Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1295

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1295 tal-4 ta’ Awwissu 2021 li jidderoga fir-rigward tas-sena 2021 mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 75(1), tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livell ta’ pagamenti bil-quddiem għal pagamenti diretti u miżuri ta’ żvilupp rurali relatati mal-erja u mal-annimali

    C/2021/5708

    ĠU L 282, 5.8.2021, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1295/oj

    5.8.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 282/3


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1295

    tal-4 ta’ Awwissu 2021

    li jidderoga fir-rigward tas-sena 2021 mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 75(1), tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livell ta’ pagamenti bil-quddiem għal pagamenti diretti u miżuri ta’ żvilupp rurali relatati mal-erja u mal-annimali

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 75(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, mis-16 ta’ Ottubru sat-30 ta’ Novembru, l-Istati Membri jistgħu jħallsu bil-quddiem sa 50 % għall-pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u sa qabel l-1 ta’ Diċembru sa 75 % għall-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja u mal-annimali skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

    (2)

    Minħabba l-kriżi li rriżultat mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Istati Membri, il-bdiewa ltaqgħu ma’ diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji eċċezzjonali. Meta titqies il-vulnerabbiltà speċifika ta’ dawk l-operaturi ekonomiċi u sabiex jittaffew il-konsegwenzi finanzjarji u l-problemi tal-flussi tal-flus marbuta ma’ dik il-kriżi, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/531 (4) jipprevedi deroga mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 75(1), tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 billi jippermetti lill-Istati Membri jħallsu livell ogħla ta’ pagamenti bil-quddiem lill-benefiċjarji għas-sena 2020. Peress li l-pandemija tal-COVID-19 għadha tippersisti fl-2021 u l-bdiewa għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma’ tfixkil ekonomiku, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew ikomplu jħallsu aktar pagamenti bil-quddiem fir-rigward tas-sena tat-talba 2021.

    (3)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli, il-Kumitat għall-Pagamenti Diretti u l-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Permezz ta’ deroga mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, fir-rigward tas-sena tat-talba 2021, l-Istati Membri jistgħu jħallsu bil-quddiem sa 70 % fir-rigward tal-pagamenti diretti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u sa 85 % għall-appoġġ mogħti fil-qafas tal-iżvilupp rurali kif imsemmi fl-Artikolu 67(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Awwissu 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/531 tas-16 ta’ April 2020 li jidderoga fir-rigward tas-sena 2020 mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livell ta’ pagamenti bil-quddiem għall-pagamenti diretti kif ukoll għal miżuri ta’ żvilupp rurali relatati mal-erja u mal-annimali u mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(2) ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tal-pagamenti diretti (ĠU L 119, 17.4.2020, p. 1).


    Top