EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22022A0323(01)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika minn naħa waħda u l-Ukrajna min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Ukrajna f’Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2021–2025) li jikkumplimenta Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni

C/2021/7264

ĠU L 95, 23.3.2022, p. 1–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2022/323(1)/oj

23.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 95/1


FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika minn naħa waħda u l-Ukrajna min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Ukrajna f’Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2021–2025) li jikkumplimenta Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni


Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Kummissjoni”), f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Euratom”),

minn naħa waħda,

u

l-Ukrajna (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Ukrajna”),

min-naħa l-oħra,

minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Partijiet”

BILLI l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna min-naħa l-oħra (1) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), jistipula li l-Partijiet jridu jiżviluppaw u jsaħħu l-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika tagħhom sabiex jikkontribwixxu kemm għall-iżvilupp xjentifiku nnifsu, kif ukoll biex jirrinforzaw il-potenzjal xjentifiku tagħhom għall-kontribuzzjoni tar-reżoluzzjoni tal-isfidi nazzjonali u globali;

BILLI l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprevedi b’mod speċifiku l-promozzjoni tar-riċerka xjentifika ċivili fl-oqsma tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari, inkluż l-attivitajiet konġunti tar-riċerka u tal-iżvilupp, u t-taħriġ u l-mobbiltà tax-xjentisti u jistipula li jenħtieġ li l-kooperazzjoni fis-settur nukleari ċivili ssir permezz tal-implimentazzjoni ta’ ftehimiet speċifiċi f’dan il-qasam;

BILLI l-Protokoll III tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistipula li t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi rigward il-parteċipazzjoni tal-Ukrajna f’kull programm partikolari, b’mod partikolari l-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli u l-proċeduri ta’ rapportar u ta’ evalwazzjoni, għandhom jiġu ddeterminati permezz ta’ Memorandum ta’ Qbil bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Ukrajna abbażi tal-kriterji stabbiliti mill-programmi kkonċernati (2);

BILLI l-programm tal-Unjoni Ewropea Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Programm Orizzont Ewropa”) ġie stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3);

BILLI l-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2021–2025) li jikkumplementa Orizzont Ewropa —il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Programm Euratom”) ġie stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2021/765 (4);

FILWAQT LI JITQIESU l-isforzi tal-Unjoni Ewropea sabiex tmexxi r-rispons billi tgħaqqad il-forzi mas-sħab internazzjonali tagħha sabiex tindirizza l-isfidi globali f’konformità mal-pjan ta’ azzjoni għan-nies, għall-pjaneta u għall-prosperità fl-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti “Nittrasformaw id-Dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli”, u billi tirrikonoxxi li r-Riċerka u l-Innovazzjoni huma għodod ewlenin u essenzjali għat-tkabbir sostenibbli mmexxi mill-innovazzjoni, għall-kompetittività ekonomika u għall-attraenza;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-prinċipji ġenerali kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/695 u r-Regolament (Euratom) 2021/765;

BILLI l-objettiv ġenerali tal-Programm Euratom huwa li jiġu eżerċitati attivitajiet ta’ riċerka u taħriġ nukleari, b’enfażi dwar it-titjib kontinwu tas-sikurezza nukleari, tas-sigurtà u tal-protezzjoni radjoloġika, kif ukoll li jiġi kkomplementat il-ksib tal-objettivi tal-Programm Orizzont Ewropa inter alia fil-kuntest tat-tranżizzjoni tal-enerġija;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-objettivi taż-Żona Ewropea tar-Riċerka mġedda sabiex tinbena żona xjentifika u teknoloġika komuni, jinħoloq suq uniku għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, jitrawmu u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u l-iskambju tal-aħjar prattiki u karrieri attraenti fir-riċerka, jiffaċilitaw il-mobbiltà transfruntiera u transsettorjali tar-riċerkaturi, jitrawmu l-moviment liberu tal-għarfien xjentifiku u l-innovazzjoni, jiġu promossi r-rispett tal-libertà akkademika u l-libertà tar-riċerka xjentifika, jiġu appoġġati l-edukazzjoni xjentifika u l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni, u jiġu mħeġġa l-kompetittività u l-attraenza tal-ekonomiji parteċipanti, u li l-pajjiżi assoċjati jkunu sħab ewlenin f’dan l-isforz;

FILWAQT LI JENFASSIZZAW ir-rwol tas-Sħubijiet Ewropej li jindirizzaw uħud mill-aktar sfidi urġenti tal-Ewropa permezz ta’ inizjattivi miftiehma ta’ riċerka u innovazzjoni li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għal dawk il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea u tal-Euratom fil-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni li jeħtieġu viżjoni kritika tal-massa u fit-tul u l-importanza tal-involviment ta’ pajjiżi assoċjati f’dawk is-Sħubijiet;

FILWAQT LI JFITTXU li jistabbilixxu kundizzjonijiet ta’ vantaġġ reċiproku sabiex joħolqu impjiegi deċenti, isaħħu u jappoġġaw l-ekosistemi tal-innovazzjoni tal-Partijiet billi jgħinu lill-intrapriżi jinnovaw u jespandu fis-swieq tal-Partijiet u jiffaċilitaw l-adozzjoni kif ukoll l-użu u l-aċċessibbiltà tal-innovazzjoni, inklużi l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-parteċipazzjoni reċiproka fil-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ xulxin jenħtieġ li tipprovdi benefiċċji reċiproċi; filwaqt li jirrikonoxxu li l-Partijiet jirriżervaw id-dritt tagħhom li jillimitaw jew li jikkundizzjonaw il-parteċipazzjoni fil-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tagħhom inkluż b’mod partikolari għal azzjonijiet relatati mal-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tagħhom;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-għanijiet komuni, il-valuri u r-rabtiet b’saħħithom tal-Partijiet fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż fis-settur nukleari, stabbiliti fil-passat permezz tal-ftehimiet dwar il-parteċipazzjoni tal-Ukrajna f’Orizzont 2020 u l-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom (2014–2018) u l-Programm suċċessur tiegħu, u bosta ftehimiet internazzjonali oħra li jirfdu r-relazzjoni bejn il-Partijiet (5), u jirrikonoxxu x-xewqa komuni tal-Partijiet li jiżviluppaw, li jsaħħu, li jistimulaw u li jestendu aktar ir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni tagħhom fih,

QABLU FUQ DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni tal-assoċjazzjoni

1.   L-Ukrajna għandha tipparteċipa bħala pajjiż assoċjat f’ Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (il-Programm Orizzont Ewropa) u tikkontribwixxi għall-partijiet kollha tiegħu msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2021/695 u implimentat permezz tal-programm speċifiku stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 (6), fl-aktar verżjonijiet aġġornati tagħhom, u permezz ta’ kontribuzzjoni finanzjarja lill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija. L-Ukrajna għandha tipparteċipa bħala pajjiż assoċjat fil-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom (il-Programm Euratom) u tikkontribwixxi għall-partijiet kollha tiegħu kif stabbilit fir-Regolament (Euratom) 2021/765 fl-aktar verżjoni aġġornata tiegħu.

2.   Ir-Regolament (UE) 2021/819 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u d-Deċiżjoni (UE) 2021/820 (8), fl-aktar verżjonijiet aġġornati tagħhom, għandhom japplikaw għall-parteċipazzjoni tal- entitajietġuridiċi tal-Ukrajna fil-Komunità ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni.

Artikolu 2

Termini u kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-Programm Orizzont Ewropa u fil-Programm Euratom

1.   L-Ukrajna għandha tipparteċipa fil-Programm Orizzont Ewropa u fil-Programm Euratom f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Protokoll III għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, u skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim, fl-atti legali msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim, kif ukoll fi kwalunkwe regola oħra li għandha x’taqsam mal-implimentazzjoni ta’ dawk il-Programmi, fl-aktar verżjonijiet aġġornati tagħhom.

2.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fit-termini u l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, inkluż fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 22(5) tar-Regolament (UE) 2021/695, l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Ukrajna jistgħu jipparteċipaw f’azzjonijiet indiretti tal-Programm Orizzont Ewropa u l-Programm Euratom skont kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, inkluż ir-rispett għall-miżuri restrittivi tal-UE (9).

3.   Qabel ma jiġi deċiż dwar jekk l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Ukrajna humiex eliġibbli sabiex jipparteċipaw f’azzjoni relatata mal-assi strateġiċi, l-interessi, is-sigurtà jew l-awtonomija tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament (UE) 2021/695, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni jew assigurazzjonijiet speċifiċi, bħal:

a)

informazzjoni dwar jekk ingħatax jew huwiex se jingħata aċċess reċiproku lill-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea għal programmi, proġetti u attivitajiet eżistenti u ppjanati tal-Ukrajna ekwivalenti għall-azzjoni kkonċernata ta’ Orizzont Ewropa;

b)

informazzjoni dwar jekk l-Ukrajna għandhiex fis-seħħ mekkaniżmu nazzjonali ta’ skrinjar ta’ investimenti u ta’ assigurazzjonijiet li jiggarantixxu li l-awtoritajiet tal-Ukrajna se jirrapportaw u se jikkonsultaw lill-Kummissjoni kull darba li, permezz ta’ dan il-mekkaniżmu, isiru konxji li entità ġuridika tal-Ukrajna tkun involuta f’investiment/akkwiżizzjoni barrani/ja ppjanat/a minn entità stabbilita fl-Ukrajna jew ikkontrollata minnha, ladarba din l-entità ġuridika tal-Ukrajna tkun irċeviet finanzjament minn Orizzont Ewropa f’azzjonijiet relatati mal-assi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà strateġiċi tal-Unjoni Ewropea, dment li l-Kummissjoni tforni lill-Ukrajna bil-lista tal-entitajiet ġuridiċi rilevanti stabbiliti fl-Ukrajna wara l-iffirmar ta’ ftehimiet ta’ għotja ma’ dawn l-entitajiet; u

c)

assigurazzjonijiet li l-ebda wieħed mir-riżultati, mit-teknoloġiji, mis-servizzi u mill-prodotti żviluppati skont l-azzjonijiet ikkonċernati mill-entitajiet stabbiliti fl-Ukrajna ma għandu jkun soġġett għal restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tagħhom lejn l-Istati Membri tal-UE matul l-azzjoni u għal erba’ snin wara t-tmiem tal-azzjoni. L-Ukrajna se tikkondividi lista aġġornata ta’ suġġetti ta’ restrizzjonijiet nazzjonali fuq l-esportazzjoni fuq bażi annwali, matul l-azzjoni u għal erba’ snin wara t-tmiem tal-azzjoni.

4.   L-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Ukrajna jistgħu jipparteċipaw fl-attivitajiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) skont it-termini u l-kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea sakemm ma jkunux meħtieġa limitazzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-ambitu tal-parteċipazzjoni li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-paragrafu 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

5.   Meta l-Unjoni Ewropea timplimenta l-Programm Orizzont Ewropa permezz tal-applikazzjoni tal-Artikoli 185 u 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Ukrajna u l-entitajiet ġuridiċi Ukreni jistgħu jipparteċipaw fl-istrutturi legali maħluqa skont dawk id-dispożizzjonijiet, f’konformità mal-atti legali tal-Unjoni Ewropea li ġew adottati jew li se jiġu adottati għall-istabbiliment ta’ dawk l-istrutturi legali.

6.   Dan il-ftehim ma għandux jintitola lill-Ukrajna għas-sħubija għall-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, jew għall-parteċipazzjoni fil-Ftehim dwar l-Istabbiliment tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER.

7.   Ir-rappreżentanti tal-Ukrajna għandu jkollhom id-dritt li jipparteċipaw bħala osservaturi fil-kumitat imsemmi fl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni (UE) 2021/764 u fil-kumitat imsemmi fl-Artikolu 16 tar-Regolament (Euratom) 2021/765, mingħajr drittijiet tal-vot u għal punti li jikkonċernaw lill-Ukrajna biss.

Fil-ħin tal-votazzjoni, dawn il-kumitati għandhom jiltaqgħu mingħajr il-preżenza tar-rappreżentanti tal-Ukrajna. L-Ukrajna trid tkun informata bir-riżultat.

8.   Il-parteċipazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu preċedenti għandha tieħu l-istess forma, inklużi l-proċeduri dwar kif tasal l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni, bħal dik applikabbli għar-rappreżentanti minn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea. Id-drittijiet tal-Ukrajna għar-rappreżentazzjoni u l-parteċipazzjoni fil-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u s-sottogruppi tiegħu għandhom ikunu dawk applikabbli għall-pajjiżi assoċjati.

9.   Ir-rappreżentanti tal-Ukrajna għandu jkollhom id-dritt li jipparteċipaw bħala osservaturi fil-Bord tal-Gvernaturi tal-JRC, mingħajr drittijiet tal-vot. Soġġetta għal dik il-kundizzjoni, tali parteċipazzjoni għandha tkun irregolata mill-istess regoli u proċeduri bħal dawk applikabbli għar-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, inklużi d-drittijiet tal-kelma u l-proċeduri għar-riċeviment ta’ informazzjoni u dokumentazzjoni fir-rigward ta’ punt li jikkonċerna lill-Ukrajna.

10.   L-Ukrajna tista’ tipparteċipa f’Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 (10), fl-aktar verżjoni aġġornata tiegħu, u mal-att legali li jistabbilixxi l-ERIC.

11.   Il-kostijiet tal-ivvjaġġar u l-ispejjeż tas-sussistenza mġarrba mir-rappreżentanti u l-esperti tal-Ukrajna għall-finijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom bħala osservaturi fil-ħidma tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni (UE) 2021/764 u fil-kumitat imsemmi fl-Artikolu 16 tar-Regolament (Euratom) 2021/765, jew f’laqgħat oħrajn marbutin mal-implimentazzjoni tal-Programm Orizzont Ewropa jew tal-Programm Euratom, għandhom jiġu rimborżati mill-Unjoni Ewropea fuq l-istess bażi u f’konformità mal-istess proċeduri fis-seħħ bħal fil-każ tar-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

12.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz, fil-qafas tad-dispożizzjonijiet eżistenti, sabiex jiffaċilitaw il-moviment liberu u r-residenza tax-xjenzati li jipparteċipaw fl-attivitajiet koperti b’dan il-Ftehim u sabiex ikun iffaċilitat il-moviment transfruntier tal-oġġetti u tas-servizzi maħsubin sabiex jintużaw f’dawn l-attivitajiet.

13.   L-Ukrajna għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, kif xieraq, sabiex tiżgura li l-oġġetti u s-servizzi, mixtrija fl-Ukrajna jew importati lejha, li huma parzjalment jew kompletament iffinanzjati skont il-ftehimiet ta’ għotja u/jew il-kuntratti konklużi għat-twettiq tal-attivitajiet f’konformità ma’ dan il-Ftehim, huma eżentati mid-dazji doganali, mid-dazji fuq l-importazzjoni u minn imposti fiskali oħrajn, inkluż il-VAT, li huma applikabbli fl-Ukrajna.

Artikolu 3

Kontribuzzjoni finanzjarja

1.   Il-parteċipazzjoni tal- Ukrajna jew tal-entitajiet ġuridiċi Ukreni fil-Programm Orizzont Ewropa u fil-Programm Euratom għandha tkun soġġetta għall-Ukrajna li tikkontribwixxi finanzjarjament għal kull Programm rispettivament u l-kostijiet tal-ġestjoni, tal-eżekuzzjoni u tal-operazzjoni relatati tagħhom fil-qafas tal- baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-baġit tal-Unjoni”).

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Ukrajna għal kull wieħed mill-Programmi għandha tieħu l-forma tas-somma ta’:

a)

kontribuzzjoni operazzjonali; u

b)

tariffa ta’ parteċipazzjoni.

3.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Ukrajna għal kull wieħed miż-żewġ Programmi għandha tieħu l-forma ta’ pagament annwali li jsir f’żewġ pagamenti parzjali, u għandha tkun dovuta sa mhux aktar tard minn Ġunju u Settembru.

4.   Il-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Ukrajna għal kull Programm għandha tkopri n-nefqa operazzjonali u ta’ appoġġ ta’ dak il-Programm u tkun addizzjonali kemm fl-approprjazzjonijiet ta’ impenn kif ukoll f’dawk ta’ pagament għall-ammonti mdaħħla fil-baġit tal-Unjoni adottat b’mod definittiv għall-Programm rispettiv, inkluż kwalunkwe approprjazzjoni li tikkorrispondi għad-diżimpenji li jsiru disponibbli għal darb’oħra kif imsemmi fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), fl-aktar verżjoni aġġornata tiegħu (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”), u miżjuda bi dħul assenjat estern li ma jirriżultax minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-Programm Orizzont Ewropa minn donaturi (12) oħrajn.

Għad-dħul assenjat estern allokat għall-Programm Orizzont Ewropa skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 (13), din iż-żieda għandha tikkorrispondi għall-approprjazzjonijiet annwali indikati fid-dokumenti li jakkumpanjaw l-Abbozz tal-Baġit tal-Kummissjoni għall-Programm Orizzont Ewropa.

5.   Il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali tal-Ukrajna għal kull Programm għandha tkun ibbażata fuq koeffiċjent tal-kontribuzzjoni definit bħala l-proporzjon tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) tal-Ukrajna bil-prezzijiet tas-suq mal-PDG tal-Unjoni Ewropea bil-prezzijiet tas-suq. Il-PDG bil-prezzijiet tas-suq li jridu jiġu applikati għandhom jiġu ddeterminati mis-servizzi ddedikati tal-Kummissjoni abbażi tal-aktar data statistika reċenti disponibbli għall-kalkoli tal-baġit fis-sena ta’ qabel is-sena li fiha huwa dovut il-pagament annwali. B’deroga, għall-2021, il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali tal-Ukrajna għal kull Programm għandha tkun ibbażata fuq il-PDG tas-sena 2019 bil-prezzijiet tas-suq. L-aġġustamenti ta’ dan il-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni huma stabbiliti fl-Anness I.

6.   Il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali tal-Ukrajna għal kull Programm għandha tiġi kkalkolata bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni, kif aġġustat, mal-approprjazzjonijiet ta’ impenn inizjali mdaħħla fil-baġit tal-Unjoni adottat b’mod definittiv għas-sena applikabbli għall-finanzjament tal-Programm rispettiv, miżjud f’konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

7.   It-tariffa ta’parteċipazzjoni tal-Ukrajna għal kull Programm għandha tkun ta’ 4 % tal-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali annwali kif ikkalkolata f’konformità mal-paragrafi 5 u 6 u għandha tiddaħħal gradwalment kif stabbilit fl-Anness I. It-tariffa tal-parteċipazzjoni ma għandhiex tkun soġġetta għal aġġustamenti jew korrezzjonijiet retrospettivi.

8.   Il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali tal-Ukrajna għal kull Programm għal sena N tista’ tiġi aġġustata ’l fuq jew ’l isfel b’mod retrospettiv f’sena sussegwenti waħda jew aktar fuq il-bażi tal-impenji baġitarji magħmula fuq l-approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ dik is-sena N, miżjuda f’konformità mal-paragrafu 4, l-implimentazzjoni tagħhom permezz ta’ impenji legali u d-diżimpenji tagħhom. Id-dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu jinsabu fl-Anness I.

9.   L-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi lill-Ukrajna b’informazzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni finanzjarja tagħha kif inkluża fl-informazzjoni relatata mal-baġit, il-kontabbiltà, il-prestazzjoni u l-evalwazzjoni pprovduta lill-awtoritajiet baġitarji u tal-kwittanza tal-Unjoni Ewropea dwar il-Programm Orizzont Ewropa u l-Programm Euratom. Dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta b’kunsiderazzjoni dovuta għar-regoli dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data tal-Unjoni Ewropea, tal-Euratom u tal-Ukrajna u għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-informazzjoni li l-Ukrajna hija intitolata li tirċievi skont l-Anness III.

10.   Il-kontribuzzjonijiet kollha tal-Ukrajna jew il-pagamenti mill-Unjoni Ewropea, u l-kalkolu tal-ammonti dovuti jew li għandhom jiġu riċevuti għandhom isiru f’euro.

Artikolu 4

Regoli għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika tal-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Ukrajna għall-Programm Orizzont Ewropa

1.   Għandu japplika mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika tal-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Ukrajna għall-Programm Orizzont Ewropa.

2.   Għandu japplika mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika tal-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali tal-Ukrajna għall-Programm Orizzont Ewropa għas-sena N, kif aġġustat f’konformità mal-Artikolu 3(8), u għandu jiġi kkalkolat fis-sena N+2. Dan għandu jkun ibbażat fuq il-prestazzjoni tal-Ukrajna u tal-entitajiet ġuridiċi Ukreni fil-partijiet tal-Programm Orizzont Ewropa li huma implimentati permezz ta’ għotjiet kompetittivi ffinanzjati minn approprjazzjonijiet ta’ impenn mis-sena N, miżjuda f’konformità mal-Artikolu 3(4).

L-ammont tal-korrezzjoni awtomatika għandu jiġi kkalkolat abbażi tad-differenza bejn:

a)

l-ammonti inizjali tal-impenji legali għal għotjiet kompetittivi mill-Programm Orizzont Ewropa li fil-fatt daħlu għalihom l-Ukrajna jew l-entitajiet ġuridiċi Ukreni ffinanzjati minn approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena N, miżjuda f’konformità mal-Artikolu 3(4); u

b)

il-kontribuzzjoni operazzjonali korrispondenti tas-sena N imħallsa mill-Ukrajna kif aġġustata skont l-Artikolu 3(8), esklużi l-kostijiet mhux ta’ intervent iffinanzjati mill-approprjazzjonijiet ta’ impenn mis-sena N, miżjuda f’konformità mal-Artikolu 3(4).

3.   Meta l-ammont imsemmi fil-paragrafu 2, kemm jekk dak l-ammont huwa pożittiv kif ukoll jekk huwa negattiv, jaqbeż it-8 % tal-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali korrispondenti tal-Ukrajna għall-Programm Orizzont Ewropa kif aġġustata skont l-Artikolu 3(8), il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali tal-Ukrajna għas-sena N għandha tiġi kkoreġuta. L-ammont dovut mill-Ukrajna jew li għandu jiġi riċevut minnha bħala kontribuzzjoni jew tnaqqis addizzjonali tal-kontribuzzjoni tal-Ukrajna għall-Programm Orizzont Ewropa fil-qafas tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika għandu jkun l-ammont li jaqbeż dan il-livell limitu ta’ 8 %, l-ammont taħt dan il-livell limitu ta’ 8 % mhux se jitqies fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni addizzjonali dovuta jew ikkumpensata.

4.   Regoli dettaljati għall-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika applikabbli għall-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Ukrajna għall-Programm Orizzont Ewropa huma stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 5

Reċiproċità

1.   L-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea jistgħu jipparteċipaw fi programmi, proġetti u attivitajiet tal-Ukrajna ekwivalenti għall-Programm Orizzont Ewropa jew għall-Programm Euratom, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna.

2.   Il-lista tal-programmi, tal-proġetti jew tal-attivitajiet ekwivalenti tal-Ukrajna li huma miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea hija stabbiliti fil-Parti I tal-Anness II. L-Ukrajna għandha tagħmel kull sforz biex tiftaħ b’mod progressiv il-programmi, il-proġetti u l-attivitajiet tagħha identifikati fil-Parti II tal-Anness II għall-parteċipazzjoni tal-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea.

3.   Il-finanzjament mill-Ukrajna ta’ entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni għandu jkun soġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna li tirregola l-operazzjoni ta’ programmi, proġetti u attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni. Meta ma jkunx ipprovdut finanzjament, l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea jistgħu jipparteċipaw bil-mezzi tagħhom stess.

Artikolu 6

Xjenza Miftuħa

Il-Partijiet għandhom jippromwovu u jinkoraġġixxu b’mod reċiproku il-prattiki tax-xjenza miftuħa fil-programmi, fil-proġetti u fl-attivitajiet tagħhom f’konformità mar-regoli tal-Programmi Orizzont Ewropa u Euratom u l-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna.

Artikolu 7

Monitoraġġ, Evalwazzjoni u Rapportar

1.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni, tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Programm Orizzont Ewropa u l-Programm Euratom, il-parteċipazzjoni tal-Ukrajna f’dawk il-Programmi għandha tiġi mmonitorjata kontinwament fuq bażi ta’ sħubija li tinvolvi lill-Kummissjoni u lill-Ukrajna.

2.   Ir-regoli dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba, inklużi l-kontroll finanzjarju, l-irkupru u miżuri oħrajn ta’ kontra l-frodi fir-rigward tal-finanzjament tal-Unjoni Ewropea skont dan il-Ftehim huma stabbiliti fl-Anness III.

Artikolu 8

Kumitat Konġunt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni UE/Euratom-Ukrajna

1.   Il-Kumitat Konġunt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni UE/Euratom-Ukrajna huwa b’dan stabbilit (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Kumitat Konġunt UE/Euratom-Ukrajna”). Il-kompiti tal-Kumitat Konġunt UE/Euratom-Ukrajna għandhom jinkludu:

a)

il-valutazzjoni, l-evalwazzjoni u r-rieżami tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, b’mod partikolari:

(i)

il-parteċipazzjoni u l-prestazzjoni tal-entitajiet ġuridiċi tal-Ukrajna fil-Programmi Orizzont Ewropa u Euratom;

(ii)

il-livell ta’ ftuħ (reċiproku) għall-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f’kull Parti sabiex jipparteċipaw fi programmi, proġetti u attivitajiet tal-Parti l-oħra;

(iii)

l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kontribuzzjoni finanzjarja u l-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika f’konformità mal-Artikoli 3 u 4;

(iv)

l-iskambju ta’ informazzjoni u l-eżami ta’ kwalunkwe mistoqsija possibbli dwar l-isfruttament tar-riżultati, inklużi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

b)

id-diskussjoni fuq talba ta’ kwalunkwe Parti fuq restrizzjonijiet applikati jew ippjanati mill-Partijiet dwar l-aċċess għall-programmi rispettivi tagħhom ta’ riċerka u innovazzjoni, inkluż b’mod partikolari għal azzjonijiet relatati mal-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tagħhom;

c)

l-eżami ta’ kif tista’ tittejjeb u tiġi żviluppata l-kooperazzjoni;

d)

id-diskussjoni b’mod konġunt tal-orjentazzjonijiet u tal-prijoritajiet futuri tal-politiki relatati mar-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-ippjanar tar-riċerka ta’ interess komuni; u

e)

l-iskambju ta’ informazzjoni, fost l-oħrajn, dwar leġiżlazzjoni, deċiżjonijiet jew programmi nazzjonali ta’ riċerka u innovazzjoni ġodda li huma rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

2.   Il-Kumitat Konġunt UE/Euratom-Ukrajna, li għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, tal-Euratom u tal-Ukrajna, għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

3.   Il-Kumitat Konġunt UE/Euratom-Ukrajna jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi kwalunkwe grupp ta’ ħidma/korp konsultattiv fuq bażi ad hoc fil-livell ta’ esperti, li jista’ jassisti fit-twettiq tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

4.   Il-Kumitat Konġunt UE/Euratom-Ukrajna għandu jiltaqa’ mill-anqas darba fis-sena, u, kull meta ċirkostanzi speċjali jirrikjedu dan, fuq talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet. Il-laqgħat għandhom jiġu organizzati u ospitati b’mod alternat mill-Unjoni Ewropea u mill-Ukrajna.

5.   Il-Kumitat Konġunt UE/Euratom-Ukrajna għandu jaħdem fuq bażi kontinwa permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni rilevanti bi kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-parteċipazzjoni/prestazzjoni tal-entitajiet ġuridiċi tal-Ukrajna. Il-Kumitat Konġunt UE/Euratom-Ukrajna jista’ jwettaq b’mod partikolari l-kompiti tiegħu bil-miktub kull meta tinqala’ l-ħtieġa.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet finali

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom meħtieġa għal dak il-għan.

2.   Dan il-Ftehim għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021. Dan għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm ikun meħtieġ għall-proġetti, l-azzjonijiet, l-attivitajiet jew partijiet minnhom kollha ffinanzjati mill-Programmi Orizzont Ewropa u Euratom, l-azzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi finanzjarji kollha li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim bejn il-Partijiet li għandhom jitlestew.

3.   Dan il-Ftehim għandu jiġi estiż u japplika għall-perjodu 2026–2027 skont l-istess termini u kundizzjonijiet tas-suċċessur tal-Programm Euratom, dment li fi żmien tliet xhur tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-programm suċċessur, l-ebda Parti ma tinnotifika d-deċiżjoni tagħha biex ma testendix dan il-Ftehim għal dak il-programm suċċessur. F’każ ta’ tali notifika, dan il-Ftehim ma għandux japplika mill-1 ta’ Jannar 2026 rigward is-suċċessur tal-Programm Euratom.

4.   L-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim rigward il-Programm Orizzont Ewropa jew il-Programm Euratom tista’ tiġi sospiża mill-Unjoni Ewropea jew mill-Euratom f’każ ta’ nuqqas ta’ pagament parzjali jew sħiħ tal-kontribuzzjoni finanzjarja għall-Progamm rispettiv dovuta mill-Ukrajna skont dan il-Ftehim.

F’każ ta’ nuqqas ta’ pagament li jista’ jipperikola b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-Programm Orizzont Ewropa jew il-Programm Euratom, il-Kummissjoni Ewropea għandha tibgħat ittra formali ta’ tfakkira. Meta ma jsir l-ebda pagament fi żmien 20 jum tax-xogħol wara l-ittra formali ta’ tfakkira, is-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim fir-rigward tal-Programm rilevanti għandha tiġi nnotifikata mill-Kummissjoni Ewropea lill-Ukrajna permezz ta’ ittra formali ta’ notifika li għandha tidħol fis-seħħ 15-il jum wara l-wasla ta’ din in-notifika mill-Ukrajna.

F’każ li l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tiġi sospiża f’konformità mal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Ukrajna ma għandhomx ikunu eliġibbli li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti fil-qafas tal-Programm rilevanti li jkunu għadhom ma tlestewx meta tidħol fis-seħħ is-sospensjoni. Proċedura ta’ għoti għandha titqies bħala kompluta meta jkunu saru impenji legali bħala riżultat ta’ dik il-proċedura.

Is-sospensjoni ma taffettwax l-impenji legali konklużi fil-qafas tal-Programm rilevanti mal-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Ukrajna qabel ma tkun daħlet fis-seħħ is-sospensjoni. Dan il-Ftehim għandu jkompli japplika għal tali impenji legali.

Il-Kummissjoni li taġixxi f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Euratom għandha tinnotifika minnufih lill-Ukrajna ladarba l-ammont sħiħ tal-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta għall-Programm rilevanti jkun wasal għandha. Is-sospensjoni rigward dan il-Programm għandha titneħħa b’effett immedjat malli ssir din in-notifika.

Mid-data meta titneħħa s-sospensjoni, l-entitajiet ġuridiċi tal-Ukrajna għandhom jerġgħu jkunu eliġibbli fi proċeduri ta’ għoti mnedija fil-qafas tal-Programm rilevanti wara din id-data u fi proċeduri ta’ għoti mnedija qabel din id-data, li għalihom l-iskadenzi għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet ma jkunux skadew.

5.   Kwalunkwe Parti tista’ tittermina dan il-Ftehim fi kwalunkwe waqt b’notifika bil-miktub li tinforma lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni li tittermina dan il-Ftehim.

It-terminazzjoni tal-Ftehim għandha tidħol fis-seħħ tliet xhur kalendarji wara d-data li fiha n-notifika bil-miktub tkun waslet għand id-destinatarju tagħha. Id-data li fiha tidħol fis-seħħ it-terminazzjoni għandha tikkostitwixxi d-data tat-terminazzjoni għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim.

6.   Meta dan il-Ftehim jiġi tterminat f’konformità mal-paragrafu 5, il-Partijiet jaqblu li:

(a)

il-proġetti, l-azzjonijiet, l-attivitajiet jew partijiet minnhom li fir-rigward tagħhom ikunu ddaħħlu impenji legali wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, u qabel ma dan il-Ftehim ma jibqax japplika jew jiġi tterminat għandu jkompli sakemm dawn jitlestew skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim;

(b)

il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali għal kull wieħed miż-żewġ Programmi msemmija skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan il-Ftehim tas-sena N li fiha dan il-Ftehim jiġi tterminat, għandha titħallas kompletament f’konformità mal-Artikolu 3. Il-kontribuzzjoni operazzjonali tas-sena N fil-qafas tal-Programm Orizzont Ewropa għandha tiġi aġġustata f’konformità mal-Artikolu 3(8) u kkoreġuta f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim. Il-kontribuzzjoni operazzjonali tas-sena N fil-qafas tal-Programm Euratom għandha tiġi aġġustata f’konformità mal-Artikolu 3(8) ta’ dan il-Ftehim. It-tariffa ta’ parteċipazzjoni mħallsa għas-sena N bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja għal kull wieħed miż-żewġ Programmi rispettivament ma għandhiex tiġi aġġustata jew ikkoreġuta.

(c)

wara s-sena li matulha dan il-Ftehim jiġi tterminat, il-kontribuzzjonijiet operazzjonali inizjali mħallsa għal kull wieħed miż-żewġ Programmi msemmija fl-Artikolu 3(1) għas-snin li matulhom japplika dan il-Ftehim, għandhom jiġu aġġustati f’konformità mal-Artikolu 3(8). Fir-rigward tal-Programm Orizzont Ewropa, dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu kkoreġuti awtomatikament f’konformità mal-Artikolu 4.

Il-Partijiet għandhom isolvu b’kunsens komuni kwalunkwe konsegwenza oħra tat-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

7.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat biss bil-miktub u bil-kunsens komuni tal-Partijiet. Id-dħul fis-seħħ tal-emendi se jsegwi l-istess proċedura bħal dik applikabbli għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

8.   L-Annessi ta’ dan il-Ftehim għandhom jifformaw parti integrali minn dan tal-aħħar.

Magħmul fi Kjiv fit-12 ta’ Ottubru tas-sena 2021, f’żewġ kopji bl-Ingliż u bl-Ukren, b’kull test ikun ugwalment awtentiku. F’każ ta’ diverġenza ta’ interpretazzjoni, għandu jipprevali t-test bl-Ingliż.

Għall-Kummissjoni Ewropea, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Euratom,

Josep BORRELL

Viċi President tal-Kummissjoni

Għall-Ukrajna,

Serhii SHKARLET

Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xjenza tal-Ukrajna


(1)  ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.

(2)  Dan il-Ftehim jikkostitwixxi u għandu l-istess effetti legali tal-Memorandum ta’ Qbil imsemmi skont il-Protokoll III tal-Ftehim ta’Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ukrajna fi programmi tal-Unjoni.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2021/765 tal-10 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-perijodu 2021-2025 li jikkumplimenta Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jħassar ir-Regolament (Euratom) 2018/1563 (ĠU L 167 I, 12.5.2021, p. 81.).

(5)  Il-Ftehim għall-Kooperazzjoni bejn il-Kabinett tal-Ministri tal-Ukrajna u l-Komunità fil-qasam tal-fużjoni nukleari kkontrollata (ĠU L 322, 27.11.2002, p. 40.), il-Ftehim għall-Kooperazzjoni bejn il-Kabinett tal-Ministri tal-Ukrajna u l-Komunità fil-qasam tas-sigurtà nukleari (ĠU L 322, 27.11.2002, p. 33.) u l-Ftehim bejn il-Kabinett tal-Ministri tal-Ukrajna u l-Euratom għall-Kooperazzjoni għall-Użi Paċifiċi tal-Enerġija Nukleari (ĠU L 261, 22.9.2006, p. 27.).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 tal-10 ta’ Mejju 2021 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/743/UE (ĠU L 167 I, 12.5.2021, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2021/819 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (riformulazzjoni) (ĠU L 189, 28.5.2021, p. 61).

(8)  Id-Deċiżjoni (UE) 2021/820 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar l-Aġenda Strateġika ta’ Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) 2021–2027: Nagħtu Spinta lit-Talent u lill-Kapaċità ta’ Innovazzjoni fl-Ewropa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1312/2013/UE (ĠU L 189, 28.5.2021, p. 91).

(9)  Il-miżuri restrittivi tal-UE jiġu adottati skont l-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew skont l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) (ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(12)  Dan jinkludi b’mod partikolari fir-rigward tal-Programm Orizzont Ewropa, ir-riżorsi mill-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 23).

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 23).


ANNESS I

Regoli li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Ukrajna għall-Progamm Orizzont Ewropa (2021–2027) u għall-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom (2021–2025)

I.   Kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Ukrajna

1.

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Ukrajna għall-Programm Orizzont Ewropa u għall-Programm Euratom għandhom ikunu separati. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Ukrajna għall-Programm Orizzont Ewropa u għall-Programm Euratom rispettivament, għandha tiġi stabbilita fuq bażi annwali proporzjonalment u b’żieda mal-ammont disponibbli kull sena fil-baġit tal-Unjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn meħtieġa għall-ġestjoni, l-eżekuzzjoni u l-operazzjoni tal-Programm Orizzont Ewropa u tal-Programm Euratom rispettivament.

2.

It-tariffa ta’ parteċipazzjoni għal kull wieħed miż-żewġ Programmi msemmija fl-Artikolu 3(7) ta’ dan il-Ftehim għandha tiddaħħal gradwalment kif ġej:

2021: 0,5 %;

2022: 1 %;

2023: 1,5 %;

2024: 2 %;

2025: 2,5 %;

2026: 3 %;

2027: 4 %.

3.

F’konformità mal-Artikolu 3(5) ta’ dan il-Ftehim, il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali li għandha titħallas mill-Ukrajna għall-parteċipazzjoni tagħha fil-Programm Orizzont Ewropa u fil-Programm Euratom se tiġi kkalkolata għas-snin finanzjarji rispettivi billi jiġi applikat aġġustament għall-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni.

L-aġġustament għall-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni għandu jkun:

Koeffiċjent tal-Kontribuzzjoni Aġġustat = Koeffiċjent tal-Kontribuzzjoni × Koeffiċjent

Il-koeffiċjenti użati għall-kalkolu ta’ hawn fuq sabiex jiġi aġġustat il-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni għandu jkun ta’ 0,07 għall-Programm Orizzont Ewropa u 0,21 għall-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom rispettivament.

4.

F’konformità mal-Artikolu 3(8) ta’ dan il-Ftehim, l-ewwel aġġustament tal-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ kull wieħed mill-Programmi msemmija fl-Artikolu 3(1) li jappartjeni għall-implimentazzjoni tal-baġit tas-sena N għandu jsir fis-sena N+1 meta l-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali għal dan il-Programm tas-sena N għandha tiġi aġġustata ’l fuq jew ’l isfel bid-differenza bejn:

a)

il-kontribuzzjoni aġġustata kkalkolata bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni aġġustat tas-sena N għas-somma:

i.

tal-ammont ta’ impenji baġitarji magħmula fuq approprjazzjonijiet ta’ impenn awtorizzati għas-sena N għall-Programm rispettiv skont il-baġit ivvotat tal-Unjoni Ewropea u fuq approprjazzjonijiet ta’ impenn li jikkorrispondu għad-diżimpenji li jsiru disponibbli għal darb’oħra; u

ii.

kwalunkwe approprjazzjoni ta’ impenn ibbażata fuq id-dħul assenjat estern li ma tirriżultax minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-Programm rispettiv minn donaturi oħrajn u li kienet disponibbli fl-aħħar tas-sena N;

b)

u l-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali ta’ dan il-Programm tas-sena N.

Mis-sena N+2, u kull sena sussegwenti, sakemm l-impenji baġitarji kollha ffinanzjati fil-qafas tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn li joriġinaw mis-sena N, ikunu tħallsu jew ġew diżimpenjati, u mhux aktar tard minn tliet snin wara t-tmiem tal-Programm Orizzont Ewropa jew tal-Programm Euratom, l-Unjoni għandha tikkalkola aġġustament tal-kontribuzzjoni operazzjonali għal kull Programm rispettiv tas-sena N billi tnaqqas il-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Ukrajna bl-ammont miksub bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni aġġustat tas-sena N għad-diżimpenn li jsir kull sena fuq l-impenji tas-sena N iffinanzjati fil-qafas tal-baġit ivvotat tal-Unjoni jew mid-diżimpenji li jsiru disponibbli għal darb’oħra.

Jekk l-approprjazzjonijiet ta’ impenn li jirriżultaw mid-dħul assenjat estern tas-sena N li ma jirriżultawx mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Programm rispettiv minn donaturi oħrajn jiġu kkanċellati, il-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Ukrajna għal dan il-Programm għandha titnaqqas bl-ammont miksub bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni aġġustat tas-sena N għall-ammont ikkanċellat.

II.   Korrezzjoni awtomatika tal-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Ukrajna applikabbli għall-Programm Orizzont Ewropa

1.

Għall-kalkolu tal-korrezzjoni awtomatika applikabbli biss fil-qafas tal-Programm Orizzont Ewropa kif imsemmi fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim, għandhom japplikaw il-modalitajiet li ġejjin:

a)

“għotjiet kompetittivi” tfisser għotjiet mogħtija permezz ta’ sejħiet għal proposti fejn il-benefiċjarji finali jistgħu jiġu identifikati fil-ħin tal-kalkolu tal-korrezzjoni awtomatika. L-appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi kif definit fl-Artikolu 204 tar-Regolament Finanzjarju huwa eskluż;

b)

meta jiġi ffirmat impenn legali ma’ konsorzju, l-ammonti użati sabiex jiġu stabbiliti l-ammonti inizjali tal-impenn legali għandhom ikunu l-ammonti kumulattivi allokati lill-benefiċjarji li huma entitajiet tal-Ukrajna f’konformità mat-tqassim tal-baġit indikattiv tal-ftehim ta’ għotja;

c)

l-ammonti kollha ta’ impenji legali li jikkorrispondu għal għotjiet kompetittivi għandhom jiġu stabbiliti bl-użu tas-sistema elettronika tal-Kummissjoni Ewropea eCorda u jiġu estratti fit-tieni Erbgħa ta’ Frar tas-sena N+2;

d)

“kostijiet mhux ta’ intervent” tfisser kostijiet tal-Programm minbarra għotjiet kompetittivi, inklużi nefqa ta’ appoġġ, amministrazzjoni speċifika għall-programm, azzjonijiet oħra (1);

e)

l-ammonti allokati lill-organizzazzjonijiet internazzjonali bħala entitajiet ġuridiċi li huma l-benefiċjarju finali (2) għandhom jitqiesu bħala kostijiet mhux ta’ intervent.

2.

Il-mekkaniżmu għandu jiġi applikat kif ġej:

a)

Il-korrezzjonijiet awtomatiċi għas-sena N fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn għas-sena N għandhom jiġu applikati abbażi ta’ data dwar is-sena N u s-sena N+1 minn e-Corda msemmija fil-punt c) tal-paragrafu (1) tal-punt (II) ta’ dan l-Anness fis-sena N+2 wara li kwalunkwe aġġustament f’konformità mal-Artikolu 3(8) ta’ dan il-Ftehim ikun ġie applikat għall-kontribuzzjoni tal-Ukrajna għall-Programm Orizzont Ewropa. L-ammont ikkunsidrat se jkun l-ammont ta’ għotjiet kompetittivi li għalihom hija disponibbli d-data, fil-ħin tal-kalkolu tal-korrezzjoni.

b)

Mis-sena N+2 u sal-2029, l-ammont tal-korrezzjoni awtomatika għandu jiġi kkalkolat għas-sena N billi tittieħed id-differenza bejn:

i.

l-ammont totali tal-għotjiet kompetittivi mqassma lill-Ukrajna jew lill-entitajiet ġuridiċi tal-Ukrajna bħala impenji magħmula fuq l-approprjazzjonijiet baġitarji tas-sena N; u

ii.

l-ammont tal-kontribuzzjoni operazzjonali aġġustata tal-Ukrajna għas-sena N immultiplikat bil-proporzjon bejn:

A.

l-ammont ta’ għotjiet kompetittivi magħmula fuq approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena N; u

B.

t-total tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn baġitarju awtorizzati kollha għas-sena N, inklużi l-kostijiet mhux ta’ intervent.

III.   Il-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Ukrajna, il-pagament tal-aġġustamenti magħmula fuq il-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Ukrajna fuq kull Programm, u l-pagament tal-korrezzjoni awtomatika applikabbli għall-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Ukrajna għall-Programm Orizzont Ewropa

1.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Ukrajna, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-ħruġ tal-ewwel sejħa għall-fondi tas-sena finanzjarja għal kull Programm rispettiv imsemmi fl-Artikolu 3(1) ta’ dan il-Ftehim, l-informazzjoni li ġejja:

a.

l-ammonti f’approprjazzjonijiet ta’ impenn fil-baġit tal-Unjoni li jkun ġie adottat b’mod definittiv għas-sena inkwistjoni għal-linji baġitarji li jkopru l-parteċipazzjoni tal-Ukrajna fil-Programm Orizzont Ewropa u fil-Programm Euratom rispettivament, jekk rilevanti, l-ammont tal-approprjazzjonijiet assenjati esterni li ma jirriżultawx minn kontribuzzjoni finanzjarja minn donaturi oħrajn dwar dawk il-linji baġitarji;

b.

l-ammont tat-tariffa ta’ parteċipazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(7) ta’ dan il-Ftehim għal kull Programm rispettiv;

c.

mis-sena N+1 tal-implimentazzjoni tal-Programm Orizzont Ewropea u tal-Programm Euratom, l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn li jikkorrispondu għas-sena baġitarja N u għal-livell ta’ diżimpenn għal kull Programm rispettiv;

d.

rigward il-Programm Orizzont Ewropa biss u għall-parti tal-Programm Orizzont Ewropa fejn tali informazzjoni hija meħtieġa sabiex tiġi kkalkolata l-korrezzjoni awtomatika, il-livell ta’ impenji li saru favur l-entitajiet ġuridiċi tal-Ukrajna mqassma skont is-sena korrispondenti tal-approprjazzjonijiet baġitarji u l-livell totali relatat tal-impenji.

Fir-rigward ta’ kull wieħed miż-żewġ Programmi, abbażi tal-Abbozz tal-Baġit tagħha, il-Kummissjoni għandha tipprovdi stima tal-informazzjoni għas-sena ta’ wara skont il-punti (a) u (b) mill-aktar fis possibbli, u, mhux aktar tard mill-1 ta’ Settembru tas-sena finanzjarja.

2.

Il-Kummissjoni għandha toħroġ, f’April u f’Lulju ta’ kull sena finanzjarja, sejħa għall-fondi għall-Ukrajna li tikkorrespondi għall-kontribuzzjoni tal-Ukrajna fil-qafas ta’ kull wieħed miż-żewġ Programmi msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ dan il-Ftehim.

Kull sejħa għall-fondi għandha tipprevedi l-pagament ta’ sitta minn kull tnax tal-kontribuzzjoni tal-Ukrajna mhux aktar tard minn 60 jum wara li tinħareġ is-sejħa għall-fondi.

3.

B’deroga mill-paragrafu 2, il-kontribuzzjoni finanzjarja għall-2021 għandha tinqasam f’pagamenti parzjali li dawn għandhom jinqasmu fuq għadd ta’ sejħiet għall-fondi permezz tal-iskeda ta’ ħlasijiet li ġejja:

50 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja għall-2021 għandha titħallas fl-2022;

50 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja għall-2021 għandha titħallas fl-2023.

L-ammonti korrispondenti għandhom jiġu inklużi fis-sejħa għall-fondi tas-sena rispettiva.

3.

Is-sejħa għall-fondi maħruġa f’April kull sena tista’ tinkludi wkoll aġġustamenti tal-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa mill-Ukrajna għall-implimentazzjoni, il-ġestjoni u l-operazzjoni tal-Programm Qafas preċedenti għar-Riċerka u l-Innovazzjoni jew il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom li fihom ipparteċipat l-Ukrajna.

4.

Fir-rigward tal-Programm Orizzont Ewropa, kull sena mill-2023, is-sejħiet għall-fondi għandhom jirriflettu wkoll l-ammont tal-korrezzjoni awtomatika applikabbli għall-kontribuzzjoni operazzjonali mħallsa għas-sena N-2 għall-Programm Orizzont Ewropa.

Għal kull waħda mis-snin finanzjarji tal-2028, l-2029 u l-2030, l-ammont li jirriżulta mill-korrezzjoni awtomatika applikata għall-kontribuzzjonijiet operazzjonali li jkunu tħallsu fl-2026 u fl-2027 għall-Programm Orizzont Ewropa mill-Ukrajna jew mill-aġġustamenti magħmula f’konformità mal-Artikolu 3(8) ta’ dan il-Ftehim se jkun dovut lil Ukrajna jew minnha.

5.

L-Ukrajna għandha tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha skont dan il-Ftehim għal kull wieħed miż-żewġ Programmi f’konformità mal-punt (III) ta’ dan l-Anness. Fin-nuqqas ta’ pagament mill-Ukrajna sad-data dovuta, il-Kummissjoni għandha tibgħat ittra formali ta’ tfakkira.

Kull dewmien fil-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja għal kwalunkwe wieħed miż-żewġ Programmi għandu jiskatta l-pagament ta’ imgħax ta’ inadempjenza mill-Ukrajna fuq l-ammont pendenti, u dan mid-data dovuta.

Ir-rata tal-imgħax fuq l-ammonti riċevibbli mhux imħallsa fid-data dovuta għandha tkun ir-rata li japplika l-Bank Ċentrali Ewropew fl-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tkun fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar meta kien dovut il-pagament, u miżjuda b’punt u nofs perċentwali.


(1)  Azzjonijiet oħra jinkludu b’mod partikolari l-akkwist pubbliku, il-premjijiet, l-istrumenti finanzjarji, l-azzjonijiet diretti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, l-Abbonamenti (OECD, Eureka, IPEEC, AIE, …), l-esperti (l-evalwaturi, il-monitoraġġ tal-proġetti) eċċ.

(2)  L-organizzazzjonijiet internazzjonali jitqiesu biss bħala kostijiet mhux ta’ intervent jekk ikunu benefiċjarji finali. Dan mhux se japplika meta organizzazzjoni internazzjonali tkun koordinatur ta’ proġett (tqassam fondi lil koordinaturi oħrajn).


ANNESS II

Lista mhux eżawrjenti tal-programmi, proġetti u attivitajiet ekwivalenti tal-Ukrajna

Parti 1

Il-programmi tal-Ukrajna li huma miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea

Il-programmi li ġejjin tal-Ukrajna huma miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea:

Sejħiet kompetittivi tal-Fondazzjoni Nazzjonali Ukrena tar- Riċerka

Għażla kompetittiva tal-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi (esperimentali) skont l-ordni tal-istat, approvata bl-Ordni tal-Ministeru Ukren għall-Edukazzjoni u x-Xjenza

Għażla kompetittiva ta’ ħidmiet u proġetti xjentifiċi u tekniċi ffinanzjati mill-istrument estern ta’ assistenza tal-Unjoni Ewropea għat-twettiq tal-obbligi tal-Ukrajna fil-Programm Qafas tal-Unjoni Ewropea dwar riċerki u innovazzjonijiet xjentifiċi “Orizzont 2020”

Għażla kompetittiva tal-Fond Ukren għan-Negozji l-Ġodda

Parti 2

Il-programmi li l-Ukrajna timpenja ruħha fihom biex tiftaħhom b’mod progressiv għall-parteċipazzjoni tal-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea

Il-programmi li ġejjin tal-Ukrajna se jkunu miftuħa b’mod progressiv għall-parteċipazzjoni tal-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea

Fondazzjoni tal-President tal-Ukrajna rigward l-appoġġ għall-edukazzjoni, għax-xjenza u għall-isports


ANNESS III

Ġestjoni Finanzjarja Tajba

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u l-irkupru

Artikolu 1

Rieżamijiet u awditi

1.   L-Unjoni Ewropea għandu jkollha d-dritt li twettaq, f’konformità mal-atti applikabbli ta’ istituzzjoni jew korp tal-Unjoni wieħed jew aktar u kif previst fil-ftehimiet u/jew fil-kuntratti rilevanti, fir-rieżamijiet u fl-awditi tekniċi, xjentifiċi, finanzjarji, jew tipi oħra ta’ rieżamijiet u awditi fuq il-post ta’ kwalunkwe persuna fiżika residenti fl-Ukrajna jew kwalunkwe entità ġuridika stabbilita fiha u li tirċievi finanzjament mill-Unjoni Ewropea, kif ukoll kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni li jirrisjedu jew li huma stabbiliti fl-Ukrajna. Tali rieżami u awditi jistgħu jitwettqu mill-aġenti tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Qorti tal-Awdituri, jew minn persuni oħrajn maħtura mill-Kummissjoni Ewropea.

2.   L-aġenti tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Qorti tal-Awdituri, u l-persuni l-oħrajn maħtura mill-Kummissjoni Ewropea, għandu jkollhom aċċess xieraq għal siti, xogħlijiet u dokumenti (kemm f’verżjonijiet elettroniċi kif ukoll f’dawk stampati) u għall-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex iwettqu tali awditi, inkluż id-dritt li jiksbu kopja fiżika/elettronika ta’ kwalunkwe dokument jew tal-kontenut ta’ kwalunkwe mezz ta’ data jew estratti minnhom, li jkunu miżmuma mill-persuna fiżika jew ġuridika awditjata, jew mill-parti terza awditjata.

3.   L-Ukrajna ma għandhiex tipprevjeni jew tqajjem xi ostakolu partikolari għad-dritt ta’ dħul fl-Ukrajna u għall-aċċess għall-binjiet tal-aġenti u ta’ persuni oħrajn imsemmija fil-paragrafu 2 abbażi tal-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom imsemmija f’dan l-Artikolu.

4.   Ir-rieżamijiet u l-awditi jistgħu jitwettqu, anke wara s-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim skont l-Artikolu 9(5) tiegħu jew it-terminazzjoni tiegħu, skont it-termini stabbiliti fl-atti applikabbli ta’ istituzzjoni jew korp tal-Unjoni Ewropea wieħed jew aktar u kif previst fil-ftehimiet u/jew fil-kuntratti rilevanti fir-rigward ta’ kwalunkwe impenn legali li jimplimenta l-baġit tal-Unjoni Ewropea li tkun daħlet għalih l-Unjoni Ewropea qabel id-data li fiha s-sospensjoni mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim skont l-Artikolu 9(5) tiegħu jew it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim tidħol fis-seħħ.

Artikolu 2

Ġlieda kontra l-irregolaritajiet, il-frodi u reati kriminali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) għandhom ikunu awtorizzati jwettqu investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, fit-territorju tal-Ukrajna. Dawn l-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu f’konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-atti applikabbli ta’ istituzzjoni tal-Unjoni waħda jew aktar.

2.   L-awtoritajiet kompetenti Ukreni għandhom jinformaw lill-Kummissjoni Ewropea jew lill-OLAF fi żmien raġonevoli bi kwalunkwe fatt jew suspett li jkunu saru jafu bihom dwar irregolarità, frodi jew attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

3.   Il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jitwettqu fil-bini ta’ kwalunkwe persuna fiżika li tkun residenti fl-Ukrajna jew fil-binjiet ta’ entità ġuridika stabbilita fl-Ukrajna u li tirċievi l-fondi tal-Unjoni, kif ukoll fil-binjiet ta’ kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni li tkun residenti jew stabbilita fl-Ukrajna.

4.   Il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jitħejjew u jitwettqu mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-OLAF b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtorità kompetenti Ukrena maħtura mill-gvern Ukren. L-awtorità maħtura għandha tiġi nnotifikata kmieni biżżejjed bil-għan, bl-iskop u bil-bażi ġuridika tal-kontrolli u tal-ispezzjonijiet, sabiex tkun tista’ tipprovdi assistenza. Għal dan il-għan, l-uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti Ukreni, jistgħu jipparteċipaw fil-kontrolli u fl-ispezzjonijiet fuq il-post.

5.   Fuq talba tal-awtoritajiet Ukreni, il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jitwettqu b’mod konġunt mal-Kummissjoni Ewropea jew mal-OLAF.

6.   L-aġenti tal-Kummissjoni u l-persunal tal-OLAF għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha, inkluża d-data tal-kompjuter, dwar l-operazzjonijiet ikkonċernati, li huma meħtieġa għat-twettiq xieraq tal-kontrolli u tal-ispezzjonijiet fuq il-post. Huma jistgħu, b’mod partikolari, jagħmlu kopja tad-dokumenti rilevanti.

7.   Meta il-persuna, l-entità jew parti terza oħra topponi kontroll jew spezzjoni fuq il-post, l-awtoritajiet Ukreni, filwaqt li jaġixxu f’konformità mar-regoli u r-regolamenti nazzjonali, għandhom jassistu lill-Kummissjoni Ewropea jew lill-OLAF, sabiex dawn ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom biex iwettqu l-kontroll jew l-ispezzjoni fuq il-post. Din l-assistenza għandha tinkludi t-teħid ta’ miżuri xierqa ta’ prekawzjoni skont il-liġi nazzjonali, b’mod partikolari sabiex tiġi ssalvagwardjata l-evidenza.

8.   Il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF għandhom jinformaw lill-awtoritajiet Ukreni bir-riżultat ta’ tali kontrolli u spezzjonijiet. B’mod partikolari, il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF għandhom jirrapportaw mill-aktar fis possibbli lill-awtorità kompetenti Ukrena b’kull fatt jew suspett relatat ma’ irregolarità li jkunu ntebħu bih waqt il-kontroll jew waqt l-ispezzjoni fuq il-post.

9.   Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dritt kriminali Ukren, il-Kummissjoni Ewropea tista’ timponi miżuri u penali amministrattivi fuq persuni ġuridiċi jew fiżiċi tal-Ukrajna li jkunu qed jipparteċipaw fl-implimentazzjoni ta’ programm jew attività f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

10.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni xierqa ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF u l-awtoritajiet kompetenti Ukreni għandhom jiskambjaw regolarment informazzjoni u, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet għal dan il-Ftehim, jikkonsultaw lil xulxin.

11.   Sabiex jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni effettiva u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-OLAF, l-Ukrajna għandha taħtar punt ta’ kuntatt.

12.   L-informazzjoni skambjata bejn il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF u l-awtoritajiet kompetenti Ukreni għandha ssir b’kunsiderazzjoni dovuta għar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità. Id-data personali inkluża fl-iskambju ta’ informazzjoni għandha tiġi protetta f’konformità mar-regoli applikabbli.

13.   L-awtoritajiet Ukreni għandhom jikkooperaw mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew sabiex dan ikun jista’ jwettaq id-dmir tiegħu li jinvestiga, jipproċedi u jressaq quddiem il-qorti l-awturi tar-reati kriminali u l-kompliċi ta’ dawn ir-reati’ li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli.

Artikolu 3

Irkupru u infurzar

1.   Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni Ewropea li jimponu obbligu pekunarju fuq persuni ġuridiċi jew fiżiċi għajr l-Istati fir-rigward ta’ kwalunkwe pretensjoni li tirriżulta mill-Programm Orizzont Ewropa għandhom ikunu infurzabbli fl-Ukrajna. L-ordni għall-infurzar għandha tiġi mehmuża mad-deċiżjoni, mingħajr ebda formalità oħra għajr verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni mill-awtorità nazzjonali maħtura għal dan il-għan mill-gvern tal-Ukrajna. Il-gvern tal-Ukrajna għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bl-awtorità nazzjonali maħtura tiegħu. F’konformità mal-Artikolu 4, il-Kummissjoni Ewropea għandha tkun intitolata tinnotifika tali deċiżjonijiet infurzabbli direttament lil persuni residenti u entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Ukrajna. L-infurzar għandu jsir f’konformità mal-liġi u r-regoli ta’ proċedura tal-Ukrajna.

2.   Is-sentenzi u d-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mogħtija b’applikazzjoni ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt jew fi ftehim fir-rigward ta’ programmi, attivitajiet, azzjonijiet jew proġetti tal-Unjoni għandhom ikunu infurzabbli fl-Ukrajna bl-istess mod bħad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea msemmija fil-paragrafu (1).

3.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni sabiex tirrieżamina l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 u sabiex tissospendi l-infurzar tagħha. Madankollu, il-Qrati tal-Ukrajna għandu jkollhom ġuriżdizzjoni fuq ilmenti li l-infurzar tagħhom qiegħed jitwettaq b’mod irregolari.

Artikolu 4

Komunikazzjoni u Skambju ta’ informazzjoni

L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea involuti fl-implimentazzjoni tal-Programm Orizzont Ewropa, jew fil-kontrolli fuq dak il-programm, għandhom ikunu intitolati li jikkomunikaw direttament, inkluż permezz ta’ sistemi ta’ skambju elettroniku, ma’ kwalunkwe persuna fiżika residenti fl-Ukrajna jew ma’ entità ġuridika stabbilita fl-Ukrajna u li tirċievi fondi tal-Unjoni, kif ukoll ma’ kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni residenti jew stabbiliti fl-Ukrajna. Tali persuni, entitajiet u partijiet jistgħu jissottomettu direttament lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-Unjoni Ewropea l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni rilevanti kollha li huma meħtieġa jissottomettu abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea applikabbli għall-programm tal-Unjoni u tal-kuntratti jew tal-ftehimiet konklużi għall-implimentazzjoni ta’ dak il-programm.


Top