Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1102

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1102 tal-24 ta’ Lulju 2020 dwar l-approvazzjoni tat-teknoloġija użata f’mutur ġeneratur effiċjenti ta’ 48 Volt ikkombinat ma’ konvertitur ta’ 48 Volt/12 Volt DC/DC għall-użu f’magna tal-kombustjoni konvenzjonali u f’ċerti karozzi elettriċi ibridi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief bħala teknoloġija innovattiva skont ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u b’referenza għaċ-Ċiklu l-Ġdid tas-Sewqan Ewropew (NEDC) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2020/4852

    ĠU L 241, 27.7.2020, p. 38–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32020D1806

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/1102/oj

    27.7.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 241/38


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1102

    tal-24 ta’ Lulju 2020

    dwar l-approvazzjoni tat-teknoloġija użata f’mutur ġeneratur effiċjenti ta’ 48 Volt ikkombinat ma’ konvertitur ta’ 48 Volt/12 Volt DC/DC għall-użu f’magna tal-kombustjoni konvenzjonali u f’ċerti karozzi elettriċi ibridi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief bħala teknoloġija innovattiva skont ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u b’referenza għaċ-Ċiklu l-Ġdid tas-Sewqan Ewropew (NEDC)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 u (UE) Nru 510/2011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fl-24 ta’ Ottubru 2019, il-manifatturi Audi AG, Bayerische Motoren Werke AG, Daimler AG, FCA Italy S.p.A, Ford-Werke GmbH, Honda Motor Europe Ltd, Hyundai Motor Europe Technical Center GmbH, Jaguar Land Rover LTD, Renault, Volkswagen AG, Volkswagen Nutzfahrzeuge u l-fornituri Valeo Electrical systems u Mitsubishi Electric Corporation ressqu applikazzjoni konġunta (“l-ewwel applikazzjoni”) għall-approvazzjoni, bħala teknoloġija innovattiva, tat-teknoloġija użata f’mutur ġeneratur effiċjenti ta’ 48 Volt ikkombinat flimkien ma’ konvertitur ta’ 48 Volt/12 Volt DC/DC għall-użu f’karozzi tal-passiġġieri u f’vetturi kummerċjali ħfief b’sistema ta’ motopropulsjoni ta’ magna b’kombustjoni interna li taħdem bil-petrol jew bid-diżil (sistema tal-motopropulsjoni ICE konvenzjonali) u f’ċerti vetturi elettriċi ibridi b’iċċarġjar fuq il-vettura (NOVC-HEVs) ta’ dawk il-kategoriji.

    (2)

    Fit-8 ta’ Novembru 2019, il-fornitur Valeo Electrical systems ressaq applikazzjoni (“it-tieni applikazzjoni”) għall-approvazzjoni tal-istess teknoloġija, jiġifieri t-teknoloġija użata f’mutur ġeneratur effiċjenti ta’ 48 Volt ikkombinat flimkien ma’ konvertitur ta’ 48 Volt/12 Volt DC/DC għall-użu f’vetturi tal-istess kategoriji u sistemi tal-motopropulsjoni.

    (3)

    Iż-żewġ applikazzjonijiet ġew ivvalutati skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2019/631, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 (2) u (UE) Nru 427/2014 (3) u l-Linji Gwida Tekniċi għat-tħejjija tal-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (il-verżjoni ta’ Lulju 2018 (6)). F’konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2019/631, l-applikazzjonijiet kienu akkumpanjati minn rapport ta’ verifika mwettaq minn korp indipendenti u ċċertifikat.

    (4)

    Iż-żewġ applikazzjonijiet jirreferu għal iffrankar tal-emissjonijiet ta’ CO2 li ma jintweriex bil-kejl imwettaq skont iċ-Ċiklu l-Ġdid tas-Sewqan Ewropew (NEDC) kif stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (7).

    (5)

    Meta jitqies li ż-żewġ applikazzjonijiet jirreferu għall-istess teknoloġija innovattiva u li jenħtieġ li japplikaw l-istess kundizzjonijiet għall-użu tagħha fil-vetturi kkonċernati, jixraq li ż-żewġ applikazzjonijiet jiġu indirizzati f’deċiżjoni waħda.

    (6)

    Mutur ġeneratur ta’ 48 Volt jista’ jopera jew bħala mutur elettriku li jikkonverti l-enerġija elettrika f’enerġija mekkanika, jew bħala ġeneratur li jikkonverti l-enerġija mekkanika f’enerġija elettrika, jiġifieri bħal alternatur standard. Il-konvertitur ta’ 48 Volt/12 Volt DC/DC jippermetti lill-mutur ġeneratur ta’ 48 Volt jipprovdi l-enerġija elettrika bil-vultaġġ meħtieġ biex titħaddem il-power board elettrika ta’ 12 V tal-vettura u/jew biex tiġi ċċarġjata l-batterija ta’ 12 Volt.

    (7)

    Il-Kummissjoni diġà approvat il-mutur ġeneratur ta’ effiċjenza għolja ta’ 48 Volt ikkombinat ma’ konvertitur ta’ 48 Volt/12 Volt DC/DC fornut minn SEG Automotive Germany GmbH bħala teknoloġija innovattiva għall-użu f’karozzi tal-passiġġieri li jaħdmu b’ICE konvenzjonali u f’vetturi kummerċjali ħfief u f’ċerti NOVC-HEVs ta’ dawk il-kategoriji permezz tad-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/313 (8) u (UE) 2019/314 (9) tagħha.

    (8)

    Abbażi tal-esperjenza miksuba mill-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet imressqa minn SEG Automotive Germany GmbH, flimkien mal-informazzjoni pprovduta mal-applikazzjonijiet preżenti, intwera b’mod sodisfaċenti u konklużiv li mutur ġeneratur effiċjenti ta’ 48 Volt ikkombinat ma’ konvertitur ta’ 48 Volt/12 Volt DC/DC jissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2019/631 u l-kriterji ta’ eliġibbiltà speċifikati fl-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011 u (UE) Nru 427/2014.

    (9)

    Jenħtieġ li t-teknoloġija innovattiva tintuża f’karozzi tal-passiġġieri b’ICE konvenzjonali jew f’vetturi kummerċjali ħfief, jew biss f’NOVC-HEVs bħal dawn minn kategoriji li għalihom jistgħu jintużaw valuri mkejla tal-konsum tal-fjuwil u valuri tal-emissjonijiet ta’ CO2 mhux ikkoreġuti skont l-Anness 8 tar-Regolament Nru 101 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (10).

    (10)

    Iż-żewġ applikazzjonijiet jipproponu metodoloġija tal-ittestjar ibbażata fuq il-“metodu separat” stabbilit fil-punt 3 tal-Anness tad-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni rispettivi (UE) 2019/313 u (UE) 2019/314.

    (11)

    Il-metodoloġija proposta fl-ewwel applikazzjoni hija differenti mill-“metodu separat” stabbilit f’dawk id-Deċiżjonijiet fir-rigward tal-livell ta’ vultaġġ li jrid jintuża għall-kejl tal-effiċjenza tal-mutur ġeneratur ta’ 48 Volt, li huwa propost li jiġi ffissat għal 48 Volt minflok għal 52 Volt. Flimkien ma’ dan, fiż-żewġ applikazzjonijiet huwa propost li jiġi modifikat il-kurrent tal-output għall-kejl tal-effiċjenza tal-konvertitur ta’ 48 Volt/12 Volt DC/DC biex il-kurrent tal-output ikun definit bħala nofs il-potenza nominali tal-konvertitur DC/DC diviż b’14,3 Volt, minflok il-potenza nominali tal-konvertitur DC/DC diviż b’14,3 V. Barra minn hekk, fiż-żewġ applikazzjonijiet huwa propost li tiġi introdotta proċedura ta’ run-in għall-mutur ġeneratur ta’ 48 Volt.

    (12)

    Fir-rigward tal-bidliet proposti għall-“metodu separat” stabbilit fid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/313 u (UE) 2019/314 fir-rigward tal-livell tal-vultaġġ tal-kejl tal-effiċjenza tal-mutur ġeneratur ta’ 48 Volt u tal-kurrent tal-output tal-kejl tal-effiċjenza tal-konvertitur 48 Volt/12 Volt DC/DC, jinstab li dawk il-bidliet jistgħu jwasslu għal riżultati inqas konservattivi f’termini ta’ ffrankar ta’ CO2. L-applikanti sostnew li l-bidliet huma ġġustifikati peress li jkunu aktar rappreżentattivi tal-kundizzjonijiet tas-sewqan fid-dinja reali. Madankollu, l-evidenza ppreżentata insostenn ta’ dik il-pretensjoni ma tistax titqies suffiċjenti, b’mod partikolari minħabba l-istudji limitati mwettqa insostenn tal-applikazzjoni u n-nuqqas ta’ evidenza li tappoġġja l-bidla fil-kurrent tal-output tal-kejl tal-effiċjenza tal-konvertitur 48 Volt/12 Volt DC/DC. F’dan l-isfond, jitqies li dawn l-aspetti tal-“metodu separat” stabbilit fil-punt 3 tal-Anness tad-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni rispettivi (UE) 2019/313 u (UE) 2019/314 jenħtieġ li ma jinbidlux abbażi tal-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjonijiet.

    (13)

    Fir-rigward taż-żieda proposta ta’ proċedura ta’ run-in mal-metodoloġija tal-ittestjar għall-mutur ġeneratur, l-ebda waħda miż-żewġ applikazzjonijiet ma tistabbilixxi bi preċiżjoni biżżejjed id-dettalji ta’ kif jenħtieġ li titwettaq tali proċedura ta’ run-in u lanqas kif jenħtieġ li jitqies l-effett tar-run-in. Billi l-effiċjenza tal-funzjoni ta’ mutur ġeneratur effiċjenti ta’ 48 Volt ikkombinat ma’ konvertitur ta’ 48 Volt/12 Volt tiġi ddeterminata abbażi tal-medja tar-riżultati tal-kejl, kwalunkwe effett ta’ run-in, pożittiv jew negattiv, jista’ jitqies b’mod adegwat fid-determinazzjoni tal-effiċjenza finali, billi jiżdied, fejn meħtieġ, l-għadd ta’ drabi li jsir il-kejl. F’dak l-isfond, mhuwiex xieraq li l-metodoloġija tal-ittestjar tiġi kkomplementata bi proċedura ta’ prova speċifika addizzjonali bħal dawk proposti fl-applikazzjonijiet.

    (14)

    F’dak l-isfond, jitqies xieraq li l-“metodu separat” stabbilit fil-punt 3 tal-Anness tad-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni rispettivi (UE) 2019/313 u (UE) 2019/314 jenħtieġ li japplika wkoll għall-iskop ta’ din id-Deċiżjoni.

    (15)

    Jenħtieġ li l-manifatturi jkollhom il-possibbiltà li japplikaw, għand awtorità tal-approvazzjoni tat-tip, għaċ-ċertifikazzjoni tal-iffrankar ta’ CO2 mill-użu tat-teknoloġija innovattiva meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. Jenħtieġ li, għal dak il-għan, il-manifatturi jiżguraw li l-applikazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tkun akkumpanjata minn rapport ta’ verifika minn korp indipendenti u ċċertifikat li jikkonferma li t-teknoloġija innovattiva tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni u li l-iffrankar ġie ddeterminat skont il-metodoloġija tal-ittestjar imsemmija f’din id-Deċiżjoni.

    (16)

    Sabiex tiġi ffaċilitata introduzzjoni usa’ tat-teknoloġija innovattiva f’vetturi ġodda, il-manifattur jenħtieġ li jkollu wkoll il-possibbiltà li jissottometti applikazzjoni waħda biss għaċ-ċertifikazzjoni tal-iffrankar ta’ CO2 minn diversi muturi ġeneraturi effiċjenti ta’ 48 Volt ikkombinati ma’ konvertituri ta’ 48 Volt/12 Volt DC/DC. Madankollu, huwa xieraq li jiġi żgurat li, meta tintuża dik il-possibbiltà, jiġi applikat mekkaniżmu li jinċentiva biss l-użu ta’ dawk l-ekoinnovazzjonijiet li joffru l-ogħla ffrankar ta’ CO2.

    (17)

    Hija r-responsabbiltà tal-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip li tivverifika bir-reqqa li jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni tal-iffrankar ta’ CO2 mill-użu ta’ teknoloġija innovattiva kif speċifikat f’din id-Deċiżjoni. Jekk tinħareġ iċ-ċertifikazzjoni, jenħtieġ li l-awtorità responsabbli tal-approvazzjoni tat-tip tiżgura li l-elementi kollha meqjusa għaċ-ċertifikazzjoni jiġu rreġistrati f’rapport tat-test u li dan jinżamm flimkien mar-rapport ta’ verifika u li din l-informazzjoni tkun disponibbli għall-Kummissjoni fuq talba.

    (18)

    Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kodiċi tal-ekoinnovazzjoni ġenerali li jrid jintuża fid-dokumenti tal-approvazzjoni tat-tip rilevanti skont l-Annessi I, VIII u IX tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), hemm bżonn li jiġi attribwit kodiċi individwali għat-teknoloġija innovattiva.

    (19)

    Mill-2021, il-konformità tal-manifatturi mal-miri tal-emissjonijiet ta’ CO2 speċifiċi tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2019/631 għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-emissjonijiet ta’ CO2 iddeterminati skont il-Proċedura ta’ Ttestjar Armonizzata fuq Livell Dinji għall-Vetturi Ħfief (WLTP) stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 (12). L-iffrankar ta’ CO2 mit-teknoloġija innovattiva ċċertifikata b’referenza għal din id-Deċiżjoni jista’ għalhekk jitqies għall-kalkolu tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 tal-manifatturi għas-sena kalendarja 2020 biss,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Teknoloġija innovattiva

    It-teknoloġija użata fil-muturi ġeneraturi effiċjenti ta’ 48 Volt ikkombinata ma’ konvertituri ta’ 48 Volt/12 Volt DC/DC hija approvata bħala teknoloġija innovattiva skont it-tifsira tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2019/631, filwaqt li jitqies li l-iffrankar tas-CO2 li twassal biex jinkiseb huwa biss parzjalment kopert mill-proċedura tal-ittestjar standard stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 692/2008, sakemm it-teknoloġija tikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    Tkun installata f’karozzi tal-passiġġieri (M1) jew f’vetturi kummerċjali ħfief (N1) b’magni tal-kombustjoni interna li jaħdmu bil-petrol jew bid-diżil (vetturi M1 u N1 li jaħdmu b’ICE konvenzjonali) jew f’vetturi elettriċi ibridi b’iċċarġjar fuq il-vettura tal-kategorija M1 jew N1 li għalihom jistgħu jintużaw valuri mkejla tal-konsum tal-fjuwil u valuri tal-emissjonijiet ta’ CO2 mhux ikkoreġuti skont l-Anness 8 tar-Regolament Nru 101 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti;

    (b)

    L-effiċjenza tagħha, li hija l-prodott tal-effiċjenza tal-mutur ġeneratur ta’ 48 Volt u l-effiċjenza tal-konvertitur ta’ 48 Volt/12 Volt DC/DC, iddeterminata skont il-punt 3.3 tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/313 jew il-punt 3.3 tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/314, tkun mill-inqas

    (i)

    73,8 % għall-vetturi li jaħdmu bil-petrol ħlief dawk bit-turboċarġer;

    (ii)

    73,4 % għall-vetturi li jaħdmu bil-petrol li għandhom turboċarġer;

    (iii)

    74,2 % għall-vetturi li jaħdmu bid-diżil.

    Artikolu 2

    Applikazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-iffrankar ta’ CO2

    1.   Manifattur jista’ japplika għand awtorità tal-approvazzjoni tat-tip għaċ-ċertifikazzjoni tal-iffrankar ta’ CO2 mill-użu tat-teknoloġija approvata skont l-Artikolu 1 (“it-teknoloġija innovattiva”) b’referenza għal din id-Deċiżjoni.

    2.   Il-manifattur għandu jiżgura li l-applikazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tkun akkumpanjata minn rapport ta’ verifika minn korp indipendenti u ċċertifikat li jikkonferma li t-teknoloġija tikkonforma mal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1.

    3.   Fejn l-iffrankar ikun ġie ċċertifikat skont l-Artikolu 3, il-manifattur għandu jiżgura li l-iffrankar iċċertifikat ta’ CO2 u l-kodiċi tal-ekoinnovazzjoni msemmi fl-Artikolu 4(1) jiġu rreġistrati fiċ-ċertifikat tal-konformità tal-vetturi kkonċernati.

    Artikolu 3

    Ċertifikazzjoni tal-iffrankar ta’ CO2

    1.   L-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip għandha tiżgura li l-iffrankar ta’ CO2 mill-użu tat-teknoloġija innovattiva ġew iddeterminati bl-użu tal-metodoloġija stabbilita fil-punti 3, 5 u 6 tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/313 fil-każ tal-vetturi kummerċjali ħfief jew mill-punti 3, 5 u 6 tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/314 fil-każ tal-karozzi tal-passiġġieri.

    2.   Meta manifattur japplika għaċ-ċertifikazzjoni tal-iffrankar ta’ CO2 għal aktar minn tip wieħed ta’ mutur ġeneratur ta’ 48 Volt ikkombinat ma’ konvertitur ta’ 48 Volt/12 Volt DC/DC għal verżjoni ta’ vettura waħda, l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip għandha tiddetermina liema wieħed mill-muturi ġeneraturi ta’ 48 Volt ikkombinati ma’ konvertitur ta’ 48 Volt/12 Volt DC/DC ittestjati joffri l-inqas iffrankar ta’ CO2. Dak il-valur għandu jintuża għall-finijiet tal-paragrafu 4.

    3.   L-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip għandha tirreġistra l-iffrankar ta’ CO2 iċċertifikat li jkun ġie ddeterminat skont il-paragrafi 1 u 2, u l-kodiċi tal-ekoinnovazzjoni msemmi fl-Artikolu 4(1) fid-dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip rilevanti.

    4.   L-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip għandha tirreġistra l-elementi kollha kkunsidrati għaċ-ċertifikazzjoni f’rapport tat-test u dan iżżommu flimkien mar-rapport ta’ verifika msemmi fl-Artikolu 2(2), u għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni fuq talba.

    5.   L-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip għandha tiċċertifika l-iffrankar ta’ CO2 mill-użu tat-teknoloġija innovattiva biss jekk issib li t-teknoloġija tikkonforma mal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1, u jekk l-iffrankar ta’ CO2 miksub ikun ta’ 1 g ta’ CO2/km jew ogħla, kif speċifikat fl-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011 fil-każ ta’ karozzi tal-passiġġieri, jew kif speċifikat fl-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 427/2014 fil-każ ta’ vetturi kummerċjali ħfief.

    Artikolu 4

    Kodiċi tal-ekoinnovazzjoni

    1.   It-teknoloġija innovattiva approvata b’din id-Deċiżjoni tingħata l-kodiċi tal-ekoinnovazzjoni 31.

    2.   L-iffrankar ta’ CO2 rreġistrat skont ir-referenza għal dak il-kodiċi tal-ekoinnovazzjoni jista’ jitqies biss għall-kalkolu tal-emissjonijiet speċifiċi medji tal-manifatturi għas-sena kalendarja 2020.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Lulju 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 111, 25.4.2019, p. 13.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 tal-25 ta’ Lulju 2011 li jistabbilixxi proċedura għall-approvazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 minn karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 194, 26.7.2011, p. 19).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 427/2014 tal-25 ta’ April 2014 li jistabbilixxi proċedura għall-approvazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief skont ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 125, 26.4.2014, p. 57).

    (4)  Ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief (ĠU L 145, 31.5.2011, p. 1).

    (6)  https://circabc.europa.eu/w/browse/f3927eae-29f8-4950-b3b3-d2e700598b52

    (7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat-18 ta’ Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (ĠU L 199, 28.7.2008, p. 1).

    (8)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/313 tal-21 ta’ Frar 2019 dwar l-approvazzjoni tat-teknoloġija użata fil-ġeneratur b’mutur 48 V ta’ effiċjenza għolja (BRM) b’konvertitur 48 V/12 V DC/DC tal-SEG Automotive Germany GmbH biex tintuża f’magni ta’ kombustjoni konvenzjonali u f’ċerti vetturi kummerċjali ħfief b’sistemi ibridi bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief skont ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 51, 22.2.2019, p. 31).

    (9)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/314 tal-21 ta’ Frar 2019 dwar l-approvazzjoni tat-teknoloġija użata fil-ġeneratur b’mutur 48 V ta’ effiċjenza għolja (BRM) b’konvertitur 48 V/12 V DC/DC tal-SEG Automotive Germany GmbH, biex tintuża f’magni ta’ kombustjoni konvenzjonali u f’ċerti karozzi tal-passiġġieri b’sistemi ibridi bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 minn karozzi tal-passiġġieri, skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 51, 22.2.2019, p. 42).

    (10)  Ir-Regolament Nru 101 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/ECE) — Dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni tal-karozzi tal-passiġġieri li jaħdmu b’magna ta’ kombustjoni interna biss, jew li jaħdmu b’power train elettrika ibrida, rigward il-kejl tal-emissjoni tad-diossidu tal-karbonju u l-konsum tal-fjuwil u/jew il-kejl tal-konsum tal-enerġija elettrika u l-medda elettrika, u tal-vetturi tal-kategoriji M1 u N1 li jaħdmu b’power train elettrika biss rigward il-kejl tal-konsum tal-enerġija elettrika u l-medda elettrika (ĠU L 138, 26.5.2012, p. 1).

    (11)  Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).

    (12)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal-1 ta’ Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (ĠU L 175, 7.7.2017, p. 1).


    Top