Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2378

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2378 tat-2 ta’ Diċembru 2022 dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ħa l-Health and Safety Executive tar-Renju Unit li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2022) 8678) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    C/2022/8678

    ĠU L 314, 6.12.2022, p. 99–101 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/2378/oj

    6.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 314/99


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2378

    tat-2 ta’ Diċembru 2022

    dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ħa l-Health and Safety Executive tar-Renju Unit li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (notifikata bid-dokument C(2022) 8678)

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu tiegħu, flimkien mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

    Billi:

    (1)

    Fit-28 ta’ April 2022, il-Health and Safety Executive tar-Renju Unit f’isem il-Health and Safety Executive tal-Irlanda ta’ Fuq (“l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit”) adottat deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 55(1), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 biex tippermetti sad-29 ta’ Ottubru 2022 it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq (“l-azzjoni”). F’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tieni subparagrafu ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit infurmat lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bl-azzjoni u bil-ġustifikazzjoni tagħha.

    (2)

    Skont l-informazzjoni li tat l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit, l-azzjoni kienet meħtieġa biex titħares is-saħħa pubblika. Il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru hija kkawżata minn mikroorganiżmi, bħall-batterji, il-moffa u l-ħmira, li jikbru fl-ilma qiegħed u jieħdu vantaġġ mill-idrokarburi fil-fjuwil fl-interfaċċa bejn il-fjuwil u l-ilma. Mingħajr trattament, il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru tista’ twassal għal funzjonament ħażin tal-magni tal-inġenji tal-ajru, u tipperikola l-ajrunavigabbiltà tagħhom, u b’hekk tipperikola s-sikurezza tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ. Il-prevenzjoni u t-trattament tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika, meta tiġi identifikata, huma għalhekk kruċjali sabiex jiġu evitati problemi operattivi tal-inġenji tal-ajru.

    (3)

    Biobor JF fih 2,2’-(1-metiltrimetilendiossi)bis-(4-metil-1,3,2-diossaborinan) (in-numru CAS 2665-13-6) u 2,2’-ossibis (4,4,6-trimetil-1,3,2-diossaborinan) (in-numru CAS 14697-50-8) bħala sustanzi attivi. Biobor JF huwa prodott bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6, jiġifieri “preservattiv għall-prodotti matul il-ħżin”, kif iddefinit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. 2,2’-(1-metiltrimetilendiossi)bis-(4-metil-1,3,2-diossaborinan) u 2,2’-ossibis (4,4,6-trimetil-1,3,2-diossaborinan) ma ġewx evalwati għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6. Billi dawk is-sustanzi mhumiex elenkati fl-Anness II tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2), mhumiex inklużi fil-programm ta’ ħidma tal-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi eżistenti kollha li hemm fil-prodotti bijoċidali msemmija fir-Regolament (UE) Nru 528/2012. Għaldaqstant, l-Artikolu 89 ta’ dak ir-Regolament ma japplikax għal dawk is-sustanzi attivi u dawn għandhom jiġu vvalutati u approvati qabel ma l-prodotti bijoċidali li jkunu fihom ikunu jistgħu jiġu awtorizzati wkoll fil-livell nazzjonali.

    (4)

    F’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, fil-5 ta’ Awwissu 2022, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit biex l-azzjoni tiġi estiża fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. It-talba motivata saret abbażi tat-tħassib li s-sikurezza tat-trasport tal-ajru tista’ tkompli tiġi pperikolata mill-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-arju u l-argument li l-Biobor JF huwa essenzjali sabiex tiġi kkontrollata tali kontaminazzjoni mikrobijoloġika.

    (5)

    Skont l-informazzjoni li tat l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit l-uniku prodott bijoċidali alternattiv rakkomandat mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u tal-magni tal-inġenji tal-ajru għat-trattament tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika (Kathon™ FP 1.5) ġie rtirat mis-suq f’Marzu tal-2020 minħabba anomaliji serji fl-imġiba fl-inġenji tal-ajru li kienu osservati wara t-trattament b’dak il-prodott. Għalhekk, Biobor JF huwa l-uniku prodott disponibbli għal dak l-użu rrakkomandat mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u tal-magni tal-inġenji tal-ajru.

    (6)

    Kif indikat mill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit, il-proċedura alternattiva għat-trattament ta’ kontaminazzjoni mikrobijoloġika eżistenti hija t-tneħħija manwali ġewwa t-tank wara t-tneħħija tal-fjuwil, u t-tindif tal-inġenju tal-ajru. Madankollu, dik il-proċedura mhux dejjem possibbli li taħdem u tkun tesponi lill-ħaddiema għal gassijiet tossiċi u għalhekk, jenħtieġ li tiġi evitata.

    (7)

    Skont l-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni, il-manifattur tal-Biobor JF ħa passi għall-awtorizzazzjoni regolari futura tal-prodott. Applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li fih il-Biobor JF hija mistennija li titressaq f’nofs l-2023. L-approvazzjoni tas-sustanzi attivi u l-awtorizzazzjoni sussegwenti tal-prodott bijoċidali jkunu jikkostitwixxu soluzzjoni permanenti għall-futur, iżda dawk il-proċeduri jkunu jeħtieġu ammont sinifikanti ta’ żmien biex jitlestew.

    (8)

    Peress li n-nuqqas ta’ kontroll tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru u tas-sistemi tal-fjuwil jista’ jipperikola s-sikurezza tat-trasport bl-ajru u dak il-periklu ma jistax jitrażżan b’mod adegwat bl-użu ta’ prodott bijoċidali ieħor jew b’mezzi oħra, huwa xieraq li l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit titħalla testendi l-azzjoni fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

    (9)

    Peress li l-azzjoni skadiet fid-29 ta’ Ottubru 2022, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika b’mod retroattiv.

    (10)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Health and Safety Executive tar-Renju Unit, li jaġixxi f’isem il-Health and Safety Executive tal-Irlanda ta’ Fuq, jista’ jestendi sat-2 ta’ Mejju 2024 il-permess għat-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru, fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Health and Safety Executive tar-Renju Unit, li taġixxi f’isem il-Health and Safety Executive tal-Irlanda ta’ Fuq.

    Għandha tapplika mit-30 ta’ Ottubru 2022.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Stella KYRIAKIDES

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1).


    Top