EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0326

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/326 tat-22 ta’ Frar 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni,fil-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja, il-Perù u l-Ekwador,min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emendar tal-Appendiċi 1tal-Anness XII (Akkwist Pubbliku)

ĠU L 64, 24.2.2021, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/326/oj

24.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 64/8


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/326

tat-22 ta’ Frar 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni,fil-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja, il-Perù u l-Ekwador,min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emendar tal-Appendiċi 1tal-Anness XII (Akkwist Pubbliku)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91 u 100(2), u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja, il-Perù u l-Ekwador, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 191 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim Kummerċjali”) ġie ffirmat mill-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/735/UE (1) u ġie applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Marzu 2013 bejn l-Unjoni u l-Perù, u mill-1 ta’ Awwissu 2013 bejn l-Unjoni u l-Kolombja. Il-Ftehim Kummerċjali ġie emendat mill-Protokoll tal-Adeżjoni tal-Ekwador (2), li ġie ffirmat fil-11 ta’ Novembru 2016 f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2369 (3) u ġie applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2017.

(2)

L-Artikolu 191 tal-Ftehim Kummerċjali jistabbilixxi l-proċeduri għall-modifika jew rettifika tal-kopertura minn Parti tal-akkwist taħt it-Titolu VI tal-Ftehim Kummerċjali.

(3)

L-Appendiċi 1 tal-Anness XII tal-Ftehim Kummerċjali tispeċifika l-entitajiet tal-gvern ċentrali tal-Kolombja li l-akkwist tagħhom huwa kopert taħt it-Titolu VI tal-Ftehim Kummerċjali (il-“lista ta’ entitajiet tal-akkwist”).

(4)

Fil-laqgħa tas-Sottokumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern li saret f’Bogotá fis-17 ta’ Ottubru 2019, il-Kolombja infurmat lill-Unjoni bl-intenzjoni tagħha li taġġorna l-lista ta’ entitajiet tal-akkwist billi żżid sitt aġenziji ta’ livell eżekuttiv istitwiti wara l-2011. Fiż-żmien tal-konklużjoni tan-negozjati għall-Ftehim Kummerċjali fl-2010, il-kompetenzi attwalment imwettqa minn tali aġenziji kienu eżerċitati minn entitajiet tal-akkwist fil-livell ministerjali.

(5)

L-Unjoni u l-Kolombja jaqblu li jenħtieġ li l-lista ta’ entitajiet tal-akkwist tiġi aġġornata b’tali żieda.

(6)

Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi emendata l-lista ta’ entitajiet tal-akkwist. L-Unjoni u l-Kolombja jaqblu li tali aġġornament ma jirrikjedix aġġustamenti kumpensatorji, peress li hija emenda minuri taħt il-punt (a) tal-Artikolu 191(2) tal-Ftehim Kummerċjali.

(7)

Skont l-Artikolu 14(3), flimkien mal-Artikolu 12(4), tal-Ftehim Kummerċjali, trid tiġi adottata deċiżjoni fil-Kumitat tal-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim Kummerċjali (il-“Kumitat għall-Kummerċ”) mill-Unjoni u l-Pajjiż Andin firmatarju kkonċernat fejn din tkun relatata esklussivament mar-relazzjoni bilaterali bejniethom.

(8)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat għall-Kummerċ, peress li d-deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ li temenda l-lista ta’ entitajiet tal-akkwist se tkun vinkolanti għall-Unjoni taħt l-Artikolu 14(2) tal-Ftehim Kummerċjali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat għall-Kummerċ fir-rigward tal-emendar tal-lista ta’ entitajiet tal-akkwist li tinsab fis-Subtaqsima 1 tat-Taqsima A tal-Appendiċi 1 tal-Anness XII tal-Ftehim Kummerċjali għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni korrispondenti tal-Kumitat għall-Kummerċ (4).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/735/UE tal-31 ta’ Mejju 2012 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja, tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (ĠU L 354, 21.12.2012, p. 1).

(2)  Il-Protokoll ta’ Adeżjoni mal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Ekwador (ĠU L 356, 24.12.2016, p. 3).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2369 tal-11 ta’ Novembru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll tal-Adeżjoni mal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Ekwador (ĠU L 356, 24.12.2016, p. 1).

(4)  Ara d-dokument ST 5699/21 hawnhekk: http://register.consilium.europa.eu.


Top