EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2182

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2182 tat-30 ta’ Awwissu 2022 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/1798 rigward ir-rekwiżiti għal-lipidi u għall-manjeżju għas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/6107

ĠU L 288, 9.11.2022, p. 18–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/2182/oj

9.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 288/18


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2182

tat-30 ta’ Awwissu 2022

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/1798 rigward ir-rekwiżiti għal-lipidi u għall-manjeżju għas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fost l-oħrajn, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1798 (2) jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni tas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż, li huma bbażati fuq l-iżjed pariri xjentifiċi riċenti (3) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) dwar din il-kwistjoni.

(2)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1798 jipprevedi li s-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż għandu jkun fihom mill-inqas 11-il gramma ta’ aċidu linolejku u 1,4 grammi ta’ aċidu alfa-linoleniku biex jipprovdu r-razzjon totali ta’ kuljum, u li ma għandux ikun fihom iżjed minn 250 mg ta’ manjeżju bħala razzjon totali ta’ kuljum, kif stabbilit fil-punti 4.1, 4.2 u 6 tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Fis-7 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni rċeviet talba, flimkien ma’ lista ta’ provi xjentifiċi ġodda, mingħand Total Diet & Meal Replacements Europe, biex issir reviżjoni tar-rekwiżiti dwar il-kompożizzjoni tal-aċidu linolejku, tal-aċidu alfa-linoleniku, u tal-manjeżju fir-Regolament Delegat (UE) 2017/1798. Fl-10 ta’ Marzu 2020 il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità tevalwa l-evidenza xjentifika u kull evidenza xjentifika ġdida oħra rilevanti disponibbli, u jekk ikun hemm bżonn, taġġorna l-konklużjonijiet tal-opinjoni xjentifika l-aktar riċenti tagħha (4) dwar il-livelli minimi tal-aċidu linolejku u tal-aċidu alfa-linoleniku, kif ukoll dwar il-livell massimu tal-manjeżju fis-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż.

(4)

Fid-dikjarazzjoni tagħha tal-15 ta’ April 2021 dwar l-evidenza xjentifika addizzjonali għall-kompożizzjoni essenzjali tas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż (5), l-Awtorità kkonkludiet li ma hemmx għalfejn jinżied l-aċidu linolejku fis-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż, peress li l-ammont li jiġi rrilaxxat mit-tessut adipuż waqt it-telf tal-piż meta wieħed ikun qed jikkonsma sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż huwa biżżejjed biex jagħmel tajjeb għall-konsum xieraq ta’ aċidu linolejku. Barra minn hekk, l-Awtorità kkonkludiet li filwaqt li madwar 40 % tal-konsum xieraq ta’ aċidu alfa-linoleniku jista’ jkun ipprovdut bir-rilaxx mit-tessut adipuż waqt it-telf tal-piż minn individwi li jkollhom piż żejjed jew li jkunu obeżi meta jkunu qed jikkunsmaw sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż, biex jintlaħaq il-konsum xieraq ta’ kuljum tal-aċidu alfa-linoleniku, ikun irid jingħata 0,8 g kuljum ta’ aċidu linolejku mis-sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li żieda sa 350 mg kuljum fit-total massimu tal-kontenut ta’ manjeżju fis-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż ma tqajjimx tħassib. Filwaqt li l-manjeżju jista’ jikkawża d-dijarea, il-probabbiltà li l-manjeżju jikkawża dijarea severa li tkun ta’ tħassib għall-individwi obeżi jew li jkollhom piż żejjed li jikkunsmaw sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż minħabba dan il-konsum hija baxxa meta wieħed iqis li dawk l-individwi x’aktarx li jkunu jbatu iżjed mill-konstipazzjoni milli mid-dijarea.

(5)

Abbażi tal-konklużjonijiet tal-Awtorità filwaqt li jitqies il-progress xjentifiku, jixraq li jitneħħa r-rekwiżit dwar l-aċidu linolejku fir-Regolament Delegat (UE) 2017/1798, li jitnaqqas il-kontenut minimu ta’ aċidu alfa-linoleniku meħtieġ skont dak ir-Regolament Delegat, u li jiżdied il-massimu tal-kontenut ta’ manjeżju permess f’dawk il-prodotti.

(6)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1798 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1798 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Awwissu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1798 tat-2 ta’ Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għall-ikel għal sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż (ĠU L 259, 7.10.2017, p. 2).

(3)  EFSA NDA Panel (EFSA Panel on Dietetic Products, Nutrition and Allergies), 2015. Scientific Opinion on the essential composition of total diet replacement for weight control, EFSA Journal 2015;13(1):3957, and EFSA NDA Panel (EFSA Panel on Dietetic Products, Nutrition and Allergies), 2016. Scientific Opinion on the Dietary Reference Values for choline, EFSA Journal 2016;14(8):4484.

(4)  EFSA Journal 2016;14(8):4484.

(5)  EFSA NDA Panel (EFSA Panel on Nutrition, Novel Foods and Food Allergens), 2021. Statement on additional scientific evidence in relation to the essential composition of total diet replacement for weight control. EFSA Journal 2021;19(4):6494.


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1798 hu emendat kif ġej:

(1)

il-punt 4.1 jitħassar;

(2)

il-punt 4.2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-aċidu alfa-linoleniku li hemm fis-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż ma għandux ikun inqas minn 0,8 g għar-razzjon totali ta’ kuljum.”;

(3)

fil-punt 6, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Is-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż ma għandux ikun fihom aktar minn 350 mg manjeżju għar-razzjon totali ta’ kuljum.”


Top