This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023R0407
Council Regulation (EU) 2023/407 of 23 February 2023 amending Regulation (EU) No 36/2012 concerning restrictive measures in view of the situation in Syria
Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/407 tat-23 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja
Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/407 tat-23 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja
ST/6382/2023/INIT
ĠU L 56I, 23.2.2023, p. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
23.2.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 56/1 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2023/407
tat-23 ta’ Frar 2023
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fit-18 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK (1) u r-Regolament (UE) Nru 36/2012 (2) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, skont l-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill li fihom il-Kunsill ikkundanna l-vjolenza u l-ksur gravi mifrux u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja. |
(2) |
Fid-dawl tas-sitwazzjoni li qed tmur għall-agħar fis-Sirja u l-ksur mifrux u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż l-użu ta’ armi kimiċi kontra l-popolazzjoni ċivili, il-Kunsill kompla jżid l-ismijiet mal-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi tal-Unjoni. |
(3) |
It-terremot traġiku tas-6 ta’ Frar 2023 iggrava l-kundizzjonijiet imwiegħra u żied it-tbatija tal-popolazzjoni Sirjana. |
(4) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-9 ta’ Frar 2023, il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid ir-rieda tal-Unjoni li tipprovdi aktar assistenza biex ittaffi t-tbatija fir-reġjuni affettwati kollha. Huwa appella lil kulħadd biex jiżgura l-aċċess umanitarju għall-vittmi tat-terremot fis-Sirja irrispettivament minn fejn jinsabu u appella lill-komunità umanitarja, taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, biex tiżgura t-twassil rapidu tal-għajnuna. |
(5) |
Il-miżuri restrittivi tal-Unjoni, inklużi dawk adottati fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, mhumiex maħsuba biex jostakolaw u lanqas jimpedixxu l-provvista ta’ għajnuna umanitarja lil persuni fil-bżonn. Il-kummerċ fil-maġġoranza tas-setturi bejn l-Unjoni u s-Sirja – inkluż fl-ikel u l-mediċini – mhuwiex ristrett mill-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ miżuri individwali, hemm eċċezzjonijiet fis-seħħ biex jippermettu li fondi u riżorsi ekonomiċi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-persuni u l-entitajiet ddeżinjati, meta tali fondi u riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa biss għall-fini ta’ għoti tal-għajnuna umanitarja fis-Sirja jew tal-assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja. F’ċerti każijiet, hija meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti nazzjonali rilevanti. |
(6) |
Sabiex ikun hemm rispons għall-urġenza tal-kriżi umanitarja fis-Sirja aggravata mit-terremot u bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat it-twassil rapidu tal-għajnuna, huwa xieraq li tiġi introdotta eżenzjoni għall-iffriżar tal-assi tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi u l-entitajiet ddeżinjati, u għar-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi lilhom, għall-benefiċċju ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u ċerti kategoriji definiti ta’ atturi involuti fl-attivitajiet umanitarji u għal perjodu inizjali ta’ sitt xhur. |
(7) |
L-emendi inklużi f’dan ir-Regolament jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex dawn jiġu implimentati, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġi żgurat l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha. |
(8) |
Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 16a tar-Regolament (UE) Nru 36/2012 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 16a
1. Il-projbizzjonijiet stabbilti fl-Artikolu 14(1) u (2) ma għandhomx japplikaw sal-25 ta’ Awwissu 2023 għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi neċessarji biex jiġi żgurat it-twassil fil-ħin tal-assistenza umanitarja jew biex jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem meta tali assistenza u attivitajiet oħra jitwettqu minn:
(a) |
in-Nazzjonijiet Uniti, inklużi l-programmi, il-fondi u l-entitajiet u l-korpi l-oħra tagħha, kif ukoll l-aġenziji speċjalizzati u l-organizzajonijiet relatati tagħha; |
(b) |
organizzazzjonijiet internazzjonali; |
(c) |
organizzazzjonijiet umanitarji li jkollhom status ta’ osservatur fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet umanitarji; |
(d) |
organizzazzjonijiet nongovernattivi ffinanzjati b’mod bilaterali jew multilaterali li jipparteċipaw fil-Pjanijiet ta’ Rispons Umanitarju tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Pjanijiet ta’ Rispons għar-Refuġjati, appelli oħra tan-Nazzjonijiet Uniti jew raggruppamenti umanitarji kkoordinati mill-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (United Nations Office for the Coordination of Humanitarian Affairs, OCHA); |
(e) |
korpi pubbliċi jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jirċievu finanzjament pubbliku mill-Unjoni jew mill-Istati Membri biex jiżguraw it-twassil fil-ħin tal-assistenza umanitarja jew biex jappoġġaw attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem għall-popolazzjoni ċivili fis-Sirja; |
(f) |
meta mhux koperti mill-paragrafi (a) sa (d), l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji li huma vvalutati skont il-pilastri mill-Unjoni u li magħhom l-Unjoni tkun iffirmat ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja li abbażi tiegħu l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji jaġixxu bħala sħab umanitarji tal-Unjoni; |
(g) |
l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji li lilhom l-Unjoni tkun tat iċ-Ċertifikat ta’ Sħubija Umanitarja jew li jkunu ċċertifikati jew rikonoxxuti minn Stat Membru f’konformità ma’ proċeduri nazzjonali; |
(h) |
aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri; jew minn |
(i) |
l-impjegati, il-benefiċjarji, is-sussidjarji, jew is-sħab ta’ implimentazzjoni tal-entitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (h) waqt li, u sa fejn, ikunu qed jaġixxu f’dawk il-kapaċitajiet. |
2. Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 14(2) ma għandhiex tapplika għal fondi jew riżorsi ekonomiċi mqiegħda għad-dispożizzjoni minn korpi pubbliċi jew minn persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jirċievu finanzjament pubbliku mill-Unjoni jew mill-Istati Membri biex jipprovdu l-għajnuna umanitarja fis-Sirja jew l-assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja meta l-provvista ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi hija f’konformità mal-Artikolu 6a(1).
3. Fil-każijiet mhux koperti mill-paragrafi 1 u 2, u permezz ta’ deroga mill-Artikolu 14(2), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, kif identifikata fis-siti web elenkati fl-Anness III, tista’ tawtorizza t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skont it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi li tqis xierqa, dment li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa għall-għan uniku li tingħata l-għajnuna umanitarja fis-Sirja jew l-assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja.
4. Fil-każijiet mhux koperti mill-paragrafi 1 u 2, u permezz ta’ deroga mill-Artikolu 14(1), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, kif identifikata fis-siti web elenkati fl-Anness III, tista’ tawtorizza r-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, skont it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi li tqis xierqa, dment li:
(a) |
il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa għall-għan uniku li tingħata l-għajnuna umanitarja fis-Sirja jew l-assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja; u |
(b) |
il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jiġu rilaxxati lin-NU għall-fini tat-twassil jew il-faċilitazzjoni tal-assistenza fis-Sirja f’konformità mal-Pjan ta’ Rispons Umanitarju Sirjan jew kull pjan suċċessur ikkoordinat min-NU. |
5. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu fi żmien ġimagħtejn minn kull awtorizzazzjoni mogħtija.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Frar 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
J. ROSWALL
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 147, 1.6.2013, p. 14).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li tħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU L 16, 19.1.2012, p. 1).