Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0493

    Regolament (UE) 2020/493 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 dwar is-sistema tad-Dokumenti Foloz u Awtentiċi Online (FADO) u li jħassar l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/700/ĠAI

    PE/97/2019/REV/1

    ĠU L 107, 6.4.2020, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/493/oj

    6.4.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 107/1


    REGOLAMENT (UE) 2020/493 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-30 ta’ Marzu 2020

    dwar is-sistema tad-Dokumenti Foloz u Awtentiċi Online (FADO) u li jħassar l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/700/ĠAI

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 87(2)(a) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    Is-Sistema Ewropea ta’ Arkivjar ta’ Immaġni ta’ Dokumenti Foloz u Awtentiċi Online (FADO) ġiet stabbilita bl-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/700/ĠAI (4) fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Is-sistema tal-FADO ġiet stabbilita biex tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni dwar dokumenti awtentiċi u dwar metodi ta’ falsifikazzjoni magħrufa bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Is-sistema tal-FADO tipprevedi l-ħżin elettroniku, l-iskambju rapidu u l-validazzjoni ta’ informazzjoni dwar dokumenti awtentiċi u foloz. Peress li d-detezzjoni ta’ dokumenti foloz hija wkoll ta’ importanza għaċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet u n-negozji, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għamel disponibbli wkoll dokumenti awtentiċi f’Reġistru Pubbliku Online ta’ Dokumenti Awtentiċi tal-Identità u tal-Ivvjaġġar, magħruf bħala PRADO.

    (2)

    Minħabba l-fatt li l-ġestjoni tas-sistema tal-FADO hija antikwata u jenħtieġ li tiġi adattata għall-qafas istituzzjonali stabbilit permezz tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Azzjoni Konġunta 98/700/ĠAI jenħtieġ li tiġi mħassra u sostitwita bi strument ġdid u aġġornat.

    (3)

    Dan ir-Regolament jikkostitwixxi l-bażi legali neċessarja l-ġdida li tirregola lis-sistema tal-FADO.

    (4)

    Il-frodi tad-dokumenti tista’ fl-aħħar mill-aħħar iddgħajjef is-sigurtà interna tal-Unjoni. L-użu tas-sistema tal-FADO bħala sistema ta’ ħżin elettronika li tiddeskrivi punti li possibbilment jistgħu jwasslu għal detezzjoni, kemm f’dokumenti awtentiċi kif ukoll f’dawk foloz, huwa għodda importanti fil-ġlieda kontra l-frodi tad-dokumenti, b’mod partikolari fil-fruntieri esterni. Peress li s-sistema tal-FADO tikkontribwixxi għaż-żamma ta’ livell għoli ta’ sigurtà fl-Unjoni billi tappoġġa lill-pulizija, il-gwardja tal-fruntiera u awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi tad-dokumenti, is-sistema tal-FADO tikkostitwixxi għodda importanti għall-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen.

    (5)

    Filwaqt li d-detezzjoni ta’ dokumenti foloz u ta’ frodi tal-identità ta’ spiss isseħħ fil-fruntieri esterni, il-ġlieda kontra d-dokumenti foloz hija qasam kopert mill-kooperazzjoni tal-pulizija. Dokumenti foloz huma psewdodokumenti, dokumenti li ġew iffalsifikati u dokumenti li ġew kontrafatti. L-użu ta’ dokumenti foloz fl-Unjoni żdied b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin. Il-frodi tad-dokumenti u tal-identità tinvolvi l-produzzjoni u l-użu ta’ dokumenti foloz u l-użu ta’ dokumenti awtentiċi miksuba permezz ta’ mezzi frodulenti. Id-dokumenti foloz huma għodda kriminali b’diversi għanijiet għax jistgħu jintużaw ripetutament biex jappoġġaw attivitajiet kriminali differenti, inkluż il-ħasil tal-flus u t-terroriżmu. It-tekniki użati biex jiġu prodotti dokumenti foloz huma dejjem aktar sofistikati u, għaldaqstant, hija meħtieġa informazzjoni ta’ kwalità għolja dwar punti li possibbilment jistgħu jwasslu għal detezzjoni„ b’mod partikolari elementi ta’ sigurtà u karatteristiċi tal-frodi u aġġornamenti frekwenti ta’ dik l-informazzjoni.

    (6)

    Jenħtieġ li s-sistema tal-FADO ikun fiha informazzjoni dwar it-tipi kollha ta’ dokumenti awtentiċi tal-ivvjaġġar, tal-identità, tar-residenza u tal-istat ċivili, il-liċenzji tas-sewqan u l-liċenzji tal-vetturi maħruġa mill-Istati Membri, dwar il-laissez-passer maħruġa mill-Unjoni u dwar il-verżjonijiet foloz ta’ dawn id-dokumenti fil-pussess tagħhom. Jenħtieġ li jkun possibbli li s-sistema tal-FADO jkun fiha informazzjoni dwar dokumenti uffiċjali relatati oħra, b’mod partikolari dawk użati b’appoġġ għal applikazzjonijiet għal dokumenti uffiċjali, maħruġa mill-Istati Membri, u dwar verżjonijiet foloz tagħhom. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li s-sistema -tal-FADO jkun fiha informazzjoni dwar it-tipi kollha ta’ dokumenti awtentiċi tal-ivvjaġġar, tal-identità, tar-residenza u tal-istatus ċivili, il-liċenzji tas-sewqan u l-liċenzji tal-vetturi u dwar dokumenti uffiċjali relatati oħra, b’mod partikolari dawk li jintużaw b’appoġġ għal applikazzjonijiet għal dokumenti uffiċjali, maħruġa minn partijiet terzi, bħal pajjiżi terzi, entitajiet territorjali, organizzazzjonijiet internazzjonali u entitajiet oħra soġġetti għad-dritt internazzjonali, u dwar verżjonijiet foloz tagħhom.

    (7)

    Id-data personali fis-sistema tal-FADO jenħtieġ li tiġi pproċessata biss sa fejn ikun strettament meħtieġ għall-finijiet tat-tħaddim tas-sistema tal-FADO. Bħala konsegwenza diretta tal-għan li għalih inħolqot is-sistema tal-FADO, fis-sistema tal-FADO jenħtieġ li tinħażen biss informazzjoni limitata relatata ma’ persuna identifikata jew identifikabbli. Is-sistema tal-FADO jenħtieġ li jkun fiha data personali fil-forma ta’ immaġnijiet tal-wiċċ jew informazzjoni alfanumerika unikament sa fejn dawn ikunu relatati ma’ elementi ta’ sigurtà jew mal-metodu ta’ falsifikazzjoni ta’ dokument. Jenħtieġ li jkun possibbli li tali data personali limitata tkun tista’ tinħażen jew fil-forma ta’ elementi differenti li jidhru fil-mudelli ta’ dokumenti awtentiċi jew fil-forma ta’ data psewdonimizzata f’dokumenti awtentiċi jew foloz. L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (l-“Aġenzija”), irregolata bir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jenħtieġ li tieħu l-passi meħtieġa biex tippsewdonimizza l-elementi kollha ta’ data personali li mhumiex meħtieġa b’rabta mal-finijiet li għalihom id-data tiġi pproċessata f’konformità mal-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data. Jenħtieġ li ma jkunx possibbli li wieħed ifittex xi element ta’ data personali fis-sistema tal-FADO u jenħtieġ li lanqas ma jkun possibbli li tiġi identifikata xi persuna fiżika permezz tas-sistema tal-FADO mingħajr ma tintuża data addizzjonali. Jenħtieġ li s-sistema tal-FADO ma tintużax biex tiġi identifikata persuna fiżika.

    (8)

    Jenħtieġ li kwalunkwe pproċessar ta’ data personali mill-Istati Membri fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament ikun f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jew mad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), kif applikabbli.

    (9)

    Filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jiżviluppaw is-sistemi nazzjonali proprji tagħhom li jkun fihom informazzjoni dwar dokumenti awtentiċi u foloz, jenħtieġ li jkunu obbligati li jipprovdu lill-Aġenzija b’informazzjoni dwar dokumenti awtentiċi maħruġa minnhom, inkluż dwar l-elementi ta’ sigurtà tagħhom u dwar verżjonijiet foloz ta’ dawn id-dokumenti fil-pussess tagħhom. L-Aġenzija jenħtieġ li ddaħħal dik l-informazzjoni fis-sistema tal-FADO u tiggarantixxi l-uniformità u l-kwalità tal-informazzjoni.

    (10)

    L-Unjoni toħroġ laissez-passer għal membri tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u aġenti tal-Unjoni biex jintużaw għal skopijiet ta’ servizz skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1417/2013 (8). Jenħtieġ li l-Unjoni tkun obbligata tipprovdi lill-Aġenzija informazzjoni dwar tali dokumenti awtentiċi u dwar l-elementi ta’ sigurtà tagħhom.

    (11)

    Jenħtieġ li partijiet ikkonċernati differenti, inkluż il-pubbliku ġenerali, jingħataw livelli differenti ta’ aċċess għas-sistema tal-FADO skont il-ħtiġijiet tagħhom u s-sensittività tad-data kkonċernata.

    (12)

    Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom livell għoli ta’ kontroll fuq il-frodi tad-dokumenti, jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti fil-qasam tal-frodi tad-dokumenti, bħall-pulizija, il-gwardja tal-fruntiera u awtoritajiet oħrajn tal-infurzar tal-liġi u awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħrajn, jingħataw, fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif, livelli differenti ta’ aċċess għas-sistema tal-FADO skont il-ħtiġijiet tagħhom. L-Istati Membri jenħtieġ li jiddeterminaw liema awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw aċċess u l-livell ta’ aċċess li għandu jingħatalhom. Il-Kummissjoni u l-Aġenzija jenħtieġ li jiddeterminaw ukoll liema mill-unitajiet amministrattivi tagħhom huma kompetenti li jkollhom aċċess għas-sistema tal-FADO. Jenħtieġ li s-sistema tal-FADO tippermetti li l-utenti jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom informazzjoni dwar kwalunkwe metodu ta’ falsifikazzjoni ġdid li jiġi detett u dwar dokumenti awtentiċi ġodda li jkunu fiċ-ċirkolazzjoni, skont id-drittijiet tal-aċċess tagħhom.

    (13)

    Matul l-aħħar snin, l-Aġenzija żviluppat għarfien espert fil-qasam tal-frodi tad-dokumenti. Għaldaqstant, jenħtieġ li s-sinerġiji jittejbu billi l-għarfien espert tal-Aġenzija jiġi ingranat sabiex ikun ta’ benefiċċju għall-Istati Membri f’dak il-qasam. L-Aġenzija jenħtieġ li tieħu f’idejha u topera s-sistema tal-FADO kif previst fir-Regolament (UE) 2019/1896. Dak it-teħid tal-kontroll jenħtieġ li ma jaffettwax dawk l-atturi li diġà għandhom aċċess għas-sistema tal-FADO, jiġifieri l-Kummissjoni, l-Aġenzija, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi, stabbilita bir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), l-Istati Membri u l-pubbliku ġenerali. Wara li l-Aġenzija tieħu l-kontroll tas-sistema tal-FADO, jenħtieġ li hija tipprovdi lill-Istati Membri b’assistenza fid-detezzjoni ta’ dokumenti foloz. Barra minn hekk, u fejn xieraq, l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), tista’ tipprovdi appoġġ tekniku lill-Aġenzija f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1896.

    (14)

    Jenħtieġ li jiġi żgurat li, tul il-perijodu tranżizzjonali, is-sistema tal-FADO tibqa’ kompletament operattiva sa meta t-trasferiment ikun twettaq effettivament u l-informazzjoni eżistenti tkun ġiet trasferita għas-sistema l-ġdida. Jenħtieġ imbagħad li s-sjieda tad-data eżistenti tiġi ttrasferita lill-Aġenzija.

    (15)

    Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ passaporti, dokumenti tal-ivvjaġġar, viżi jew dokumenti tal-identità oħra.

    (16)

    Sabiex l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, barra mill-Kummissjoni u l-Aġenzija, partijiet terzi, bħal pajjiżi terzi, entitajiet territorjali, organizzazzjonijiet internazzjonali u entitajiet oħra soġġetti għad-dritt internazzjonali, jew entitajiet privati, bħal linji tal-ajru u trasportaturi oħra, ikollhom aċċess għall-informazzjoni fis-sistema tal-FADO, jenħtieġ li s-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 TFUE tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istabbiliment ta’ miżuri li jagħtu aċċess b’mod limitat għas-sistema tal-FADO lil dawk l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, partijiet terzi, u entitajiet privati. Huwa partikularment importanti li matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (11). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom għandhom aċċess b’mod sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

    (17)

    Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-arkitettura teknika tas-sistema tal-FADO, l-istabbiliment tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-proċeduri għall-kontroll u l-verifika tal-informazzjoni u d-determinazzjoni tad-data tal-implimentazzjoni effettiva tas-sistema tal-FADO mill-Aġenzija. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

    (18)

    F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, għandha tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament, jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

    (19)

    L-Irlanda qed tieħu sehem f’dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (13).

    (20)

    Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (14), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt H, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (15).

    (21)

    Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (16), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt H, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI (17).

    (22)

    Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (18), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt H, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE (19).

    (23)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) u ta opinjoni fit-3 ta’ Diċembru 2018,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u skop

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi s-Sistema ta’ Dokumenti Foloz u Awtentiċi Online (FADO) li fiha informazzjoni dwar dokumenti awtentiċi maħruġa mill-Istati Membri, l-Unjoni u partijiet terzi, bħal pajjiżi terzi, entitajiet territorjali, organizzazzjonijiet internazzjonali u entitajiet oħra soġġetti għad-dritt internazzjonali, u dwar verżjonijiet foloz tagħhom.

    L-iskop tas-sistema tal-FADO huwa li tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-frodi tad-dokumenti u tal-identità permezz tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar l-elementi ta’ sigurtà ta’ dokumenti awtentiċi u foloz u l-karatteristiċi tal-frodi potenzjali fihom, fost l-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti fil-qasam tal-frodi tad-dokumenti.

    L-iskop tas-sistema tal-FADO huwa wkoll li tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-frodi tad-dokumenti u tal-identità permezz tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni ma’ atturi oħrajn, inkluż il-pubbliku ġenerali.

    Artikolu 2

    Kamp ta’ applikazzjoni u kontenut tas-sistema tal-FADO

    1.   Is-sistema tal-FADO għandu jkun fiha informazzjoni dwar dokumenti tal-ivvjaġġar, tal-identità, ta’ residenza u ta’ status ċivili, liċenzji tas-sewqan u liċenzji ta’ vetturi maħruġa mill-Istati Membri jew mill-Unjoni u dwar verżjonijiet foloz tagħhom.

    Is-sistema tal-FADO jista’ jkun fiha informazzjoni dwar dokumenti kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu maħruġa minn partijiet terzi, bħal pajjiżi terzi, entitajiet territorjali, organizzazzjonijiet internazzjonali u entitajiet oħra soġġetti għad-dritt internazzjonali, u dwar verżjonijiet foloz tagħhom.

    Is-sistema tal-FADO jista’ jkun fiha informazzjoni dwar dokumenti uffiċjali oħra relatati, b’mod partikolari dawk użati b’appoġġ għal applikazzjonijiet għal dokumenti uffiċjali, maħruġa mill-Istati Membri u, fejn applikabbli, partijiet terzi, bħal pajjiżi terzi, entitajiet territorjali, organizzazzjonijiet internazzjonali u entitajiet oħra soġġetti għad-dritt internazzjonali, u dwar verżjonijiet foloz tagħhom.

    2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun din li ġejja:

    (a)

    informazzjoni, inkluż immaġnijiet, dwar dokumenti awtentiċi, u mudelli tagħhom, u l-elementi ta’ sigurtà tagħhom;

    (b)

    informazzjoni, inkluż immaġnijiet, dwar dokumenti foloz, kemm jekk ikunu ffalsifikati, kontrafatti jew inkella psewdodokumenti, u l-karatteristiċi tal-frodi tagħhom;

    (c)

    sommarji dwar tekniki ta’ falsifikazzjoni;

    (d)

    sommarji dwar l-elementi ta’ sigurtà ta’ dokumenti awtentiċi; u

    (e)

    statistika dwar dokumenti foloz li jiġu detetti.

    Is-sistema tal-FADO jista’ jkun fiha ukoll manwali, listi ta’ kuntatt, informazzjoni dwar dokumenti tal-ivvjaġġar validi u r-rikonoxximent tagħhom mill-Istati Membri, rakkomandazzjonijiet dwar modi effettivi biex jiġu detetti metodi speċifiċi ta’ falsifikazzjoni u informazzjoni utli relatata oħra.

    3.   L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jittrasmettu mingħajr dewmien lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (l-“Aġenzija”) l-informazzjoni dwar id-dokumenti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

    L-Istati Membri jistgħu jittrasmettu lill-Aġenzija l-informazzjoni dwar id-dokumenti msemmija fit-tieni u t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1.

    Partijiet terzi, bħal pajjiżi terzi, entitajiet territorjali, organizzazzjonijiet internazzjonali u entitajiet oħra soġġetti għad-dritt internazzjonali, jistgħu jittrasmettu lill-Aġenzija l-informazzjoni dwar id-dokumenti msemmija fit-tieni u t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1.

    Artikolu 3

    Responsabbiltajiet tal-Aġenzija

    1.   Fit-twettiq tal-kompitu tagħha f’konformità mal-Artikolu 79 tar-Regolament (UE) 2019/1896, l-Aġenzija għandha tiżgura l-funzjonament tajjeb u affidabbli tas-sistema tal-FADO u tipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti fid-detezzjoni ta’ dokumenti foloz.

    2.   L-Aġenzija għandha tkun responsabbli biex iddaħħal fis-sistema tal-FADO fil-ħin u b’mod effiċjenti l-informazzjoni miksuba u għandha tiggarantixxi l-uniformità u l-kwalità ta’ dik l-informazzjoni.

    Artikolu 4

    L-arkitettura tas-sistema tal-FADO u l-aċċess għaliha

    1.   L-arkitettura tas-sistema tal-FADO għandha tipprovdi lill-utenti b’livelli differenti ta’ aċċess għal informazzjoni.

    2.   Il-Kummissjoni u l-Aġenzija, sa fejn ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, u l-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti fil-qasam tal-frodi tad-dokumenti, bħall-pulizija, il-gwardja tal-fruntiera u awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi u awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħra, għandu jkollhom aċċess sigur għas-sistema tal-FADO abbażi tal-ħtieġa ta’ tagħrif.

    3.   L-arkitettura tas-sistema tal-FADO għandha tipprovdi lill-pubbliku ġenerali b’aċċess għal mudelli ta’ dokumenti awtentiċi jew dokumenti awtentiċi b’data psewdonimizzata.

    4.   Dawn l-atturi li ġejjin jistgħu jiksbu aċċess għall-informazzjoni maħżuna fis-sistema tal-FADO b’mod limitat:

    (a)

    l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2;

    (b)

    partijiet terzi, bħal pajjiżi terzi, entitajiet territorjali, organizzazzjonijiet internazzjonali u entitajiet oħra soġġetti għad-dritt internazzjonali;

    (c)

    entitajiet privati, bħal linji tal-ajru u trasportaturi oħra.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 8 li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiġu stabbiliti miżuri li jagħtu aċċess għall-informazzjoni maħżuna fis-sistema tal-FADO lill-atturi elenkati fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. L-atti delegati għandhom jistabbilixxu għall-atturi elenkati fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għal liema parti tas-sistema tal-FADO għandu jingħata aċċess u kwalunkwe proċedura u kundizzjoni speċifika li jistgħu jkunu meħtieġa, inkluż ir-rekwiżit li jiġi konkluż ftehim bejn l-Aġenzija u parti terza jew entità privata kif imsemmi fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

    6.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-frodi tad-dokumenti u awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħra għandu jkollhom aċċess għas-sistema tal-FADO, inkluż il-livell ta’ aċċess li għandu jingħatalhom, u jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija b’dan.

    Fuq talba, il-Kummissjoni għandha tibgħat l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Parlament Ewropew.

    Artikolu 5

    Proċessar ta’ data personali mill-Aġenzija

    1.   L-Aġenzija għandha tapplika r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) meta tipproċessa data personali skont dan ir-Regolament. L-Aġenzija għandha tipproċessa biss data personali fejn tali pproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompitu tagħha li topera s-sistema tal-FADO.

    Fir-rigward ta’ dokumenti awtentiċi, is-sistema tal-FADO għandha tkun tinkludi biss data personali inkluża fil-mudelli ta’ tali dokumenti jew data psewdonimizzata.

    Fir-rigward ta’ dokumenti foloz, is-sistema tal-FADO għandha tkun tinkludi biss data personali sa fejn din tkun meħtieġa biex tiddeskrivi jew turi l-karatteristiċi tal-frodi jew il-metodu ta’ falsifikazzjoni ta’ tali dokumenti.

    2.   L-Aġenzija għandha tiżgura li jkunu fis-seħħ il-miżuri tekniċi u organizzattivi, bħall-psewdonimizzazzjoni, sabiex jiġi żgurat li d-data personali tiġi pproċessata biss sakemm ikun strettament meħtieġ għall-fini tat-tħaddim tas-sistema tal-FADO f’konformità mal-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data b’mod li ma jippermettix l-identifikazzjoni ta’ ebda persuna fiżika permezz tas-sistema tal-FADO mingħajr l-użu ta’ data addizzjonali.

    Artikolu 6

    Atti ta’ implimentazzjoni

    1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni sabiex:

    (a)

    tistabbilixxi l-arkitettura teknika tas-sistema tal-FADO;

    (b)

    tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi biex l-informazzjoni tiddaħħal u tinħażen fis-sistema tal-FADO f’konformità mal-ogħla standards;

    (c)

    tistabbilixxi l-proċeduri għall-kontroll u l-verifika tal-informazzjoni li tkun tinsab fis-sistema tal-FADO;

    (d)

    tiddetermina d-data tal-implimentazzjoni effettiva tas-sistema tal-FADO mill-Aġenzija.

    Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 7(2).

    2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 1 wara li tivverifika li ġew issodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 ikunu ġew adottati;

    (b)

    l-Aġenzija tkun innotifikat lill-Kummissjoni bl-implimentazzjoni b’suċċess tal-arkitettura tas-sistema tal-FADO;

    (c)

    l-Aġenzija tkun innotifikat lill-Kummissjoni li t-trasmissjoni ta’ informazzjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lill-Aġenzija tkun tlestiet.

    Artikolu 7

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-kumitat stabbilit bl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 (22). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 8

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 4(5) għal perijodu ta’ żmien indeterminat mis-26 ta’ April 2020.

    3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 4(5) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. M’għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 4(5) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 9

    Tħassir u dispożizzjonijiet tranżizzjonali

    1.   L-Azzjoni Konġunta 98/700/ĠAI titħassar b’effett mid-data tal-implimentazzjoni effettiva tas-sistema tal-FADO mill-Aġenzija, li trid tiġi determinata permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni kif imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jittrasferixxi l-informazzjoni fis-sistema tal-FADO kif stabbilit mill-Azzjoni Konġunta 98/700/ĠAI lill-Aġenzija.

    3.   L-Istati Membri għandhom jaqblu dwar it-trasmissjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-informazzjoni fis-sjieda tagħhom maħżuna fis-sistema tal-FADO kif stabbilit mill-Azzjoni Konġunta 98/700/ĠAI lejn is-sistema tal-FADO kif stabbilit minn dan ir-Regolament.

    Artikolu 10

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

    Magħmul fi Brussel, it-30 ta’ Marzu 2020.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    D.M. SASSOLI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. GRLIĆ RADMAN


    (1)  ĠU C 110, 22.3.2019, p. 62.

    (2)  ĠU C 168, 16.5.2019, p. 74.

    (3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Frar 2020 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2020.

    (4)  Azzjoni Konġunta 98/700/ĠAI tat-3 ta’ Diċembru 1998 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li tikkonċerna l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Arkivjar ta’ Immaġini (FADO), (ĠU L 333, 9.12.1998, p. 4).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (7)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

    (8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1417/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-forma tal-laissez-passer maħruġin mill-Unjoni Ewropea, (ĠU L 353, 28.12.2013, p. 26.).

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

    (10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99).

    (11)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    (12)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (13)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

    (14)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (15)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen(ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

    (16)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    (17)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’ isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-Acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50).

    (18)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 3.

    (19)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat b’mod partikolari mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 1).

    (20)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta ‘dejta personali mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ din id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

    (21)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    (22)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1).


    Top