortunatament l-abbozzar kien differenti fil-parti prinċipali tar-rakkomandazzjoni konġunta.

(5)

Barra minn hekk, fil-parir tiegħu, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) kien ivvaluta l-eżenzjoni mitluba wkoll għal daqs tal-malja ta’ 80 mm (u mhux biss għal daqs tal-malja ta’ aktar minn 80 mm) b’limitu ta’ 99 mm.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li tingħata l-eżenzjoni għal-lingwata komuni li tkun iżgħar mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni (MCRS) magħmula bl-użu ta’ rkaptu tat-tkarkir bid-diriġenti b’daqs tal-malja tal-manka ta’ 80-99 mm, minn bastimenti ta’ inqas minn 12-il metru sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2015 jiġi kkoreġut biex ikopri rkaptu tat-tkarkir bid-diriġenti b’daqs tal-malja tal-manka ta’ 80 sa 99 mm, minflok dak li jkun aktar minn 80 mm biss.

(8)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibli, billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati. Jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2023, peress li l-bastimenti ta’ inqas minn12-il metru, li jeħtieġu din l-eżenzjoni jużaw meded ta’ daqsijiet tal-malji li jinkludu t-80 mm,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2020/2015

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2015 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-eżenzjoni tas-sopravivenza prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika:

fid-diviżjoni 7d tal-ICES, sa sitt mili nawtiċi mill-kosta iżda barra miż-żoni ta’ tkabbir identifikati, għall-qabdiet ta’ lingwata komuni (Solea solea) inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni bl-użu ta’ rkapti tax-xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti (kodiċijiet tal-irkaptu: OTT, OTB, TBS, TBN, TB, PTB, OT, PT, TX) b’daqs tal-malja tal-manka ta’ 80 sa 99 mm, minn bastimenti:

li għandhom tul massimu ta’ 10 metri u qawwa massima tal-magna ta’ 221 kW; u

li jistadu f’ilmijiet b’fond ta’ 30 metru jew inqas u b’ħinijiet ta’ rmunkar sa disgħin minuta.

fid-diviżjoni 7e tal-ICES, sa sitt mili nawtiċi mill-kosta iżda barra miż-żoni ta’ tkabbir identifikati, għall-qabdiet ta’ lingwata komuni (Solea solea) inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni bl-użu ta’ rkapti li jkunu tax-xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti (kodiċijiet tal-irkaptu: OTB) b’daqs tal-malja tal-manka ta’ 80 sa 99 mm, minn bastimenti ta’ inqas minn 12-il metru.”

Artikolu 2

Data tad-dħul fis-seħħ u perjodu ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Frar 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 83, 25.3.2019, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2015 tal-21 ta’ Awwissu 2020 li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd fl-Ilmijiet tal-Punent għall-perjodu 2021-2023 (ĠU L 415, 10.12.2020, p. 22).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2290 tad-19 ta’ Awwissu 2022 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/2015 fir-rigward ta’ ċerti eżenzjonijiet għall-obbligu ta’ ħatt l-art fl-Ilmijiet tal-Punent għall-2023 (ĠU L 303, 23.11.2022, p. 12).


Top