This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020D1531
Decision (EU) 2020/1531 of the European Parliament and of the Council of 21 October 2020 empowering France to negotiate, sign and conclude an international agreement supplementing the Treaty between France and the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland concerning the Construction and Operation by Private Concessionaires of a Channel Fixed Link
Deċiżjoni (Ue) 2020/1531 Tal-Parlament Ewropew U Tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2020 li tagħti s-setgħa lil Franza biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali li jissupplimenta t-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-Bini u t-Tħaddim minn Konċessjonarji Privati ta’ Channel Fixed Link
Deċiżjoni (Ue) 2020/1531 Tal-Parlament Ewropew U Tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2020 li tagħti s-setgħa lil Franza biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali li jissupplimenta t-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-Bini u t-Tħaddim minn Konċessjonarji Privati ta’ Channel Fixed Link
ĠU L 352, 22.10.2020, p. 4–6
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
22.10.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 352/4 |
DEĊIŻJONI (Ue) 2020/1531 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Ottubru 2020
li tagħti s-setgħa lil Franza biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali li jissupplimenta t-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-Bini u t-Tħaddim minn Konċessjonarji Privati ta’ Channel Fixed Link
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
It-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-Bini u t-Tħaddim minn Konċessjonarji Privati ta’ Channel Fixed Link, iffirmat f’Canterbury fit-12 ta’ Frar 1986 (“it-Trattat ta’ Canterbury”), stabbilixxa Kummissjoni Intergovernattiva biex tissorvelja l-kwistjonijiet kollha dwar il-bini u t-tħaddim taċ-Channel Fixed Link (“il-Kummissjoni Intergovernattiva”). |
(2) |
Sat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (3) (“il-perjodu ta’ tranżizzjoni”), il-Kummissjoni Intergovernattiva hija korp fdat minn diversi Stati Membri bil-kompiti li jirrigwardaw is-sikurezza ferrovjarja b’rabta maċ-Channel Fixed Link. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Intergovernattiva għalhekk tikkostitwixxi l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza fis-sens tad-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). F’dik il-kapaċità, hija tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rilevanti għas-sikurezza ferrovjarja u, taħt id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), għall-interoperabbiltà ferrovjarja. |
(3) |
Fit-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-Kummissjoni Intergovernattiva se ssir korp stabbilit permezz ta’ ftehim internazzjonali bejn Stat Membru, jiġifieri Franza, u pajjiż terz, jiġifieri r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”). Barra minn hekk, u sakemm ma jiġix previst mod ieħor fi ftehim internazzjonali li jorbot lir-Renju Unit, id-dritt tal-Unjoni mhuwiex se jibqa’ japplika għall-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Renju Unit. |
(4) |
Ftehim internazzjonali ma’ pajjiż terz rigward l-applikazzjoni tar-regoli dwar is-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabilità ferrovjarja f’sitwazzjonijiet transfruntieri x’aktarx li jaffettwa qasam li fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa kopert mid-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798. Għalhekk, kwalunkwe tali ftehim jaqa’ taħt il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jinnegozjaw, jew jikkonkludu, tali ftehim biss jekk jingħataw is-setgħa mill-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 2(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) biex jagħmlu dan. Minħabba l-interazzjoni ma’ leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni, huwa wkoll meħtieġ għal tali għoti ta’ setgħa li hija tingħata mill-leġiżlatur tal-Unjoni f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva msemmija fl-Artikolu 91 TFUE. |
(5) |
Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Lulju 2020, Franza talbet mill-Unjoni s-setgħa li tinnegozja u tikkonkludi mar-Renju Unit ftehim internazzjonali li jissupplimenta t-Trattat ta’ Canterbury. |
(6) |
Sabiex jiġi żgurat it-tħaddim sikur u effiċjenti taċ-Channel Fixed Link, huwa adatt li l-Kummissjoni Intergovernattiva tinżamm bħala l-unika awtorità tas-sikurezza responsabbli għal dik l-infrastruttura kollha kemm hi. Meta titqies il-pożizzjoni speċjali taċ-Channel Fixed Link bħala konnessjoni ferrovjarja li tinvolvi struttura unika u kumplessa tal-inġinerija li tinsab parzjalment fit-territorju ta’ Franza u parzjalment fit-territorju ta’ pajjiż terz, jixraq li Franza tingħata s-setgħa biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali mar-Renju Unit fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar is-sikurezza ferrovjarja għaċ-Channel Fixed Link sabiex jinżamm reġim unifikat tas-sikurezza, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet. |
(7) |
Il-Kummissjoni Intergovernattiva hija kapaċi tissodisfa r-rwol ta’ awtorità nazzjonali tas-sikurezza responsabbli għall-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Franza, diment li tiġi emendata d-Direttiva (UE) 2016/798 u li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. |
(8) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni Intergovernattiva tapplika l-istess regoli għaċ-Channel Fixed Link kollu. Dawk ir-regoli jenħtieġ li jkunu d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/796 u d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798, kif emendati jew sostitwiti, kif ukoll l-atti adottati abbażi ta’ dawk l-atti legali. |
(9) |
F’konformità mat-Trattat ta’ Canterbury, tilwim li jinqala’ bejn Franza u r-Renju Unit relatat mal-interpretazzjoni jew mal-applikazzjoni ta’ dak it-Trattat għandu jiġi riżolt minn tribunal arbitrali. Fejn tali tilwim iqajjem kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li t-tribunal arbitrali jitlob deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti tal-Ġustizzja”) dwar tali kwistjonijiet u jenħtieġ li jkun marbut bid-deċiżjoni tagħha. |
(10) |
Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi rigward l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Franza, sabiex jiġi żgurat li d-dritt tal-Unjoni jiġi implimentat b’mod korrett f’kull ħin u li l-Kummissjoni tkun tista’ tissorvelja l-applikazzjoni tiegħu taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż f’ċirkustanzi ta’ urġenza jew f’każ li l-Kummissjoni Intergovernattiva ma tikkonformax ma’ deċiżjoni tat-tribunal arbitrali. Għal dak l-għan, jenħtieġ li Franza żżomm id-dritt li taġixxi b’mod unilaterali, fejn ikun meħtieġ, sabiex tiżgura l-applikazzjoni sħiħa, korretta u rapida tad-dritt tal-Unjoni fuq il-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha. |
(11) |
Sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġuridika effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, il-qrati jew it-tribunali li għalihom japplika l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jenħtieġ li jkunu esklużivament kompetenti għar-rikorsi li jsiru mill-konċessjonarji u mill-utenti taċ-Channel Fixed Link kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Intergovernattiva. |
(12) |
L-elementi deskritti fil-Premessi (8) sa (11) jenħtieġ li jiġu riflessi fil-ftehimiet internazzjonali bejn Franza u r-Renju Unit rigward iċ-Channel Fixed Link. Dawk il-ftehimiet internazzjonali jenħtieġ li jkunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni f’kull aspett, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Din id-Deċiżjoni hawnhekk tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom Franza tingħata s-setgħa biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali (“il-Ftehim li Jissupplimenta”) mar-Renju Unit li jissupplimenta t-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-Bini u t-Tħaddim minn Konċessjonarji Privati ta’ Channel Fixed Link (“it-Trattat ta’ Canterbury”) fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar is-sikurezza ferrovjarja fiċ-Channel Fixed Link.
Tali ftehim internazzjonali għandu jidħol fis-seħħ wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u għandu jikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
sabiex jinżamm reġim unifikat tas-sikurezza fuq iċ-Channel Fixed Link kollu, il-Kummissjoni Intergovernattiva għandha tiżgura l-applikazzjoni, fir-rigward taċ-Channel Fixed Link, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti tal-Ġustizzja”), li huma rilevanti għall-kompiti tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza fis-sens tal-Artikolu 3, punt (7), tad-Direttiva (UE) 2016/798, u b’mod partikolari tar-Regolament (UE) 2016/796 u d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798, kif emendati jew sostitwiti, kif ukoll ta’ atti adottati abbażi ta’ dawk l-atti legali; |
(b) |
fejn tilwima mressqa għall-arbitraġġ f’konformità mal-Artikolu 19 tat-Trattat ta’ Canterbury tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, it-tribunal arbitrali ma għandux ikollu s-setgħa li jiddeċiedi dwar kwalunkwe tali kwistjoni. F’tali każ, it-tribunal arbitrali għandu jitlob deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni. Id-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun vinkolanti fuq it-tribunal arbitrali; |
(c) |
fejn ikun meħtieġ, b’mod partikolari f’ċirkustanzi ta’ urġenza jew f’każ li l-Kummissjoni Intergovernattiva ma tikkonformax ma’ deċiżjoni tat-tribunal arbitrali, Franza għandu jkollha d-dritt li taġixxi b’mod unilaterali bil-ħsieb li tiżgura l-applikazzjoni sħiħa, korretta u rapida tad-dritt tal-Unjoni fil-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha; |
(d) |
il-qrati jew it-tribunali li għalihom japplika l-Artikolu 19(1) TUE għandhom ikunu esklużivament kompetenti biex jiddeċiedu dwar ir-rimedji mitluba mill-konċessjonarji u mill-utenti taċ-Channel Fixed Link kontra deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni Intergovernattiva fil-kapaċità tagħha bħala awtorità nazzjonali tas-sikurezza fis-sens tal-Artikolu 3, punt (7) tad-Direttiva (UE) 2016/798; |
(e) |
il-ftehim irid ikun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni f’kull aspett. |
Artikolu 2
Franza għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata b’mod regolari dwar in-negozjati li jsiru mar-Renju Unit dwar il-Ftehim li Jissupplimenta u, fejn ikun xieraq, tistieden lill-Kummissjoni tipparteċipa fin-negozjati bħala osservatur.
Meta jitlestew in-negozjati, Franza għandha tissottometti l-abbozz li jirriżulta minnhom tal-Ftehim li Jissupplimenta lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’dan.
Fi żmien xahar mir-riċezzjoni tal-abbozz tal-Ftehim li Jissupplimenta, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk humiex issodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni. Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li huma jkunu ssodisfati, Franza tista’ tiffirma u tikkonkludi l-Ftehim li Jissupplimenta.
Franza għandha tipprovdi lill-Kummissjoni kopja tal-Ftehim li Jissupplimenta fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ tiegħu jew, fejn il-Ftehim li Jissupplimenta jkun irid jiġi applikat proviżorjament, fi żmien xahar mill-bidu tal-applikazzjoni proviżorja tiegħu.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2020.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
D. M. SASSOLI
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
(1) Opinjoni tas-16 ta’ Settembru 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ottubru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ottubru 2020
(4) Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102).
(5) Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44).
(6) Ir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 1).