Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0679

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/679 tad-19 ta’ Jannar 2022 li tistabbilixxi lista ta’ sorveljanza ta’ sustanzi u komposti ta’ tħassib għall-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem kif previst fid-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2022) 142) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/142

ĠU L 124, 27.4.2022, p. 41–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/679/oj

27.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 124/41


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/679

tad-19 ta’ Jannar 2022

li tistabbilixxi lista ta’ sorveljanza ta’ sustanzi u komposti ta’ tħassib għall-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem kif previst fid-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2022) 142)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(8) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2020/2184 tipprevedi l-istabbiliment ta’ lista ta’ sorveljanza li tindirizza s-sustanzi u l-komposti ta’ tħassib għall-pubbliku jew għall-komunità xjentifika għal raġunijiet ta’ saħħa għall-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (“il-lista ta’ sorveljanza”). Il-lista ta’ sorveljanza għandha tindika valur ta’ gwida għal kull sustanza jew kompost u fejn meħtieġ metodu possibbli ta’ analiżi li ma jinvolvix spejjeż eċċessivi.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 13(8) tad-Direttiva (UE) 2020/2184, 17-beta-estradjol u nonilfenol għandhom jiġu inklużi fl-ewwel lista ta’ sorveljanza fid-dawl tal-proprjetajiet tagħhom li jfixklu s-sistema endokrinali u r-riskju li joħolqu għas-saħħa tal-bniedem. Abbażi tal-aħħar rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-parametri tal-ilma tax-xorb (2), jenħtieġ li l-valuri ta’ gwida ta’ 300 ng/l għan-nonilfenol u ta’ 1 ng/l għal 17-beta-estradjol jiġu stabbiliti b’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

(3)

Il-limiti ta’ kwantifikazzjoni kif iddefiniti fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/90/KE (3) huma speċifikati għal 17-beta-estradjol u għan-nonilfenol biex jippermettu l-kejl tal-valuri ta’ gwida bi grad aċċettabbli ta’ preċiżjoni mingħajr ma jinvolvu spejjeż eċċessivi.

(4)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva (UE) 2020/2184,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-lista ta’ sorveljanza ta’ sustanzi u komposti ta’ tħassib għall-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem imsemmija fl-Artikolu 13(8) tad-Direttiva (UE) 2020/2184 hija stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

Virginijus SINKEVIČIUS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 435, 23.12.2020, p. 1.

(2)  Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tat-11 ta’ Settembru 2017 għal Proġett ta’ Kooperazzjoni fil-Parametri tal-Ilma tax-Xorb, Appoġġ għar-reviżjoni tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb) — https://ec.europa.eu/environment/water/water-drink/pdf/WHO_parameter_report.pdf

(3)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/90/KE tal- 31 ta’ Lulju 2009 li tistipula, skont id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, speċifikazzjonijiet tekniċi għall-analiżi u l-monitoraġġ kimiċi tal-istat tal-ilma (ĠU L 201, 1.8.2009, p. 36).


ANNESS

LISTA TA’ SORVELJANZA TA’ SUSTANZI U KOMPOSTI TA’ TĦASSIB GĦALL-ILMA MAĦSUB GĦALL-KONSUM MILL-BNIEDEM

Isem is-sustanza/grupp ta’ sustanzi jew kompost/grupp ta’ komposti

Numru CAS

Numru tal-UE

Valuri ta’ gwida (ng/L)

Limitu ta’ Kwantifikazzjoni  (1) (ng/L)

Metodu ta’ analiżi possibbli

17-beta-estradjol

50-28-2

200-023-8

1

≤ 1

-

nonilfenol (2)

84852-15-3

284-325-5

300

≤ 300

EN ISO 18857-2


(1)  Limitu ta’ kwantifikazzjoni, kif definit fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/90/KE.

(2)  Dawn is-sustanzi qabel kienu identifikati bħala CAS 25154-52-3 u 104-40-5.


Top