This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021H0961
Council Recommendation (EU) 2021/961 of 14 June 2021 amending Recommendation (EU) 2020/1475 on a coordinated approach to the restriction of free movement in response to the COVID-19 pandemic (Text with EEA relevance)
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/961 tal-14 ta’ Ġunju 2021 li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/961 tal-14 ta’ Ġunju 2021 li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
ST/9603/2021/INIT
ĠU L 213I, 16.6.2021, p. 1–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
16.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 213/1 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/961
tal-14 ta’ Ġunju 2021
li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 21(2), l-Artikolu 168(6) u l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 292 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fit-13 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (1). Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 stabbiliet approċċ ikkoordinat fuq il-punti ewlenin li ġejjin: l-applikazzjoni ta’ kriterji u livelli limitu komuni meta jiġi deċiż jekk għandhomx jiġu introdotti restrizzjonijiet għall-moviment liberu, immappjar tar-riskju ta’ trażmissjoni tal-COVID-19 fuq il-bażi ta’ kodiċi tal-kuluri miftiehem, u approċċ ikkoordinat fir-rigward tal-miżuri, jekk ikun hemm, li jistgħu jiġu applikati b’mod xieraq għall-persuni li jiċċaqalqu bejn iż-żoni, skont il-livell tar-riskju ta’ trażmissjoni f’dawk iż-żoni. |
(2) |
Bl-użu tal-kriterji u l-limiti stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard ilu jippubblika, darba fil-ġimgħa, mappa tal-Istati Membri, imqassma skont ir-reġjuni, sabiex jappoġġa t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri (2). |
(3) |
Kif previst fil-premessa 15 tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475, il-Kummissjoni, appoġġata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, jenħtieġ li tivvaluta b'mod regolari l-kriterji, il-ħtiġijiet tad-data u l-livelli limitu deskritti f'din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż jekk jenħtieġx li jitqiesu kriterji oħra jew jekk jenħtieġx li jiġu adattati l-livelli limitu, u tibgħat is-sejbiet tagħha lill-Kunsill għall-kunsiderazzjoni tiegħu, flimkien ma' proposta biex tiġi emendata r-Rakkomandazzjoni. |
(4) |
Wara tali proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill adotta, fl-1 ta’ Frar 2021, ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/119 li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 dwar approċċ koordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (3) fid-dawl ta’ livell għoli ħafna ta’ trażmissjoni komunitarja madwar l-Unjoni, possibbilment marbuta mat-trażmissjoni akbar tal-varjanti l-ġodda tas-SARS-CoV-2 ta’ tħassib. |
(5) |
L-Istati Membri jistgħu, skont il-liġi tal-Unjoni, jillimitaw id-dritt fundamentali tal-moviment liberu għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika. Kull restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni li tkun stabbilita biex tillimita t-tixrid tas-SARS-CoV-2 jenħtieġ li tkun ibbażata fuq raġunijiet speċifiċi u limitati ta' interess pubbliku, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Huwa meħtieġ li dawn il-limitazzjonijiet jiġu applikati f’konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni. Għalhekk, kull miżura li tittieħed jenħtieġ li tkun strettament limitata fl-ambitu u fiż-żmien, f’konformità mal-isforzi biex jerġa’ jiġi stabbilit il-moviment liberu fl-Unjoni, u jenħtieġ li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ biex tiġi salvagwardjata s-saħħa pubblika. Barra minn hekk, tali miżuri jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-miżuri meħuda mill-Unjoni biex tiżgura l-moviment liberu mingħajr xkiel ta’ oġġetti u servizzi essenzjali fis-suq intern, inkluż il-moviment liberu tal-provvisti mediċinali u tal-persunal mediku u tal-kura tas-saħħa permezz tal-qsim tal-fruntieri mill-“korsiji ħodor” imsemmija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Marzu 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor skont il-Linji Gwida għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ oġġetti u servizzi essenzjali (4). |
(6) |
Biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u tar-residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, fl-20 ta’ Mejju 2021, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu li jistabbilixxu ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, qafas komuni għall-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli għat-tilqim, l-ittestjar tal-COVID-19 u tal-irkupru minnha. Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jenħtieġ li jikkontribwixxi biex jiffaċilita t-tneħħija gradwali u kkoordinata tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu li hemm fis-seħħ, f’konformità mad-dritt tal-UE, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2. Il-faċilitazzjoni tal-libertà tal-moviment hija waħda mill-prekundizzjonijiet ewlenin biex jibda l-irkupru ekonomiku. |
(7) |
Fl-20 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/816 li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (5), li tirrakkomanda li l-Istati Membri jtaffu r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, b’mod partikolari għal dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li rċevew l-aħħar doża rakkomandata ta’ vaċċin COVID-19 li ngħatat awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jippermettu l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu rċevew l-aħħar doża rakkomandata ta’ vaċċin tal-COVID-19 li tkun lestiet il-proċess tal-elenkar tal-użu ta’ emerġenza tad-WHO (7). Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/816 żiedet ukoll il-livelli limitu tar-rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta' COVID-19 li tintuża biex tiġi ddeterminata l-lista ta’ pajjiżi mhux tal-UE minn fejn jenħtieġ li jkun permess l-ivvjaġġar mhux essenzjali. Fl-istess ħin, biex jiġi limitat ir-riskju li jidħlu fl-UE varjanti tas-SARS-CoV-2 ta’ tħassib jew interess, ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/816 tipprevedi mekkaniżmu ta’ “brejk ta’ emerġenza”, li jippermetti lill-Istati Membri jaġixxu malajr u b’mod koordinat biex jillimitaw temporanjament għal minimu strett l-ivvjaġġar kollu minn pajjiżi terzi affettwati. Ir-Rakkomandazzjoni 2020/1475 jenħtieġ li tiġi adattata biex tqis dawn l-iżviluppi, inkluż il-bidla fil-livell limitu tar-rata ta’ notifika tal-każijiet. |
(8) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-25 ta’ Mejju 2021 (8), il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-isforzi biex jiġi żgurat approċċ ikkoordinat jenħtieġ li jkomplu qabel is-sajf. F’dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew laqa’ l-qbil li ntlaħaq dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE u appella għall-implimentazzjoni rapida tiegħu. Bħala l-pass li jmiss, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu fl-UE, il-Kunsill Ewropew appella għar-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 sa nofs Ġunju. Il-Kunsill Ewropew laqa’ tajjeb ukoll l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/816. |
(9) |
Ir-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE (9) ser jibda japplika mill-1 ta’ Lulju 2021. Minn din id-data, il-persuni mlaqqma, ittestjati jew li rkupraw mill-marda ser ikollhom id-dritt li jiksbu ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, inkluż meta jkunu tlaqqmu qabel id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, anki jekk bħala parti minn prova klinika. Ir-Rakkomandazzjoni 2020/1475 jenħtieġ għalhekk li tiġi adattata biex isir l-aħjar użu mill-qafas taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. B’mod partikolari, iċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE jiżguraw il-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni sikuri ta’ tilqim interoperabbli, ta’ ċertifikati tal-ittestjar u tal-irkupru mill-marda, u ċertifikati maħruġa skont ir-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jenħtieġ għalhekk li jkunu l-għodda primarja li tintuża fil-kuntest tal-ivvjaġġar fl-UE. |
(10) |
Ir-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jipprevedi perjodu ta’ introduzzjoni gradwali ta’ sitt ġimgħat, biex jagħti lill-Istati Membri li ma jistgħux joħorġu ċertifikati f’format li jikkonforma ma’ dan ir-Regolament mid-data tal-applikazzjoni tiegħu l-possibbiltà li jkomplu joħorġu ċertifikati li jkunu għadhom mhumiex konformi mar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Matul il-perjodu ta’ introduzzjoni gradwali, tali ċertifikati, kif ukoll ċertifikati maħruġa qabel id-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, iridu jiġu aċċettati mill-Istati Membri kollha dment li jkun fihom id-data meħtieġa. Għall-finijiet tar-Rakkomandazzjoni 2020/1475, tali ċertifikati jenħtieġ għalhekk li jitqiesu bħala maħruġa f’konformità mar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. |
(11) |
Barra minn hekk, persuni li ma jkunux fil-pussess ta’ Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, b’mod partikolari minħabba li jkunu tlaqqmu qabel id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, jenħtieġ li jingħataw kull opportunità raġonevoli biex jagħtu prova b’mezzi oħra li huma jenħtieġ li jibbenefikaw mill-eżenzjoni tar-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-moviment liberu mogħtija minn Stat Membru lid-detenturi ta’ dawn iċ-ċertifikati. |
(12) |
Jenħtieġ li jsiru sforzi biex tiġi żgurata l-introduzzjoni bla xkiel taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jużaw, kemm jista’ jkun, il-possibbiltajiet eżistenti skont il-liġi nazzjonali dwar il-ħruġ ta’ Ċertifikati COVID-19 biex jibdew joħorġu ċertifikati f’format konsistenti mar-Regolament COVID Diġitali tal-UE minn qabel ma tibda l-applikazzjoni, fuq il-bażi tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi żviluppati mill-Istati Membri fin-Network tas-Saħħa elettronika (10). Meta l-liġi nazzjonali tipprevedi l-verifika taċ-ċertifikati tal-COVID-19, id-detenturi ta’ Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jistgħu jibdew jużawh għall-ivvjaġġar minn qabel ma jidħol fis-seħħ ir-Regolament. Il-Kummissjoni qed tappoġġa dan il-proċess billi qed tniedi l-parti ċentrali taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, il-gateway tal-UE li jaħżen il-kjavi pubbliċi meħtieġa għall-verifika ta’ Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Billi l-ebda data personali ma tiġi skambjata permezz tal-gateway tal-UE, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-funzjonalità tagħha diġà qabel jibda japplika r-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. |
(13) |
L-aktar bis-saħħa taż-żidiet sinifikanti fit-teħid tat-tilqim madwar l-Unjoni, hemm xejra qawwija u kontinwa ’l isfel fir-rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta' COVID-19 fiż-żona tal-UE/ŻEE. It-teħid kumulattiv tat-tilqim fis-27 ta’ Mejju 2021 ta’ mill-inqas doża waħda ta’ vaċċin fost l-adulti minn 18-il sena ’l fuq kien laħaq it-42,8 %, u t-teħid kumulattiv tat-tilqim sħiħ fost l-adulti minn 18-il sena ’l fuq kien laħaq it-18,9 %. Huwa importanti li t-teħid kumulattiv tat-tilqim sħiħ laħaq livelli għoljin fost il-gruppi prijoritarji, bħal persuni li għandhom 80 sena u aktar u l-ħaddiema tal-kura tas-saħħa (11). Meta jikkunsidraw jekk japplikawx restrizzjonijiet, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu l-livell ta’ protezzjoni pprovdut miż-żidiet fit-teħid tat-tilqim, b’mod partikolari fost il-gruppi fil-mira. |
(14) |
Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi tajbin, l-Istati Membri bdew ineħħu gradwalment ir-restrizzjonijiet imposti biex jillimitaw it-tixrid tas-SARS-CoV-2, kemm fir-rigward tal-ivvjaġġar kif ukoll ta’ attivitajiet oħra. Biex jagħmlu dan b’mod sikur, ħafna Stati Membri qed jużaw iċ-ċertifikati tal-COVID-19, li jkopru t-tilqim, ir-riżultati tat-testijiet u/jew l-irkupru mill-marda. Sabiex jiġu kkoordinati l-isforzi lejn it-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu fis-seħħ, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, jenħtieġ li r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 tiġi adattata. Filwaqt li jitqiesu d-differenzi fis-sitwazzjoni epidemjoloġika bejn iż-żoni kklassifikati b’kuluri differenti stabbiliti mir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475, u biex tingħata aktar ċarezza u ċertezza lill-persuni li jivvjaġġaw fl-Unjoni, ir-restrizzjonijiet li jistgħu jiġu applikati mill-Istati Membri, fuq il-bażi tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom stess, jenħtieġ li jiġu ċċarati aktar. |
(15) |
Fid-dawl tar-rati baxxi ta’ infezzjoni fiż-żoni kklassifikati bħala “oranġjo”, jenħtieġ li ma tiġix imposta kwarantina jew awtoiżolament fuq persuni li jivvjaġġaw minn dawn iż-żoni. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu lil dawn il-vjaġġaturi biex jagħmlu test tal-infezzjoni tas-SARS-CoV-2, jew joffru testijiet mal-wasla. |
(16) |
Biex jiġi ssimplifikat l-ivvjaġġar fl-Unjoni, jenħtieġ li jiġu stabbiliti perjodi ta’ validità standard għat-testijiet tal-infezzjoni tas-SARS-CoV-2, filwaqt li titqies ukoll it-tnedija dalwaqt taċ-Ċertifikat COVID Diġitali interoperabbli tal-UE. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri diġà jipprevedu li l-kampjunar meħtieġ għal test ta’ amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku molekulari (nucleic acid amplification test, NAAT) irid, sabiex ikun eliġibbli, jitwettaq mhux aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla. Perjodu ta’ validità iqsar ta’ mhux aktar minn 48 siegħa huwa ġġustifikat għat-testijiet rapidi tal-antiġeni elenkati fl-Anness I tal-lista komuni ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni tal-COVID-19 miftehma mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa (12), meta dawn it-testijiet jiġu aċċettati minn Stat Membru għall-finijiet ta’ vjaġġar. Fiż-żewġ każijiet, it-testijiet jenħtieġ li jkunu twettqu minn professjonisti tas-saħħa jew minn persunal tal-ittestjar kwalifikat. |
(17) |
Kif innutat fir-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, l-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw possibbiltajiet ta’ ttestjar affordabbli u disponibbli b’mod wiesa’ biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu, filwaqt li jqisu li mhux il-popolazzjoni kollha għad kellha l-opportunità li tiġi mlaqqma. L-użu ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni jservi biex jiffaċilita l-ħruġ ta’ ċertifikati tar-riżultati tat-testijiet fuq bażi affordabbli. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li ser timmobilizza EUR 100 miljun biex tappoġġa lill-Istati Membri jipprovdu testijiet affordabbli. |
(18) |
Persuni li jivvjaġġaw minn żoni kklassifikati bħala “ħomor” xorta jistgħu jkunu meħtieġa joqogħdu kwarantina jew f’awtoiżolament, sakemm ma jkunux fil-pussess ta’ ċertifikat ta’ test li jaqa’ fi ħdan il-perjodi ta’ validità standard. Persuni li ma jkunux fil-pussess ta’ ċertifikat ta’ test bħal dan jistgħu jkunu meħtieġa li jagħmlu test tal-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 mal-wasla u, fejn meħtieġ, li joqogħdu kwarantina jew f’awtoiżolament sakemm jagħmlu test li jagħti riżultat negattiv. |
(19) |
Kwarantina obbligatorja jew awtoiżolament imposti fuq persuni li jaslu minn Stati Membri oħra jikkostitwixxu restrizzjoni sinifikanti fuq il-moviment liberu. Dan jenħtieġ li jiġi impost biss fejn ikun assolutament meħtieġ għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, pereżempju minħabba li l-persuna kkonċernata tasal minn żona kklassifikata bħala “ħamra” mingħajr test tal-infezzjoni tas-SARS-CoV-2, minħabba li l-persuna kkonċernata tasal minn żona kklassifikata bħala “aħmar skur”, jew fejn tkun ġiet irrapportata prevalenza għolja ta’ varjanti tas-SARS-CoV-2 ta’ tħassib jew interess. Il-persuni li jkunu fi kwarantina relatata mal-ivvjaġġar jew f’awtoiżolament f’sitwazzjonijiet bħal dawn jenħtieġ li jkunu jistgħu jqassru t-tul ta’ żmien tagħhom jekk jinkiseb test b’riżultat negattiv fi żmien ħamest ijiem sa sebat ijiem wara l-wasla, sakemm il-vjaġġatur ma jiżviluppax sintomi tal-COVID-19 jew ma jasalx minn żona bi prevalenza għolja ta' varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2. |
(20) |
Il-varjanti tas-SARS-CoV-2 għadhom raġuni ta’ tħassib u jenħtieġ li jitqiesu mill-Istati Membri fil-kuntest tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jivvaluta regolarment evidenza ġdida dwar varjanti identifikati permezz ta’ intelliġenza epidemika, skrinjar tal-varjanti ġenomiċi bbażat fuq ir-regoli, jew sorsi xjentifiċi oħrajn (13). Dan ikopri, b’mod partikolari, il-varjanti ta’ tħassib, li għalihom hemm evidenza ċara disponibbli li tindika impatt sinifikanti fuq it-trażmissibbiltà, is-severità u/jew l-immunità li x’aktarx ikollha impatt fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-UE/fiż-ŻEE, u varjanti ta’ interess, li għalihom hemm evidenza disponibbli dwar il-proprjetajiet ġenomiċi, l-evidenza epidemjoloġika jew l-evidenza in vitro li jistgħu jimplikaw impatt sinifikanti fuq it-trażmissibbiltà, is-severità u/jew l-immunità, li realistikament ikollhom impatt fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-UE/fiż-ŻEE. Sabiex jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-proporzjon tal-varjanti ta’ tħassib u tal-varjanti ta’ interess fl-UE/fiż-ŻEE flimkien mal-volumi tas-sekwenzjar, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jippubblika “dashboard tal-varjanti tas-SARS-CoV-2” (14). Sabiex tinkiseb informazzjoni f’waqtha u preċiża dwar l-emerġenza u ċ-ċirkolazzjoni tal-varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jirrakkomanda li l-volumi tas-sekwenzjar tal-Istati Membri jenħtieġ li jilħqu livell rakkomandat ta’ mill-inqas 10 % jew 500 sekwenza ta’ każijiet pożittivi tas-SARS-CoV-2 sekwenzjati fil-ġimgħa, kif ġie nnotat ukoll fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar front magħqud biex negħlbu l-COVID-19 (15). Volum insuffiċjenti ta’ sekwenzjar jirriżulta f’kapaċità baxxa li jiġu identifikati varjanti ta’ tħassib li jkunu qed jiċċirkolaw qabel ma jkollhom impatt fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika kumplessiva. Fl-istess ħin, huwa importanti li l-Istati Membri jqisu d-differenzi fil-volum ta' sekwenzjar, sabiex ma jiskoraġġixxux livelli għoljin ta’ sekwenzjar. |
(21) |
Għalhekk, xieraq li jkompli jiġi skoraġġut bil-qawwa kull vjaġġ mhux essenzjali lejn u minn żoni kklassifikati bl-“aħmar skur”, lejn u minn żoni bi prevalenza għolja ta’ varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2, speċjalment varjanti li jżidu t-trażmissibbiltà, is-severità tal-mard jew jaffettwaw l-effikaċja tat-tilqim, u lejn u minn żoni bi prevalenza mhux magħrufa minħabba volum ta’ sekwenzjar insuffiċjenti. |
(22) |
Skont l-evidenza xjentifika attwali u li għadha qed tevolvi, jidher li l-persuni mlaqqmin u l-persuni li rkupraw mill-COVID-19 fis-sitt xhur preċedenti għandhom riskju mnaqqas li jinfettaw lin-nies bis-SARS-CoV-2. Jenħtieġ li l-moviment liberu tal-persuni li, skont evidenza xjentifika soda, ma jirrappreżentawx riskju sinifikanti għas-saħħa pubblika, pereżempju għax ikunu immuni għas-SARS-CoV-2 u ma jistgħux jittrażmettuh, ma jkunx ristrett, billi restrizzjonijiet bħal dawn ma jkunux meħtieġa biex jinkiseb l-objettiv li titħares is-saħħa pubblika. Jekk is-sitwazzjoni epidemjoloġika tippermetti, jenħtieġ li persuni bħal dawn ma jkunux soġġetti għal restrizzjonijiet addizzjonali għall-moviment liberu marbutin mal-pandemija tal-COVID-19, bħall-ittestjar relatat mal-ivvjaġġar għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 jew l-awtoiżolament jew il-kwarantina relatati mal-ivvjaġġar, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet addizzjonali ma jkunux, skont l-aħħar evidenza xjentifika disponibbli, konformi mal-prinċipju ta' prekawzjoni, meħtieġa u proporzjonati għall-fini tas-salvagwardja tas-saħħa pubblika, u ma jkunux diskriminatorji . |
(23) |
Ħafna Stati Membri diġà jeżentaw jew qed jippjanaw li jeżentaw persuni mlaqqmin minn restrizzjonijiet għall-moviment liberu fl-Unjoni, u t-tnedija dalwaqt taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE interoperabbli ser tagħmilha aktar faċli għall-vjaġġaturi biex jagħtu prova li tlaqqmu. Skont l-"Interim guidance on the benefits of full vaccination against COVID-19 for transmission and implications for non-pharmaceutical interventions" ippubblikata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard fil-21 ta’ April 2021 (16), ir-rekwiżiti għall-ittestjar u l-kwarantina tal-vjaġġaturi, meta implimentati, jistgħu jitwarrbu jew jiġu mmodifikati għal individwi mlaqqmin kompletament sakemm ma jkunx hemm ċirkolazzjoni ta’ varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess jew ikun hemm livell baxx ħafna ta’ ċirkolazzjoni tagħhom fil-komunità fil-pajjiż ta’ oriġini. Dan minħabba li l-probabbiltà li vjaġġatur kompletament imlaqqam joħloq riskju għal trażmissjoni suċċessiva tal-COVID-19 hija vvalutata bħala baxxa ħafna, sakemm ma tiġix miżjuda b’fatturi bħall-prevalenza għolja ta’ varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess. B’riżultat ta’ hekk, jenħtieġ li l-individwi li jkunu kompletament imlaqqmin b’vaċċin kontra l-COVID-19 li jkun ingħata awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 ma jkunux soġġetti għal ittestjar addizzjonali relatat mal-ivvjaġġar għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 jew għall-awtoiżolament jew għall-kwarantina relatati mal-ivvjaġġar meta jmorru minn post għall-ieħor fl-Unjoni. Fl-istess waqt, fis-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fl-UE/ŻEE, jenħtieġ li fi spazji pubbliċi u f’ġemgħat kbar, inkluż waqt l-ivvjaġġar, miżuri ta’ mitigazzjoni bħal tbegħid fiżiku, l-ilbies ta’ maskri u l-iġjene respiratorja u tal-idejn, jinżammu irrispettivament mill-istatus tat-tilqim tal-individwu. |
(24) |
Biex jiġi ssimplifikat l-ivvjaġġar fl-Unjoni, jenħtieġ li jiġi stabbilit fehim komuni tal-kundizzjonijiet li skonthom il-persuni mlaqqmin jenħtieġ li jiġu eżentati mir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Jenħtieġ li l-persuni mlaqqmin jiġu eżentati mir-restrizzjonijiet ladarba jkunu għaddew mill-inqas 14-il jum mit-tilqim sħiħ. Jenħtieġ li l-persuni li jkunu rċevew it-tieni doża f’sensiela ta’ żewġ dożi tal-vaċċin kontra l-COVID-19, inkluż fejn ġew amministrati żewġ dożi ta' vaċċini differenti kontra l-COVID-19, u persuni li jkunu rċevew vaċċin b’doża waħda jitqiesu bħala kompletament imlaqqmin. |
(25) |
Biex tinkiseb it-tnedija rapida tat-tilqim, xi Stati Membri stabbilew politiki biex ilaqqmu kemm jista’ jkun nies fil-gruppi f’riskju għoli ta’ COVID-19 gravi. Rakkomandazzjoni oħra hija li jenħtieġ li tingħata doża waħda biss ta’ vaċċin (fi skeda ta’ żewġ dożi) lil individwi li kienu preċedentement infettati bis-SARS-CoV-2. Skont rapport miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard tas-6 ta’ Mejju 2021, disgħa mit-23 pajjiż tal-UE/taż-ŻEE li wieġbu qed jirrakkomandaw doża waħda għal dawk li kienu preċedentement infettati (għall-vaċċini li għandhom skeda ta’ żewġ dożi) (17). Hemm evidenza emerġenti li għal dawk l-individwi li kienu preċedentement infettati bis-SARS-CoV-2, doża waħda ta’ Comirnaty u COVID-19 Vaccine Moderna (vaċċini mRNA) tikkaġuna reazzjonijiet simili jew ogħla ta’ antikorpi, ċelloli B u ċelloli T meta mqabbla ma’ individwi li ma kinux preċedentement infettati. Barra minn hekk, xi studji rrappurtaw li doża waħda ta’ vaċċin f’individwi li kienu preċedentement infettati tidher li tiġġenera reazzjonijiet simili ta’ antikorpi, ċelloli B u ċelloli T għal dawk misjuba f’individwi mhux infettati li jkunu rċevew żewġ dożi ta’ vaċċini. Hemm ukoll evidenza emerġenti ta’ livelli ogħla ta’ antikorpi wara doża waħda tal-vaċċin Vaxzevria f’individwi preċedentement infettati meta mqabblin ma’ doża waħda f’individwi li ma kinux preċedentement infettati u doża waħda f’individwi li kienu preċedentement infettati tidher li tiġġenera reazzjonijiet ta’ antikorpi simili għal dawk misjubin f’individwi mhux infettati li jkunu rċevew żewġ dożi ta’ vaċċin. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-istrateġiji ta’ tilqim tagħhom, jenħtieġ li persuna li tkun irċeviet doża waħda ta’ vaċċin tal-COVID-19 b’żewġ dożi li tkun ingħatat awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 wara li tkun ġiet preċedentement infettata bis-SARS-CoV-2 titqies ukoll, f’kuntest tal-ivvjaġġar, bħala kompletament imlaqqma, meta jkun indikat fiċ-ċertifikat tal-vaċċinazzjoni li l-kors tat-tilqim ikun tlesta wara l-għoti ta’ doża waħda . |
(26) |
L-Istati Membri jistgħu wkoll ineħħu r-restrizzjonijiet f’kuntesti oħrajn. F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(5) tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, meta l-Istati Membri jaċċettaw prova ta’ tilqim sabiex iwarrbu r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu f’sitwazzjonijiet oħrajn ukoll, pereżempju wara l-ewwel doża f’sensiela ta’ żewġ dożi, jenħtieġ li jaċċettaw ukoll, bl-istess kundizzjonijiet, iċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni għal vaċċin kontra l-COVID-19 kopert mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(5) ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaċċettaw ukoll, għall-istess fini, ċertifikati tal-vaċċinazzjoni maħruġin għal vaċċin kontra l-COVID-19 kopert mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(5) tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. |
(27) |
L-evidenza li qed takkumula tappoġġa r-rakkomandazzjoni li n-nies li jkunu rkupraw mill-COVID-19 ikkonfermata minn laboratorju ma jeħtiġux ittestjar addizzjonali relatat mal-ivvjaġġar għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 jew għal awtoiżolament jew kwarantina relatati mal-ivvjaġġar tal-inqas fl-ewwel 180 jum tal-ewwel test pożittiv tan-NAAT, dment li jinżammu l-miżuri ta’ mitigazzjoni bħal tbegħid fiżiku, l-ilbies ta’ maskri u l-iġjene respiratorja u tal-idejn. B’riżultat ta’ hekk, ħafna Stati Membri diġà jeżentaw jew qed jippjanaw li jeżentaw persuni li rkupraw mill-marda minn restrizzjonijiet għall-moviment liberu fl-Unjoni, u t-tnedija dalwaqt taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE interoperabbli ser tagħmilha aktar faċli għall-vjaġġaturi biex jagħtu prova li rkupraw wara test pożittiv tan-NAAT għal infezzjoni tas-SARS-CoV-2. |
(28) |
F’konformità mal-approċċ prekawzjonarju, jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ “sistema ta' sospensjoni”, li skontu l-Istati Membri jkollhom jerġgħu jirrikjedu li d-detenturi ta’ ċertifikati tal-vaċċinazzjoni jew ċertifikati ta’ rkupru jsirilhom test għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 u/jew il-kwarantina/l-awtoiżolament jekk is-sitwazzjoni epidemjoloġika fi Stat Membru jew f’reġjun fi Stat Membru tiddeterjora b’mod rapidu, b'mod partikolari fejn tiġi rrappurtata prevalenza għolja ta’ varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2 li jżidu t-trażmissibbiltà jew is-severità tal-marda jew li jaffettwaw l-effikaċja tal-vaċċin. L-Artikolu 11(2) tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jipprevedi li f’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-Istat Membru kkonċernat jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’hekk, jekk possibbli 48 siegħa qabel l-introduzzjoni ta’ dawn ir-restrizzjonijiet il-ġodda. Sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni, b’mod partikolari meta jiġu imposti restrizzjonijiet minħabba varjanti ġodda ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2, jenħtieġ li l-Kunsill, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, jingħata l-kompitu li jirrevedi s-sitwazzjoni b’mod ikkoordinat. |
(29) |
Biex tiġi żgurata l-unità tal-familji li jivvjaġġaw, jenħtieġ li l-minuri li jivvjaġġaw mal-ġenitur jew ġenituri tagħhom jew ma' persuna oħra li takkumpanjahom ma jkunux meħtieġa jagħmlu l-kwarantina/awtoiżolament relatat mal-ivvjaġġar meta ma jkun impost l-ebda rekwiżit ta’ dan it-tip fuq il-persuna li takkumpanja, pereżempju minħabba li jkunu fil-pussess ta’ ċertifikat tal-vaċċinazzjoni jew ċertifikat tal-fejqan. Barra minn hekk, jenħtieġ li tfal taħt l-età ta’ 12-il sena jkunu eżentati mir-rekwiżit li jagħmlu testijiet relatati mal-ivvjaġġar għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2. |
(30) |
L-Istati Membri huma mħeġġa jiffaċilitaw, kemm jista’ jkun, l-ivvjaġġar mill-Pajjiżi jew Territorji ekstra-Ewropej imsemmija fl-Artikolu 355(2) TFUE u elenkati fl-Anness II tiegħu jew il-Gżejjer Faeroe. |
(31) |
It-traċċar tal-kuntatti huwa pilastru ċentrali tal-ġlieda kontra t-tixrid tal-virus, speċjalment b’rabta mal-emerġenza ta’ varjanti ġodda. Fl-istess ħin, traċċar tal-kuntatti effettiv u f’waqtu huwa aktar diffiċli meta jeħtieġ li jitwettaq b’mod transfruntier u għal volumi kbar ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw qrib xulxin. Biex dan jiġi indirizzat, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw li jirrikjedu li persuni li jidħlu fit-territorju tagħhom permezz ta’ modi kollettivi ta’ trasport b’sit jew kabina assenjati minn qabel jippreżentaw Formoli tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri (Passenger Locator Forms, PLF) f’konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari meta jiġu ttestjati biss malli jaslu. Għal din il-fini, ġiet żviluppata Formola tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri Diġitali (18) komuni mill-EU Healthy Gateways biex ikunu jistgħu jintużaw mill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jingħaqdu mal-Pjattaforma ta’ Skambju tal-PLF, li hija parti mis-Sistema ta’ Twissija Bikrija u ta’ Rispons, biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom ta’ traċċar tal-kuntatti b’mod transfruntier għall-modi tat-trasport kollha. Il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF ser tippermetti l-iskambju sigur, f’waqtu u effettiv tad-data bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, billi tippermettilhom jittrażmettu informazzjoni mis-sistemi diġitali nazzjonali eżistenti tal-PLF tagħhom u informazzjoni epidemjoloġika rilevanti lil awtoritajiet kompetenti oħrajn b’mod interoperabbli u awtomatiku. Għal din il-fini, fis-27 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/253 fir-rigward ta’ twissijiet skattati minn theddid transfruntier serju għas-saħħa u għat-traċċar tal-kuntatti ta’ passiġġieri identifikati permezz tal-Formoli tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri (19). |
(32) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jippubblikaw l-informazzjoni rilevanti f’format li jinqara mill-magni wkoll sabiex jiġi ffaċilitat l-ipproċessar mill-partijiet ikkonċernati, bħall-operaturi tat-trasport u l-operaturi tas-servizz tat-trasport transfruntier tal-passiġġieri. |
(33) |
Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tevolvi, u hekk kif issir disponibbli evidenza xjentifika aktar rilevanti, inkluż dwar il-ħtieġa għal immunizzazzjoni ripetuta biex tiġi pprovduta protezzjoni kontra varjanti emerġenti jew il-ħtieġa li jingħataw dożi booster f’intervalli regolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni, appoġġata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, tkompli tirrieżamina regolarment din ir-Rakkomandazzjoni, b'mod partikolari ladarba jintlaħaq livell sinifikanti tat-teħid tat-tilqim. Jenħtieġ li dan ir-rieżami jivvaluta wkoll il-kriterji, il-ħtiġijiet tad-data u l-livelli limitu deskritti f'din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż jekk jenħtieġx li jitqiesu kriterji oħra, bħar-rata tal-ittestjar, ir-rata ta’ rikoveru l-isptar, it-teħid tat-tilqim u l-volum ta' sekwenzjar, jew jekk jenħtieġx li l-livelli limitu jiġu adattati, u tittrasmetti l-kostatazzjonijiet tagħha lill-Kunsill għall-kunsiderazzjoni tiegħu, u meta jkun hemm bżonn flimkien ma’ proposta biex tiġi emendata r-Rakkomandazzjoni, |
ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 hija emendata kif ġej:
1. |
Fil-punt 8, l-ittra (c) hija sostitwita b'dan li ġej:
|
2. |
Fil-punt 8, jiżdiedu l-ittri (d) u (e) li ġejjin:
|
3. |
Fil-punt 10, l-ittri (a), (b) u (c) huma sostitwiti b'dan li ġej:
|
4. |
Fil-punt 13, l-ittri (b), (c) u (d) huma sostitwiti b'dan li ġej:
|
5. |
Fil-punt 13, titħassar l-ittra (e). |
6. |
Il-punt 16a huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
7. |
Il-punt 17 huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
8. |
Jiddaħħal il-punt 17aa li ġej:
|
9. |
Jiddaħħal il-punt 17ab li ġej:
|
10. |
Wara l-punt 17b, tiddaħħal l-intestatura li ġejja:
|
11. |
Il-punt 18 huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
12. |
Jiddaħħal il-punt 18a li ġej:
|
13. |
Wara l-punt 18a, tiddaħħal l-intestatura li ġejja:
|
14. |
Il-punt 19a huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
15. |
Il-punt 19b huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
16. |
Jiddaħħal il-punt 19c li ġej:
|
17. |
Il-punt 20 huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
18. |
Il-punt 23 huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
19. |
Il-punt 25 huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
20. |
Wara l-Artikolu 25 tiddaħħal l-intestatura li ġejja:
|
21. |
Jiddaħħal il-punt 25a li ġej:
|
Qabel id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, jenħtieġ li r-referenzi f'din ir-Rakkomandazzjoni għaċ-ċertifikati maħruġin f’konformità ma' dak ir-Regolament ikopru wkoll iċ-ċertifikati maħruġin f’format ieħor, mingħajr preġudizzju għall-użu ta' ċertifikati f'formati oħra f'konformità ma' dak ir-Regolament.”.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta’ Ġunju 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
A. MENDES GODINHO
(1) ĠU L 337, 14.10.2020, p. 3.
(2) Tinsab hawn: https://www.ecdc.europa.eu/en/covid-19/situation-updates/weekly-maps-coordinated-restriction-free-movement
(4) ĠU C 96I, 24.3.2020, p. 1.
(5) ĠU L 182, 21.5.2021, p. 1.
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1).
(7) https://extranet.who.int/pqweb/key-resources/documents/status-covid-19-vaccines-within-who-eulpq-evaluation-process
(8) EUCO 5/21.
(9) Ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1).
(10) Jinsab hawn: https://ec.europa.eu/health/ehealth/covid-19_mt
(11) https://vaccinetracker.ecdc.europa.eu/public/extensions/COVID-19/vaccine-tracker.html#uptake-tab
(12) Jinsab hawn: https://ec.europa.eu/health/sites/default/files/preparedness_response/docs/covid-19_rat_common-list_en.pdf
(13) https://www.ecdc.europa.eu/en/covid-19/variants-concern
(14) https://www.ecdc.europa.eu/en/covid-19/situation-updates/variants-dashboard
(15) COM(2021) 35 final.
(16) Aċċessibbli hawnhekk: https://www.ecdc.europa.eu/sites/default/files/documents/Interim-guidance-benefits-of-full-vaccination-against-COVID-19-for-transmission-and-implications-for-non-pharmaceutical-interventions.pdf
(17) Jinsab hawnhekk: https://www.ecdc.europa.eu/en/publications-data/overview-implementation-covid-19-vaccination-strategies-and-vaccine-deployment
(18) https://www.euplf.eu/en/home/index.html
(19) C(2021) 3921.
(20) https://vaccinetracker.ecdc.europa.eu/public/extensions/COVID-19/vaccine-tracker.html
(21) Jinsab hawn: https://ec.europa.eu/health/sites/default/files/preparedness_response/docs/covid-19_rat_common-list_en.pdf
(22) https://www.euplf.eu/en/home/index.html
(23) Jinsab hawn: https://ec.europa.eu/health/ehealth/covid-19_mt