EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1629

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1629 tal-25 ta' Lulju 2018 li jemenda l-lista ta' mard stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2018/4785

ĠU L 272, 31.10.2018, p. 11–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/1629/oj

31.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 272/11


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1629

tal-25 ta' Lulju 2018

li jemenda l-lista ta' mard stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) u (4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni u għall-kontroll tal-mard tal-annimali li hu trażmissibbli lill-annimali jew lill-bnedmin, inklużi regoli għall-prijoritizzazzjoni u għall-kategorizzazzjoni ta' mard li hu ta' tħassib għall-Unjoni. L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li regoli speċifiċi għall-mard intiżi għall-prevenzjoni u għall-kontroll tal-mard japplikaw għall-mard elenkat f'dak l-Artikolu u fl-Anness II ta' dak ir-Regolament. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(3) ta' dak ir-Regolament jistabbilixxi ċerti kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi emendata l-lista f'dak l-Anness, filwaqt li l-parametri tal-valutazzjoni li għandhom jintużaw sabiex jiġi ddeterminat jekk marda tissodisfax il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu elenkati skont dak l-Artikolu huma stabbiliti fl-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament.

(2)

Barra minn hekk, l-Artikolu 275 tar-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tirrevedi l-lista tal-mard stabbilita fl-Anness II ta' dak ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-20 ta' April 2019.

(3)

Il-Kummissjoni sistematikament ivvalutat il-mard tal-annimali li jeħtieġ l-intervent tal-Unjoni bl-assistenza tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), abbażi tal-għarfien espert xjentifiku pprovdut mil-Laboratorji ta' Referenza tal-UE dwar is-Saħħa tal-Annimali u l-istandards internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE). Għall-finijiet ta' din l-evalwazzjoni, hija użat il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) 2016/429 u l-parametri tal-valutazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament.

(4)

Il-mard ivvalutat jikkonsisti minn 39 marda li bħalissa huma elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/429, kif ukoll 19-il marda oħra ta' rilevanza speċjali għall-prevenzjoni tal-mard, għall-kontroll tal-mard jew għall-miżuri kummerċjali, bħal-lewkożi enżootika bovina, l-infezzjoni bir-rinotrakeite bovina infettiva jew l-infezzjoni bil-virus tal-marda Aujeszky, kif ukoll ċertu mard ieħor li ġie elenkat mill-OIE, bħas-surra (Trypanosoma evansi) jew il-plewropnewmonite kaprina li tittieħed.

(5)

Għall-finijiet tal-valutazzjonijiet, intalbu 29 opinjoni xjentifika mill-EFSA dwar mard differenti tal-annimali. Biex tipprovdi dawn, l-EFSA segwiet il-metodu stabbilit fl-Opinjoni Xjentifika tagħha adottata fil-5 ta' April 2017 dwar il-metodu ad hoc għall-valutazzjoni dwar l-elenkar u l-kategorizzazzjoni tal-mard tal-annimali fi ħdan il-qafas tal-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali (2). Għal mard li jifdal, il-valutazzjonijiet issejsu fuq l-opinjonijiet reċenti tal-EFSA jew fuq l-informazzjoni pprovduta mil-Laboratorji ta' Referenza tal-UE dwar is-Saħħa tal-Annimali. Fir-rigward tal-mard kollu evalwat, ġew ikkunsidrati l-istandards rilevanti tal-OIE.

(6)

Ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet min-naħa tal-EFSA ma ppermettewx li jinħarġu ċerti konklużjonijiet dwar ċertu mard bħas-surra (Trypanosoma evansi) (3), il-lewkożi enżootika bovina (4), l-enċefalomijelite ekwina tal-Venezwela (5), l-infestazzjoni bil-Varroa spp. (Varroosis) (6) u l-marda tal-virus tal-erpete tal-koi (7). B'kont meħud tad-diskussjonijiet li saru fil-laqgħat tal-grupp ta' esperti dwar is-saħħa tal-annimali (8), dawk il-ħames mardiet jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) 2016/429. Għalhekk, jenħtieġ li dak il-mard jiġu inkluż fil-lista stabbilita fl-Anness II ta' dak ir-Regolament.

(7)

Ir-riżultati tal-valutazzjonijiet xjentifiċi li saru wrew li l-marda vesikulari tal-ħnieżer (9), l-istomatite vesikulari (9), is-sindrome ulċerativa epiżotika (10) u l-marda ta' Teschen ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) 2016/429. Għalhekk, jenħtieġ li dak il-mard jitneħħa mil-lista li tinsab fl-Anness II ta' dak ir-Regolament.

(8)

Fl-istess waqt, is-surra (Trypanosoma evansi(3), il-marda tal-virus tal-Ebola (11), il-paratuberkulożi (12), l-enċefalite Ġappuniża (13), id-deni tan-Nil tal-Punent (14), id-deni Q (15), ir-rinotrakeite bovina infettiva/il-vulvovaġinite pustulari infettiva (16), id-dijarea virali bovina (17), il-kampilobatterjożi ġenitali bovina (18), it-trikomonożi (19), il-lewkożi enżootika bovina, (4)(20) l-epididimite ovina (Brucella ovis(21), l-infezzjoni bil-Burkholderia mallei (Glanders), l-infezzjoni bl-arterite virali ekwina, l-anemija infettiva ekwina, id-durina, il-metrite ekwina li tittieħed, l-enċefalomijelite ekwina (tal-Lvant u tal-Punent) (22), l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta' Aujeszky (23), l-infezzjoni bil-virus tas-sindrome riproduttiva u respiratorja tal-ħnieżer (24), il-mikoplażmożi tat-tjur (Mycoplasma gallisepticum u M. meleagridis(25), l-infezzjoni bil-viruses tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità baxxa (26), il-klamidjożi tat-tjur (27), l-infestazzjoni bil-Varroa spp. (Varroosis) (6), l-infestazzjoni bl-Aethina tumida (il-ħanfusa żgħira tal-ġabsala) (28), il-larva Amerikana, l-infestazzjoni bit-Tropilaelaps spp (28) u l-infezzjoni bil-Batrachochytrium salamandrivorans (29) jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) 2016/429. Għalhekk, jenħtieġ li dawk il-mardiet jiġu inklużi fil-lista stabbilita fl-Anness II ta' dak ir-Regolament.

(9)

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li dan ir-Regolament għandu japplika għall-mard trażmissibbli, fosthom iż-żoonożi, mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti fid-Deċiżjoni 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30), ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31), id-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32) u r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33). Peress li l-mard kopert mir-regoli stipulati f'dawk l-atti, jiġifieri l-listerjożi, is-salmonellożi (is-salmonella żoonotika), it-trikinellożi, il-verotossini E. coli u l-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (TSE) huma diġà koperti minn regoli speċifiċi għal ċerti setturi, jenħtieġ li jitneħħew mil-lista li tinsab fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/429.

(10)

Il-lista li tinsab fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/429 għalhekk jenħtieġ li tiġi emendata kif meħtieġ,

(11)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/429 jiġi emendat.

(12)

Billi r-Regolament (UE) 2016/429 japplika b'effett mill-21 ta' April 2021, l-emendi li saru b'dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw ukoll minn dik id-data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/429 huwa mibdul bit-test ippreżentat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-21 ta' April 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  EFSA Journal 2017;15(7):4783.

(3)  EFSA Journal 2017;15(7):4892.

(4)  EFSA Journal 2017;15(8):4956.

(5)  EFSA Journal 2017;15(8):4950.

(6)  EFSA Journal 2017;15(10):4997.

(7)  EFSA Journal 2017;15(7):4907.

(8)  https://ec.europa.eu/food/animals/health/expert_group_en

(9)  EFSA Journal 2012;10(4):2631.

(10)  EFSA Journal 2011;9(10):2387.

(11)  EFSA Journal 2017;15(7):4890.

(12)  EFSA Journal 2017;15(7):4960.

(13)  EFSA Journal 2017;15(7):4948.

(14)  EFSA Journal 2017;15(8):4955.

(15)  EFSA Journal 2010; 8(5):1595.

(16)  EFSA Journal 2017;15(7):4947.

(17)  EFSA Journal 2017;15(8):4952.

(18)  EFSA Journal 2017;15(10):4990.

(19)  EFSA Journal 2017;15(10):4992.

(20)  EFSA Journal 2017;15(10):4996.

(21)  EFSA Journal 2017;15(10):4994.

(22)  EFSA Journal 2017;15(7):4946.

(23)  EFSA Journal 2017;15(7):4888.

(24)  EFSA Journal 2017;15(7):4949.

(25)  EFSA Journal 2017;15(8):4953.

(26)  EFSA Journal 2017;15(7):4891.

(27)  Rapport tal-Kumitat Xjentifiku dwar is-Saħħa tal-Annimali u l-Benessri tal-Annimali addottat fis-16 ta' April 2002, https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/safety/docs/sci-com_scah_out73_en.pdf

(28)  EFSA Journal 2013;11(3):3128.

(29)  EFSA Journal 2017;15(11):5071.

(30)  Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).

(31)  Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1).

(32)  Id-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 rigward il-monitoraġġ taż-żoonożi u tal-aġenti żoonotiċi, temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE u tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE (ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31).

(33)  Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 fuq il-kontroll tas-salmonella u aġenti Zoonotiċi oħra speċifiċi li jkun hemm ġewwa l-ikel (ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1).


ANNESS

ANNESS II

LISTA TA' MARD TAL-ANNIMALI

L-infezzjoni bil-virus tal-pesta bovina

L-infezzjoni bil-virus tad-deni tal-Wied tar-Rift

L-infezzjoni bil-Brucella abortus, bil-B. melitensis u bil-B. suis

L-infezzjoni bil-kumpless Mycobacterium tuberculosis (M. bovis, M. caprae u M. tuberculosis)

L-infezzjoni bil-virus tar-rabja

L-infezzjoni bil-virus tal-ilsien blu (is-serotipi 1-24),

L-infestazzjoni bl-Echinococcus multilocularis

L-infezzjoni bil-virus tal-marda epiżootika emorraġika

L-antraċe

Is-surra (Trypanosoma evansi)

Il-marda tal-virus tal-Ebola

Il-paratuberkulożi

L-enċefalomjelite Ġappuniża

Id-deni tal-Punent tan-Nil

Id-deni Q

L-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda

L-infezzjoni bil-Mycoplasma mycoides subsp. mycoides SC (Il-plewropulmonite bovina li tittieħed),

Ir-rinotrakeite bovina infettiva/il-vulvovaġinite pustulari infettiva

Id-dijarea virali bovina

Il-kampilobatterjożi ġenitali bovina

It-trikomonożi

Il-lewkożi enżootika bovina

Il-ġidri tan-nagħag u l-ġidri tal-mogħoż

L-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti ż-żgħar

Il-plewroplewmonite kaprina li tittieħed

L-epididimite ovina (Brucella ovis)

L-infezzjoni bil-Burkholderia mallei (Glanders)

L-infezzjoni tal-arterite virali ekwina

L-anemija infettiva ekwina

Id-durina

L-enċefalomijelite ekwina tal-Venezwela

Il-metrite ekwina li tittieħed

L-enċefalomjelite ekwina (tal-Lvant u tal-Punent)

L-infezzjoni bil-virus tal-marda ta' Aujeszky

L-infezzjoni bil-virus tas-sindrome respiratorja u riproduttiva tal-ħnieżer

L-infezzjoni bil-virus tal-marda Newcastle

Il-mikoplażmożi tat-tjur (Mycoplasma gallisepticum u M. meleagridis)

L-infezzjoni bis-Salmonella Pullorum, bl-S. Gallinarum u bl-S. arizonae

L-infezzjoni bil-viruses tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità baxxa

Il-klamidjożi tat-tjur

L-infestazzjoni bil-Varroa spp. (Varroosis)

L-infestazzjoni bl-Aethina tumida (il-ħanfusa żgħira tal-ġabsala)

Il-larva Amerikana

L-infestazzjoni bil-Tropilaelaps spp.

L-infezzjoni bil-Batrachochytrium salamandrivorans

In-nekrożi ematopojetika epiżotika

Is-settiċimija emorraġika virali

In-nekrożi ematopojetika infettiva

L-infezzjoni b'virus imħassar tal-anemija tas-salamun li huwa ta' reġjun polimorfiku ħafna (HPR)

Il-marda virali tal-erpete tal-koi

L-infezzjoni bil-Mikrocytos mackini

L-infezzjoni bil-Perkinsus marinus

L-infezzjoni bil-Bonamia ostreae

L-infezzjoni bil-Bonamia exitiosa

L-infezzjoni bil-Marteilia refringens

L-infezzjoni bil-virus tas-sindrome Taura

L-infezzjoni bil-virus tar-ras safra

L-infezzjoni bil-virus tas-sindrome tal-ponot bojod


Top