EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2377

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2377 tal-5 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

ST/14652/2022/INIT

ĠU L 314, 6.12.2022, p. 97–98 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2377/oj

6.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/97


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/2377

tal-5 ta’ Diċembru 2022

li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/788/PESK (1).

(2)

Fit-12 ta' Diċembru 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/2231 (2) b'reazzjoni għat-tfixkil tal-proċess elettorali u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem marbut miegħu fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK). Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/2231 emendat id-Deċiżjoni 2010/788/PESK u introduċiet miżuri restrittivi addizzjonali fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK.

(3)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fir-RDK, il-Kunsill iqis li l-kriterji ta' deżinjazzjoni fid-Deċiżjoni 2010/788/PESK jenħtieġ li jiġu emendati biex jippermettu l-applikazzjoni ta' miżuri restrittivi mmirati kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jsostnu, jappoġġaw jew jibbenefikaw mill-kunflitt armat, l-instabbiltà jew l-insigurtà fir-RDK.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2010/788/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/788/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-miżuri restrittivi kif previst fl-Artikoli 4(1) u 5(1) u (2) għandhom jiġu imposti kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi:

(a)

li jkunu qed jimpedixxu soluzzjoni kunsenswali u paċifika lejn elezzjonijiet fir-RDK, inkluż b'atti ta' vjolenza, repressjoni jew inċitament għall-vjolenza, jew billi jdgħajfu l-istat tad-dritt;

(b)

involuti fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur serju jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK;

(c)

responsabbli għas-sostenn tal-kunflitt armat, l-instabbiltà jew l-insigurtà fir-RDK;

(d)

li jkunu qed jagħtu appoġġ lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fil-punt (c);

(e)

li jkunu qed jinkoraġixxu l-vjolenza b'konnessjoni mal-azzjonijiet imsemmija fil-punti (b), (c) u (d);

(f)

li jkunu qed jisfruttaw il-kunflitt armat, l-instabbiltà jew l-insigurtà fir-RDK, inkluż permezz tal-isfruttament jew il-kummerċ illeċitu ta' riżorsi naturali u organiżmi selvaġġi;

(g)

assoċjati ma' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fil-punti (a), (b), (c), (d), (e) jew (f);

kif elenkat fl-Anness II.”

;

(2)

fl-Anness II, it-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Lista ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 3(2)”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

M. KUPKA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK tal-20 ta’ Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU L 336, 21.12.2010, p. 30).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2231 tat-12 ta’ Diċembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU L 336I, 12.12.2016, p. 7).


Top