Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0150

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2021/150 tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar eżenzjoni favur l-Ajruport tal-Belt ta’ Derry mir-rekwiżit li jkollu fil-pussess tiegħu ċertifikat mogħti mill-Irlanda abbażi tal-Artikolu 41(6) tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2020) 8914) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    C/2020/8914

    ĠU L 45, 9.2.2021, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/150/oj

    9.2.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 45/5


    ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/150

    tas-16 ta’ Diċembru 2020

    dwar eżenzjoni favur l-Ajruport tal-Belt ta’ Derry mir-rekwiżit li jkollu fil-pussess tiegħu ċertifikat mogħti mill-Irlanda abbażi tal-Artikolu 41(6) tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (notifikata bid-dokument C(2020) 8914)

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2007 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 41(6) tiegħu,

    Wara li kkonsultat il-Kumitat għall-applikazzjoni ta’ regoli komuni tas-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili,

    Billi:

    (1)

    L-Ajruport tal-Belt ta’ Derry jinsab fir-Renju Unit u huwa parti mir-Reġjun ta’ Informazzjoni dwar Titjir (FIR) Skoċċiż tar-Renju Unit (“UK Scottish FIR”) qrib il-fruntiera tal-FIR Irlandiża ta’ Shannon. L-avviċinamenti bl-istrumenti lejn dan l-ajruport jeħtieġu li l-inġenji tal-ajru jidħlu fil-FIR ta’ Shannon qabel l-illandjar finali. Għal raġunijiet prattiċi, sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq sikur tal-proċeduri ta’ avviċinament bl-istrumenti fl-ajruport, l-Awtoritajiet tal-Avjazzjoni Irlandiżi ddelegaw il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru/is-Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru (ATM/ANS) għal dak l-avviċinament lill-fornitur tal-ATM/ANS fl-Ajruport tal-Belt ta’ Derry. Iċ-ċertifikati maħruġa mill-Awtoritajiet Kompetenti tar-Renju Unit lill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru tar-Renju Unit skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 mhux se jibqgħu validi fl-Unjoni fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fil-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2) (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”).

    (2)

    Wara li jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-fornituri tal-ATM/ANS tar-Renju Unit se jkunu jistgħu jipprovdu servizzi fl-Unjoni dment li jkollhom fil-pussess tagħhom ċertifikat validu maħruġ mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“l-Aġenzija”) skont l-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) 2018/1139 bħala fornituri tal-ATM/ANS ta’ pajjiż terz.

    (3)

    Fil-21 ta’ Awwissu 2019, l-Awtorità tal-Avjazzjoni Irlandiża, bħala l-Awtorità Kompetenti Irlandiża u f’isem l-Irlanda, innotifikat l-intenzjoni tagħha li tagħti eżenzjoni lill-Ajruport tal-Belt ta’ Derry mir-rekwiżit li jkollu fil-pussess tiegħu ċertifikat ta’ fornitur tas-servizzi tal-ATM/ANS maħruġ mill-Irlanda, skont l-Artikolu 41(6) tar-Regolament (UE) 2018/1139. Dik l-eżenzjoni hija mistennija li ssir applikabbli fil-jum ta’ wara dak li fih jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

    (4)

    L-eżenzjoni proposta u l-ġustifikazzjoni għaliha ġew ivvalutati mill-Aġenzija, li fir-rakkomandazzjoni tagħha tad-29 ta’ Awwissu 2019 tikkonkludi li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 41(6) tar-Regolament (UE) 2018/1139 ġew issodisfati.

    (5)

    B’mod partikolari, il-post prinċipali tan-negozju tal-fornitur jinsab barra mit-territorju li l-Irlanda hija responsabbli għalih. Barra minn hekk, l-avviċinamenti fl-Ajruport tal-Belt ta’ Derry jeħtieġu li l-inġenji tal-ajru jidħlu f’segment qasir tal-FIR ta’ Shannon u għalhekk ikun sproporzjonat li tintalab iċ-ċertifikazzjoni ta’ fornitur tal-ATM/ANS għal volum tant żgħir ta’ traffiku tal-ajru. Il-fornitur tas-servizzi tal-ATM/ANS għall-Ajruport tal-Belt ta’ Derry bħalissa huwa ċċertifikat mill-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili tar-Renju Unit f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 u ġew stabbiliti arranġamenti formali mal-Awtorità tal-Avjazzjoni Irlandiża, bħala l-Awtorità Kompetenti għall-Irlanda, fir-rigward tas-sorveljanza u tal-infurzar sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli applikabbli, b’mod partikolari mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2018/1139. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni huwa definit b’mod ċar u jibqa’ limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ, u fejn id-durata tagħha taqbeż il-ħames snin, l-eżenzjoni se tkun soġġetta għal rieżami regolari f’intervalli xierqa, jiġifieri fuq bażi annwali, mill-Awtorità tal-Avjazzjoni Irlandiża, li se tinforma lill-Kummissjoni dwar dan. Fl-aħħar nett, l-eżenzjoni tiġi applikata b’mod mhux diskriminatorju. .

    (6)

    L-eżenzjoni favur l-Ajruport tal-Belt ta’ Derry mir-rekwiżit li jkollu fil-pussess tiegħu ċertifikat ta’ fornitur tas-servizzi tal-ATM/ANS maħruġ mill-Irlanda jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 41(6) tar-Regolament (UE) 2018/1139,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-eżenzjoni favur l-Ajruport tal-Belt ta’ Derry mir-rekwiżit li jkollu fil-pussess tiegħu ċertifikat għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru/għas-Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru (ATM/ANS) maħruġ mill-Irlanda jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 41(6) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika minn wara d-data li fiha d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit skont l-Artikoli 126 u 127 tat-Trattat dwar il-Ħruġ.

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Adina-Ioana VĂLEAN

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

    (2)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.


    Top