This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021D0922
Council Implementing Decision (EU) 2021/922 of 7 June 2021 authorising Denmark to apply a reduced rate of taxation to electricity supplied directly to vessels at berth in a port
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/922 tas-7 ta’ Ġunju 2021 li tawtorizza lid-Danimarka tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/922 tas-7 ta’ Ġunju 2021 li tawtorizza lid-Danimarka tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port
ST/8754/2021/INIT
ĠU L 203I, 9.6.2021, p. 3–4
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
9.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 203/3 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/922
tas-7 ta’ Ġunju 2021
li tawtorizza lid-Danimarka tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/993/UE (2), id-Danimarka kienet awtorizzata f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti, għajr dgħajjes privati għad-divertiment, irmiġġati f’port (“elettriku mill-art”) sat-18 ta’ Ġunju 2021. |
(2) |
Fl-ittra tagħha tal-5 ta’ Mejju 2020, id-Danimarka talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku mix-xatt skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. L-awtoritajiet Daniżi pprovdew informazzjoni addizzjonali fl-ittra tagħhom tas-16 ta’ Frar 2021. |
(3) |
Bir-rata tat-taxxa mnaqqsa li beħsiebha tapplika, id-Danimarka għandha l-għan li tippromwovi aktar l-użu tal-elettriku mill-art. L-użu ta’ dan l-elettriku huwa meqjus bħala mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-bastimenti li jkunu rmiġġati f’port milli l-ħruq ta’ karburanti tal-bastimenti minn dawk il-bastimenti. |
(4) |
Sa fejn l-użu tal-elettriku mix-xatt jevita l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja li jirriżultaw mill-ħruq ta’ karburanti tal-bastimenti, dan jikkontribwixxi għal titjib fil-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwali u għat-tnaqqis tal-istorbju. Għalhekk, rata mnaqqsa kontinwa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mix-xatt hija mistennija li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika ambjentali, tas-saħħa u tal-klima tal-Unjoni. |
(5) |
Il-fatt li d-Danimarka titħalla tapplika rata mnaqqsa kontinwa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mix-xatt ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiżdied l-użu ta’ tali elettriku, peress li l-ġenerazzjoni abbord tal-elettriku se tibqa’ l-aktar alternattiva kompetittiva fil-parti l-kbira tal-każijiet. Għall-istess raġuni, u minħabba l-livell attwali relattivament baxx ta’ penetrazzjoni tat-teknoloġija fis-suq, ir-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni x’aktarx li ma twassalx għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul il-perijodu ta’ validità tagħha u għalhekk mhux se taffettwa b’mod negattiv il-funzjonament xieraq tas-suq intern. |
(6) |
Kull awotirzzazzjoni li tingħata f’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE se tkun għal żmien limitat b’mod strett. Sabiex jiġi żgurat li l-perijodu ta’ awtorizzazzjoni jkun twil biżżejjed biex ma jiskoraġġix lill-operaturi ekonomiċi rilevanti milli jagħmlu l-investimenti meħtieġa, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni tingħata mit-18 ta’ Ġunju 2021 sas-17 ta’ Ġunju 2027. Madankollu, l-awtorizzazzjoni għandha tieqaf tapplika mid-data tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali dwar vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mix-xatt, adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jekk dawn id-dispożizzjonijiet isiru applikabbli qabel is-17 ta’ Ġunju 2027. |
(7) |
Sabiex tingħata ċertezza legali lill-operaturi ekonomiċi u biex tiġi evitata żieda potenzjali fil-piż amministrattiv għad-distributuri u r-ridistributuri tal-elettriku, l-awtorizzazzjoni mitluba jenħtieġ li ssegwi mingħajr xkiel mill-arranġamenti preċedenti awtorizzati mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/993. |
(8) |
Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Danimarka hija awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku fornut direttament lil bastimenti, għajr dgħajjes għall-użu privat jew għal divertiment, irmiġġati f’port, diment li jiġu rispettati l-livelli minimi ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mit-18 ta’ Ġunju 2021 sas-17 ta’ Ġunju 2027.
Madankollu, jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq il-bażi tal-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jipprevedi regoli ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mix-xatt, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika minn dak il-jum li fih isiru applikabbli dawk ir-regoli ġenerali.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-7 ta’ Ġunju 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
F. VAN DUNEM
(1) ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjonital-Kunsill (UE) 2015/993 tad-19 ta’ Ġunju 2015 li tawtorizza lid-Danimarka tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 159, 25.6.2015, p. 68).