This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019R0387
Commission Implementing Regulation (EU) 2019/387 of 11 March 2019 authorising an extension of use of Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695) oil as a novel food and the change of the designation and of the specific labelling requirement of Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695) oil under Regulation (EU) 2015/2283 of the European Parliament and of the Council, and amending Commission Implementing Regulation (EU) 2017/2470 (Text with EEA relevance.)
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/387 tal-11 ta' Marzu 2019 li jawtorizza estensjoni tal-użu taż-żejt tas-Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695) bħala ikel ġdid u l-bidla tad-denominazzjoni u tar-rekwiżit tat-tikkettar speċifiku taż-żejt tas-Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695) skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/387 tal-11 ta' Marzu 2019 li jawtorizza estensjoni tal-użu taż-żejt tas-Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695) bħala ikel ġdid u l-bidla tad-denominazzjoni u tar-rekwiżit tat-tikkettar speċifiku taż-żejt tas-Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695) skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
C/2019/1787
ĠU L 70, 12.3.2019, p. 17–20
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
12.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 70/17 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/387
tal-11 ta' Marzu 2019
li jawtorizza estensjoni tal-użu taż-żejt tas-Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695) bħala ikel ġdid u l-bidla tad-denominazzjoni u tar-rekwiżit tat-tikkettar speċifiku taż-żejt tas-Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695) skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel il-ġdid awtorizzat u mniżżel fil-lista tal-Unjoni biss jista' jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni. |
(2) |
Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ġie adottat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) li jistabbilixxi lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid awtorizzat. |
(3) |
Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2015/2283, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta' ikel ġdid u dwar l-aġġornament tal-lista tal-Unjoni. |
(4) |
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/545 (3) awtorizzat, skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni taż-żejt tal-mikroalga Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695) bħala ikel ġdid biex jintuża f'għadd ta' oġġetti tal-ikel. |
(5) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1032 (5) estenda l-awtorizzazzjoni taż-żejt tal-mikroalga Schizochytrium sp. (T18) bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 għall-purees tal-frott u tal-ħxejjex. |
(6) |
Fl-10 ta' Settembru 2018, il-kumpanija DSM Nutritional Products Europe għamlet talba lill-Kummissjoni biex tibdel il-kundizzjonijiet tal-użu tal-ikel il-ġdid, iż-żejt tas-Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695), skont it-tifsira tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. L-applikazzjoni talbet li testendi l-użu taż-żejt tas-Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695) għall-purees tal-frott u tal-ħxejjex. |
(7) |
L-estensjoni proposta tal-użu tal-ikel il-ġdid ma tibdilx il-kunsiderazzjonijiet tas-sikurezza li appoġġjaw l-awtorizzazzjoni għall-estensjoni tal-użu taż-żejt tas-Schizochytrium sp. (T18) għall-purees tal-frott u tal-ħxejjex li ta r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1032 u ma toħloq l-ebda tħassib dwar is-sikurezza. Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-estensjoni tal-użu proposta tikkonforma mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. |
(8) |
Fl-10 ta' Settembru 2018, il-kumpanija DSM Nutritional Products Europe għamlet talba lill-Kummissjoni wkoll biex tibdel id-denominazzjoni u r-rekwiżit tat-tikkettar speċifiku taż-żejt tas-Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695) skont it-tifsira tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. L-applikazzjoni titlob li l-indikazzjoni tar-razza “(ATCC PTA 9695)” titħassar mid-denominazzjoni tal-ikel il-ġdid kif elenkat fil-lista tal-Unjoni u mit-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom dan l-ikel. |
(9) |
L-Applikant jikkunsidra li t-tibdil tad-denominazzjoni u tar-rekwiżiti tat-tikkettar taż-żejt tas-Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695) huwa meħtieġ minħabba li l-indikazzjoni tar-razza “(ATCC PTA-9695)” fuq it-tikketti tal-ikel li fih iż-żejt tas-Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695) la tinftiehem mill-konsumaturi u lanqas ma hi rilevanti għalihom. |
(10) |
Hemm erbat iżjut tas-Schizochytrium sp. li attwalment huma awtorizzati u mniżżlin fil-lista tal-Unjoni tal-ikel il-ġdid. Madankollu, iż-żejt tas-Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695) huwa l-uniku wieħed li għalih trid tissemma r-razza fuq it-tikketta. Għalhekk, it-tibdil tad-denominazzjoni u tat-tikkettar taż-żejt tas-Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695) se jiżgura l-konsistenza fid-denominazzjoni u fit-tikkettar taż-żjut kollha tas-Schizochytrium sp. awtorizzati bħala ikel ġdid mingħajr ma jkollu impatt negattiv fuq saħħet il-bniedem u fuq l-interessi tal-konsumaturi. |
(11) |
Minħabba t-tneħħija tal-indikazzjoni tar-razza “(ATCC PTA-9695)” mid-denominazzjoni tal-ikel il-ġdid u t-tneħħija tar-rekwiżit tat-tikkettar speċifiku għaż-żejt tas-Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695), jenħtieġ li fl-ispeċifikazzjonijiet jiġi inkluż il-kliem “(ATCC PTA-9695)”, għaliex dan huwa meħtieġ biex l-ikel il-ġdid jiġi identifikat sew. Għalhekk, jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet tal-entrata “żejt tas-Schizochytrium (ATCC PTA-9695)” fit-Tabella 2 tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġu emendati skont dan. |
(12) |
Il-Kummissjoni ma talbitx l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2015/2283, billi estensjoni tal-użu taż-żejt tas-Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695), it-tibdil tad-denominazzjoni u t-tibdil tar-rekwiżit tat-tikkettar speċifiku għaż-żejt tas-Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695) u l-aġġornament sussegwenti tal-lista tal-Unjoni ma għandhomx jaffettwaw is-saħħa tal-bniedem. |
(13) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-entrata fil-lista tal-Unjoni ta' ikel ġdid awtorizzat stabbilita fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470, li tirreferi għas-sustanza żejt tas-Schizochytrium (ATCC PTA-9695) għandha tiġi emendata kif speċifikat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.
2. L-entrata fil-lista tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-kundizzjonijiet tal-użu u r-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Marzu 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta' Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).
(3) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/545 tal-31 ta' Marzu 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq taż-żejt tal-mikroalga Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695) bħala ingredjent alimentari ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 90, 2.4.2015, p. 7).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda tal-ikel (ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1).
(5) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1032 tal-20 ta' Lulju 2018 li jawtorizza l-estensjoni tal-użu tal-mikroalga Schizochytrium sp. bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (ĠU L 185, 23.7.2018, p. 9).
ANNESS
L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat kif ġej:
(1) |
L-entrata għaż-“Żejt tas-Schizochytrium (ATCC PTA-9695)” fit-Tabella 1 (Ikel ġdid awtorizzat) hija sostitwita b'dan li ġej:
|
(2) |
L-entrata għaż-“Żejt tas-Schizochytrium (ATCC PTA-9695)” fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet) hija sostitwita b'dan li ġej:
|