Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2179

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2179 tat-8 ta’ Novembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/1770 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali

    ST/12450/2022/INIT

    ĠU L 288, 9.11.2022, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2179/oj

    9.11.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 288/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2179

    tat-8 ta’ Novembru 2022

    li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/1770 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1770 tat-28 ta’ Settembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-28 ta’ Settembru 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/1770.

    (2)

    Fil-5 ta’ Ottubru 2022, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”) stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 2374 (2017) tal-KSNU aġġorna l-informazzjoni marbuta ma’ tliet individwi soġġetti għal miżuri restrittivi.

    (3)

    Għalhekk l-Anness I tar-Regolament (UE) 2017/1770 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness I tar-Regolament (UE) 2017/1770 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Z. STANJURA


    (1)  ĠU L 251, 29.9.2017, p. 1.


    ANNESS

    Fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2017/1770 taħt l-intestatura "Lista ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2a", l-entrati 3, 4 u 5 huma sostitwiti b'dan li ġej:

    "3   MAHRI SIDI AMAR BEN DAHA (magħruf ukoll bħala: a) Yoro Ould Daha b) Yoro Ould Daya c) Sidi Amar Ould Daha d) Yoro)

    Deżinjazzjoni: Viċi kap tal-persunal tal-koordinazzjoni reġjonali tal-Mécanisme opérationnel de coordination (MOC) f'Gao

    Data tat-twelid: 1 ta' Jannar 1978

    Post tat-twelid: Djebock, il-Mali

    Nazzjonalità: Maljan

    Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: 11262/1547

    Indirizz: Golf Rue 708 Door 345, Gao, Mali

    Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 10 ta' Lulju 2019 (emendata fid-19 ta' Diċ. 2019, l-14 ta' Jan. 2020, il-5 ta' Ott. 2022)

    Informazzjoni oħra: Mahri Sidi Amar Ben Daha huwa mexxej tal-komunità Għarbija ta' Lehmar ta' Gao u l-kap tal-persunal militari tal-fergħa favur il-gvern tal-Mouvement Arabe de l'Azawad (MAA), assoċjat mal-koalizzjoni tal-Plateforme des mouvements du 14 juin 2014 d'Alger (Plateforme). Elenkat skont il-paragrafi 1 sa 3 tar-Riżoluzzjoni 2374 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà (Projbizzjoni fuq Vjaġġar, Iffriżar tal-Assi). Allegatament miet fi Frar 2020.

    Ritratt huwa disponibbli biex jiddaħħal fl-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU:

    https://www.interpol.int/en/How-we-work/Notices/View-UN-Notices-Individuals

    Informazzjoni oħra

    Mahri Sidi Amar Ben Daha qed jiġi elenkat skont il-paragrafu 8(b) tar-riżoluzzjoni 2374 (2017) għal azzjonijiet meħuda li jostakolaw, jew li jostakolaw permezz ta' dewmien fit-tul, jew li jheddu l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

    Ben Daha kien uffiċjal għoli tal-pulizija Iżlamika li topera f'Gao meta l-Mouvement pour l'unité et le jihad en Afrique de l'Ouest (MUJAO) (QD.134) ikkontrolla l-belt minn Ġunju 2012 sa Jannar 2013. Ben Daha bħalissa hu viċi kap tal-persunal tal-koordinazzjoni reġjonali tal-Mécanisme opérationnel de coordination (MOC) f'Gao.

    Fit-12 ta' Novembru 2018, il-Plateforme f'Bamako ddikjarat li ma tipparteċipax fil-konsultazzjonijiet reġjonali li jmiss, skedati li jsiru mit-13 sas-17 ta' Novembru skont il-pjan direzzjonali ta' Marzu 2018 maqbul mill-partijiet kollha għall-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni f'Marzu 2018. L-għada, f'Gao, saret laqgħa ta' koordinazzjoni mill-kap tal-persunal militari tal-komponent ta' Ganda Koy tal-Coordination des mouvements et fronts patriotiques de résistance (CMFPR)-Plateforme, ma' rappreżentanti tal-MAA-Plateforme, biex iwaqqfu l-konsultazzjonijiet milli jsiru. L-imblokk ġie kkoordinat mat-tmexxija tal-Plateforme f'Bamako, il-MAA-Plateforme, kif ukoll mal-Membru Parlamentari Mohamed Ould Mataly.

    Mill-14 sat-18 ta' Novembru 2018, għexieren ta' ġellieda tal-MAA-Plateforme flimkien ma' dawk tal-fazzjonijiet tas-CMFPR ostakolaw il-konsultazzjonijiet reġjonali. Fuq struzzjoni u bil-parteċipazzjoni ta' Ben Daha, mill-inqas sitt trakkijiet pick-up mill-Mouvement Arabe de l'Azawad (MAA-Plateforme) tqiegħdu quddiem is-sede tal-gvernatur ta' Gao u fil-viċinanzi tagħha. Fil-post ġew osservati wkoll żewġ vetturi MOC attribwiti lill-MAA-Plateforme.

    Fis-17 ta' Novembru 2018, seħħ inċident bejn elementi armati li mblukkaw l-aċċess għas-sede tal-gvernatur u pattulja FAMa li kienet għaddejja miż-żona, iżda li ġie diffuż qabel ma seta' jeskala u jikkostitwixxi ksur tal-waqfien mill-ġlied. Fit-18 ta' Novembru 2018, total ta' tnax-il vettura u elementi armati neħħew l-imblukkar tas-sede tal-gvernatur wara l-aħħar ċiklu ta' negozjati mal-gvernatur ta' Gao.

    Fit-30 ta' Novembru 2018, Ben Daha organizza laqgħa bejn l-Għarab f'Tinfanda biex jiddiskutu s-sigurtà u r-ristrutturazzjoni amministrattiva. Il-laqgħa kienet tinkludi wkoll l-individwu ssanzjonat Ahmoudou Ag Asriw (MLi.001) li Ben Daha jappoġġa u jiddefendi.

    Għalhekk, billi effettivament waqqaf id-diskussjonijiet dwar dispożizzjonijiet ewlenin tal-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni relatati mar-riforma tal-istruttura territorjali tat-Tramuntana tal-Mali, Ben Daha ostakola l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni. Barra minn hekk, Ben Daha jappoġġa individwu identifikat bħala li jhedded l-implimentazzjoni tal-Ftehim permezz tal-involviment tiegħu fil-ksur tal-waqfien mill-ġlied u f'attività kriminali organizzata.

    4.   MOHAMED BEN AHMED MAHRI (magħruf ukoll bħala: a) Mohammed Rougi b) Mohamed Ould Ahmed Deya c) Mohamed Ould Mahri Ahmed Daya d) Mohamed Rougie e) Mohamed Rouggy f) Mohamed Rouji)

    Data tat-twelid: 1 ta' Jannar 1979

    Post tat-twelid: Tabankort, il-Mali

    Nazzjonalità: Maljan

    Passport nru: a) AA00272627 b) AA0263957 c) AA0344148, maħruġ fil-21 ta' Marzu 2019 (data ta' skadenza: 20 ta' Marzu 2024)

    Indirizz: Bamako, il-Mali

    Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 10 ta' Lulju 2019 (emendata fid-19 ta' Diċ. 2019, l-14 ta' Jan. 2020, il-5 ta' Ott. 2022)

    Informazzjoni oħra: Mohamed Ben Ahmed Mahri huwa negozjant mill-komunità Għarbija ta' Lehmar fir-reġjun ta' Gao li qabel ikkollabora mal-Mouvement pour l'unicité et le Jihad en Afrique de l'Ouest (MUJAO) (QDe.134). Elenkat skont il-paragrafi 1 sa 3 tar-Riżoluzzjoni 2374 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà (Projbizzjoni fuq Vjaġġar, Iffriżar tal-Assi).

    Ritratt huwa disponibbli biex jiddaħħal fl-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU:

    https://www.interpol.int/en/How-we-work/Notices/View-UN-Notices-Individuals

    Informazzjoni oħra

    Mohamed Ben Ahmed Mahri qed jiġi elenkat skont il-paragrafi 8(c) tar-riżoluzzjoni 2374 (2017) talli aġixxa għal, jew f'isem, jew taħt id-direzzjoni ta', jew talli b'mod ieħor appoġġa jew iffinanzja, individwi u entitajiet identifikati fil-paragrafi 8(a) u (b) tar-riżoluzzjoni 2374 (2017), inkluż permezz tar-rikavat mill-kriminalità organizzata, inkluż il-produzzjoni u t-traffikar ta' drogi narkotiċi u l-prekursuri tagħhom li joriġinaw jew jgħaddu mill-Mali, it-traffikar ta' bnedmin u l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, il-kuntrabandu u t-traffikar ta' armi kif ukoll it-traffikar ta' proprjetà kulturali.

    Bejn Diċembru 2017 u April 2018, Mohamed Ben Ahmed Mahri kkmanda operazzjoni ta' traffikar ta' aktar minn 10 tunnellati ta' kannabis Marokkina, li nġarru fi trakkijiet għat-tkessiħ u għaddew mill-Mauritania, il-Mali, Burkina Faso u n-Niġer. Fil-lejl ta' bejn it-13 u l-14 ta' Ġunju 2018 ġiet ikkonfiskata kwart tal-kunsinna f'Niamey, filwaqt li grupp rivali kien allegatament seraq it-tliet kwarti li kien fadal matul il-lejl ta' bejn it-12 u t-13 ta' April 2018.

    F'Diċembru 2017, Mohamed Ben Ahmed Mahri kien f'Niamey ma' ċittadin Maljan biex jipprepara l-operazzjoni. Dan tal-aħħar ġie arrestat f'Niamey wara li wasal bl-ajru mill-Marokk ma' żewġ ċittadini Marokkini u żewġ ċittadini Alġerini fil-15 u s-16 ta' April 2018 biex jipprova jirkupra l-kannabis misruqa. Tlieta mill-assoċjati tiegħu ġew ukoll arrestati, inkluż ċittadin Marokkin li ġie kkundannat fil-Marokk fl-2014 għal ħames xhur ħabs għat-traffikar tad-drogi.

    Mohamed Ben Ahmed Mahri jikkmanda t-traffikar tar-raża tal-kannabis lejn in-Niġer direttament mit-Tramuntana tal-Mali, bl-użu ta' konvojs immexxija minn membri tal-Groupe d'autodéfense des Touaregs Imgħad et leurs allies (GATIA), inkluż l-individwu ssanzjonat Ahmoudou Ag Asriw (MLi.001). Mohamed Ben Ahmed Mahri jikkumpensa lil Asriw għall-użu ta' dawn il-konvojs. Dawn il-konvojs spiss joħolqu kunflitti ma' kompetituri assoċjati mal-Coordinament des Mouvements de l'Azawaad (CMA).

    Bl-użu tal-gwadanni finanzjarji tiegħu mit-traffikar tan-narkotiċi, Mohamed Ben Ahmed Mahri jagħti l-appoġġ tiegħu lil gruppi armati terroristiċi, b'mod partikolari l-entità ssanzjonata Al-Mourabitoun (QD.141), billi jipprova jxaħħam lill-uffiċjali biex jeħilsu lill-ġellieda arrestati u jiffaċilita lill-ġellieda jintegraw fil-Mouvement Arabe pour l'Azawad (MAA) Plateforme.

    Għalhekk, permezz tad-dħul mill-kriminalità organizzata, Mohamed Ben Ahmed Mahri jappoġġa individwu identifikat skont il-paragrafu 8(b) tar-riżoluzzjoni 2374 (2017) bħala li jhedded l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Mali, flimkien ma' grupp terroristiku ddeżinjat skont ir-riżoluzzjoni 1267.

    5.   MOHAMED OULD MATALY

    Deżinjazzjoni: Membru Parlamentari

    Data tat-twelid: 1958

    Nazzjonalità: Maljan

    Passaport nru: a) D9011156, b) AA0260156, maħruġ fit-3 ta' Awwissu 2018 (data ta' skadenza: 2 ta' Awwissu 2023)

    Indirizz: a) Golf Rue 708 Door 345, Gao, Mali b) Almoustarat, Gao, Mali

    Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 10 ta' Lulju 2019 (emendata fid-19 ta' Diċ. 2019, l-14 ta' Jan. 2020, il-5 ta' Ott. 2022)

    Informazzjoni oħra: Mohamed Ould Mataly huwa dak li qabel kien is-Sindku ta' Bourem u Membru Parlamentari attwali għall-kostitwenza ta' Bourem, parti mir-Rassamblement pour le Mali (RPM, il-partit politiku tal-President Ibrahim Boubacar Keita). Huwa ġej mill-komunità Għarbija ta' Lehmar u huwa membru influwenti tal-fergħa favur il-gvern tal-Mouvement Arabe de l'Azawaad (MAA), assoċjat mal-koalizzjoni tal-Plateforme des mouvements du 14 juin 2014 d'Alger (Plateforme). Elenkat skont il-paragrafi 1 sa 3 tar-Riżoluzzjoni 2374 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà (Projbizzjoni fuq Vjaġġar, Iffriżar tal-Assi).

    Ritratt huwa disponibbli biex jiddaħħal fl-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU:

    https://www.interpol.int/en/How-we-work/Notices/View-UN-Notices-Individuals

    Informazzjoni oħra

    Ahmed Ag Albachar qed jiġi elenkat skont il-paragrafi 8(b) tar-riżoluzzjoni 2374 (2017) għal azzjonijiet meħuda li jostakolaw, jew li jostakolaw permezz ta' dewmien fit-tul, jew li jheddu l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

    Fit-12 ta' Novembru 2018, il-Plateforme f'Bamako ddikjarat li ma tipparteċipax fil-konsultazzjonijiet reġjonali li jmiss, skedati li jsiru mit-13 sas-17 ta' Novembru skont il-pjan direzzjonali ta' Marzu 2018 maqbul mill-partijiet kollha għall-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni f'Marzu 2018. L-għada, f'Gao, saret laqgħa ta' koordinazzjoni mill-kap tal-persunal militari tal-komponent ta' Ganda Koy tal-Coordination des mouvements et fronts patriotiques de résistance (CMFPR)-Plateforme, ma' rappreżentanti tal-MAA-Plateforme, biex iwaqqfu l-konsultazzjonijiet milli jsiru. L-imblokk ġie kkoordinat mat-tmexxija tal-Plateforme f'Bamako, il-MAA-Plateforme, kif ukoll mal-Membru Parlamentari Mohamed Ould Mataly.

    L-assoċjat qrib tiegħu Mahri Sidi Amar Ben Daha, magħruf ukoll bħala Yuro Ould Daha, li jgħix fil-proprjetà tiegħu f'Gao, ipparteċipa fl-imblukkar tal-post tal-konsultazzjoni fl-uffiċċju tal-Gvernatur matul dan il-perijodu.

    Barra minn hekk, fit-12 ta' Lulju 2016 Ould Mataly kien ukoll wieħed mill-instigaturi ta' dimostrazzjonijiet ostili għall-implimentazzjoni tal-Ftehim.

    Għalhekk, billi effettivament waqqaf id-diskussjonijiet dwar dispożizzjonijiet ewlenin tal-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni relatati mar-riforma tal-istruttura territorjali tat-Tramuntana tal-Mali, Ould Mataly ostakola u dewwem l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni.

    Fl-aħħar nett, Ould Mataly talab il-ħelsien ta' membri tal-komunità tiegħu maqbuda f'operazzjonijiet ta' kontra t-terroriżmu. Permezz tal-involviment tiegħu fil-kriminalità organizzata u l-assoċjazzjoni ma' gruppi terroristiċi armati, Mohamed Ould Mataly jhedded ls-implimentazzjoni tal-Ftehim."


    Top