Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22018D1989

    Deċiżjoni Nru 1/2018 tal-Kumitat Konġunt UE-CTC tal-4 ta' Diċembru 2018 fir-rigward ta' stedina lir-Renju Unit biex jaderixxi mal-Konvenzjoni dwar is-simplifikazzjoni ta' formalitajiet fil-kummerċ tal-merkanzija [2018/1989]

    ĠU L 317, 14.12.2018, p. 56–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/1989/oj

    14.12.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 317/56


    DEĊIŻJONI Nru 1/2018 TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-CTC

    tal-4 ta' Diċembru 2018

    fir-rigward ta' stedina lir-Renju Unit biex jaderixxi mal-Konvenzjoni dwar is-simplifikazzjoni ta' formalitajiet fil-kummerċ tal-merkanzija [2018/1989]

    IL-KUMITAT KONĠUNT,

    Wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-20 ta' Mejju 1987 dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-merkanzija (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Bis-saħħa tal-Artikolu 11(3) tal-Konvenzjoni dwar is-simplifikazzjoni ta' formalitajiet fil-kummerċ tal-merkanzija (“il-Konvenzjoni”), il-Kumitat Konġunt stabbilit b'dik il-Konvenzjoni għandu jadotta, permezz ta' deċiżjoni, stediniet lil pajjiżi terzi biex jaderixxu ma' dik il-Konvenzjoni.

    (2)

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (“ir-Renju Unit”) esprima x-xewqa tiegħu li jaderixxi mal-Konvenzjoni bħala Parti Kontraenti separata mid-data meta l-Konvenzjoni ma tibqax tapplika għar-Renju Unit u fih.

    (3)

    L-iskambju tal-merkanzija mar-Renju Unit jiġi ffaċilitat b'simplifikazzjoni tal-formalitajiet li jaffettwaw il-kummerċ tal-merkanzija bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika tas-Serbja, il-Konfederazzjoni Żvizzera u r-Repubblika tat-Turkija.

    (4)

    Sabiex jiġi ffaċilitat dan l-iskambju, jixraq li r-Renju Unit jiġi mistieden biex jaderixxi mal-Konvenzjoni,

    (5)

    L-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Konvenzjoni jenħtieġ li tkun effettiva biss mid-data minn meta l-Konvenzjoni ma tibqax tapplika għar-Renju Unit bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew, jekk l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit jaqblu dwar arranġamenti tranżitorji fejn il-Konvenzjoni tkun tapplika għar-Renju Unit u fih, mid-data minn meta dawn l-arranġamenti tranżitorji ma jibqgħux japplikaw,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-Renju Unit għandu jiġu mistieden biex jaderixxi mal-Konvenzjoni skont l-Artikolu 11a tal-Konvenzjoni mid-data minn meta ma jkunx aktar Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew mid-data minn meta kwalunkwe arranġament tranżitorju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, fejn il-Konvenzjoni tkun tapplika għar-Renju Unit u fih, ma tibqax tapplika.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Diċembru 2018.

    Għall-Kumitat Konġunt

    Il-President

    Philip KERMODE


    (1)  ĠU L 134, 22.5.1987, p. 2.


    Top