Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1508

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1508 tal-10 ta' Ottubru 2018 li jiffissa l-koeffiċjent tad-deprezzament li għandu jiġi applikat għax-xiri sfurzat tat-trab tal-ħalib xkumat f'intervent pubbliku fis-sena ta' kontabilità 2019

C/2018/6514

ĠU L 255, 11.10.2018, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1508/oj

11.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 255/12


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1508

tal-10 ta' Ottubru 2018

li jiffissa l-koeffiċjent tad-deprezzament li għandu jiġi applikat għax-xiri sfurzat tat-trab tal-ħalib xkumat f'intervent pubbliku fis-sena ta' kontabilità 2019

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(4) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3(1)(e) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 906/2014 (2) jistipula l-finanzjament tad-deprezzament tal-prodotti agrikoli maħżuna f'intervent pubbliku.

(2)

Il-punti 1, 2 u 3 tal-Anness V tar-Regolament Delegat (UE) Nru 906/2014 jistabbilixxu l-metodu li bih jiġi kkalkulat il-perċentwal tad-deprezzament, li għandu jiġi applikat fil-forma ta' koeffiċjent. Il-perċentwal tad-deprezzament fil-waqt tax-xiri sfurzat tal-prodotti agrikoli ma għandux jisboq id-differenza bejn il-prezz tax-xiri sfurzat u l-prezz tad-disponiment stmat għal kull wieħed mill-prodotti kkonerċernati. Dan il-perċentwal irid ikun iffissat għal kull prodott qabel il-bidu tas-sena tal-kontabbiltà. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tillimita d-deprezzament fil-waqt tax-xiri għal frazzjoni ta' dak il-perċentwal ta' deprezzament, li ma tistax tkun anqas minn 70 % tad-deprezzament totali.

(3)

Il-koeffiċjent għat-trab tal-ħalib xkumat li jrid jiġi applikat mill-Istati Membri għall-valuri mensili tax-xiri sfurzat fis-sena tal-kontabilità 2019 jenħtieġ għalhekk li jkun stabbilit.

(4)

Fl-interess ta' ġestjoni soda tan-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi nnotifikata dwar l-ispiża li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-koeffiċjent tad-deprezzament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fir-rigward ta' trab tal-ħalib xkumat li huwa suġġett għal xiri sfurzat b'intervent pubbliku u li jinħażen jew jgħaddi f'idejn l-Istati Membri bejn l-1 ta' Ottubru 2018 u t-30 ta' Settembru 2019, l-Istati Membri għandhom japplikaw koeffiċjent tad-deprezzament ta' 0,21 għall-valur ta' trab tal-ħalib xkumat suġġett għal xiri sfurzat kull xahar.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-ammonti ta' nefqa li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-koeffiċjent tad-deprezzament stipulat fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament permezz ta' dikjarazzjonijiet ta' nfiq stabbiliti b'konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 (3).

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Ottubru 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 906/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-infiq b'intervent pubbliku (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta' kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59).


Top