Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0246

    Deċiżjoni Tal-Kunsill (UE) 2020/246 tas-17 ta’ Frar 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Sħubija u dawk tal-Kumitat ta’ Sħubija, is-sottokumitati speċjalizzati u korpi oħra stabbiliti mill-Kunsill ta’ Sħubija, u l-istabbiliment tal-lista ta' Sottokumitati, għall-applikazzjoni tat-Titolu II ta' dak il-Ftehim

    ST/15193/2019/INIT

    ĠU L 52, 25.2.2020, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 10/04/2022; Mibdul minn 32022D0655 Ara 62020CJ0180

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/246/oj

    25.2.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 52/5


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/246

    tas-17 ta’ Frar 2020

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Sħubija u dawk tal-Kumitat ta’ Sħubija, is-sottokumitati speċjalizzati u korpi oħra stabbiliti mill-Kunsill ta’ Sħubija, u l-istabbiliment tal-lista ta' Sottokumitati, għall-applikazzjoni tat-Titolu II ta' dak il-Ftehim

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) u mal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fi Brussell fl-24 ta’ Novembru 2017 u ilu japplika proviżorjament mill-1 ta’ Ġunju 2018.

    (2)

    L-Artikoli 362 u 363 tal-Ftehim jistabbilixxu Kunsill ta’ Sħubija u Kumitat ta’ Sħubija biex jiffaċilitaw il-funzjonament tal-Ftehim.

    (3)

    Taħt l-Artikolu 362(4) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Sħubija għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess u, taħt l-Artikolu 363(4) tal-Ftehim, fir-regoli ta’ proċedura tiegħu l-Kunsill ta’ Sħubija jiddetermina d-dmirijiet u l-operat tal-Kumitat ta’ Sħubija.

    (4)

    Sabiex ikun żgurat il-funzjonament effettiv tal-Ftehim, jenħtieġ li jiġu adottati r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Sħubija u dawk tal-Kumitat ta’ Sħubija.

    (5)

    Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/104 (2), matul il-perijodu ta' applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Sħubija jista' jieħu deċiżjonijiet biss safejn jikkonċernaw kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim kif previst f'dik id-Deċiżjoni.

    (6)

    Taħt l-Artikolu 364(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi sottokumitati u korpi oħra f’oqsma speċifiċi li jistgħu jgħinuh iwettaq dmirijietu. Barra minn hekk, fir-regoli ta' proċedura tiegħu, il-Kunsill ta’ Sħubija għandu jiddetermina l-kompożizzjoni, id-dmirijiet u l-operat ta’ tali sottokumitati u korpi oħra.

    (7)

    Il-Kunsill ta’ Sħubija għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Sħubija u dawk tal-Kumitat ta’ Sħubija, is-sottokumitati u korpi oħra.

    (8)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Sħubija, billi d-Deċiżjoni li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Sħubija u dawk tal-Kumitat ta’ Sħubija, is-sottokumitati u korpi oħra stabbiliti mill-Kunsill ta’ Sħubija, u li tistabbilixxi l-lista ta' Sottokumitati, se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.

    (9)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Sħubija li jinsab mehmuż.

    (10)

    Din id-Deċiżjoni hija relatata mal-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Sħubija biss sa fejn din hija maħsuba biex tirregola l-operat tal-korpi stabbiliti taħt il-Ftehim fl-applikazzjoni tat-Titolu II tal-Ftehim, li fih dispożizzjonijiet relattivi għall-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-Unjoni li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-għan u l-kontenut ta' dawk id-dispożizzjonijiet huma distinti u indipendenti mill-għan u l-kontenut tad-dispożizzjonijiet l-oħrajn tal-Ftehim maħsuba għall-istabbiliment ta' sħubija bejn il-Partijiet. Deċiżjoni separata, li hija relatata mal-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Sħubija sa fejn tkun maħsuba biex tirregola l-operat tal-korpi stabbiliti taħt il-Ftehim fl-applikazzjoni tat-Titolu II tal-Ftehim, se tiġi adottata b'mod parallel ma' din id-Deċiżjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Sħubija u dawk tal-Kumitat ta’ Sħubija, is-sottokumitati u korpi oħra stabbiliti mill-Kunsill ta' Sħubija, u l-istabbiliment tal-lista ta' Sottokumitati, għall-applikazzjoni tat-Titolu II ta' dak il-Ftehim, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Sħubija (3).

    2.   Tibdil tekniku minuri għall-abbozz ta’ Deċiżjoni jista' jiġi aċċettat mir-rappreżentanti tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta' Sħubija mingħajr deċiżjoni ulterjuri mill-Kunsill.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Frar 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  ĠU L 23, 26.1.2018, p. 4.

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/104 tal-20 ta’ Novembru 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (ĠU L 23, 26.1.2018, p. 1).

    (3)  Ara d-dokument ST 15226/19 fuq is-sit web http://register.consilium.europa.eu.


    Top