Alegeți funcționalitățile experimentale pe care doriți să le testați

Acest document este un extras de pe site-ul EUR-Lex

Document 32022D2376

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2376 tal-5 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

    ST/12454/2022/INIT

    ĠU L 314, 6.12.2022, p. 90-96 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Statutul juridic al documentului care este în vigoare

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2376/oj

    6.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 314/90


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/2376

    tal-5 ta’ Diċembru 2022

    li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fis-7 ta' Diċembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 (1).

    (2)

    Il-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 japplikaw fir-rigward tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni sat-8 ta' Diċembru 2022.

    (3)

    Abbażi ta' rieżami tal-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999, il-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 ta' dik id-Deċiżjoni fir-rigward tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi elenkati f'dak l-Anness jenħtieġ li jiġu estiżi sat-8 ta' Diċembru 2023. L-entrati li jikkonċernaw sitt persuni fiżiċi u żewġ entitajiet inklużi f'dak l-Anness jenħtieġ li jiġu aġġornati.

    (4)

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 għalhekk jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 hija emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 10, fit-tieni sentenza, id-data "8 ta' Diċembru 2022" hija sostitwita bid-data "8 ta' Diċembru 2023";

    (2)

    l-Anness huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. KUPKA


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999 tas-7 ta' Diċembru 2020 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (ĠU L 410I, 7.12.2020, p. 13).


    ANNESS

    L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 ("Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikoli 2 u 3") huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fit-taqsima A, l-entrati għas-sitt persuni fiżiċi li ġejjin huma sostitwiti b'dan li ġej:

    A.

    Persuni fiżiċi

     

    Ismijiet

    (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

    Ismijiet

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet għall-elenkar

    Data tal-elenkar

    "1.

    Alexander (Alexandr) Petrovich KALASHNIKOV

    Aлександр Петрович КАЛАШНИКОВ

    (ortografija Russa)

    Kariga/i: Eks Direttur tas-Servizz Penitenzjarju Federali Russu (FSIN)

    Data tat-twelid: 27.1.1964

    Post tat-twelid: Tatarsk, Reġjun/Oblast ta' Novosibirsk, SFSR Russa (issa l-Federazzjoni Russa)

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Alexander Kalashnikov kien id-direttur tas-Servizz Penitenzjarju Federali Russu (FSIN) mit-8 ta' Ottubru 2019 sal-25 ta' Novembru 2021. F'dik il-pożizzjoni, huwa ssorvelja l-attivitajiet kollha tal-FSIN. Fil-kapaċità tiegħu bħala direttur tal-FSIN, huwa kien responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, inkluż arresti u detenzjonijiet arbitrarji.

    Fil-każ ta' Alexei Navalny, waqt li s-Sur Navalny kien qed jirkupra fil-Ġermanja (Settembru 2020-Jannar 2021) wara li kien ġie avvelenat b'aġent nervin tossiku tal-grupp Novichok, fit-28 ta' Diċembru 2020, l-FSIN ordna li b'mod immedjat jippreżenta ruħu quddiem uffiċjal tal-probation jew, jekk jonqos milli jagħmel dan, jiffaċċja sentenza ta' ħabs talli jkun kiser il-kondizzjonijiet ta' sentenza sospiża fuq kundanna għal frodi. Dik il-kundanna għal frodi nstabet li kienet arbitrarja u inġusta mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-2018. Fis-17 ta' Jannar 2021, fuq ordnijiet ta' Alexander Kalashnikov, uffiċjali tal-FSIN arrestaw lil Alexei Navalny mal-wasla tiegħu fl-ajruport ta' Moska.

    L-arrest ta' Alexei Navalny huwa bbażat fuq deċiżjoni tal-qorti tal-belt ta' Khimki, li min-naħa tagħha nħarġet fuq talba tal-FSIN. Lejn l-aħħar ta' Dicembru 2020, l-FSIN kien diġà talab li qorti tissostitwixxi s-sentenza sospiża ta' Alexei Navalny b'sentenza ta' ħabs. Fis-17 ta' Frar 2021, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ordnat lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa jirrilaxxa lil Alexei Navalny.

    2.3.2021

    6.

    WANG Junzheng

    王君正

    (ortografija Ċiniża)

    Kariga/i: Segretarju tal-Partit Komunista Ċiniż (CCP) fir-Reġjun Awtonomu tat-Tibet (TAR); Eks Segretarju tal-Partit tal-Korp ta' Produzzjoni u Kostruzzjoni ta' Xinjiang (KPKX) u Viċi Segretarju tal-Kumitat tal-Partit tar-Reġjun Awtonomu Ujgur ta' Xinjiang fiċ-Ċina; Kummissarju politiku tal-XPCC u CEO taċ-China Xinjian Group

    Data tat-twelid: Mejju 1963

    Post tat-twelid: Linyi, Shandong (iċ-Ċina)

    Nazzjonalità: Ċiniża

    Sess: raġel

    Segretarju tal-Partit Komunista Ċiniż (CCP) fir-Reġjun Awtonomu tat-Tibet (TAR) sa minn Ottubru 2021. Eks Segretarju tal-Partit tal-Korp ta' Produzzjoni u Kostruzzjoni ta' Xinjiang (KPKX) u Viċi Segretarju tal-Kumitat tal-Partit tar-Reġjun Awtonomu Ujgur ta' Xinjiang (RAUX) fiċ-Ċina minn April 2020 sa Ottubru 2021, kif ukoll Kummissarju politiku tal-KPKX minn Mejju 2020 sa Ottubru 2021. Eks Segretarju tal-Kumitat għall-Affarijiet Politiċi u Legali tar-RAUX, minn Frar 2019 sa Settembru 2020. Wang Junzheng okkupa wkoll karigi għolja oħra fil-KPKX.

    L-XPCC huwa organizzazzjoni ekonomika u paramilitari tal-istat fl-XUAR, li teżerċita awtorità amministrattiva u tikkontrolla l-attivitajiet ekonomiċi f'Xinjiang.

    Bħala Segretarju tal-Partit u Kummissarju Politiku tal-KPKX, Wang Junzheng kien involut fis-sorveljanza tal-politiki kollha implimentati mill-KPKX. F'dik il-kariga, huwa kien responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, b'mod partikolari detenzjonijiet arbitrarji u trattament degradanti fuq skala kbira li laqat lill-Ujguri u lil popli minn minoranzi etniċi Musulmani oħrajn, kif ukoll ksur sistematiku tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin tagħhom, fost l-oħrajn, b'rabta mal-implimentazzjoni mill-KPKX ta' programm ta' sorveljanza, detenzjoni u indottrinazzjoni fuq skala kbira mmirat lejn l-Ujguri u nies minn minoranzi etniċi Musulmani oħrajn.

    Hu kien responsabbli wkoll mill-użu sistematiku mill-KPKX tal-Ujguri u nies minn minoranzi etniċi Musulmani oħrajn bħala forza tax-xogħol furzat, b'mod partikolari fl-għelieqi tal-qoton.

    Bħala Viċi Segretarju tal-Kumitat tal-Partit tar-RAUX, Wang Junzheng kien involut fis-sorveljanza tal-politiki tas-sigurtà kollha implimentati f'Xinjiang, inkluż il-programm imsemmi qabel immirat lejn l-Ujguri u nies minn minoranzi etniċi Musulmani oħrajn. Bħala Segretarju tal-Kumitat għall-Affarijiet Politiċi u Legali tar-RAUX minn Frar 2019 sa Settembru 2020, Wang Junzheng kien responabbli miż-żamma tas-sigurtà interna u l-infurzar tal-liġi fir-RAUX. Bħala tali, kellu kariga politika importanti inkarigat biex jissorvelja u jimplimenta l-programm imsemmi qabel.

    22.3.2021

    9.

    JONG Kyong-thaek (magħruf ukoll bħala CHO'NG Kyo'ng-t'aek)

    정경택

    (ortografija Koreana)

    Kariga/i: Direttur tal-Bureau tal-Politika Ġenerali tal-Armata tal-Poplu Korean; Eks Ministru għas-Sigurtà tal-Istat tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK)

    Data tat-twelid: bejn l-1.1.1961 u l-31.12.1963

    Nazzjonalità: Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK)

    Sess: raġel

    Jong Kyong-thaek huwa d-Direttur tal-Bureau tal-Politika Ġenerali tal-Armata tal-Poplu Korean. Hu kien il-Ministru għas-Sigurtà tal-Istat tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK) mill-2017 sal-2021. Il-Ministeru għas-Sigurtà tal-Istat tar-RDPK hu wieħed mill-istituzzjonijiet ewlenin responsabbli mill-implimentazzjoni tal-politiki repressivi tas-sigurtà tar-RDPK, b'enfasi fuq l-identifikazzjoni u t-trażżin ta' dissens politiku, l-influss ta' informazzjoni "sovversiva" minn barra, u kull imġiba oħra meqjusa bħala theddida politika serja għas-sistema politika u t-tmexxija tagħha.

    Bħala Eks Kap tal-Ministeru għas-Sigurtà tal-Istat, Jong Kyong-thaek huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK, b'mod partikolari tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji, arbitrarji u sommarji u qtil, għajbien sfurzat ta' persuni, u arresti jew detenzjonijiet arbitrarji, kif ukoll xogħol furzat mifrux u vjolenza sesswali kontra n-nisa.

    22.3.2021

    10.

    RI Yong Gil (magħruf ukoll bħala RI Yong Gi, RI Yo'ng-kil, YI Yo'ng-kil)

    리영길

    (ortografija Koreana)

    Kariga/i: Ministru għad-Difiża Nazzjonali tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK)

    Grad: Viċi Marixall

    Data tat-twelid: 1955

    Nazzjonalità: Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK)

    Sess: raġel

    Ri Yong Gil huwa l-Ministru għad-Difiża Nazzjonali tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK). Huwa kien il-Ministru għas-Sigurtà Soċjali minn Jannar 2021 sa Ġunju jew Lulju 2021. Kien Kap tal-Istat Maġġur tal-Armata tal-Poplu Korean (KPA) bejn l-2018 u Jannar 2021. Huwa ġie promoss għal Viċi Marixall tal-KPA fl-14 ta' April 2022.

    Bħala Ministru għad-Difiża Nazzjonali, Ri Yong Gil huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż minn membri tal-Kmand tas-Sigurtà Militari u unitajiet oħra tal-KPA.

    Il-Ministeru għas-Sigurtà Soċjali tar-RDPK (li qabel kien magħruf bħala l-Ministeru għas-Sigurtà tal-Poplu jew il-Ministeru għas-Sigurtà Pubblika) u l-Kmand tas-Sigurtà Militari huma istituzzjonijiet responsabbli milli jimplimentaw il-politiki ta' sigurtà repressivi tar-RDPK, fosthom l-interrogazzjoni u l-ikkastigar ta' nies li jaħarbu mir-RDPK "illegalment". B'mod partikolari, il-Ministeru għas-Sigurtà Soċjali hu responsabbli milli jmexxi kampijiet tal-ħabs u ċentri ta' xogħol ta' detenzjoni fuq perjodu qasir ta' żmien permezz tal-Uffiċċju Korrettiv tiegħu, fejn il-priġunieri/detenuti jitħallew bil-ġuħ apposta u huma soġġetti għal trattament inuman ieħor.

    Bħala eks Kap tal-Ministeru għas-Sigurtà Soċjali, Ri Yong Gil huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK, b'mod partikolari tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji, arbitrarji u sommarji u qtil, għajbien sfurzat ta' persuni, u arresti jew detenzjonijiet arbitrarji, kif ukoll xogħol furzat mifrux u vjolenza sesswali kontra n-nisa.

    Bħala eks Kap tal-Persunal Ġenerali tal-KPA, Ri Yong Gil huwa responsabbli wkoll għall-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-KPA.

    22.3.2021

    12.

    Abderrahim AL-KANI (magħruf ukoll bħala Abdul-Rahim AL-KANI, Abd-al-Rahim AL-KANI, Abdel Rahim KHALIFA Abdel Rahim AL-SHAQAQI)

    عبد الرحيم الكاني

    (ortografija bl-Għarbi)

    Kariga/i: membru tal-Milizzja Kaniyat

    Data tat-twelid: 7.9.1997

    Nazzjonalità: Libjana

    Numru tal-passaport: PH3854LY

    Numru tal-karta tal-identità: 119970331820

    Sess: raġel

    Abderrahim Al-Kani huwa membru ewlieni tal-Milizzja Kaniyat u ħu l-Kap tal-Milizzja Kaniyat, Mohammed Khalifa Al-Khani (miet f'Lulju 2021). Il-Milizzja Kaniyat eżerċitat il-kontroll fuq il-belt Libjana ta' Tarhuna bejn l-2015 u Ġunju 2020.

    Abderrahim Al-Kani huwa inkarigat mis-sigurtà interna għall-Milizzja Kaniyat. F'dik il-kapaċità, huwa responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja, b'mod partikolari qtil ekstraġudizzjarju u għajbien sfurzat ta' persuni bejn l-2015 u Ġunju 2020 f'Tarhuna.

    Abderrahim Al-Kani u l-Milizzja Kaniyat ħarbu minn Tarhuna fil-bidu ta' Ġunju 2020 lejn il-Lvant tal-Libja. Minn dakinhar, diversi oqbra tal-massa attribwiti lill-Milizzja Kaniyat ġew skoperti f'Tarhuna.

    22.3.2021

    16.

    Dimitriy (Dimitry, Dmitri, Dmitry) Valerievich UTKIN

    Дмитрий Валерьевич Уткин

    (Ortografija Russa)

    Kariga/i: Fundatur u kmandant tal-Grupp Wagner

    Grad: Logutenent Kurunell (riżerva)

    Sinjal tas-sejħa: Vagner, Wagner, The Nineth

    ID tal-Grupp Wagner: M-0209

    Data tat-twelid: 1.6.1970 jew 11.6.1970

    Post tat-twelid: Asbest, Sverdlovsk Oblast, SFSR Russa (issa l-Federazzjoni Russa)

    Nazzjonalità: Russa

    Indirizz: Pskov, Russian Federation

    Sess: raġel

    Dimitriy Utkin, eks uffiċjal tal-intelligence militari Russa (GRU), huwa l-fundatur tal-Grupp Wagner u huwa responsabbli għall-koordinazzjoni u l-ippjanar tal-operazzjonijiet għall-iskjerament tal-merċenarji tal-Grupp Wagner f'diversi pajjiżi.

    Fil-pożizzjoni tiegħu ta' kmand fi ħdan il-Grupp Wagner, huwa responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-grupp, li jinkludu tortura u eżekuzzjonijiet u qtil ekstraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji.

    Dan jinkludi t-tortura sal-mewt ta' diżertur Sirjan minn erba' membri tal-Grupp Wagner f'Ġunju 2017 fil-provinċja ta' Homs, is-Sirja. Skont eks membru tal-Grupp Wagner, Dimitriy Utkin personalment ordna t-tortura sal-mewt tad-diżertur kif ukoll l-iffilmjar tal-att.

    13.12.2021"

    (2)

    fit-taqsima B, l-entrati għaż-żewġ entitajiet li ġejjin huma sostitwiti b'dan li ġej:

    B.

    Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi

     

    Isem

    (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

    Isem

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet għall-elenkar

    Data tal-elenkar

    "3.

    Kaniyat Militia (magħrufa wkoll bħala 7th Brigade, Tarhuna 7th Brigade, Tarhuna Brigade) (magħrufa wkoll bħala 9th brigade, Al-Kani Militia, Al-Kaniyat, Kani Brigade, Kaniat, Kaniyat, Kanyat)

    مليشيا كانيات

    (Ortografija Għarbija)

     

    Il-Milizzja Kaniyat hija milizzja armata Libjana, li eżerċitat il-kontroll fil-belt Libjana ta' Tarhuna bejn l-2015 u Ġunju tal-2020. Oqbra tal-massa attribwiti lill-Milizzja Kaniyat ġew skoperti f'Tarhuna minn Ġunju 2020, wara li l-milizzja ħarbet lejn il-Lvant tal-Libja. Il-Milizzja Kaniyat hija responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari qtil ekstraġudizzjarju u l-għajbien sfurzat ta' persuni.

    22.3.2021

    5.

    Grupp Wagner (magħruf ukoll bħala Grupp Vagner, PMC Wagner, Liga, League)

    Група Вагнера

    (Ortografija Russa)

     

    Il-Grupp Wagner huwa entità militari privata mhux inkorporata bbażata fir-Russja, li ġiet stabbilita fl-2014 bħala organizzazzjoni suċċessur tal-Korp Slavoniku. Huwa mmexxi minn Dimitriy Utkin u ffinanzjat minn Yevgeny Prigozhin. Permezz tal-istabbiliment ta' entitajiet lokali, u bl-appoġġ tal-gvernijiet lokali, il-Grupp Wagner jiffinanzja u jwettaq l-operazzjonijiet tiegħu.

    Il-Grupp Wagner huwa responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, is-Sirja, il-Libja, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA), is-Sudan, il-Mali u l-Mozambique, li jinkludu tortura u eżekuzzjonijiet u qtil ekstraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji.

    13.12.2021"


    Sus