This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019R1953
Commission Implementing Regulation (EU) 2019/1953 of 25 November 2019 on the reimbursement, in accordance with Article 26(5) of Regulation (EU) No 1306/2013 of the European Parliament and of the Council, of the appropriations carried over from financial year 2019
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1953 tal-25 ta’ Novembru 2019 dwar ir-rimborż, f’konformità mal-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-approprjazzjonijiet riportati mis-sena finanzjarja tal-2019
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1953 tal-25 ta’ Novembru 2019 dwar ir-rimborż, f’konformità mal-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-approprjazzjonijiet riportati mis-sena finanzjarja tal-2019
C/2019/8652
ĠU L 306, 27.11.2019, p. 1–4
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
27.11.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 306/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1953
tal-25 ta’ Novembru 2019
dwar ir-rimborż, f’konformità mal-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-approprjazzjonijiet riportati mis-sena finanzjarja tal-2019
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26(6) tiegħu,
Wara li kkonsultat mal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,
Billi:
(1) |
B’konformità mal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-approprjazzjonijiet mhux impenjati li jirrigwardaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (il-FAEG), kif imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, jistgħu jiġu riportati għas-sena finanzjarja ta’ wara. Dan ir-riport huwa limitat għal 2 % tal-approprjazzjonijiet inizjali vvutati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill u għall-ammont tal-aġġustament tal-pagamenti diretti kif imsemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li kien applikat matul is-sena finanzjarja ta’ qabel. |
(2) |
B’konformità mal-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, b’deroga mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-Istati Membri jridu jirrimborżaw ir-riporti msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 lill-benefiċjarji finali li huma soġġetti għar-rata ta’ aġġustament fis-sena finanzjarja li lejha jiġu riportati l-approprjazzjonijiet. Dak ir-rimborż japplika biss għall-benefiċjarji finali f’dawk l-Istati Membri fejn id-dixxiplina finanzjarja kienet tapplika (4) fis-sena finanzjarja preċedenti. |
(3) |
Meta jkun qed jiġi stabbilit l-ammont ta’ riport li jrid jiġi rimborżat, skont l-Artikolu 26(7) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, iridu jiġu kkunsidrati l-ammonti tar-riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu msemmija fl-Artikolu 25 ta’ dak ir-Regolament li ma jkunux intużaw għall-miżuri għall-kriżijiet sa tmiem is-sena finanzjarja. |
(4) |
B’konformità mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1710 (5), id-dixxiplina finanzjarja tiġi applikata għall-pagamenti diretti fir-rigward tas-sena kalendarja tal-2018 biex tiġi stabbilita r-riżerva għall-kriżijiet. Ir-riżerva għall-kriżijiet ma ntużatx fis-sena finanzjarja tal-2019. |
(5) |
Sabiex ikun żgurat li r-rimborż lill-benefiċjarji finali tal-approprjazzjonijiet li ma ntużawx minħabba l-applikazzjoni tad-dixxiplina finanzjarja jibqa’ proporzjonat mal-ammont tal-aġġustament tad-dixxiplina finanzjarja, jixraq li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-ammonti disponibbli għall-Istati Membri għar-rimborż. |
(6) |
Sabiex jiġi evitat li l-Istati Membri jkollhom jagħmlu pagament addizzjonali għal dak ir-rimborż, dan ir-Regolament irid japplika mill-1 ta’ Diċembru 2019. Għaldaqstant, l-ammonti stabbiliti minn dan ir-Regolament huma definittivi u japplikaw, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għal kull korrezzjoni oħra kkunsidrata fid-deċiżjoni dwar il-pagament ta’ kull xahar li tikkonċerna n-nefqa magħmula mill-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri għal Ottubru 2019, b’konformità mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, u għal kull tnaqqis u pagament supplimentari li jrid isir skont l-Artikolu 18(4) ta’ dak ir-Regolament, jew għal kull deċiżjoni li se tittieħed fil-qafas tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-kontijiet. |
(7) |
B’konformità mal-frażi introduttorja tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-approprjazzjonijiet mhux impenjati jistgħu jiġu riportati għas-sena finanzjarja ta’ wara biss. Għalhekk jixraq li l-Kummissjoni tistabbilixxi d-dati ta’ eliġibbiltà għan-nefqa tal-Istati Membri b’rabta mar-rimborż skont l-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, filwaqt li tqis is-sena finanzjarja agrikola kif iddefinita fl-Artikolu 39 ta’ dak ir-Regolament. |
(8) |
Sabiex jitqies il-perjodu qasir taż-żmien bejn il-komunikazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet tal-FAEG għall-2019 taħt ġestjoni konġunta għall-perjodu mis-16 ta’ Ottubru 2018 sal-15 ta’ Ottubru 2019 mill-Istati Membri u minħabba l-ħtieġa li jiġi applikat dan ir-Regolament mill-1 ta’ Diċembru 2019, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-ammonti tal-approprjazzjonijiet li se jiġu riportati mis-sena finanzjarja tal-2019 b’konformità mal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu u mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, u li, b’konformità mal-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, qed isiru disponibbli għall-Istati Membri għar-rimborż lill-benefiċjarji finali li huma soġġetti għar-rata ta’ aġġustament fis-sena finanzjarja tal-2020, huma stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
L-ammonti li se jiġu riportati huma soġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar ir-riporti b’konformità mal-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
Artikolu 2
In-nefqa tal-Istati Membri b’rabta mar-rimborż tal-approprjazzjonijiet riportati għandha tkun eliġibbli biss għall-finanzjament tal-Unjoni jekk l-ammonti rilevanti jkunu tħallsu lill-benefiċjarji qabel is-16 ta’ Ottubru 2020.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2019.
Għall-Kummissjoni
F’isem il-President
Jerzy PLEWA
Direttur Ġenerali
Id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.
(2) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).
(4) Id-dixxiplina finanzjarja ma tapplikax fis-sena finanzjarja tal-2019 fil-Kroazja skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1710 tat-13 ta’ Novembru 2018 dwar l-adattament tar-rata ta’ aġġustament għall-pagamenti diretti previsti fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sena kalendarja 2018 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/866 (ĠU L 286, 14.11.2018, p. 10).
ANNESS
Ammonti disponibbli għar-rimborż tal-approprjazzjonijiet riportati
(ammonti f’EUR) |
|
Il-Belġju |
6 075 149 |
Il-Bulgarija |
9 748 728 |
Iċ-Ċekja |
11 451 014 |
Id-Danimarka |
10 676 454 |
Il-Ġermanja |
59 995 488 |
L-Estonja |
1 617 491 |
L-Irlanda |
13 635 006 |
Il-Greċja |
16 617 301 |
Spanja |
58 201 547 |
Franza |
87 874 680 |
L-Italja |
37 280 034 |
Ċipru |
359 176 |
Il-Latvja |
2 689 706 |
Il-Litwanja |
4 577 182 |
Il-Lussemburgu |
418 572 |
L-Ungerija |
15 632 995 |
Malta |
37 135 |
In-Netherlands |
8 369 372 |
L-Awstrija |
7 194 905 |
Il-Polonja |
26 846 892 |
Il-Portugall |
6 986 911 |
Ir-Rumanija |
18 270 128 |
Is-Slovenja |
941 089 |
Is-Slovakkja |
5 973 155 |
Il-Finlandja |
6 115 927 |
L-Iżvezja |
8 301 611 |
Ir-Renju Unit |
40 938 999 |